Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2020(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0222/2009

Testi mressqa :

A6-0222/2009

Dibattiti :

PV 23/04/2009 - 23
CRE 23/04/2009 - 23

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0314

Testi adottati
PDF 449kWORD 125k
Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009 - Strasburgu
Il-problema tat-tfassil tal-profil, b'mod partikulari fuq bażi ta' etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri
P6_TA(2009)0314A6-0222/2009

Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 lill-Kunsill dwar il-problema tat-tfassil tal-profil, b'mod partikulari fuq bażi ta' etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri (2008/2020(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Sarah Ludford f'isem il-Grupp ALDE dwar il-problema tat-tfassil tal-profili, b'mod partikulari fuq bażi ta' etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri (B6-0483/2007),

–   wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem: b'mod partikulari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR); it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat tal-KE); il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) u l-kostituzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u għad-drittijiet u l-garanziji li dawn jagħtu lill-individwi fil-qasam tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-moviment ħieles,

–   wara li kkunsidra l-miżuri Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data mill-Kunsill tal-Ewropa: l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108 għall-Protezzjoni tal-Individwi f'dak li għandu x'jaqsam mal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri R(87) 15 li jirregola l-użu tad-data personali fis-settur tal-pulizija(1), R(97)18 rigward il-protezzjoni tad-data personali miġbura u pproċessata għal raġunijiet statistiċi(2) u R(2001) 10 dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika tal-Pulizija(3),

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data: L-Artikolu 7 u 8 tal-Karta, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' dan it-tip ta' data(4), u d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-ħarsien ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali(5),

–   wara li kkunsidra l-miżuri kontra d-diskriminazzjoni razzjali: il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), l-Artikolu 14 u l-Protokoll 12 tal-ECHR, l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni rrispettivament mir-razza jew l-orġini etnika(6),

–   wara li kkunsidra l-istrumenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża l-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni u tagħrif sigriet, bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/JHA tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi(7), id-Deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill 2006/960/JHA tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikar tal-iskambju ta' informazzjoni u ta' tagħrif sigriet bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(8), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-tisħiħ tal-koperazjoni transkonfinali, b'mod partikulari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transkonfinali(9) u d-Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha 2008/616/JHA tat-23 ta' Ġunju 2008(10),

–   wara li kkunsidra l-bażijiet tad-data eżistenti u ppjanati tal-UE bħalma hija s-Sistema Schengen tal-Informazzjoni, l-Eurodac, u s-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viżi, wara li kkunsidra l-miżuri tal-ġbir tad-data bijometrika bħalma huma dawk għall-permessi ta' residenza u l-passaporti, u għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2006 jisimha "Rinforzar ta' l-amministrazzjoni tal-Fruntieri Marittimi tan-Nofsinhar ta' l-Unjoni Ewropea" konċernanti t-twaqqif ta' Netwerk tal-Għassa Kostali Permanenti għall-fruntieri marittimi esterni tan-nofsinhar (COM(2006)0733), kif ukoll il-proġetti ta' sorveljanza proposti bħalma huma l-Eurosur (is-sistema ta' sorveljanza tal-fruntieri Ewropej),

–   wara li kkunsidra l-proposta biex jinħolqu l-'e-borders' kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 "Inħejju għall-pass li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea", fejn l-immaniġġjar integrat tal-fruntiera li jbassar il-ħolqien ta' kontrolli awtomatizzati mal-fruntiera inklużi programm ta' vvjaġġar reġistrat u sistema ta' dħul-ħruġ huma proposti (COM (2008)0069),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mil-linji tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehima tal-PNR)(11), u għal proposta għal deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill dwar l-użu ta' Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi (COM(2007)0654) kif ukoll għal opinjonijiet dwar din il-proposta mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġudikatura,

–   wara li kkunsidra l-każistika nazzjonali rilevanti bħad-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża dwar il-polizeiliche präventive Rasterfahndung(12) u s-sentenza tal-House of Lords tar-Renju Uniti dwar ir-Roma Ċeki(13) u l-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECtHR), b'mod partikulari Timishev v. Russia(14), Nachova et v. Bulgaria(15), D.H et v. the Czech Republic(16) u S. and Marper v. the United Kingdom(17), u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, b'mod partikulari f'Huber v. Germany(18),

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Martin Scheinin dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu(19), il-karta dwar "Il-ħarsien tad-dritt għall-privatezza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu" mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem Thomas Hammarberg(20), għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Politika Ġenerali Nru 8 dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu(21) u Nru 11 dwar il-Ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali tal-pulizija(22) tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) tal-Kunsill tal-Ewropa u għar-rapport dwar "It-tfassil tal-profil Etniku" min-Netwerk tal-Unjoni Ewropea tal-Esperti Indipendenti dwar id-Drittijiet Fundamentali(23),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0222/2009).

It-tfassil ta' profil u t-tiftix ta' tagħrif

A.  Billi l-gvernijiet tal-Istati Membri qed jagħmlu użu dejjem ikbar ta' teknoloġiji ġodda, permezz ta' programmi u sistemi li jinvolvu l-akkwist, l-użu, iż-żamma jew l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-individwi, bħala mezzi li bihom jiġi miġġieled it-terroriżmu jew affaċċjati theddidiet oħra fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità,

B.  Billi hemm il-bżonn li tiġi adottata, fil-livell Ewropew, definizzjoni ċara tat-tfassil tal-profil, billi wieħed iżomm f'moħħu l-objettiv speċifiku mfittex; Billi t-tfassil tal-profil huwa teknika tal-investigazzjoni magħmula possibbli mit-teknoloġiji l-ġodda u użat komunement fis-settur kummerċjali, imma issa użat dejjem iżjed bħala strument għall-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari biex jinstabu u jiġu evitati d-delitti u wkoll fil-kuntest tal-kontrolli tal-fruntieri,

C.  Billi l-prattika tat-tfassil tal-profil, li spiss hija mwettqa permezz ta' 'tiftix' awtomatiku ta' data miżmuma fil-kompjuter, tirrikjedi analiżi u dibattitu politiku, ladarba din tmur lil hinn, b'mod kontroversjali, mir-regola ġenerali li d-deċiżjonijiet dwar l-infurzar tal-liġi għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta' individwu; billi t-tfassil tal-profil hija teknika investigattiva li tieħu informazzjoni minn diversi sorsi dwar nies, liema informazzjoni tista' tinkludi l-etniċità, ir-razza, in-nazzjonalità u r-reliġjon tagħhom, bħala l-bażi biex isir tentattiv ta' identifikazzjoni u potenzjalment jiġu sanzjonati dawk fosthom li jistgħu jkunu kriminali jew suspettati terroristi, u jistgħu jiġu definiti bħala:

"l-assoċjazzjoni sistematika ta' sett ta' karatteristiċi fiżiċi, psikoloġiċi u ta' mġiba ma' offiżi partikulari u l-użu tagħhom bħala bażi biex jittieħdu deċiżjonijiet li jinfurzaw il-liġi'(24)

jew, tagħmel ir-relazzjoni bejn it-tfassil tal-profil u t-tiftix tat-tagħrif aktar ċara:

"teknika li biha sett ta' karatteristiċi ta' klassi partikulari ta' nies tkun dedotta mill-esperjenza tal-passat, u l-postijiet fejn tinżamm l-informazzjoni mbagħad tkun imfittxija għal individwi li jaqblu mill-qrib ma' dak is-sett ta' karatteristiċi'(25),

D.  Billi t-tfassil tal-profil etniku, li għandu bażi razzjali u etnika speċifika u għalhekk iqajjem tħassib kbir dwar kunflitt ma' normi mhux diskriminatorji, jista' jiġi definit bħala:

"il-prattika tal-użu tar-"razza" jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, jew l-oriġini nazzjonali, bħala l-uniku fattur, jew bħala wieħed minn diversi fatturi fid-deċiżjonijiet tal-infurzar tal-liġi, fuq bażi sistematika, kemm jekk l-individwi kkonċernati huma identifikati permezz ta" mezzi awtomatizzati, u kemm jekk mhumiex"(26)

jew

"l-użu mill-pulizija, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva jew raġonevoli, ta" sisien bħar-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon, in-nazzjonalità jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, f'ħidmiet ta" kontroll, sorveljanza jew investigazzjoni"(27),

E.  Billi t-tfassil tal-profil, kemm permezz tat-tiftix tat-tagħrif jew permezz tal-prattiki tal-pulizija jew aġenziji oħra, qiegħed jiżdied dejjem aktar għall-infurzar tal-liġi u l-kontroll tal-fruntiera, mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni għall-evalwazzjoni tal-effettività tiegħu u għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' salvagwardji legali li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-privatezza u l-evitar tad-diskriminazzjoni,

F.  Billi l-profili jistgħu jkunu:

   i) deskrittivi, meta jkunu bbażati fuq xhieda u tagħrif ieħor dwar min ikkommetta reat jew karatteristiċi ta' reati li ġew imwettqa, u għalhekk jappoġġjaw l-arrest ta' suspettati speċifiċi jew l-identifikazzjoni ta' attivitajiet kriminali attwali li jsegwu l-istess mudell; jew
   ii) ta' tbassir, meta jagħmlu korrelazzjonijiet bejn varjabbli osservati minn avvenimenti tal-passat u data attwali u informazzjoni sigrieta sabiex isiru inferenzi li huwa mifhum li jgħinu biex jiġu identifikati dawk li jistgħu jkunu involuti f'xi reat fil-ġejjieni jew li għadu ma ġiex skopert(28);

G.  Billi t-tiftix ta' data u t-tfassil tal-profil iċajpru l-linja li tinqata' bejn sorveljanza mmirata permissibbli u sorveljanza ta' massa problematika li fihom tinġabar id-data għax tkun ta' użu iżjed milli għal raġunijiet definiti, li potenzjalment jammontaw għal interferenza mhux legali fil-privatezza;

H.  Jenfasizza li r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq l-ivvjaġġar u l-prattiki intrużivi tal-kontroll jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-iskambji ekonomiċi, xjentifiċi, kulturali u soċjali li huma vitali mal-pajjiżi terzi; għaldaqstant, jisħaq fuq l-importanza li jitnaqqas ir-riskju ta' ċerti gruppi, komunitajiet jew nazzjonalitajiet li jesperjenzaw prattiki diskriminatorji jew miżuri li ma jistgħux jiġu ġġustifikati b'mod oġġettiv,

I.  Billi jeżisti l-periklu li nies innoċenti jkunu suġġetti għal waqfiet arbitrarji, interrogazzjonijiet, restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar, twissijiet ta' sorveljanza jew ta' sigurtà minħabba informazzjoni li tkun żdiedet fil-profil tagħhom minn aġent statali, u li jekk l-informazzjoni ma titneħħiex immedjatament taf twassal, permezz tal-iskambju ta' data u rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet, għal ċaħdiet ta' viżi, permessi għal ivvjaġġar jew fil-fruntieri, tqegħid fuq listi ta' kontroll, inklużjoni f'bażijiet ta' data, projbizzjonijiet ta' impjieg jew użu ta' banek, arresti jew telfien ta' libertà jew ċħid ieħor ta' drittijiet, li kollha kemm huma jafu jkunu mingħajr rimedju,

Obbligi legali

J.  Billi l-infurzar tal-liġi għandu dejjem isir fir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għall-ħajja privata u familjari, il-ħarsien tad-data personali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni; jemmen li waqt li koperazzjoni internazzjonali mill-qrib hija essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u rati serji, kull koperazzjoni ta' dan it-tip trid tikkonforma mal-liġi internazzjonali kif ukoll man-normi u l-valuri Ewropej dwar trattament ugwali u protezzjoni legali xierqa, sabiex l-UE ma tnaqqasx il-kredibilità tagħha bħala promotriċi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali fil-fruntieri tagħha u fil-livell internazzjonali,

K.  Billi l-UE għandha tevita sistemi investigattivi li jistgħu jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet diplomatiċi bla bżonn, ifixklu l-koperazzjoni internazzjonali jew li jħassru tali immaġni tagħha fid-dinja u l-kredibilità tagħha bħala promotur tal-liġi internazzjonali; billi l-istandards Ewropej għat-trattament ugwali, għan-nondiskriminazzjoni u għall-protezzjoni legali għandhom ikomplu jagħtu eżempju,

L.  Billi kemm it-tfassil tal-profil deskrittiv u ta' tbassir, jistgħu jkunu għodda investigattiva leġittima, meta dawn ikunu bbażati fuq tagħrif speċifiku, affidabbli u f'waqtu li u meta l-azzjonijiet meħuda abbażi ta' dawn il-profili jiltaqgħu mat-testi legali tan-neċessità u l-proporzjonalità; iżda madankollu jemmen li fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet u salvagwardji legali xierqa rigward l-użu ta' data dwar l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità u l-affiljazzjoni politika, hemm riskju kbir li l-profiling jista' jwassal għal prattiki diskriminatorji,

M.  Billi, il-gwida fil-Kodiċi ta' Etika tal-Pulizija li 'l-investigazzjonijiet tal-pulizija għandhom bħala minimu jkunu bbażati fuq suspett raġonevoli ta' offiża jew reat li seħħ jew possibbli li jseħħ', u billi huwa mistqarr li probabilità ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem(29) li jheddu d-drittijiet tal-individwu u s-soċjetà bħala tali tiġi min-nuqqas ta' dan is-suspett raġonevoli, meta t-tfassil tal-profil huwa bbażat fuq sterjotipi jew preġudizzju,

N.  Billi t-'tfassil tal-profil bħala tbassir', juża profili wiesgħin żviluppati permezz ta' tqabbil bejn bażijiet tad-data u jirriflettu ġeneralizzazjonijiet mhux ippruvati jew xejriet ta' mġiba meqjusa li probabbli jindikaw lill-kummissjoni b'xi reat jew att terroristiku futur jew li għadu ma ġiex skopert iqajjem tħassib serju rigward il-privatezza u jista' jikkostitwixxi kuntrast mad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata skont l-Artikolu 8 tal-ECHR u l-Artikolu 7 tal-Karta(30),

O.  Billi l-każistika tal-ECtHR tagħmilha ċara li d-derogi skont l-Artikolu 8(2) ECHR huma permessi biss jekk ikunu f'konformità mal-liġi u neċessarji f'soċjetà demokratika(31), kif ikkonfermat fis-sentenza reċenti tagħha ta' S. and Marper v. the United Kingdom, imsemmija hawn fuq, fejn ġiet mistqarra vjolazzjoni tal-Arikolu 8 tal-ECHR "in-natura komprensiva u indiskriminatorja (...) tas-setgħat taż-żamma tal-marki tas-swaba', tal-kampjuni taċ-ċelluli u tal-profili tad-DNA ta" persuni ssuspettati li ma jkunux għadhom instabu ħatja",

P.  Billi s-sejba tal-ECtHR f'S. and Marper v. the United Kingdom, imsemmi hawn fuq, ta' 'riskju ta' stigma' mill-fatt li persuni li ma jiġux ikkundannati li wettqu reat jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kriminali kkundannati fil-bażi tad-data tad-DNA tar-Renju Unit għandha tqajjem ukoll kwistjonijiet dwar il-legalità ta' operazzjonijiet ta' tfassil tal-profil bbażati fuq l-ipproċessar ta' data personali ta' persuni li ma jkunux instabu ħatja mill-qrati(32),

Q.  Billi l-programm Rasterfahndung, li fih l-awtoritajiet tal-pulizija Ġermaniża ġabru rekords personali minn bażijiet tad-data pubbliċi u privati ta' irġiel bejn it-18 u l-40 sena li kienu studenti jew ex-studenti ta' fidi (preżunta) Iżlamika f'tentattiv (bla suċċess) biex jiġu identifikati suspettati terroristi tqies li jmur kontra l-kostituzzjoni mill-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża fid-deċiżjoni tagħha msemmija hawn fuq, li ddeċidiet li t-tiftix tat-tagħrif huwa intrużjoni illegali fid-data personali u l-privatezza li ma tistax tkun iġġustifikata bħala reazzjoni għal sitwazzjoni ta' theddida ġenerali tat-tip li kontinwament eżistiet fir-rigward tal-attakki terroristiċi sa mid-9 ta' Settembru 2001, iżda teħtieġ li jkun hemm "periklu konkret" bħat-tħejjija jew it-tqabbid biex isiru attakki terroristiċi,

L-Effettività

R.  Billi ntefa dubju dwar l-utilità ta' tiftix tat-tagħrif u tfassil tal-profil f'bosta studji Amerikani fosthom:

  (i) Studju mill-Istitut Cato osserva:

għalkemm it-tiftix tat-tagħrif għandu ħafna użi ta' valur, mhuwiex ideali fir-rigward tal-problema marbuta mal-kxif tat-terroristi. Ikun ħażin jekk it-tiftix tat-tagħrif biex jinkixfu t-terroristi kellu jiġi aċċettat fi ħdan is-sigurtà nazzjonali, l-infurzar tal-liġi u l-oqsma tat-teknoloġija għaliex l-użu tiegħu għat-tiftix tat-tagħrif iwassal biex jinħlew il-flus ta' min iħallas it-taxxa, jikser mingħajr bżonn il-privatezza u l-libertajiet ċivili, u jindirizza ħażin ħin u enerġija ta' valur tal-irġiel u n-nisa fil-komunità tas-sigurtà nazzjonali(33)
   (ii) Studju tal-Kunsill tar-Riċerka Nazzjonali tal-Istati Uniti dwar it-tiftix tat-tagħrif u t-teknoloġiji ta' kontroll tal-imġiba għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna kkonkluda li:

identifikazzjoni awtomatizzata tat-terroristi permezz ta' tiftix tat-tagħrif...la hija possibbli bħala objettiv u lanqas mixtieqa bħala għan ta' sforzi ta' żvilupp teknoloġiku.(34)

S.  Billi l-effettività tat-tiftix tat-tagħrif hija mdgħajfa mill-problema tax-"xagħra fl-għaġina" li jaffaċċjaw l-analisti biex jiffiltraw kwantità kbira ta' data disponibbli; sa tal-punt li 't-traċċi diġitali' li jitħallew miċ-ċittadini li jirrispettaw il-liġi huma ħafna aktar minn tal-kriminali u t-terroristi li jagħmlu sforzi kunsiderevoli biex jaħbu l-identità tagħhom; u li hemm rati sinifikanti ta' 'pożittivi foloz' u li b'hekk mhux biss persuni totalment innoċenti jaqgħu taħt suspett u li jirriżulta fi ksur potenzjali tal-privatezza individwali tagħhom talli l-issuspettati reali sadanittant jibqgħu mhux identifikati,

T.  Billi l-problema bil-kontra hija l-possibilità li ma jinqabdux perpetraturi li ma jaqblux mal-profil, pereżempju l-mexxej wara l-bombi ta' Londra fis-7 ta' Lulju 2005 li "kien ġibed l-attenzjoni tas-servizzi ta' informazzjoni bħala assoċjat ma' rġiel oħra li kienu suspettati b'involviment fi pjan terroristiku marbut mal-isplużjonijiet ta' bombi...iżda...ma ġiex imfittex għaliex ma' qabilx biżżejjed mal-profil ta' suspettat terrorist ta' qabel Lulju 2005"(35),

U.  Billi t-tfassil tal-politika li tmur kontra r-relazzjoni tajba tal-komunità u taljena ċerti komunitajiet milli jikkoperaw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkunu kontroproduċenti fil-ġbir ta' informazzjoni sigrieta u azzjoni effettiva kontra l-kriminalità u t-terroriżmu(36),

V.  Billi l-ġbir effiċjenti ta' informazzjoni dwar suspetti speċifiċi u li s-segwitu ta' suspetti partikulari huma l-aħjar approċċ biex jinsab u jkun evitat it-terroriżmu, u apparti dan isiru verifiki sporadiċi u kontrolli li jaffettwaw lil kulħadd bl-istess mod u huma impossibbli għat-terroristi biex jevitawhom jistgħu jkunu aktar effettivi mit-tfassil tal-profil fi sforzi ta' prevenzjoni kontra t-terroriżmu(37),

Tfassil tal-profil skont l-etniċità

W.  Billi l-użu tal-etniċità, l-oriġini nazzjonali jew ir-reliġjon bħala fatturi fl-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi mhumiex esklużi sakemm dawn l-użi jikkonformaw ma' standards mhux diskriminatorji, inkluż l-Artikolu 14 tal-ECHR, iżda li jrid jgħaddi l-livelli ta' skrutinju ta' effettività, neċessità u proporzjonalità jekk għandu jikkostitwixxi differenza leġittima ta' trattament li ma jikkostitwix diskriminazzjoni,

X.  Billi t-tfassil tal-profil ibbażat fuq suppożizzjonijiet sterjotipiċi jistgħu jżidu s-sentimenti ta' ostilità u ksenofobija fil-publiku ġenerali lejn persuni ta' ċerta etniċità, nazzjonalità jew sfond relilġjuż(38),

Y.  Billi l-każistika tal-ECHR stabbiliet li fejn ir-razza tikkostitwixxi bażi esklussiva għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi, din titqies bħala diskriminazzjoni pprojbita(39); għalkemm ifakkar li fil-prattika mhuwiex dejjem ċar jekk ir-razza jew l-etniċità kinitx il-bażi esklussiva jew deċiżiva għal azzjoni ta' dan it-tip u spiss huwa biss meta jkunu anlizzati x-xejriet tal-prattiki tal-infurzar tal-liġi li l-piż predominanti ta' dawn il-fatturi joħroġ l-aktar,

Z.  Billi filwaqt li ma hemm ebda norma internazzjonali jew Ewropea li espressament tipprojbixxi 'it-tfassil tal-profil etniku', il-każistika tal-ECtHR tissuġġerixxi din il-konklużjoni u kemm l-ICERD u l-ECRI għamluha ċara li prattiki bħal dawn ma jiksrux il-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni(40),

AA.  Billi l-Programm ta' Azzjoni adottat fil-Konferenza Dinjija 2000 kontra r-Razziżmu iħeġġeġ lill-Istati "biex ifasslu, jimlimentaw u jinfurzaw miżuri effettivi biex jeliminaw "it-tfassil tal-profil razzjali"(41); billi l-ECRI, fir-Rakkomandazzjoni Nru 8, imsemmija hawn fuq, dwar il-glieda kontra ir-razziżmu waqt li tkun qed isseħħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu, staqsiet lill-gvernijiet biex jiżguraw li ebda diskriminazzjoni ma tirriżulta mil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti jew l-implimentazzjoni tagħhom fil-qasam tal-infurzar tal-liġi; u billi n-Netwerk tal-Esperti Indipendenti tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali jemmen li l-profili tat-terroristi abbażi tal-karatteristiċi bħan-nazzjonalità, l-età jew il-post ta' twelid "jirrappreżentaw riskju kbir ta' diskriminazzjoni"(42),

AB.  Billi hemm il-bżonn ta' valutazzjoni komprensiva tal-prattiki investigattivi u s-sistemi tal-ipproċessar tad-data fi ħdan l-UE u l-Istati Membri li jużaw jew ifornu l-bażi għat-tekniki tat-tfassil tal-profil, sabiex jiżguraw konformità assoluta mal-obbligi legali nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u jevitaw diskriminazzjoni mhux ġustifikata jew impatti li ma jirrispettawx il-privatezza,

AC.  Billi l-linji gwida li ġejjin għandhom japplikaw għal operazzjonijiet bħal dawn u billi l-protezzjonijiet kollha flimkien huma meħtieġa sabiex tkun ipprovduta protezzjoni sħiħa u effettiva,

