Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji tal-UE (2008/2207(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-15 ta" Ottubru 2008 dwar is-segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza tal-2006 (COM(2008)0629) u d-Dokument ta" Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2008)2579),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 bl-isem ''L-aġenziji Ewropej – Il-mixja "l quddiem'' (COM(2008)0135),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 Ottubru 2008 dwar strateġija futura għas-soluzzjoni tal-aspetti istituzzjonali tal-Aġenziji Regolatorji(1),
–wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),
–wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3), u partikolarment għall-Artikolu 96 tiegħu,
–wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem "L-aġenziji tal-Unjoni Ewropea: niksbu r-riżultati",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0148/2009),
A. billi din ir-Riżoluzzjoni fiha, għal kull entità, skont is-sens tal-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-osservazzjonijiet orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta" kwittanza bi qbil mal-Artikolu 96 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 u mal-Anness V, Artikolu 3 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
B. billi, wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni reġgħu nedew il-proġett ta' definizjoni ta' qafas komuni għall-aġenziji u waqfu grupp ta' ħidma interistituzzjonali,
Introduzzjoni
1. Josserva li fl-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) vverifikat 23 aġenzija deċentralizzata, 3 aġenziji eżekuttivi u l-Aġenzija għall-Provvista tal-Enerġija Euratom, li huwa korp imwaqqaf skont it-Trattat tal-Euratom; jinnota li s-sussidji mill-baġit Komunitarju fl-2007 għall-aġenziji deċentralizzati ammontaw għal EUR 452 000000; jenfasizza li iktar minn EUR 1 biljun ġew allokati għall-baġits tal-aġenziji permezz ta' dħul ieħor bħad-dħul proprju mid-drittijiet, il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-EFTA u kontribuzzjonijiet speċjali tal-programmi Komunitarji;
2. Jinnota li n-numru ta' aġenziji suġġetti għal proċedura ta' kwittanza żdied bil-kbir fis-snin riċenti minn tmienja fl-2000 għal 21 aġenzija deċentralizzata flimkien ma' tliet aġenziji eżekuttivi fl-2007, mhux inklużi t-tliet aġenziji li huma vverifikati mill-QEA iżda mhux suġġetti għal kwittanza mill-Parlament;
3. Jinnota li għall-aġenziji deċentralizzati, l-awtorità baġitarja awtorizzat 3 487.5 post tax-xogħol fil-pjanijiet ta' twaqqif; jinnota li, skont id-dokumenti pprovduti mill-Qorti tal-Awdituri, ġew okkupati 2 823 post tax-xogħol, flimkien ma' 961,5 postijiet mill-aġenti kuntrattwali jew mill-esperti nazzjonali;
4. Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar is-segwitu tad-Deċiżjonijiet ta" Kwittanza għall-2006;
5. Jinnota li l-liġi Komunitarja ma fihiex definizzjoni legali ta' aġenzija u jappoġġja d-definizzjoni tal-aġenziji bħala "korpi mwaqqfa mill-Komunitajiet b'personalità legali"(4); ifakkar fit-tliet kategoriji ta" aġenzija li jaqgħu taħt din id-definizzjoni, fosthom aġenziji deċentralizzati, aġenziji eżekuttivi u entitajiet oħra;
6. Itenni f'dan il-kuntest li t-terminu ''aġenziji deċentralizzati'' huwa terminu ġenerali għall-aġenziji tradizzjonali; jikkunsidra li t-terminu ''aġenzija regolatorja'', li qed jintuża dejjem iktar bħala terminu ġeneriku, mhuwiex ċar, peress li mhux l-aġenziji deċentralizzati kollha għandhom kompiti regolatorji;
7. Ifakkar li l-aġenziji deċentralizzati huma mwaqqfa mil-leġiżlatur Ewropew għal bosta raġunijiet, pereżempju l-provvista ta' ċerti servizzi, l-impjegar ta' għarfien espert speċjalizzat, it-twettiq ta' kompiti regolatorji u ta' monitoraġġ;
8. Jikkunsidra li t-twaqqif tal-baġit ta' korpi deċentralizzati u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit rispettiv huma responsabilità ewlenija tal-Kumitat għall-Baġits;
9. Iħeġġeġ lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex, f'ġieh it-trasparenza, tikkunsidra it-tliet kategoriji ta' aġenziji fir-rapport annwali li jmiss;
10. Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri osservat titjib fir-rigward tad-dixxiplina finanzjarja meta mqabbla mas-sena finanzjarja 2006, iżda madankollu f'xi aġenziji l-oqsma ta' reklutaġġ u l-għoti ta" kuntratti pubbliċi għad għandhom dgħufijiet li jridu jiġu indirizzati mill-uffiċjali ta' awtorizzazzjoni;
