Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2216(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0227/2009

Testi mressqa :

A6-0227/2009

Dibattiti :

PV 22/04/2009 - 19
CRE 22/04/2009 - 19

Votazzjonijiet :

PV 23/04/2009 - 8.34
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0308

Testi adottati
PDF 371kWORD 93k
Il-Ħamis, 23 ta' April 2009 - Strasburgu
Pjan ta" Azzjoni tas-Sistemi ta" Trasport Intelliġenti
P6_TA(2009)0308A6-0227/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-Pjan ta" Azzjoni tas-Sistemi ta" Trasport Intelliġenti (2008/2216(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta" Diċembru 2008 intitolata "Pjan ta" Azzjoni għall-Varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa" (COM(2008)0886),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma" modi oħrajn ta" trasport (COM(2008)0887),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta" Settembru 2001 intitolata "Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu" (COM(2001)0370),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta" Lulju 2008 intitolata "Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku" (COM(2008)0433),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta" Lulju 2008 intitolata "Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni" (COM(2008)0435),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta" Settembru 2007 intitolata "Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana" (COM(2007)0551),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta" Ġunju 2006 intitolata 'Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna: reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea' (COM(2006)0314),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta" Settembru 2007 intitolata "Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti " (COM(2007)0541),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta" Frar 2007 intitolata "Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 – Pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Finali tal-Grupp ta" Livell Għoli CARS 21; Kontribuzzjoni għall-Iżvilupp tal-UE u l-Istrateġija tal-Impjiegi" (COM(2007)0022),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta" Frar 2006 intitolata "Dwar l-Inizjattiva għall-Karozzi Intelliġenti: Inqajmu Kuxjenza dwar il-KIT għal vetturi iktar intelliġenti, sikuri u nodfa" (COM(2006)0059),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta" Ġunju 2006 intitolata "Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa – il-muftieħ għall-mobilità sostenibbli" (COM(2006)0336),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta" Ottubru 2007 intitolata "Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija" (COM(2007)0607),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta" Jannar 2006 intitolata "Rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban" (COM(2005)0718),

–   wara li kkunsidra l-proposti u l-linji gwida tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-fondi strutturali, il-fondi ta" koeżjoni u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta" Ottubru 2008 dwar il-proposta riveduta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta" vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li ma jniġġsux(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta" Frar 2008 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta" Liżbona(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta" Marzu 2008 dwar politika Ewropea tat-trasport sostenibbli li tqis il-linji politiċi Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta" Ġunju 2008 dwar Lejn Mobilità aktar Sikura, Aktar Nadifa u Effiċjenti fl-Ewropa Kollha: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta" Lulju 2007 dwar Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta" Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa – is-soluzzjoni għal mobilità sostenibbli(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta" Jannar 2007 dwar il-Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza tat-Toroq – reviżjoni ta" nofs iż-żmien(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta" Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban(9),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0227/2009),

A.   billi s-Sistemi ta" Trasport Intelliġenti (STI) huma applikazzjonijiet avvanzati li jużaw it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK) għat-trasport u jipprovdu servizzi innovattivi fil-modi tat-trasport u l-ġestjoni tat-traffiku,

B.   billi s-STI għandhom potenzjal kbir għall-aktar użu effiċjenti tal-modi kollha tat-trasport li jistgħu jilħqu l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-politika Ewropea tat-trasport,

C.   billi l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq taffettwa 10% tan-netwerk tat-toroq u f'sena tiġi tiswa 1% ta-PGD tal-UE, il-fatalitajiet fit-toroq għadhom jammontaw għal 42 953 (2006), ħafna ogħla mill-mira maħsuba tat-tnaqqis għal 25 000 sa 2010 u t-trasport bit-toroq jgħodd għal 72% tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mat-trasport kollu filwaqt li 40% tal-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport bit-toroq fl-Ewropa huma kkawżati mit-traffiku urban,

D.   billi s-STI wrew li huma essenzjali fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u t-trasport iktar ekoloġiku,

E.   billi l-applikazzjonijiet intelliġenti ġew żviluppati għal modi differenti ta" trasport bħal pereżempju t-trasport bil-ferrovija (ERTMS u TAF-TSI), it-trasport fl-ilmijiet interni u t-trasport marittimu (LRITS, SafeSeaNet, VTMIS, RIS), it-trasport bl-ajru (SESAR) u t-trasport fuq l-art, bħat-trasport tal-bhejjem,

1.  Jenfasizza li s-STI huma strument importanti sabiex isir użu effikaċi tal-infrastruttura eżistenti, it-trasport ikun aktar effiċjenti, bla periklu, sikur u li jħammeġ inqas l-ambjent, u b'dan il-mod jingħata kontribut favur l-iżvilupp ta" mobilità sostenibbli għaċ-ċittadini u l-ekonomija;

2.  Jenfasizza l-effett pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli li s-STI għandhom fit-titjib tar-rendiment ekonomiku tar-reġjuni kollha, inklużi z-zoni urbani, jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta' aċċessibilità reċiproka, iżidu l-attività tal-kummerċ lokali u interreġjonali, jiżviluppaw is-suq intern tal-Unjoni Ewropea u x-xogħol marbut mal-attivitajiet ġejjin mill-implimentazzjoni tas-STI;

3.   iqis li s-STI jistgħu jtejbu l-kondizzjonijiet ta' ħajja taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ta' dawk li jgħixu f'zoni urbani, u se jikkontribwixxu wkoll biex ikun hemm aktar sikurezza fit-toroq, jitnaqqsu l-emissjonijiet dannużi u t-tniġġis ambjentali, iżidu l-effiċjenza tat-traffiku, jitjieb l-aċċess għaz-zoni periferiċi, u titħaddem il-politika tat-tnaqqis tat-traffiku;

4.  Jilmenta dwar id-dewmien fl-istabbiliment ta" qafas komuni għall-implimentazzjoni tas-STI fl-UE u n-nuqqas ta" varar koordinat tas-STI b'miri speċifiċi l-iktar minħabba l-barrieri għall-interoperabiltà, nuqqas ta" koperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi kollha, u l-privatezza ta" data mhux solvuta u kwistjonijiet ta" responsabilità;

5.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-Pjan ta" Azzjoni tal-Kummissjoni dwar s-STI ("il-pjan ta" azzjoni") bħala qafas komuni ta" azzjonijiet u programmi b'dati ta" skadenza ċari għall-għoti tar-riżultati;

6.  Jemmen ħafna li huwa meħtieġ l-istabbiliment ta" strument fil-politika tat-trasport li jrawwem l-użu tas-STI; jappoġġja strument leġiżlattiv biex jiffissa l-qafas għall-varar tas-STI u jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi tagħrif aħjar dwar is-sitwazzjoni kurrenti għal dawk li huma azzjonijiet, il-fondi u l-ipprogrammar tal-pjan tal-azzjoni sabiex jassigura li sett ta" azzjonijiet ċari b'dati ta" skadenza jkunu stabbiliti fid-Direttiva li tistipula l-qafas għall-varar tas-STI;

7.  Huwa konxju tal-limitazzjoni ta" għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità (fl-2008) lill-azzjoni EasyWay, li huwa proġett għall-varar tas-STI fuq skala Ewropea fil-kurituri l-iktar importanti tan-netwerk Trans-Ewropew tat-toroq (NTET) f"21 Stat Membru tal-UE mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali tat-toroq u operaturi bi msieħba assoċjati mill-pubbliku u partijiet interessati privati;

Kwistjonijiet orizzontali

8.  Jindika li s-STI għandhom jintużaw fil-mezzi kollha ta" trasport u mill-vjaġġaturi kollha fl-Ewropa, f'approċċ koordinat mal-applikazzjonijiet Galileo; jappoġġa bis-sħiħ l-applikazzjoni immedjata ta" dawn is-sistemi biex tiżdied l-intermodalità bejn is-settur pubbliku u dak privat u fit-trasport pubbliku għal titjib fl-informazzjoni ġenerali u żieda fil-kapaċità ta" ġestjoni;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni ta" responsabilità li tikkostitwixxi ostaklu kbir fl-iżvilupp bla xkiel u koerenti tas-STI fl-Ewropa;

10.  Jikkunsidra li l-interoperabiltà fl-iżvilupp tas-STI hija ta" importanza kbira biex ikun hemm varar effettiv u koerenti tas-STI fl-Ewropa; jenfasizza li fil-każ ta" investimenti fl-NTET (bini jew manutenzjoni ta" toroq) jeħtieġ li jsiru sforzi għall-varar meħtieġ ta" servizzi tas-STI;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni – peress li diġà hemm firxa importanti fis-suq Ewropew tas-STI – biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet għal livell minimu ta" applikazzjonijiet u servizzi ta" STI li jista" jintlaħaq mill-Istati Membri kollha u li huwa neċessarju għall-varar, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni effiċjenti tas-STI;

12.  Jikkonsidra li huwa importanti li ssir evalwazzjoni tat-talba li hemm fis-suq li tevalwa l-ħtiġijiet reali – lil hinn mil-livell minimu stabbilit għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI – kif ukoll li jissaħħu l-aspetti tas-swieq interni tas-STI permezz ta" standardizzazzjoni u qafas regolatorju xieraq;

13.  Jisħaq fuq kemm hi siewja l-koperazzjoni transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-UE f'livell kemm tekniku u kemm amministrattiv, peress li hija ta" importanza kbira għall-varar effikaċi tas-STI fl-UE;

L-aħjar użu tat-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivjaġġar (azzjoni nru 1)

14.  Jenfasizza li hemm bżonn li jinkiseb ammont kbir ta" data u ta" informazzjoni mill-inqas fil-ħames oqsma bażiċi li ġejjin għall-varar effettiv tas-STI: informazzjoni fil-ħin reali tat-traffiku u tal-ivvjaġġar; data dwar in-netwerk tat-toroq; data pubblika għall-mapep diġitali; data għal servizzi ta' informazzjoni universali minimi dwar it-traffiku u sistemi multimodali ta' pjanifikazzjoni tal-vjaġġi tat-tip 'minn bieb għal bieb';

15.  Jitlob li s-servizzi ta" informazzjoni universali minimi jkopru n-Netwerk trans-Ewropew (TEN-T);

16.  Jenfasizza li għall-adozzjoni u l-varar tas-STI fuq firxa wiesgħa jeħtieġ li jiġu kkunsidrati kemm l-informazzjoni dwar it-traffiku u kemm l-orarju stabbilit għad-diversi mezzi tat-trasport;

17.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut tagħrif fil-ħin reali lill-vjaġġaturi u għall-infrastruttura u l-importanza li dan it-tagħrif ikun aktar preċiż, affidabbli u uniformi, filwaqt li jiġu rispettati l-speċifiċitajiet Ewopej (geografiċi, kulturali u lingwistiċi) u li tiġi aċċertata l-kontinwità geografika;

18.  Jikkunsidra li hu essenzjali għall-iżvilupp tas-STI li jkun garantit l-aċċess tas-settur privat għad-data dwar toroq, traffiku u l-ivvjaġġar waqt li tiġi rispettata l-privatezza u tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet ta" proprjetà intellettwali;

Kontinwità ta" ġestjoni tas-servizzi tat-traffiku u tal-merkanzija tas-STI dwar kurituri u konurbazzjonijiet tat-trasport Ewropew (azzjoni nru 2)

19.  Jemmen li huwa essenzjali li jkun żgurat li s-STI jkunu armonizzati, interoperabbli u affidabbli filwaqt li titħares il-libertà tal-utent fl-għażla tas-STI;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw u jgħaqqdu s-STI mal-inizjattivi ta" mobilità urbana tal-UE għall-mobilità ta" trasport aktar effiċjenti u għall-fluwidità fil-ġestjoni tat-trasport kif ukoll, biex titnaqqas il-konġestjoni minn fuq it-toroq, kurituri TEN-T, kurituri għat-trasport tal-merkanzija u konurbazzjonijiet;

21.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jkun hemm koperazzjoni transkonfinali u żvilupp ta" programmi għall-varar u l-implementazzjoni tas-STI, bħalma hu l-proġett Easy Way;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika informazzjoni ta" prijorità, tagħmir tat-trasport u standards ta" vetturi biex il-varar tas-STI kif ukoll tal-miżuri li jippromwovu infrastruttura tal-awtostradi aktar armonizzata jiġu żviluppati;

23.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-istima tal-ispiża ekonomika ta" kull vettura u tal-infrastruttura li toħroġ mill-varar tas-STI tkun ibbażata fuq analiżi ta" benefiċċju meta mqabbla mal-ispiża li tkopri l-ispejjeż kollha assoċjati (ekonomiċi, soċjali u ambjentali);

STI fis-servizz tal-mobilità urbana (azzjoni nru 2a)

24.  Huwa favur l-iżvilupp ta" metodi u sistemi għall-informazzjoni tal-utenti dwar servizzi disponibbli ta' trasport urban u l-qagħda tan-netwerks ikkonċernati, b'mod partikulari bl-użu tat-teknoloġija GSM;

25.  Jissuġerixxi li ssir aktar riċerka dwar sistemi ta" tariffi komuni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta" xi reġjun u b'mod partikulari dwar il-metodi tekniċi relatati;

26.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta" tekniki intermodali li jipprovdu aċċess aħjar għall-mezzi tat-trasport u l-mobilità urbana għal persuni b'mobilità mnaqqsa;

Sigurtà u sikurezza fit-toroq (azzjoni nru 3)

27.  Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri biex jippreparaw għall-varar u l-integrazzjoni armonizzati tal-applikazzjoni eCall fil-pajjiżi kollha tal-UE sas-sena 2010, hekk kif jitlestew it-testijiet ta" standardizzazzjoni;

28.  Jikkunsidra li l-applikazzjoni u l-użu tas-STI għandhom:

   jippromwovu s-Sistemi Avvanzati ta" Assistenza għas-Sewqan (SAAS) b'potenzjal biżżejjed biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq, bħalma huma l-Kontroll ta" Stabilità Elettronika (KSE) kif ukoll l-eCall li waħedha u jekk użata tajjeb tista" ssalva sa 500 ħajja kull sena fl-UE;
   itejbu s-sikurezza tat-toroq billi jimpedixxu l-veloċità, sewqan fis-sakra u sewqan bla ċinturin tas-sigurtà;
   itejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza permezz ta" użu ta" postijiet ta" parkeġġ dinjitużi u sikuri u jipprovdu servizzi xierqa għas-sewwieqa tat-trakkijiet billi jużaw il-portal truckinform(10) u
   itejbu l-protezzjoni tas-sewwieq u t-tagħbija fit-trasport tal-merkanzija mis-serq, il-ħtif u l-brigantaġġ u b'dan il-mod isaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, partikolarment f'zoni fil-fruntiera u fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija lejn pajjiżi terzi;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'urġenza taħdem favur tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż tal-komunikazzjoni, sabiex ikun jista" jsir użu usa" tat-tagħmir tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni fuq il-bażi tat-telekomunikazzjoni;

30.  Huwa favur l-inizjattiva ssuġġerita "e-freight" (trasport elettroniku tal-merkanzija) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-kunċett tat-"trasport intelliġenti tal-merkanzija", bil-għan li jittieħed approċċ multimodali għas-servizzi tas-STI fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija – b'enfasi partikulari fuq l-oġġetti perikolużi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu importanza indaqs lit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, biex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra t-trasport tal-passiġġieri, li għandha impatt partikularment negattiv fuq il-mobiltà tal-persuni;

32.  Jirrakkomanda qafas regolatorju xieraq għall-interazzjoni bejn il-magna u l-bniedem (HMI) u għall-protokolli oħra tas-STI u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta" responsabilità;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta" utenti tat-trasport dgħajfa, inklużi nies b'mobilità mnaqqsa u biex testendi l-azzjonijiet biex jiġi adottat il-varar tas-SAAS u ta" oħrajn bħas-STI u l-HMI għal vetturi b'żewġ roti skont is-sottoazzjonijiet proposti fil-pjan ta" azzjoni;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tisfrutta l-potenzjalità tas-STI fir-rigward tal-miżuri preventivi kontra l-ismogg u l-konċentrazzjonijiet għoljin wisq tal-ożonu u favur it-tnaqqis tat-tniġġis akustiku u tal-emissjonijiet ta" partikulati, ossidi tan-nitroġenu u diossidu tal-karbonju;

Integrazzjoni tal-vettura fl-infrastruttura tat-trasport (azzjoni nru 4)

35.  Jenfasizza l-importanza li tiġi definita arkitettura ta" pjattaforma komuni għal interkonnessjonijiet u protokolli standardizzati li jiffaċilitaw il-varar tas-STI, sistemi koperattivi u speċifikazzjonijiet ta" bejn infrastruttura u oħra (I2I), ta" bejn vettura u infrastruttura (V2I), u ta" bejn vettura u oħra (V2V);

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplementa pjan direzzjonali dwar s-STI bi pjattaformi komuni rigward l-applikazzjonijiet u l-varar tas-STI u bil-parteċipazzjoni tal-qasam privat u dak pubbliku, kif ukoll biex tistabbilixxi qafas xieraq biex jiġu solvuti kwistjonijiet ta" responabiltà rigward s-STI;

37.  Jinnota li l-istħarriġ dwar applikazzjonijiet tas-STI għandu jkun imħeġġeġ biex itejjeb il-kapaċità tal-utent fit-trasport u jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magna;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu forum miftuħ għall-iskambju ta" informazzjoni u biex ikunu indirizzati kwistjonijiet rigward s-STI;

Sigurtà u protezzjoni tad-data u kwistjonijiet ta" responsabilità (azzjoni nru 5)

39.  Jisħaq l-ħtieġa li titħares il-privatezza u jqis li kwistjonijiet ta' privatezza u ta' sigurtà u protezzjoni tad-data mill-istadji bikrin tal-iżvilupp tad-disinn tas-STI għandhom jitqiesu meta jkunu stabbiliti l-istruttura u l-miżuri ta' implimentazzjoni ('Privacy by design');

40.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fl-applikazzjonijiet tas-STI biex ikunu konformi mad-direttivi tal-KE dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttivi 95/46/KE(11) u 2002/58/KE(12)) u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-użu xieraq tad-data skont l-applikazzjonijiet u l-varar tas-STI;

41.  Jemmen li l-użu anonimu tad-data dwar l-applikazzjonijiet tas-STI huwa neċessarju għall-varar bla xkiel tas-STI waqt li tiġi aċċertata l-privatezza u l-qbil mal-qafas legali u l-protezzjoni tad-data tal-KE;

Koperazzjoni u koordinazzjoni tas-STI Ewropej (azzjoni nru 6)

42.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw tmexxija b'saħħitha u governanza ġenwina lejn il-varar tas-STI fl-Ewropa;

43.  Jinkuraġġixxi l-promozzjoni tal-iżvilupp ta" sistemi multimodali nazzjonali u Ewropej ta' pjanifikazzjoni tal-vjaġġi tat-tip 'minn bieb għal bieb', filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-alternattivi tat-trasport pubbliku, u l-interkonnessjoni tagħhom madwar l-Ewropa kollha;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża aħjar il-kapaċitajiet tal-UE bil-programmi tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni Globali bis-Satelliti (GNSS) EGNOS u Galileo, filwaqt li ttejjeb l-interkonnettività multimodali;

45.  Jenfasizza li dawn it-teknoloġiji għandhom jiġu applikati b'tali mod li tiġi evitata l-inkompatibilità bejn il-modi ta" trasport u tkun imħarsa l-libertà tal-għażla fir-rigward tal-użu ta" dawn it-teknoloġiji;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li s-STI għandhom jinvolvu attivament fil-proċess tal-ippjanar u fil-proċess tal-implimentazzjoni lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-partijiet interessati li qed joperaw fit-territorju Ewropew;

  47 Jenfasizza l-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) fl-implimentazzjoni tas-STI u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi attivi biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-użu tagħhom;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjega sħiħa tal-pjan ta" azzjoni għall-finanzjament tal-programmi tagħha u jappella lill-Kunsill biex jaċċerta li jkun hemm finanzjament biżżejjed;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex waqt ir-reviżjoni ta" nofs it-terminu dwar l-użu tal-Fondi Strutturali jindirizzaw it-temi tal-mobilità urbana u t-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku permezz ta" STI u biex iżiduhom mal-lista tal-prijoritajiet għall-perjodu 2010 - 2013;

50.  Jindika l-ħtieġa li l-potenzjal sinifikanti taz-zoni urbani jiġi definit u sfruttat aħjar, u jenfasizza l-irwol li z-zoni rurali u periferiċi jista' jkollhom biex jinkiseb żvilupp bilanċjat u biex jintlaħqu l-objettivi għall-perjodu medju ta' żmien u għall-futur imbiegħed;

51.  Iqis li hu ta' importanza vitali li jiġu implimentati netwerks ta' trasport intelliġenti f'zoni b'potenzjal turistiku kbir bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tat-traffiku, jitnaqqsu l-inċidenti u tiżdied is-sikurezza; iqis li s-STI jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li jinkludu zoni periferiċi;

52.  Jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni interreġjonali, transkonfinali u transnazzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-STI u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema għall-iskambju tal-prattika tajba li tkun disponibbli b'mod mifrux fil-lingwi kollha tal-UE, iżda jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aħjar prattiki jinqasmu u jiġu skambjati bejn ir-reġjunijiet infushom, bl-objettiv doppju tal-ksib tat-trasferiment tan-know-how fil-qasam tas-STI u tal-evitar tal-frammentazzjoni tas-sistema;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0509.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0057.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0087.
(4) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 1.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0311.
(6) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.
(7) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 154.
(8) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 220.
(9) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182.
(10) www.truckinform.eu
(11) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(12) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

Avviż legali - Politika tal-privatezza