Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/0247(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0220/2009

Testi mressqa :

A6-0220/2009

Dibattiti :

PV 22/04/2009 - 21
CRE 22/04/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 23/04/2009 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0285

Testi adottati
PDF 509kWORD 175k
Il-Ħamis, 23 ta' April 2009 - Strasburgu
Netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv ***I
P6_TA(2009)0285A6-0220/2009
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv (COM(2008)0852 – C6-0509/2008 – 2008/0247(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0852),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 71(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0509/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0220/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' April 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) .../2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv
P6_TC1-COD(2008)0247

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni║,

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

waqt li jaġixxu b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Fil-qafas tal-Istrateġija ta" Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Komunità, il-ħolqien ta" suq ferrovjarju intern, b'mod partikolari għat-trasport tal-merkanzija, huwa element essenzjali tal-progress lejn il-ħolqien ta" mobilità sostenibbli.

(2)  Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta" kapaċità ta" infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta" piżijiet għall-użu ta" infrastruttura tal-ferroviji ║(4) rrappreżentat stadju importanti fl-istabbiliment tas-suq ferrovjarju intern.

(3)  Sabiex ikunu kompetittivi mal-modi tat-trasport l-oħra, is-servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali tal-merkanzija, miftuħa għall-kompetizzjoni mill-1 ta' Jannar 2007, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn infrastruttura ferrovjarja ta" kwalità tajba, jiġifieri li tippermetti l-provvista ta" servizzi ta" trasport tal-merkanzija f'kundizzjonijiet tajba f'termini ta' veloċità kummerċjali u ta' ħin tal-vjaġġ, u għandhom ikunu ta' min joqgħod fuqhom, jiġifieri li s-servizz li jipprovdu jkun tabilħaqq jikkorrispondi mal-impenji kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-operaturi ferrovjarji.

(4)  Minkejja li l-liberalizzazzjoni tat-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ppermettiet li jidħlu operaturi ġodda fin-netwerk, il-mekkaniżmi tas-suq mhumiex biżżejjed biex jorganizzaw, jirregolaw u jassiguraw it-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. L-ottimizzazzjoni u l-iżgurar tal-affidabilità tiegħu jimplikaw, b'mod partikulari, it-tisħiħ tal-proċeduri għall-koperazzjoni u l-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji bejn l-amministratturi tal-infrastruttura.

(5)  Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tas-7 ║ta' April 2008, kkonkluda li għandha tingħata preferenza għall-użu effikaċi tal-infrastrutturi u, jekk ikun il-każ, jitjiebu l-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja b'miżuri meħuda fuq livell Ewropew u nazzjonali, u b'mod partikolari permezz ta" testi leġiżlattivi.

(6)  F'dan il-kuntest, il-ħolqien ta" netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva li fuqu l-ferroviji tal-merkanzija jkunu jistgħu jiċċirkolaw f'kundizzjonijiet tajbin u jgħaddu faċilment minn netwerk nazzjonali għal ieħor jippermetti li jitjiebu il-kundizzjonijiet tal-użu tal-infrastruttura.

(7)  Biex jinħoloq netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, l-inizjattivi diġà mnedija għall-infrastruttura ferrovjarja juru li l-ħolqien ta" kurituri internazzjonali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta" wieħed jew bosta setturi tas-suq tat-trasport tal-merkanzija identifikati b'mod ċar, jirrapreżenta l-metodu l-aktar xieraq.

(8)  ▌In-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva għandu jsir b'mod koerenti man-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u mal-kurituri tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju ("ERTMS"). Għal dan l-iskop, l-iżvilupp koordinat taż-żewġ netwerks huwa meħtieġ, u b'mod partikolari l-integrazzjoni tal-kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mat-TEN-T li diġà jeżisti u mal-kurituri tal-ERTMS. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju ║regoli armonizzanti relatati ma" dawn il-kurituri tal-merkanzija. Jekk ikun il-każ, il-ħolqien ta" dawn il-kurituri għandu jkun appoġġat finanzjarjament fil-qafas tat-TEN-T, ta' programmi ta" riċerka u tal-programm Marco Polo, u ta" linji politiċi u fondi Komunitarji oħrajn, bħall-Fond ta" Koeżjoni.

(9)  Il-ħolqien ta' kuritur għall-merkanzija għandu jqis l-importanza partikulari tal-estensjoni ppjanata tan-netwerk TEN-T għall-pajjiżi tal-Politka Ewropea tal-Viċinat (ENP) bil-ħsieb li jiġu żgurati interkonnessjonijiet aħjar mal-infrastruttura ferrovjarja ta" pajjiżi terzi Ewropej.

(10)  Fil-qafas ta" kuritur għall-merkanzija, għandha tiġi assigurata koordinazzjoni tajba bejn l-Istati Membri u l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati, li tingħata faċilità aħjar u suffiċjenti għat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija, biex jinħolqu komunikazzjonijiet biżżejjed u effiċjenti mal-modi l-oħra tat-trasport sabiex jiġi żviluppat netwerk effiċjenti u integrat għat-trasport tal-merkanzija, u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li huma ta" inċentiv għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn dawk li jipprovdu s-servizz tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

(11)  Il-ħolqien ta" kuritur għall-merkanzija għandu jkun bbażat fuq proposti magħmula mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-amministraturi tal-infrastruttura. Fit-tieni fażi għandu jkun approvat fil-livellEwropew skont kriterji u proċedura trasparenti u definita b'mod ċar. Il-kriterji għall-ħolqien ta" kurituri għall-merkanzija għandhom ikunu definiti b'mod li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri u tal-amministraturi tal-infrastruttura b'mod li jippermettulhom li jkollhom spazju biżżejjed għat-teħid ta' deċiżjonijiet u għall-ġestjoni ▌.

(12)  Biex titħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, kull kuritur għall-merkanzija għandu jkun appoġġjat minn korp ta" governanza, magħmul minn amministraturi diversi tal-infrastruttura li għandhom x'jaqsmu ma" dan il-kuritur għall-merkanzija.

(13)  Biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, il-metodi għall-ħolqien ta" kuritur għall-merkanzija għandhom jiġu ppreżentati fi pjan ta" implimentazzjoni li għandu jinkludi l-identifikazzjoni u l-issettjar ta' skeda għall-miżuri li ttejjeb il-prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Barra minn hekk, biex jiġi assigurat li l-azzjonijiet ippjanati jew implimentati għall-ħolqien ta" kuritur għall-merkanzija jissodisfaw il-ħtiġijiet jew l-aspettattivi tas-suq, l-impriżi ferrovjarji utenti kollha għandhom jiġu kkonsultati regolarment, skont proċeduri xierqa kif definiti mill-korp ta" governanza.

(14)  Biex tiġi assigurata l-koerenza u l-kontinwità tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura disponibbli tul il-kuritur għall-merkanzija, għandhom jiġu kkoordinati l-investimenti fuq il-kuritur għall-merkanzija bejn l-Istati Membri, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji kkonċernati kif ukoll, jekk ikun applikabbli, bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi Ewropej, u jiġu ppjanati skont loġika li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kuritur għall-merkanzija. Il-programm tal-ħolqien tagħhom għandu jkun ippubblikat biex jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji li jistgħu joperaw fil-kuritur ikunu mgħarrfa tajjeb. . Dawn għandhom jinkludu proġetti ta" intervent relatati mal-iżvilupp ta" sistemi interoperabbli u maż-żieda tal-kapaċità tal-ferroviji.

(15)  Għall-istess raġunijiet, ix-xogħol estensiv ta" manutenzjoni, li s-soltu jkollu impatt kbir fuq il-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja, għandu wkoll ikun ikkoordinat fuq il-livell tal-kuritur għall-merkanzija u jkun soġġett għal pubblikazzjonijiet aġġornati.

(16)  Il-ħolqien ta" infrastrutturi u ta" sistemi għall-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport intermodali tal-merkanzija huwa wkoll meħtieġ biex jiffavorixxi l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fil-Komunità.

(17)  L-Istati Membri kkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali ta" sigurtà kompetenti fil-kuritur għall-merkanzija jistgħu jikkonkludu ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku tal-vetturi minn naħa waħda, u tal-ħiliet ta' xufiera tal-ferroviji min-naħa l-oħra. L-awtoritajiet għas-sikurezza tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkooperaw sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta" dawn il-ftehimiet.

(18)  Sabiex jiġu ffaċilitati d-domandi ta" kapaċitajiet tal-infrastruttura għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, huwa xieraq li tiġi stabbilita ġestjoni ċentralizzata għal kull kuritur għall-merkanzija. Għal dan jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-inizjattivi li diġà jeżistu, b'mod partikolari dawk imnedija minn RailNetEurope, korp li huwa strument ta" koordinazzjoni tal-amministraturi tal-infrastruttura u li jipprovdi servizzi lill-operaturi tal-merkanzija internazzjonali.

(19)  Minħabba l-iskedi differenti ta" programmar tal-ħinijiet għat-tipi differenti tat-traffiku, ikun tajjeb li wieħed jara li d-domandi ta" kapaċità tal-infrastruttura għat-traffiku tal-merkanzija jkunu kompatibbli mad-domandirelatati mat-trasport ta" passiġġieri, b'mod partikolari fir-rigward tal-valuri soċjo-ekonomiċi rispettivi tagħhom. L-ispejjeż għall-użu tal-infrastruttura għandhom ivarjaw skont il-kwalità u l-affidabbiltà tal-mogħdija ferrovjarja allokata.

(20)  Il-ferroviji li jassiguraw trasport tal-merkanzija sensittivi ħafna għad-dewmien ta" trasport u għall-puntwalità, kif definiti mill-korp ta" governanza, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn prijorità suffiċjenti f'każ ta' problemi tat-traffiku.

(21)  Biex jiġi assigurat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn dawk li jipprovdu servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija, ▌applikanti oħra minbarra l-impriżi ferrovjarji jew il-gruppi tagħhom għandhom ikunu jistgħu biex jitolbu l-kapaċitajiet tal-infrastruttura.

(22)  Sabiex tiġi ottimizzata l-ġestjoni tal-kuritur għall-merkanzija u jiġi assigurat fluss u prestazzjoni aħjar tas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, huwa meħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn il-korpi ta" kontroll fir-rigward tan-netwerks differenti koperti mill-kuritur għall-merkanzija. Bl-iskop li jiġi assigurat użu aħjar tal-infrastrutturi ferrovjarji, huwa meħtieġ li tiġi kkoordinata l-ġestjoni ta" dawn l-infrastrutturi u tat-terminals strateġiċi li jinsabu tul il-kuritur għall-merkanzija.

(23)  Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-użu tal-infrastruttura kollha ewlenija tal-kuritur għall-merkanzija u jiġi assigurat aċċess mhux diskriminatorju għal dawn, jidher li jkun tajjeb li dawk li jipprovdu servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija jkollhom disponibbli dokument ta" referenza li jiġbor din l-informazzjoni kollha.