1.  Jindirizza ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

   (a) l-ipproċessar kollu tad-data personali għall-infurzar tal-liġi u għall-iskopijiet anti-terroristiċi għandu jkun ibbażat fuq regoli legali ppubblikati li jimponu l-limiti fuq l-użu,li huma ċari, speċifiċi u li jorbtu kif ukoll suġġett għal superviżjoni effettiva u mill-qrib minn awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data u penalitajiet riġidi għall-ksur ta' dawk ir-regoli; il-ħżin tal-massa tad-data għal mottivi prekawzjonarji huwa sproporzjonat meta mqabbel mar-rekwiżiti bażiċi tal-ġlieda effettiva kontra t-terroriżmu;
   (b) għandu jkun stabbilit qafas legali li jipprovdi definizzjoni ċara kemm tat-tfassil tal-profil u t-tiftix awtomatizzat ta' data miżmuma mill-kompjuter, bil-għan li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-użu leġittimu u t-twaqqif ta' limiti; huwa neċessarju wkoll li jiġu introdotti l-garanziji tal-protezzjoni tad-data neċessarja għal individwi u mekkaniżmi biex tiġi stabbilita r-responsabilità;
   (c) il-ġbir u ż-żamma ta' data sensittiva u personali u l-użu ta' tekniki tat-tfassil tal-profil fir-rigward ta' persuni mhux suspettati b' reat speċifiku jew theddida għandhom ikunu suġġetti għal test ta' "neċessità" u "proporzjonalità" partikolarment strett;
   (d) data fattwali u tagħrif sigriet, kif ukoll data dwar kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data, għandhom ikunu distinti b'mod ċar;
   (e) aċċess għal fajls tal-pulizija u tas-servizzi sigrieti għandhom jitħallew biss skont il-każ, għal raġunijiet speċifiċi, u jkunu taħt kontroll ġudizjarju fl-Istati Membri;
   (f) l-attivitajiet ta' profiling ma għandhomx inaqqsu mill-ħidma investigattiva mmirata tal-pulizija magħmula mis-servizzi tal-pulizija tal-Istati Membri, u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar il-profilina ma għandux jipprevjeni l-aċċess leġittimu għad-databejż bħala parti minn tali investigazzjonijiet immirati;
   (g) għandu jkun hemm limiti ta' żmien dwar iż-żamma ta' tagħrif personali;
   (h) l-istatistika etnika hija għodda essenzjali biex tippermetti li jinstabu prattiki tal-infurzar tal-liġi li jiffokaw l-attenzjoni tal-infurzar tal-liġi mhux proporzjonat, mhux mitlub u mhux ġustifikat fuq il-minoritajiet etniċi; il-ħolqien ta' protezzjoni ta' standard għoli tad-data personali nominali (data marbuta ma' individwu identifikabbli) ma jipprekludix il-ħolqien ta' data statistika inklużi l-varjabbli dwar l-etniċità, ir-razza, ir-reliġjon u l-oriġini nazzjonali li huma neċessarji biex tiġi identifikata d-diskriminazzjoni indiretta inklużi riżultati mhux proporzjonati u mhux ġustifikabbli tal-prattiki tal-infurzar tal-liġi; il-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29 għandu jintalab joħroġ gwida dwar din il-kwestjoni;
   (i) il-ġbir tad-data dwar individwi abbażi biss tal-fatt li għandhom razza jew oriġini etnika partikulari, fidi reliġjuża, orjentazzjoni sesswali jew mġiba, opinjonijiet politiċi jew huma membri ta' movimenti partikulari jew organizzazzjonijiet li mhuwiex rikjest bil-liġi għandu jkun projbiti; huwa neċessarju li jiġu stabbiliti garanziji rigward il-protezzjoni u l-proċeduri għal appell kontra użu diskriminatorju tal-istrumenti tal-infurzar tal-liġi;
   (j) id-dipendenza ta' entitajiet privati jew pubbliċi mill-kompjuters biex jieħdu deċiżjonijiet dwar individwi mingħajr valutazzjoni umana għandha titħalla biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali b'salvagwardji stretti;
   (k) għandu jkun hemm salvagwardji b'saħħithom stabbiliti mil-liġi li jiżguraw skrutinju ġudizzjarju u parlamentari xieraq u effettiv tal-attivitajiet tas-servizzi sigrieti u tal-pulizija, inklużi l-attivitajiet ta' kontra t-terroriżmu;
   (l) minħabba l-konsegwenzi possibbli għall-individwi, l-appell għandu jkun effettiv u aċċessibbli b'tagħrif ċar dwar il-proċeduri applikabbli akkumpanjati minn drittijiet ta' access u rettifika;
   (m) għandu jiġi stabbilit sett ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-effettività, tal-leġittimità u tal-konsistenza mal-valuri tal-Komunità tal-attivitajiet kollha tat-tfassil tal-profil; il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE eżistenti u proposta marbuta mal-użu tal-profiling tajjeb li tkun riveduta sabiex jiġi żgurat li tissodisfa r-rekwiżiti legali skont id-Dritt Ewropew u t-trattati internazzjonali; u r-riforma legali tal-UE tajjeb li titqies jekk meħtieġ biex tipproduċi regoli li jorbtu biex jiġi evitat kull ksur tal-jeddijiet fundamentali biex titqies ir-rakkomandazzjoni mistennija tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-profiling;
   (n) għandu jkun hemm eżami dwar sa liema punt tipprojbixxi jew tirregola l-miżuri u l-prattiki tat-tfassil tal-profil id-Direttiva 2000/43/KE, u għandu jkun hemm kunsiderazzjoni tar-riforma biex titneħħa l-esklużjoni ta' ajruporti u portijiet mill-ambitu tagħha;
   (o) il-Kunsill tajjeb li jikkommissjona studju, ibbażat fuq il-qafas relevanti u l-prattiki kurrenti, li għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, bil-konsultazzjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-każ, u b'konsultazzjoni mal-aġenżiji tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence, billi jkopru l-applikazzjoni attwali u potenzjali tat-tekniki tal-profiling, l-effettività tagħhom fl-identifikazzjoni tal-isusspettati u l-kompatibilità tagħhom mal-libertajiet ċivili, il-jeddijiet tal-bniedem u r-rekwiżiti tal-privatezza; L-Istati Membri għandhom jintalbu biex jippreżentaw figuri dwar il-kontrolli u t-tiftix flimkien ma' interventi oħra li jirriżultaw mit-tekniki tat-tfassil tal-profil;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tas-17 ta' Settembru 1987 fl-410 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(2) Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tat-30 ta' Settembru 1997 fis-602 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(3) Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tad-19 ta' Settembru 2001 fis-765 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p.31.
(5) ĠU L 350, 30.12.2008, p.60.
(6) ĠU L 180, 19.7.2000, p.22.
(7) ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22.
(8) ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.
(9) ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.
(10) ĠU L 210, 6.8.2008, p.12.
(11) ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.
(12) Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża, BVerfG, 1 BvR 518/02 tal-4.4.2006, Absatz-Nru. (1-184).
(13) House of Lords, 9 ta' Diċembru 2004, R v. Immigration Office fl-ajruport ta' Praga et (Konvenuti) ex parte Ċentru Ewropew għad-Drittijiet tar-Roma et (Appellant) [2004], UKHL 55, paragrafu 101.
(14) Timishev v. Russia, 13 ta' Diċembru 2005, nri.. 55762/00 u 55974/00, ECHR 2005-XII.
(15) Nachova et v. Bulgaria [GC], 26 ta' Frar 2004, nri. 43577/98 u 43579/98, ECHR 2005-VII.
(16) D.H. et v. ir-Repubblika Ċeka, 13 ta' Novembru 2007, nru. 57325/00.
(17) S. u Marper v. ir-Renju Unit, 4 ta' Diċembru 2008, nri. 30562/04 u 30566/04.
(18) Sentenza tas-16 ta' Diċembru 2008, Każ C-524/06, għadha mhix ippubblikata fir-Rapporti Ewropej ta' każijiet.
(19) Dokument tan-NU A/HRC/4/26, 29 ta' Jannar 2007.
(20) CommDH/Issue Paper (2008)3, Strasburgu 17 ta' Novembru 2008.
(21) CRI (2004) 26, adottata fis-17 ta' Marzu 2004.
(22) CRI (2007) 39, adottata fid-29 ta' Ġunju 2007.
(23) CFR-CDF, Opinjoni 4, 2006; disponibbli biss bl-Ingliż: http://ec.europa.eu/justice_home/cfr_cdf/doc/avis/2006_4_en.pdf
(24) Opinjoni dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-28 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill u l-użu ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-iskop tal-infurzar tal-liġi, paragrafu 35.
(25) Rapport tal-House of Lords: Clarke R, Profiling: A Hidden Challenge to the Regulation of Data Surveillance, 1993, para 33, nota f'qiegħ il-paġna 41.
(26) De Schutter, Oliver u Ringelheim, Julie (2008), "Ethnic Profiling: A Rising Challenge for European Human Rights Law," Modern Law Review, 71(3):358-384.
(27) Il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) Rakkomandazzjoni tal-politika Ġenerali Nru 11, hawn fuq imsemmija, paragrafu 1.
(28) Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, paragrafu 33.
(29) Idem. Paragrafu 33. Ara wkoll ir-rapport dwar il-profiling etniku magħmul min-network ta' esperti indipendenti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali imsemmi hawn fuq, p. 9-13.
(30) Opinjoni dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-28 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar l-użu ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-iskop tal-infurzar tal-liġi, paragrafu 4.
(31) Għal daqqa t'għajn ħafifa lejn il-każistika relevanti ara E. Brouwer, Towards a European PNR System?, Studju magħmul mid-Dipartiment C tal-Politika tal-Parlament Ewropew, id-Drittijiet taċ-Ċittadin u l-affarijiet Kostituzzjonali, Dokument PE 410.649, Jannar 2009, paragrafu 5, p. 16-17.
(32) Sentenza tal-ECtHR fil-każ S. and Marper v. the United Kingdom, imsemmi hawn fuq, paragrafu 125.
(33) Analiżi tal-Politika tal-Istitut Cato Nru 584, 11 ta' Diċembru 2006, "Effective Terrorism and the limited role of predictive data-mining" minn Jeff Jonas u Jim Harper.
(34) "Protecting Individual Privacy in the Struggle Against Terrorists: A Framework for Program Assessment. Spjegazzjoni eżekuttiva qasira b'xejn disponibbli hawnhekk http://www.nap.edu/catalog/12452.html, p4.
(35) "Detectives draw up new brief in hunt for radicals," The Times, 28 ta' Diċembru 2005.
(36) Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, paragrafu 62.
(37) Idem, paragrafu 61.
(38) Idem, paragrafu 40.
(39) Eż., sentenza tal-ECtHR fil-Każ Timishev v. Russia, imsemmi hawn fuq.
(40) Opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-28 ta' Ottubru 2008 dwar id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill għal Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-iskop tal-infurzar tal-liġi, paragrafu 39.
(41) Rapport tal-Konferenza Dinjija kontra r-Razziżmu, id-Dikriminazzjon Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata (A/CONF.189/12), Programm ta' Azzjoni, paragrafu 72.
(42) In-Netwerk ta' Esperti Indipendenti tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, "The balance between freedom and security in the response by the European Union and its member States to the Terrorist Threats" (2003), p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza