Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2580(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0242/2009

Dibattiti :

PV 24/04/2009 - 5.2
CRE 24/04/2009 - 5.2

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0310

Testi adottati
PDF 204kWORD 41k
Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009 - Strasburgu
L-appoġġ għall-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone
P6_TA(2009)0310RC-B6-0242/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar l-appoġġ għall-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, fosthom dik tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-finanzjament tal-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjizi tal-ACP, u l-impenn mill-partijiet fil-Ftehim favur il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone (SCSL), kienet stabbilita fis-sena 2000 min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Gvern tas-Sierra Leone skont ir-Riżoluzzjoni 1315 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex issir ġustizzja ma' min wettaq ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali, partikolarment reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità,

B.   billi l-SCSL qed tistabbilixxi għadd ta' preċedenti importanti fil-ġustizzja kriminali internazzjonali peress li hija l-ewwel qorti internazzjonali li qed tkun iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet volontarji, l-ewwel qorti li ġiet stabbilita fil-pajjiż fejn twettqu r-reati allegati u, fil-każ tal-ex President tal-Liberja, l-ewwel qorti li akkużat lil kap ta' stat Afrikan fil-kariga b'reati tal-gwerra u b'reati kontra l-umanità,

C.   billi l-mandat tal-SCSL jintemm fl-2010, u l-Gvern tas-Sierra Leone wera li mhuwiex f'pożizzjoni li jinforza s-sentenzi tal-persuni li nstabu ħatja mill-SCSL,

D.   billi l-infurzar tas-sentenzi huwa element essenzjali tal-ġustizzja internazzjonali, li għandha rwol importanti fir-rigward tal-paċi u l-iżvilupp ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-pajjiż,

E.   billi bħalissa huwa problematiku, minn perspettiva politika, istituzzjonali u ta' sigurtà, li min instab ħati jiskonta l-pieni li ngħata fis-Sierra Leone stess,

F.   billi l-SCSL laħqet ftehim ma' stati inklużi r-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Awstrija sabiex ikun żgurat li wħud mill-persuni li nstabu ħatja jiskontaw il-pieni tagħhom f'dawn il-pajjiżi, u billi jinħtieġu aktar ftehimiet sabiex ikun żgurat li l-persuni kollha li diġà nstabu ħatja, u dawk il-persuni li qed jgħaddu ġuri u li jistgħu jinstabu ħatja, fil-fatt jiskontaw il-pieni tagħhom,

G.   billi n-nuqqas li jinstabu faċilitajiet ta' detenzjoni xierqa għall-persuni li nstabu ħatja mill-agħar reati immaġinabbli jdgħajjef ferm l-isforzi tal-komunità internazzjonali sabiex il-ġlieda kontra l-impunità tkun implimentata b'mod effettiv,

H.   filwaqt li jfakkar li l-ġlieda kontra l-impunità hi wieħed mis-sisien tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea u li l-komunità internazzjonali għandha r-responsabilità li tappoġġja l-mekkaniżmi ta' responsibilità li ġew implimentati,

I.   billi tribunali u qrati oħra, bħat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja u t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda qed jaffaċċjaw problemi simili, u billi korpi internazzjonali oħra bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali , it-Tribunal Speċjali għal-Lebanon u l-Kmamar Straordinarji fil-Qrati tal-Kambodja x'aktarx li jaffaċċjaw l-istess problema fil-futur qrib jekk l-istati ma jimpenjawx ruħhom aktar biex jappoġġjaw l-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali,

J.   billi l-qrati u t-tribunali internazzjonali kollha għandhom rwoli importanti għall-paċi u l-ġustizzja fir-reġjuni rispettivi tagħhom, u kull wieħed minnhom huwa impenjat sabiex tkun żgurata rabta dejjiema kif ukoll li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-istat tad-dritt fir-reġjun li fih twettqu r-reati,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-qrati u t-tribunali internazzjonali sabiex jittellgħu l-qorti l-persuni responsabbli mill-atroċitajiet li twettqu, u jemmen li dawn il-kawżi jagħtu messaġġ ċar lill-mexxejja madwar id-dinja u lil krimnali oħra tal-gwerra li abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex se jibqgħu jkunu ttollerati b'impunità;

2.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex isibu soluzzjoni flimkien mal-SCSL sabiex ikun żgurat li l-persuni li nstabu ħatja jiskontaw il-pieni tagħhom, billi mingħajr tali soluzzjoni l-isforz tal-SCSL u l-kredibilità tal-komunità internazzjonali, anke tal-Unjoni, jiddgħajfu ferm;

3.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex iżidu l-kontribut tagħhom għall-ħidma tal-qrati u t-tribunali internazzjonali meta jippruvaw jiffinalizzaw soluzzjoni sostenibbli għall-infurzar tas-sentenzi, kemm billi jilħqu ftehimiet direttament mal-istituzzjonijiet imsemmija għall-infurzar tas-sentenzi fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri kif ukoll billi jgħinuhom isibu soluzzjonijiet alternattivi sabiex ikun żgurat l-infurzar tas-sentenzi fir-reġjuni stess;

4.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lil istituzzjonijiet internazzjonali oħra biex jipprovdu aktar għajnuna finanzjarja lill-SCSL bil-għan li l-persuni li nstabu ħatja mill-SCSL jiskontaw il-pieni tagħhom f'pajjiżi li għandhom il-kapaċità jinfurzaw is-sentenzi skont l-istandards internazzjonali iżda li m'għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jinfurzawhom;

5.  Jikkunsidra li nuqqas ta' għajnuna u ta' appoġġ iqiegħed f'riskju kbir il-ħidma tal-qrati u t-tribunali internazzjonali peress li ma jkunux jistgħu jiżguraw li l-persuni li nstabu ħatja jiskontaw il-pieni li ngħataw;

6.  Jitlob li jsir studju komprensiv li jevalwa x-xogħol li sar mit-tribunali kriminali internazzjonali, filwaqt li wieħed jitgħallem minnu u li jitressqu rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu l-funzjonament u l-finanzjament futur tagħhom;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill- Qorti Speċjali għas-Sierra Leone, lill- Qorti Kriminali Internazzjonali, lit- Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugożlavja, lit- Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, lill- Kmamar Straordinarji fil-Qrati tal-Kambodja, lit-Tribunal Speċjali għal-Lebanon, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-membri kollha tal-Unjoni Afrikana u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.

(1) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p.242.

Avviż legali - Politika tal-privatezza