(24)  Sabiex wieħed ikun jista" jikkalkula b'mod oġġettiv il-benefiċċji tal-azzjonijiet li jwasslu għall-ħolqien ta" kuritur għall-merkanzija u jassigura monitoraġġ effikaċi ta" dawn l-azzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti u jiġu ppubblikati b'mod regolari indikaturi tal-prestazzjoni tas-servizz tul il-kuritur għall-merkanzija. Id-definizzjoni tal-indikaturi ta" prestazzjoni għandha tkun ifformulata b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha li jipprovdu u jużaw is-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

(  25) Minħabba li l-għan ta" dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta" netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva magħmul minn kurituri tal-merkanzija, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom u għalhekk jista" jintlaħaq aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista" tieħu miżuri b'mod konformi mal-prinċipju ta" sussidjarità msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'mod konformi mal-prinċipju ta" proporzjonalità bħal m'huwa msemmi f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

(26)  Għandhom jiddaħħalu regoli ġusti, ibbażati fuq kooperazzjoni bejn amministraturi tal-infrastruttura li għandhom jipprovdu servizz ta" kwalità lill-operaturi tal-merkanzija fil-qafas ta" kuritur ferrovjarju internazzjonali, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-investimenti, il-ġestjoni tal-kapaċitajiet u tat-traffiku.

(27)  Jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta" dan ir-Regolament skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat għall-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(5).

(28)  Jeħtieġ b'mod partikolari li jingħata d-dritt lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-kriterji meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament. Billi dawn il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma ddisinjati biex jemendaw xi elementi mhux essenzjali ta" dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolamentarja b'kontroll stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(29)  L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jtejjeb l-effiċjenza tat-trasport ta' merkanzija bil-ferrovija meta mqabbel ma" metodi oħra ta" trasport, iżda dan l-iskop jeħtieġ li jintlaħaq ukoll permezz tal-azzjonijiet politiċi u l-involviment finanzjarju tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea. Il-koordinazzjoni għandha tiġi żgurata fl-ogħla livell fost l-Istati Membri sabiex jiġi garantit it-tħaddim l-aktar effiċjenti tal-kurituri tal-merkanzija. L-impenn finanzjarju fl-infrastruttura u f'tagħmir tekniku bħall-ERTMS għandu jkollu l-għan li jżid il-kapaċità u l-effiċjenza tal-merkanzija bil-ferrovija b'konformità mal-għan ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-għan u l-ambitu

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-ħolqien u l-organizzazzjoni tan-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva fil-kurituri ferrovjarji internazzjonali għall-merkanzija kompetittiva ("kurituri għall-merkanzija"). Huwa jistabbilixxi r-regoli ta" għażla u ta" organizzazzjoni tal-kurituri tal-merkanzija u tal-prinċipji kooperattivi relatati mal-ippjanar tal-investimenti, mal-ġestjoni tal-kapaċitajiet u tat-traffiku.

2.  Dan ir-Regolament japplika għall-ġestjoni u l-użu ta" infrastrutturi ferrovjarji għas-servizzi ferrovjarji nazzjonali u internazzjonali, ħlief:

   a) netwerks lokali u reġjonali awtonomi li jintużaw għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li jissellfu infrastruttura ferrovjarja, ħlief meta tali servizzi joperaw fuq parti mill-kuritur għall-merkanzija;
   b) netwerks li jintużaw biss għall-użu ta" servizzi urbani u suburbani tat-trasport tal-passiġġieri;
     ċ) netwerks reġjonali li jintużaw biss, għas-servizzi ta" trasport tal-merkanzija reġjonali, minn impriża ferrovjarja waħda li ma taqax taħt id-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità(6) sakemm applikant ieħor jitlob biex juża l-kapaċità tan-netwerk imsemmi;
   d) infrastrutturi ferrovjarji privati ristretti għall-użu mill-proprjetarju tagħhom biss għall-attivitajiet tat-trasport tal-merkanizja tiegħu stess.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-fini ta" dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE għandhom japplikaw.

2.  Flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1:

   a) "kuritur għall-merkanzija" għandha tfisser il-linji ferrovjarji kollha stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, ta' pajjiżi terzi Ewropej li huma kollegati ma" żewġ terminals strateġiċi jew iżjed, inklużi fus ewlieni, rotot alternattivi u binarji li jikkomunikawhom, kif ukoll l-infrastrutturi ferrovjarji u t-tagħmir tagħhom fit-terminals tal-merkanzija, l-istazzjonijiet ta" tqassim u ta" kompożizzjoni, kif ukoll il-binarji ta" kollegament ta" dawn tal-aħħar, inkużi s-servizzi kollha relatati mal-ferrovija kif stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/14/KE;
   b) "pjan ta" implimentazzjoni" għandu jfisser dokument li jippreżenta l-istrateġija║u l-mezzi li l-partijiet kkonċernati għandhom jimplimentaw sabiex jiżviluppaw matul perjodu determinat l-attivitajiet meħtieġa u suffiċjenti biex jinħoloq il-kuritur għall-merkanzija;
     ċ) "xogħol estensiv ta" manutenzjoni" għandu jfisser kwalunkwe intervent jew tiswija, li jkunu ppjanati mill-inqas sena qabel, tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-tagħmir tagħha meħtieġa għaċ-ċirkolazzjoni tal-ferroviji tul il-kuritur għall-merkanzija li tinvolvi l-kapaċita ta' infrastruttura riservata skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2001/14/KE;
   d) "terminal" għandu jfisser l-installazzjoni tul il-kuritur għall-merkanzija mgħammar b'mod speċjali biex jippermetti t-tagħbija u/jew il-ħatt ta" oġġetti mill-ferroviji tal-merkanzija u l-integrazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija mas-servizzi tat-triq, marittimi, ta" fuq ix-xmajjar u tal-ajru, jiġifieri l-formazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija;
   e) "terminal strateġiku" għandu jfisser it-terminal tal-kuritur għall-merkanzija, miftuħ għall-applikanti kollha u li diġà għandu rwol importanti, jew hemm il-ħsieb li jkollu rwol importanti fit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tul il-kuritur għall-merkanzija;
   f) "punt wieħed ta' waqfa" hija d-dipartiment konġunt stabbilit minn kull amministratur tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija li tagħti lill-applikanti l-possibbiltà li jitolbumogħdija ferrovjarja għal vjaġġ li jaqsam tal-inqas fruntiera waħda.

KAPITOLU II

ID-DISINN U L-GOVERNANZA TAN-NETWERK FERROVJARJU EWROPEW GĦALL-MERKANZIJA KOMPETITTIVA

Artikolu 3

Għażla tal-kurituri tal-merkanzija

1.  Il-kuritur għall-merkanzija għandu jgħaqqad mill-inqas żewġ Stati Membri u jħaddem servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali tal-merkanzija ▌. Dan għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

   a) ikun jagħmel parti, jew tal-anqas ikun kompatibbli, mat-TEN-T, jew, fejn ikun applikabbli, mal-kurituri tal-ERTMS. Jekk ikun meħtieġ, xi sezzjonijiet li mhumiex inklużi fit-TEN-T, li jkollhom volum qawwi jew potenzjalment qawwi ta' traffiku tat-trasport tal-merkanzija, jistgħu wkoll jagħmlu parti mill-kuritur;
   b) jippermetti żvilupp sinifikattiv tat-traffiku tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jqis il-flussi ewlenin tal-kummerċ u tat-traffiku tal-merkanzija;
     ċ) huwa ġġustifikat fuq il-bażi ta" analiżi soċjo-ekonomika. Din tiġbor l-impatti fuq l-elementi tas-sistema tat-trasport fejn l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija jaffettwa b'mod sinifikanti t-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Hija tinkludi l-analiżi tal-effetti ewlenin f'termini tal-ispejjeż esterni;
   d) għandu jippermetti interkonnessjonijiet aħjar bejn l-Istati Membri tal-fruntiera u l-pajjiżi terzi Ewropej;
     e) huwa appoġġat minn pjan ta" implimentazzjoni.

2.  Il-ħolqien jew il-modifikazzjoni ta" kuritur għall-merkanzija għandhom ikunu deċiżi mill-Istati Membri kkonċernati, wara li jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom, flimkien ma' proposta mfassla flimkien mal-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati u filwaqt li jqisu l-inizjattivi u l-opinjonijiet ta" impriżi ferrovjarji li jużaw il-kuritur jew li jkunu interessati li jagħmlu dan u l-kriterji msemmija fl-Anness. L-impriżi ferrovjarji interessati jistgħu jipparteċipaw fil-proċess, kull meta jkun hemm investimenti sostanzjali li jirrigwardawhom.

3.  Il-kurituri tal-merkanzija jinħolqu skont ir-regoli li ġejjin:

   a) sa mhux aktar tard minn ...(7), it-territorju ta" kull Stat Membru li għandu għallinqas żewġ konnessjonijiet ferrovjarji diretti ma" xi Stati Membri oħra għandu jaċċetta għallinqas proposta waħda ta" kuritur għall-merkanzija;
   b) sa, mhux aktar tard minn ...(8)*, it-territorju ta" kull Stat Membru għandu jaċċetta għallinqas kuritur għall-merkanzija wieħed.
  

4.  Il-Kummissjoni għandha tinnota l-proposti ta" ħolqien ta" kurituri tal-merkanzija stabbiliti fil-paragrafu 2 u għandha teżamina l-konsistenza tagħhom mal-kriterji ta" evalwazzjoni stabbiliti fl-Anness. Il-Kummissjoni tista" tistqarr l-oġġezzjonijiet tagħha jew tipproponi bidliet f'konformità ma" dak li tqis xieraq.

5.  Il-kuritur għall-merkanzija jista" jinkludi xi elementi tan-netwerk ferrovjarju ta" pajjiżi terzi Ewropej. Jekk ikun il-każ, dawn l-elementi għandhom jaqblu mal-politika tat-TEN-T.

6.  Meta jkun hemm xi diffikultajiet bejn żewġ jew bosta Stati Membri fir-rigward tal-ħolqien jew il-modifikazzjoni ta" kuritur tal-merkanizja, li jikkonċerna l-infrastruttura ferrovjarja li tinsab fit-territorju tagħhom, il-Kummissjoni, fuq talba ta" wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għandha tikkonsulta lill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18 dwar dan is-suġġett. L-opinjoni tal-Kumitat għandha tiġi rrapportata lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw din l-opinjoni sabiex isibu soluzzjoni.

7.  Il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta" dan ir-Regolament billi jiġi adattat l-Anness għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 18(3).

Artikolu 4

Governanza tal-kurituri tal-merkanzija

1.  L-Istati Membri kkonċernati ma" kuritur għall-merkanzija għandhom jikooperaw biex jassiguraw l-iżvilupp ta" kuritur għall-merkanzija b'mod konformi mal-pjan tiegħu ta" implimentazzjoni. Huma jiddefinixxu l-għanijiet ġenerali tal-kuritur għall-merkanzija u jassiguraw li l-pjan ta" implimentazzjoni jimmira għal dawn l-għanijiet.

2.  Għal kull kuritur għall-merkanzija, l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati║ għandhom jistabbilixxu korp ta" governanza inkarigat bid-definizzjoni, it-twettiq u l-aġġornament tal-pjan ta" implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija. L-impriżi ferrovjarji interessati, jew il-gruppi ta" impriżi ferrovjarji interessati, li jużaw il-kuritur regolarment għandhom ikollhom il-jedd li jipparteċipaw f'dan il-korp fuq bażi konsultattiva. Il-korp ta" governanza għandu jirrapporta b'mod regolari dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Istati Membri kkonċernati, u jekk ikun il-każ lill-Kummissjoni u lill-koordinaturi Ewropej tal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T integrati bil-kuritur għall-merkanzija u li huma stabbiliti fl-Artikolu 17a tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew(9).