11. Jiddeplora l-fatt li l-QEA sabet għal darb'oħra problemi serji fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli ta' kuntratti pubbliċi u r-Regolamenti tal-Persunal f'bosta aġenziji; mhuwiex lest li jaċċetta li dawn id-dgħufijiet ippersistew għal bosta snin; jikkunsidra li r-reviżjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 mhux se jwarrab dawn il-problemi u li hija meħtieġa bidla ġenerali tal-qafas legali;
12. Jinnota l-istqarrija tal-Kummissjoni li ngħata l-appoġġ kollu meħtieġ lil dawk l-aġenziji li xtaqu jaqilbu għas-sistema tal-ABAC (Accrual Based Accounting); jinnota li l-aġenziji f'xi każijiet jikkunsidraw l-appoġġ bħala insuffiċjenti;
Ippjanar u implimentazzjoni tal-baġit
13. Jinnota li din il-kwistjoni li l-aġenziji jagħtu stima ogħla tal-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, ġiet indirizzata fil-verżjoni riveduta tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, li fiha dispożizzjonijiet li jsaħħu l-obbligu tal-aġenziji li, fit-talbiet tagħhom għal pagament, jagħtu previżjonijiet rigorużi tal-ħtiġijiet finanzjarji reali tagħhom matul is-sena, sabiex tiġi evitata cash flow bla bżonn;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra tnaqqis tekniku sabiex jitnaqqas l-eċċess fil-każ ta' rati baxxi ta" implimentazzjoni u rati għoljin persistenti ta' postijiet battala, li wkoll se jwasslu għal tnaqqis tad-dħul assenjat;
15. Jinnota, f'dan il-kuntest, id-diffikultajiet tal-aġenziji deċentralizzati fir-reklutaġġ ta' persunal u esperti bi kwalifiki għoljin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċju Ewropew ta' Selezzjoni tal-Persunal biex isaħħu l-isforzi ta' appoġġ tagħhom;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji għall-2008 u l-2009 u sabiex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-proposti tal-baġit tal-aġenziji;
17. Jilqa" b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni, li mill-Abbozz Preliminari tal-Baġit (APB) tal-2009, se tieħu kont b'mod sistematiku tal-aħħar eċċessi magħrufa (fil-każ tal-APB 2009, dawk tas-sena n-2) meta tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni Komunitarja; sabiex tittejjeb it-trasparenza u l-effiċjenza, jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala regola prinċipali, tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta" kalkolu u ta" kontabilità ta" kull tip ta' dħul assenjat u disponibbli lill-aġenziji, speċifikament dak li jirriżulta mis-snin ta" qabel l-eċċessi;
18. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissodisfa t-talbiet tal-awtorità baġitarja u tikkunsidra id-dħul allokat meta tkun qed tfassal il-PDB għall-aġenziji deċentralizzati għall-2009; jikkunsidra li dan, mingħajr dubju, huwa pass lejn żieda fit-trasparenza baġitarja;
19. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-użu attwali tal-istrumenti tad-dħul assenjat għadu jġorr miegħu riskji għat-trasparenza baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-UE sakemm l-estimi tad-dħul assenjat jibqgħu diffiċli u t-tipi differenti, is-snin ta' oriġini u l-proċeduri li jgħaddu d-dħul assenjat ma jippermettulhomx li jiġu integrati fl-ippjanar u l-ġestjoni tal-baġit b'mod ċar;
20. Jinnota li fl-2007, madwar EUR 550 000 000 tal-fondi għall-programmi Komunitarji ġew awtorizzati minn tliet aġenziji eżekuttivi; minbarra l-approprjazzjonijiet operattivi, EUR 47 000 000 intużaw għal skopijiet amministrattivi, jiġifieri għat-tħaddim tal-aġenzija eżekuttiva rispettiva; jinnota li 119-il aġent temporanju u 279 aġent kuntrattwali kienu operattivi f'dawn l-aġenziji;
21. Itenni l-fatt li l-ammonti meħuda mill-portafolli tal-programm operattiv jintużaw biex jiffinanzjaw operazzjonijiet amministrattivi biss; jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġits biex jissorvelja iktar mill-qrib l-iżviluppi futuri tal-prattika ta' outsourcing ta" xogħol amministrattiv tal-Kummissjoni;
22. Jinnota li l-Aġenzija ta' Provvista tal-Euratom taħdem bħala unità amministrattiva tal-Kummissjoni, u dan huwa rifless mill-isem baġitarju u mill-fatt li d-Direttur Ġenerali tagħha huwa membru tal-persunal tal-Kummissjoni;
Konformità mar-regolamenti finanzjarji u mar-Regolamenti tal-Persunal
23. Jinnota li hija problema serja li numru ta' aġenziji huma ripetutament ikkritikati għaliex ma jsegwux ir-regoli bħar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, b'mod partikolari r-regoli tal-għoti tal-kuntratti u r-Regolamenti tal-Persunal; jinnota li r-raġuni prinċipali hija li r-regoli huma aktar imfassla għal istituzzjonijiet akbar u li bosta mill-aġenziji ż-żgħar m'għandhomx il-massa kritika biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' dawn ir-rekwiżiti regolatorji;
24. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni, minkejja talba tal-Parlament fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tal-2006 dwar l-aġenziji, ma ppreżentatx soluzzjoni rapida u għalhekk jitlob għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni malajr sabiex tissaħħaħ l-effikaċja billi tiġbor flimkien il-funzjonijiet amministrattivi ta" aġenziji varji;
25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha ħalli tipprovdi l-għajnuna amministrattiva meħtieġa għal aġenziji relattivament żgħar u speċjalment dawk imwaqqfa dan l-aħħar; filwaqt li tikkunsidra l-esperjenzi negattivi mill-passat, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li toħroġ fl-anqas żmien possibbli linji gwida speċjali għall-aġenziji rigward l-applikazzjoni ta' regoli finanzjarji, fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal, ix-xiri pubbliku u oħrajn;
26. Se jevalwa b'reqqa, f'dan il-kuntest, l-istudju bl-isem ''Opportunità u fattibilità tat-twaqqif ta' servizzi ta' appoġġ komuni għall-aġenziji tal-UE'', ordnat mill-Kumitat għall-Baġits u mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;
Verifika Interna
27. Jinsab sodisfatt li s-servizz tal-verifika interna tal-Kummissjoni, fir-rapport annwali tiegħu dwar l-attività fl-2007, neħħa r-riżerva tiegħu mis-sena ta" qabel, meta ddikjara li ma kienx f'pożizzjoni li jivverifika lil kull aġenzija operattiva deċentralizzata darba fis-sena minħabba nuqqas ta' riżorsi;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni pragmatika bejn l-awditur intern tal-Kummissjoni u l-awdituri interni u persuni oħra responsabbli mill-verika interna fl-aġenziji;
29. Ifakkar li l-Parlament talab lill-aġenziji, fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu ta' kwittanza tal-2006 dwar l-aġenziji, jekk u kif dawn jikkonformaw mal-obbligu tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, biex jibagħtu rapport annwali dwar il-verifiki interni lill-awtorità ta' kwittanza u lill-Kummissjoni; jiddispjaċih li, minkejja li 21 aġenzija huma suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza tal-2007, il-Parlament irċieva rapporti bħal dawn minn żewġ aġenziji biss (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali u l-Aġenzija għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni);
Evalwazzjoni tar-rendiment tal-aġenziji
30. Josserva s-segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2006 dwar l-aġenziji u li f'Settembru 2008 din iffinalizzat dan li ġej:
(a)
perspettiva ġenerali tal-evalwazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati Ewropej, li tipprovdi lista ta' aġenziji li diġà ġew evalwati u sommarju tar-riżultati ewlenin;
(b)
dokument dwar il-qagħda u l-ippjanar fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati; u
(c)
"Meta-studju dwar Aġenziji deċentralizzati: analiżi trasversali tas-sejbiet tal-evalwazzjoni", imħejji minn kuntrattur estern;
31. Jinsab konvint li l-evalwazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati mnedija u sorveljata mill-Kummissjoni, u li għandha titlesta sa tmiem l-2009, se tikkontribwixxi fl-evalwazzjoni tan-nuqqasijiet tal-aġenziji; jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni waqqfet grupp ta' referenza biex jiġi mniedi dan l-istudju;
32. Ifakkar fl-evalwazzjoni orizzontali tal-Kummissjoni tal-aġenziji deċentralizzati msemmija fil-Komunikazzjoni tagħha ta" hawn fuq, li r-riżultati tagħha għandhom ikunu disponibbli sal-2009-10; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li evalwazzjonijiet ta' aġenziji jsiru aktar trasparenti, kemm għall-aġenziji kif ukoll għall-partijiet interessati;
Proċeduri dixxiplinari
33. Ifakkar li l-Parlament fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tal-2006 rigward l-aġenziji, stieden lill-aġenziji biex jikkunsidrau t-twaqqif ta" bord dixxiplinari bejn l-aġenziji; jinnota li sar progress, iżda li fadal id-diffikultajiet, b'mod partikulari minħabba problemi biex jinsab persunal li għandu l-livell adattat biex ikun membru fuq il-bord; jistieden lill-aġenziji biex jinfurmaw lill-awtorità ta' kwittanza jekk il-bord dixxiplinari bejn l-aġenziji jkunx fattibbli jew le u, jekk meħtieġ, jissuġġerixxu soluzzjoni alternattiva;
Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2008 tal-QEA
34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni f'waqtha tar-rapport tal-QEA msemmi hawn fuq, u jħeġġeġ lill-aġenziji deċentralizzati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fir-rapport kif ukoll jieħdu azzjonijiet konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA;
35. Ifakkar li l-atti bażiċi tal-aġenziji tal-UE għandhom jinkludu definizzjoni ċara tal-ħidmiet u tal-kompetenzi tagħhom u jinkludu enfasi fuq l-approċċ ibbażat fuq ir-riżultati tax-xogħol tal-aġenziji;
36. Jenfasizza li l-aġenziji għandhom ifasslu programmi ta' ħidma pluriennali skont l-istrateġija pluriennali tal-Komunità fis-settur; il-programm relevanti ta' ħidma annwali għandu jistabbilixxi għanijiet ċari, speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, li mbagħad għandhom jifformaw il-bażi ta' azzjonijiet, riżorsi, approċċi u kalendarji li jiggarantixxu l-kisba tar-riżultati mistennija; jenfasizza li l-programm ta' ħidma għandu jirrispetta l-limiti tal-baġit tal-aġenzija kif awtorizzat mill-awtorità baġitarja;
37. Jitlob li l-bordijiet ta' ġestjoni tal-Aġenziji tal-UE jiksbu konvergenza massima bejn l-ippjanar tal-ħidma u l-ippjanar tar-riżorsi (finanzjarji u umani) billi jintroduċu baġit u mmaniġġjar ibbażat fuq l-attività (ABB/ABM) u jenfasizza li l-aġenziji huma suġġetti għall-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda u dixxiplina baġitarja;
38. Jinnota li l-ħidma ta' kull aġenzija għandha tkun akkumpanjata b'evalwazzjoni tar-riskju sabiex in-nefqa kif ukoll l-immaniġġjar tar-riżorsi umani jkunu ottimali;
39. Jirrakomanda li l-QEA tkompli l-verifika perjodika tal-rendiment tal-aġenziji, iżda li tiffoka saħansitra aktar fuq l-effiċjenza interna tal-aġenziji u li tevalwa kemm ir-rakkomandazzjonijiet tagħha huma milħuqa;
Djalogu interistituzzjonali dwar qafas komuni għall-aġenziji
40. Ifakkar fis-suġġeriment li sar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq, li l-grupp ta" ħidma interistituzzjonali għandu jindirizza, fost affarijiet oħra, il-ħtieġa għal approċċ standard ta" preżentazzjoni tal-attivitajiet tal-aġenziji matul is-sena finanzjarja kkonċernata;
41. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, meħuda fit-18 ta' Diċembru 2008, biex jinħatru 5 Membri għad-delegazzjoni tal-Parlament għall-grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar l-irwol tal-aġenziji regolatorji;
42. Jikkunsidra ir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq dwar strateġija favur l-implimentazzjoni futura tal-aspetti istituzzjonali tal-Aġenziji Regolatorji bħala mandat għad-delegazzjoni tal-Parlament li qed taħdem fil-grupp ta' ħidma interistituzzjonali;
43. Jinsisti dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti standards minimi komuni fir-rigward tat-twaqqif ta' aġenziji deċentralizzati fil-futur;
44. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji biex sadanittant jagħmlu disponibbli d-dokumentazzjoni finanzjarja prodotta mill-aġenziji b'mod sħiħ, komparabbli u aġġornata fuq il-websajt komuni mnedija mill-Kummissjoni u mill-aġenziji deċentralizzati fuq l-intranet tal-Kummissjoni;
45. Jistieden lill-grupp ta' ħidma interistituzzjonali, fid-dawl tal-eżerċizzju ta" kwittanza tal-2007, biex jikkunsidra
ir-raġunijiet għall-problemi tal-implimentazzjoni tal-baġit, b'mod partikolari n-nuqqas ta' approċċ minn fuq għal isfel li jikkonċerna l-baġits u l-persunal tal-aġenziji,
il-problema, rikorrenti f'ħafna aġenziji, tan-nuqqas ta" konformità mar-regoli ta' reklutaġġ u tal-għoti tal-kuntratti,
il-lezzjonijiet miksuba mill-esperjenza speċifika tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi relatati ma' aġenziji,
il-mod kif l-implimentazzjoni ta' politiki minn aġenziji tista" ssir aktar effiċjenti fir-rigward tan-nefqa, pereżempju billi l-funzjonijiet amministrattivi ta" aġenziji varji jiġu miġbura flimkien,
il-mod kif il-funzjonijiet u s-servizzi ta' appoġġ differenti tal-Kummissjoni jistgħu jsiru aktar reattivi sabiex jirrispondu aktar malajr għall-bżonnijiet tal-aġenziji;
o o o
46.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji suġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.