Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (COM(2008)0627 – C6-0350/2008 – 2008/0190(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2008)0627),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0350/2008),
– wara li kkunsidra l-impenn tar-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta' Marzu 2009, li japprova l-proposta kif emendata, skont l-Artikolu 251(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0056/2009),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' April 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2009/110/KE.)