3.  L-Istati Membri kkonċernati jistgħu iwaqqfu bord eżekuttiv li jkun responsabbli mill-awtorizzazzjoni tal-pjan ta" implimentazzjoni tal-kuritur mill-korp ta" governanza u mis-superviżjoni tat-twettiq tiegħu. F'dan il-każ, il-membri individwali tal-bord eżekuttiv għandu jkollhom mandat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.  Il-korp ta" governanza huwa entità ġuridika indipendenti. Jista" jkun ikkostitwit fil-forma ta" grupp Ewropew ta" interess ekonomiku skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85(10) u jibbenefika mill-istatus ta" grupp bħal dan.

5.  Il-membri tal-korp ta" governanza għandhom jaħtru d-direttur tiegħugħal mhux inqas minn 3 snin.

6.  Għandu jiġi stabbilit grupp ta" ħidma magħmul minn amministraturi u proprjetarji tat-terminals strateġiċi tal-kuritur għall-merkanzija, inklużi l-portijiet tal-baħar u tal-mogħdijiet tal-ilma interni, imsemmija fl-Artikolu 9. Dan jista" jagħti opinjoni fuq kull proposta tal-korp ta" governanza li jkollha konsegwenzi diretti fuq l-investimenti u l-ġestjoni tat-terminals strateġiċi. Il-korp ta" governanza ma jistax jieħu deċiżjoni kontra din l-opinjoni.

Artikolu 5

Miżuri ta" implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija

1.  Il-pjan ta" implimentazzjoni, approvat u aġġustat regolarment mill-korp ta" governanza, għandu jinkludi mill-inqas:

   a) desrkrizzjoni tal-kwalitajiet tal-kuritur għall-merkanzija, fosthom il-punti ta" konġestjoni potenzjali, kif ukoll il-programm ta" implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien tiegħu;
   b) l-elementi essenzjali tal-istudju tas-suq stabbilit fil-paragrafu 2;
     ċ) l-għanijiet tal-korp ta" governanza u l-programm tiegħu għat-titjib tal-prestazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija, ▌b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16.
  

2.  Għandu jsir studju dwar is-suq li jiġi aġġornat perjodikament, rigward il-progress osservat u mistenni fir-rigward tal-kuritur għall-merkanzija kif ukoll l-elementi tas-sistema tat-trasport marbuta ma' dan tal-aħħar, bil-ħsieb li jiġi żviluppat jew adattat, jekk ikun meħtieġ, il-pjan tal-implimentazzjoni tiegħu. Għandu jeżamina l-bidliet fid-diversi tipi ta" traffiku, u jiġbor fih l-elementi ewlenin tal-analiżi soċjoekonomika msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ)kif ukoll ix-xenarji possibbli fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-impatt finanzjarju fuq żmien twil.

3.  Qed jiġi stabbilit programm ta" ħolqien u ta" titjib tal-prestazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija. Dan il-programm jinkludi b'mod partikolari l-għanijiet komuni, l-għażliet tekniċi u l-iskeda għall-involviment meħtieġ mal-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha biex jiġu implimentati l-miżuri kollha stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 16. Dawn il-miżuri għandhom jevitaw jew inaqqsu kemm jista" jkun ir-restrizzjonijiet li jolqtu l-kapaċità ferrovjarja.

Artikolu 6

Konsultazzjoni mal-applikanti

1.  Għall-finijiet ta" parteċipazzjoni xierqa tal-applikanti, ║ li jistgħu jużaw il-kuritur ║.

2.  L-applikanti għall-użu tal-kuritur għall-merkanzija, inklużi l-operaturi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija, l-operaturi tal-passiġġieri, ix-shippers, il-burdnara u l-korpi rappreżentattivi tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati mill-korp ta" governanza qabel l-approvazzjoni tal-pjan ta" implimentazzjoni u qabel l-aġġornament tiegħu. Jekk ikun hemm nuqqas ta" qbil bejn il-korp ta" governanza u l-applikanti, dawn tal-aħħar jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-korpi regolatorji msemmijin fl-Artikolu 17.

KAPITOLU III

INVESTIMENTI FIL-KURITUR GĦALL-MERKANZIJA

Artikolu 7

Ippjanar tal-investimenti

1.  Il-korp ta" governanza għandu jistabbilixxi u japprova:

   a) pjan komuni ta" investimenti fl-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija fuq żmien twil, jiġifieri għal mhux inqas minn 10 snin;
   b) jekk ikun il-każ, pjan komuni ta" investimenti fuq żmien medju (ta" mill-inqas sentejn) tul il-kuritur għall-merkanzija.

Il-pjani ta" investment għandhom jistabbilixxu l-lista ta" proġetti previsti għall-estensjoni, it-tiġdid jew l-iżvilupp mill-ġdid tal-infrastrutturi ferrovjarji u tat-tagħmir tagħhom li jeżistu tul il-kuritur u tal-ħtiġijiet finanzjarji relatati u s-sorsi tal-finanzjament.

2.  Il-pjani ta" investimenti stabbiliti fil-paragrafu 1 jinkludu wkoll strateġija relatata mat-tħaddim tas-sistemi interoperabbli tul il-kuritur għall-merkanzija li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta" interoperabbiltà applikabbli għan-netwerks ferrovjarji msemmija fid-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità(11). Din l-istrateġija hija bbażata fuq analiżi ta" spejjeż-benefiċċji tat-tħaddim ta" dawn is-sistemi. Din għandha tkun koerenti mal-pjani nazzjonali u Ewropej tat-tħaddim ta" sistemi interoperabbli, b'mod partikolari mal-pjan tat-tħaddim tal-ERTMS, kif ukoll mal-interkonnessjonijiet transkonfinali u s-sistemi interoperabbli ma' pajjiżi terzi Ewropej, fejn ikun applikabbli.

3.  Jekk ikun il-każ, il-pjani ta" investiment għandhom isemmu l-kontribuzzjoni Komunitarja prevista skont il-programm TEN-T jew kwalunkwe politika, fondi jew programmi oħra u jippruvaw li l-istrateġija tagħhom hija konsistentimagħhom.

4.  Il-pjani ta" investiment stabbiliti fil-paragrafu 1 jinkludu wkoll strateġija relatata mat-tkabbir tal-kapaċità tal-ferroviji tal-merkanzija, jiġifieri, biex jitneħħew iz-zoni ta" konġestjoni tat-traffiku, biex tittejjeb l-infrastruttura eżistenti u biex tinbena infrastruttura ġdida. Din l-istrateġija tista" ttinkludi miżuri biex jiżdiedu t-tul, il-wisa" tal-linji, il-loading gauge, il-ġestjoni tal-veloċità, it-tagħbija mgħobbija jewit-tagħbija tal-fus awtorizzati għall-ferroviji li jiċċirkolaw tul il-kuritur għall-merkanzija.

5.  Il-pjani ta" investimenti stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 15 u aġġornati b'mod regolari. Dawn jagħmlu parti mill-pjan ta" implimentazzjoni tal-kuritur għall-merkanzija.

Artikolu 8

Koordinazzjoni tax-xogħlijiet

L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkoordinaw , b'mod u fi żmien xieraq u b'konformità mal-ftehimiet kontrattwali rispettivi tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14/KE,l-iskeda tagħhom biex isir ix-xogħol kollu tal-infrastruttura u tat-tagħmir tagħha li jista" jillimita l-kapaċità disponibbli fin-netwerk.

Artikolu 9

Terminals strateġiċi

1.  Bi ftehim mal-grupp ta" ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6), il-korp ta" governanza għandu jadotta strateġija integrata relatata mal-iżvilupp tat-terminals strateġiċi biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jiċċirkola tul il-kuritur għall-merkanzija, b'mod partikulari bħala ċentri intermodali tul il-kurituri tal-merkanzija. Dan għandu jinkludi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, lokali u nazzjonali. l-akkwist tal-art għall-iżvilupp ta' terminals għall-merkanzija ferrovjarja u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-fondi sabiex jiġu inkoraġġiti żviluppi bħal dawn. Il-korp ta' governanza għandu jiżgura li jinħolqu biżżejjed terminals f'postijiet strateġiċi, skont il-volum mistenni ta' traffiku.

2.  Il-korp ta" governanza għandu jieħu l-miżuri adegwati għal-istabbiliment ta" din l-istrateġija. Huwa għandu jirrevediha b'mod regolari.

KAPITOLU IV

ĠESTJONI TAL-KURITUR GĦALL-MERKANZIJA

Artikolu 10

Ġestjoni ċentralizzata għat-talbiet ta" mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali

1.  Il-korp ta" governanza għandu jistabbilixxi ġestjoni ċentralizzata iex tirrispondi għal talbiet għal mogħdijiet ferrovjarji għal ferroviji tal-merkanzija li taqsam ▌mill-inqas fruntiera waħda tul il-kuritur għall-merkanzija jew tuża bosta netwerks.

2.  Lill-amministraturi individwali tal-infrastruttura ta' kuritur jistgħu jingħatawlhom il-funzjonijiet ta' front office tat-one-stop shop għall-applikanti li jitolbu mogħdijiet ferrovjarji.

3.  Il-korpi ta" kontroll ikkonċernati, kif jingħad fl-Artikolu 17║, għandhom jassiguraw li l-attivitajiet tal-ġestjoni ċentralizzata jkunu pprattikati f'kundizzjonijiet trasparenti u mhux diskriminatorji.

Artikolu 11

Kategoriji standard ta" mogħdijiet ferrovjarji fil-kurituri tal-merkanzija

1.  Il-korp ta" governanza għandu jiddefinixxi u jaġġorna regolarment il-kategoriji standard ta' mogħdijiet ferrovjarji tal-merkanzija, li għandhom ikunu validi tul il-kuritur għall-merkanzija kollu. Mill-inqas waħda minn dawn il-kategoriji║, għandha tinkludi, fost dawn il-kategoriji ta" mogħdijiet, mogħdija ferrovjarja tal-merkanzija b'ħin ta" trasport effiċjenti u b'puntwalità ggarantita ("trasport tal-merkanzija ffaċilitat").

2.  Il-kriterji ta" definizzjoni tal-kategoriji tat-tip ta" traffiku tal-merkanzija għandhom jiġu adottati mill-korp ta' governanza wara konsultazzjoni mal-applikanti li x'aktarx jużaw il-kuritur għall-merkanzija.

Artikolu 12

Mogħdijiet ferrovjarji allokati għall-ferroviji tal-merkanzija

1.  Barra l-każi msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2001/14/KE, l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati, għandhom iżommu riserva ta' kapaċità, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq għar-riserva tal-kapaċità. L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw l-iskeda tal-ħinijiet ta" xogħol għall- mogħdija ferrovjarju meħtieġa biex tissodisfa l-bżonnijiet tat-traffiku tal-merkanzija bi prijorità internazzjonali ffaċilitata għas-sena finanzjarja li ġejja, qabel l-eżerċizzju annwali biex tiġi definita l-iskeda ta' xogħol imsemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi tat-traffiku tal-merkanzija osservat u l-istudju tas-suq imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament.

2.  L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom iżommu, wara l-evalwazzjoni tal-ħtieġa xierqa biex tiġi kostitwita riżerva ta" kapaċitajiet għal talbiet ad hoc, din ir-riżerva, filwaqt li jiggarantixxu livell biżżejjed ta" kwalità ta" mogħdijiet ferrovjarji għall-ħin tal-vjaġġ u skedi tal-ħinijiet li jkunu adattati għat-traffiku internazzjonali ffaċilitat tal-merkanzija fi ħdan l-iskeda finali tal-ħinijiet sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw malajr u b'mod xieraq it-talbiet ad hoc għal kapaċitajiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/14/KE.

3.  Ħlief fil-każ ta" forza maġġuri, mogħdija ferrovjarja allokata biex tiffaċilita l-operazzjoni tal-merkanzija skont dan l-Artikolu ma tistax tiġi mħassra inqas minn xahar qabel il-ħin ta" servizz fl-iskeda sakemm l-applikant ikkonċernat ma japprovax it-tħassir. L-applikant jista" jirreferi l-każ lill-korp regolatorju. Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/14/KE l-amministraturi tal-infrastruttura jistgħu jispeċifikaw, fil-kondizzjonijiet tad-dikjarazzjoni tagħhom tan-netwerk li permezz tagħhom għandhom iqisu l-livelli ta' qabel ta' użu tal-mogħdijiet ferrovjarji tal-merkanzija faċilitati meta jiddeterminaw il-prijoritajiet fil-proċess ta' allokazzjoni.

4.  L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija u l-grupp ta" ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6), għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jassiguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet b'konformità ma' dan l-Artikolu, , billi jqisu l-aċċessgħat-terminals strateġiċi, stabbiliti fl-Artikolu 9.

5.  L-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jinkludu fil-kondizzjonijiet tagħhom tal-użu, ħlas għall-mogħdijiet li jkunu ġew allokati imma mbagħad ma jintużawx. L-ammont ta' dan il-ħlas għandu jkun xieraq, dissważiv u effettiv.

Artikolu 13

Applikanti awtorizzati

Minkejja l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, applikanti oħra minbarra l-impriżi ferrovjarji u l-gruppi internazzjonali li dawn jikkostitwixxu jistgħu jitolbu mogħdijiet ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija meta dawn tal-aħħar jikkonċernaw sezzjoni bosta tal-kuritur għall-merkanzija.

Artikolu 14

Ġestjoni tat-traffiku

1.  Wara proposta mill-korp ta' governanza tal-kuritur għall-merkanzija u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji u l-pjani imsemmija fil-paragrafu 2, l-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli ta" prijorità bejn it-tipi differenti ta" mogħdijiet ferrovjarji, b'mod partikolari għall- mogħdijiet ferrovjarji allokati għal ferroviji li jaslu tard, f'każ ta" tfixkil fiċ-ċirkolazzjoni għal kull partital-kuritur għall-merkanzija fid-dokument ta" referenza tan-netwerk stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-Anness I tad-Direttiva 2001/14/KE.

2.  Ir-regoli ta" prijorità msemmija fil-paragrafu 1 ║għandhom║ mill-inqas jistipulaw, bl-eċċezzjoni tas-sigħat l-aktar intensi meta dan il-paragrafu ma japplikax, li l-mogħdija ferrovjarja allokata lil ferrovija tal-merkanzija faċilitata li tissodisfa d-dispożizzjonijiet inizjali għall-mogħdija ferrovjarja tagħha għandha tkun irrispettata kemm jista" jkun jew għall-inqas jitnaqqas id-dewmien totali b'enfasi fuq id-dewmien tal-ferroviji tal-merkanzija faċilitati. Il-korp ta' tmexxija, flimkien mal-applikanti, għandu jiżviluppa u jippubblika:

   a) prinċipji tar-regolamentazzjoni ferrovjarji li għandhom jiżguraw li l-ferroviji tal-merkanzija rapidi jieħdu l-aħjar trattament possibbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-allokazzjoni tal-kapaċità mnaqqsa;
   b) pjanijiet ta' kontinġenza fil-każ ta' tfixkil fil-kuritur, li jkunu bbażati fuq dawn il-prinċipji.

Kull Stat Membru permezz tal-amministratur tal-infrastruttura għandu jiddefinixxi s-sigħat l-aktar intensi fid-dokument ta" referenza tan-netwerk. Sigħat l-aktar intensi japplikaw biss għall-jiem tax-xogħol u għandhom ikunu limitati għal massimu ta" tliet sigħat filgħodu u għal massimu ta" tliet sigħat wara nofsinhar. Fid-definizzjoni ta" sigħat l-aktar intensi għandhom jitqiesu t-traffiku tal-passiġġieri reġjonali u dak fuq distanzi twal.

3.  L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jistabbilixxu proċeduri ta" koordinazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tul il-kuritur għall-merkanzija.

4.  L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija u l-grupp ta" ħidma stabbilit fl-Artikolu 4(6) għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jassiguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli bejn il-ġestjoni, fir-rigward tal-kapaċitajiet u ta" ċirkolazzjoni, tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-terminals strateġiċi, stabbiliti fl-Artikolu 9.

Artikolu 15

Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-kuritur għall-merkanzija

Il-korp ta" governanza għandu jistabbilixxi u jippubblika rapport li jkun fih:

   a) it-tagħrif kollu li tinsab fid-dokumenti ta" referenza tan-netwerks nazzjonali li jikkonċernaw il-kuritur għall-merkanzija, stabbilit b'mod konformi mal-proċedura tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/KE;
   b) il-lista tal-kwalitajiet tat-terminals strateġiċi; l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ta" aċċess għat-terminals strateġiċi.

Artikolu 16

Kwalità tas-servizz fil-kuritur għall-merkanzija

1.  L-amministraturi tal-infrastruttura tal-kuritur għall-merkanzija għandhom jassiguraw il-koerenza bejn is-sistemi użati biex titjieb il-prestazzjoni kurrenti tul il-kuritur għall-merkanzija, kif jingħad fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE. Din il-koerenza għandha tkun ikkontrollata mill-korpi regolatorji, li għandhom jikkooperaw f'dan il-kontroll b'konformità mal-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament.

2.  Sabiex tiġi kkalkolata l-kwalità tas-servizz u l-kapaċità tas-servizzi internazzjonali u nazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur għall-merkanzija, il-korp ta" governanza għandu jikkonsulta lill-applikanti li x'aktarx ikunu se jużaw il-kurituri u l-utenti tas-servizzi tal-merkanzija ferrovjarja dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni fil-kuritur għall-merkanzija. Wara din il-konsultazzjoni, il-korp tal-governanza għandu jiddefinihomu jippubblikahom mill-inqas darba fis-sena.

Artikolu 17

Korpi ta" kontroll

1.  Il-korpi ta" kontroll stabbiliti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE li huma kompetenti għall-kuritur għall-merkanzija għandhom jikkooperaw biex jissorveljaw l-attivitajiet internazzjonali tal-amministraturi tal-infrastruttura u tal-applikanti tul il-kuritur għall-merkanzija. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jagħtu informazzjoni lil xulxin. Huma għandhom jitolbu, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-amministraturi tal-infrastruttura tal-Istat Membru li għalih ikunu kompetenti. L-amministraturi tal-infrastruttura u l-partijiet terzi l-oħrajn involuti fl-allokazzjoni tal-kapaċità internazzjonali huma obbligati jagħtu lill-korpi regolatorji kkonċernati, mingħajr dewmien, t-tagħrif kollu meħtieġ dwar il-mogħdijiet ferrovjarji u l-kapaċità internazzjonali li huma responsabbli għalihom.

2.  F'każ li jkun hemm ilment minn xi applikant dwar is-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, jew fil-qafas ta" investigazzjoni ex-officio, il-korp ta" kontroll ikkonċernat għandu jikkonsulta lill-korp ta" kontroll ta" Stat Membru ieħor li jkollu l-kuritur għall-merkanzija għaddej mit-territorju tiegħu u jitolbu l-informazzjoni meħtieġa qabel ma jieħu d-deċizjoni tiegħu. Il-korpi ta" kontroll l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma stess għandhom id-dritt jitolbu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Jekk ikun il-każ, il-korp ta" kontroll li jkun irċieva l-ilment jew li jkun beda l-investigazzjoni ex-officio għandu jittrasferixxi l-każ lill-korp ta" kontroll kompetenti sabiex jippermettilu jieħu miżuri fil-konfron tal-partijiet ikkonċernati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.  Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▌.

3.  Fil-każ li ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1 sa 4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 19

Deroga

Jekk ikun il-każ, Stat Membru jista" jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta" dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa għandu jinnotifika talba motivata ta" deroga lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni fuq din it-talba, skont il-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 18(2) filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni ġeografika kif ukoll l-iżvilupp tas-servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba għad-deroga.

Artikolu 20

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Kull sentejn sa minn meta nħoloq il-kuritur għall-merkanzija, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport li juri r-riżultati tal-kooperazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4(1). Il-Kummissjoni għandha tanalizza dan ir-rapport u tinnotifika lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 18 b'din l-analiżi.

Artikolu 21

Rapport

Il-Kummissjoni għandha teżamina perjodikament l-applikazzjoni ta" dan ir-Regolament. Hija għandha tħejji rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-ewwel darba sa ...(12), u mbagħad kull tliet snin.

Artikolu 22

Reviżjoni

Jekk, f'każ ta" reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, skont it-termini tal-Artikolu 18(3) tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE, il-Kummissjoni tikkonkludi li jkun xieraq jekk jiġi adattat dan ir-Regolament għal dawn il-linji gwida, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta biex dan ir-Regolament ikun emendat kif imiss. Bl-istess mod, ċerti deċiżjonijiet meħudin skont dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta' reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ║,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C , , p.
(2) ĠU C , , p.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009.
(4) ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(6) ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25.
(7)* ĠU: Sena wara d-dħul fis-seħħ ta" dan ir-Regolament.
(8)** ĠU: Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta" dan ir-Regolament.
(9) ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.
(10) ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.
(11) ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.
(12)* ĠU: ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta" dan ir-Regolament.


ANNESS

Kriterji ta" evalwazzjoni tal-proposti ta" ħolqien ta" kuritur għall-merkanzija

L-għażla tal-kurituri tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3, kif ukoll l-aġġornament tan-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, għandhom isiru skont il-kriterji li ġejjin:

   (a) l-eżistenza ta" ittra ta" intenzjoni tal-Istati Membri kkonċernati li tikkonferma r-rieda tagħhom li joħolqu l-kuritur għall-merkanzija;
  

   ( b) meta l-itinerarju tal-kuritur għall-merkanzija jikkoinċidi ma" sezzjoni (jew parti minn sezzjoni) ta" wieħed jew bosta proġetti prijoritarji tat-TEN-T(1), din għandha tkun integrata mal-kuritur għall-merkanzija, ħlief jekk tkun użata għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri;
   ( c) il-kuritur għall-merkanzija li l-ħolqien tiegħu huwa propost jgħaddi mit-territorju ta" mill-inqas tliet Stati Membri jew ta" mill-inqas żewġ Stati Membri jekk id-distanza bejn fejn jiltaqgħu l-linji tal-ferrovija moqdija mill-kuritur għall-merkanzija propost hija ta" aktar minn 500 kilometru;
   ( d) il-vijabbiltà ekonomika u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-kuritur għall-merkanzija;
   ( e) il-koerenza tal-kurituri tal-merkanzija kollha proposti mill-Istati Membri biex jaslu għall-istabbiliment ta" netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva;
   ( f) il-koerenza man-netwerks ferrovjarji Ewropej li diġà jeżistu bħall-kurituri ERTMS u l-kurituri definiti minn RailNetEurope;
   ( g) il-preżenza ta" interkomunikazzjoni tajba mal-modi tat-trasport l-oħra, b'mod partikolari permezz ta" netwerk adegwat ta" terminals strateġiċi, inklużi fir-rigward ta' portijiet marittimi u portijiet 'l ġewwa mix-xtajta;
   ( h) l-approċċ propost biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 16.

(1) Stabbiliti fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza