Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2281(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0153/2009

Testi mressqa :

A6-0153/2009

Dibattiti :

PV 21/04/2009 - 19
CRE 21/04/2009 - 19

Votazzjonijiet :

PV 23/04/2009 - 8.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0292

Testi adottati
PDF 230kWORD 60k
Il-Ħamis, 23 ta' April 2009 - Strasburgu
Kwittanza 2007: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat tar-Reġjuni
P6_TA(2009)0292A6-0153/2009
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni (C6-0421/2008 – 2008/2281(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007(1),

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 – Volum I (C6–0421/2008)(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0153/2009),

1.  Jagħti kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2007;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tifforma parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 77, 16.3.2007.
(2) ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.
(3) ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.
(4) ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni (C6-0421/2008 – 2008/2281(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007(1),

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 – Volum I (C6–0421/2008)(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0153/2009),

1.  Jinnota li fl-2007 il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) kellu approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 68.6 miljun (2006: EUR 74.4 miljun), b'rata ta' użu ta' 96.22%;

2.  Jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri indikat fir-Rapport Annwali tagħha li l-verifika ma tatx lok għal xi osservazzjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-KtR;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar f'Diċembru 2007 ta' Ftehim ġdida ta' Koperazzjoni Amministrattiva bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-CoR għall-perjodu mill-2008 sal-2014; huwa konvint li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet se tkun vantaġġjuża finanzjarjament għal dawk li jħallsu t-taxxa fl-Ewropa; jilqa' wkoll il-fatt li s-CoR nieda ċ-ċertifikazzjoni EMAS (Eco-Management and Audit Scheme) tiegħu;

4.  Jinnota' b'sodisfazzjon l-impenn ċar taż-żewġ Kumitati għall-għan tal-armonizzazzjoni tal-ambjent u tal-istandards tal-kontroll interni tagħhom, ibbażati fuq l-aħjar prattiki, kif ukoll il-proċeduri finanzjarji rilevanti l-oħra kollha relatati mas-Servizzi Konġunti;

5.  Jinnota li l-Ftehim l-ġdid jżomm l-aktar oqsma importanti (infrastrutturi, IT u telekomunikazzjonijiet, kif ukoll t-traduzzjoni, inkluża l-produzzjoni ta" dokumenti) fi ħdan ir-responsabilità tas-Servizzi Konġunti, waqt li numru limitat ta' servizzi huma diżassoċjati, bħas-servizzi interni, is-servizz soċjo-mediku, il-librerija u l-"prepress";

6.  Jinsisti madankolllu li din id-diżassoċjazzjoni għandha tkun newtrali għall-baġit u, għalhekk, iħeġġeġ liż-żewġ Kumitati biex iwettqu analiżi konġunta, bħala parti mir-reviżjoni ta" nofs iż-żmien, biex jinstab jekk iċ-ċaqliq ta" riżorsi jkunx ta' benefiċċju għat-tnejn; jistieden liż-żewġ Kumitati biex iżommu lill-Parlament infurmat dwar l-evalwazzjoni kmieni fl-2009 tal-ftehim ta' koperazzjoni ta" daqs żgħir fl-oqsma effettwati mid-diżassoċjazzjoni;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim dwar il-livell tas-servizz konkluż bejn is-COR u d-Direttorat Ġenerali tal-Baġit tal-Kummissjoni, dwar l-implimentazzjoni tal-ABAC (applikazzjoni tal-finanzi u tal-kontabilità ġdida), li tniedet f'Jannar 2007;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' Taqsima tal-Kuntratti fi ħdan is-Servizzi Konġunti, li tipprovdi assistenza lid-dipartimenti operattivi kollha fis-Servizzi Konġunti fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jinnota li skont il-Ftehim l-ġdid, is-servizz ta" verifika tas-Servizzi Konġunti ġie ttrasferit għas-servizzi proprji ta' kull Kumitat;

9.  Jikkunsidra li huwa kruċjali li l-kontrolli li jitwettqu minn, per eżempju, l-uffiċjali li jawtorizzaw, il-verifikaturi u l-awdituri, ikunu rigorużi biżżejjed; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta" numru adegwat ta' kontrolli mingħajr avviż fis-setturi kollha, b'addizzjoni għal dawk il-ftit setturi strateġiċi li jippreżentaw riskju ogħla;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon l-iżvilupp min-naħa tas-servizz tal-baġit tal-KtR ta' għodda ġdida ta" monitoraġġ analitiku tal-budget ("BudgetWatch"), li tipprovdi informazzjoni komprensiva fuq il-linji u s-sottolinji baġitarji kollha tal-KtR, inklużi l-approprjazzjonijiet disponibbli, żviluppi ta" kull xahar ta' impenji u pagamenti reali magħmula għas-sena;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment mill-KtR ta' lista ta' postijiet sensittivi, kif ukoll l-intenzjoni tas-COR sabiex fi ħdan l-unità tal-persunal, joħloq grupp dedikat għall-mobilità li għandu jgħin sabiex jiġi żviluppat approċċ b'viżjoni 'il quddiem għall-ippjanar tar-riżorsi umani;

12.  Jinnota li s-Servizz ta' Verifika Interna wettaq tliet verifiki fl-2007 (dwar il-prestazzjoni tal-infiq tal-missjonijiet, dwar il-prestazzjoni ta' studji esterni u dwar l-adegwatezza ta' ċirkwiti finanzjarji), kif ukoll żewġ verifiki ta" segwitu (dwar trasferimenti tas-salarji b'koeffiċjent ta" korrezzjoni u dwar standards ta' kontroll interni);

13.  Ifakkar li l-verifika interna dwar trasferimenti tas-salarji, li tlestiet fl-2006 u li inkludiet reviżjoni dettaljata tat-trasferimenti kollha eżistenti, żvelat li kien hemm dgħjufija fir-rigward tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet f'dan il-qasam (funzjonijiet ta" tnedija u verifika interna) u l-ambjent ta' kontroll kellu jingħata prijorità akbar minħabba r-riskji kkonċernati; jinnota wkoll li fi Frar 2007 kien hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern u t-tieni segwitu seħħ fl-2008, u li nstab li 16 minn 20 rakkomandazzjoni ġew implimentati b'mod sħiħ; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-KtR biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa ta' kull rakkomandazzjoni ta' verifika;

14.  Ifakkar li, wara investigazzjoni, fir-rigward ta' tmien trasferimenti, l-OLAF stabbilixxa li dawn ma kinux f'konformità mal-kundizzjonijiet statutorji u rrakkomanda li jiġu rkuprati l-ammonti żejda mill-uffiċjali kkonċernati; jinnota b'sodisfazzjon li l-irkupri kollha tlestew kmieni fl-2007; ifakkar ukoll fir-rigward ta" sitt membri tal-persunal l-OLAF irrakkomanda l-ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari, u għal ħamsa minnhom ressaq ukoll fajls lill-awtoritajiet Belġjani;

15.  Josserva li, wara talba mill-awtoritajiet Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra tal-KtR neħħiet l-immunità tal-uffiċjali kkonċernati fis-6 ta' Lulju 2007, u li sussegwentement dawn l-uffiċjali ġew intervistati mill-awtoritajiet; jinnota wkoll li fis-17 Novembru 2008, wara talba mill-Prosekutur Pubbliku, l-immunità ta' uffiċjali ieħor tneħħiet mill-Awtorità tal-Ħatra tas-CoR;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li tnediet inkjesta amministrattiva mis-Segretarju Ġenerali tal-KtR u saret minn ex-Viċi Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni li fi tnejn mill-ħames każijiet fejn il-fajls tressqu lill-awtoritajiet, l-Awtorità tal-Ħatra tal-KtR, fis-17 Jannar 2008, iddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord tad-Dixxiplina; jifhem li, skont ir-Regolamenti tal-Istaff, tista" tittieħed deċiżjoni finali f'dawn il-każijiet biss wara li tkun ġiet mogħtija sentenza finali mill-qorti Belġjana;

17.  Jinnota li fit-tliet każijiet l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra se tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari hekk kif din tkun irċeviet l-informazzjoni neċessarja dwar is-segwitu li l-awtoritajiet Belġjani bi ħsiebhom jagħtu għal dawn il-fajls; jinnota wkoll li f'każ ulterjuri, li fih l-OLAF ma jkunx ressaq il-fajl lill-awtoritajiet Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra iddeċidiet, f' konformita' mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta amministrattiva, li tindirizza twissija lill-uffiċjal ikkonċernat; itenni t-talba tiegħu għall-prosekuzzjoni stretta tal-każijiet kollha fejn tista" tiġi pruvata imġiba qarrieqa;

18.  Jitlob lill-KtR biex jikkunsidra miżuri dixxiplinarji proporzjonati jekk l-eżitu tal-każijiet pendenti jitlobhom;

19.  Jinnota li l-Membri tal-KtR jew għandhom mandat elettorali ta' awtorità reġjonali jew lokali, jew ikunu politikament responsabbli minn assemblea eletta; jinnota wkoll li f'dawk il-kapaċitajiet, il-Membri għandhom jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom, jiżvelaw informazzjoni relevanti dwar affarijiet bħal attivitajiet professjonali li għandhom ikunu dikjarati u karigi jew attivitajiet remunerati, f' konformita' mad-dispożizzjonijiet prevalenti fil-korpi reġjonali u lokali; jissuġġerixxi li s-CoR jintroduċi dan l-obbligu għall-Membri tiegħu kollha; jipproponi wkoll li jinħatar uffiċjal ta' sorveljanza indipendenti li jkollu l-kariga li kull sena jirrapporta pubblikament id-dikjarazzjonijiet li jirċievi sabiex jiġu żgurati sorveljanza u kontroll kredibbli;

20.  Jitlob lis-COR biex fir-rapport ta' attività li jmiss (sena finanzjarja 2008) jinkludi kapitolu li jagħti rendikont dettaljat tas-segwitu matul is-sena għad-deċiżjonijiet preċedenti ta" kwittanza tal-Parlament, inklużi spjegazzjonijiet li jista" jkun hemm talli ma kienx hemm segwitu tar-rakkomandazzjonijiet, u mhux biss ta' referenza għad-deċiżjonijiet ta" kwittanza;

21.  Jinnota li, minkejja emendi għar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli tiegħu dwar l-akkwist pubbliku għandhom goffi b'mod eċċessiv għal istituzzjonijiet żgħar bħalma huwa l-KtR, b'mod speċjali rigward sejħiet għall-offerti għal kuntratti għal ammonti relattivament żgħar; jistieden lill-Kummissjoni biex - meta tkun qed tagħmel xogħol preliminari ta' qabel it-tfassil ta' xi proposta futura tagħha għal amenda għar-Regolament Finanzjarju - tikkonsulta b'mod estensiv mas-Segretarju Ġenerali tas-CoR u l-amministrazzjoni tiegħu sabiex ikun żgurat li affarijiet li jirrigwardawhom jiġu meqjusa b'mod sħiħ fl-abbozz finali.

(1) ĠU L 77, 16.3.2007.
(2) ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.
(3) ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.
(4) ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza