Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2337(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0245/2009

Testi mressqa :

A6-0245/2009

Dibattiti :

PV 24/04/2009 - 2
CRE 24/04/2009 - 2

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.27
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0335

Testi adottati
PDF 246kWORD 77k
Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009 - Strasburgu
Il-25 rapport annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007)
P6_TA(2009)0335A6-0245/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-25 rapport annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007) (2008/2337(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-25 rapport annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt komunitarju (2007)(COM(2008)0777),

–   wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2008)2854 u SEC(2008)2855),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2007 bit-titolu "Ewropa Li Tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja" (COM(2007)0502),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet ma' min jilmenta fir-rigward ta' ksur tal-liġi Komunitarja (COM(2002)0141),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar it-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (2005)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0245/2009),

1.  Jiddispjaċih li, bil-kontra ta' dak li ġara fil-passat, il-Kummissjoni ma wieġbet bl-ebda mod għall-kwistjonijiet li qajjem il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-21 ta' Frar 2008; jinnota li hemm nuqqas ta' titjib sinifikanti f'dak li jirrigwarda t-tliet kwistjonijiet fundamentali li huma t-trasparenza, ir-riżorsi u t-tul tal-proċeduri;

2.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talbiet li saru fis-snin preċedenti, jiġifieri

   · li tinvestiga b'mod urġenti l-possibilità ta' sistema li tindika b'mod ċar il-mekkaniżmi varji għall-ilmenti disponibbli għaċ-ċittadini, li jistgħu jieħdu l-forma ta' portal komuni tal-UE jew tal-ħolqien ta' ċentri online apposta li jservu għal kollox (on-line one-stop-shop) sabiex jgħinu liċ-ċittadini;
   · li tadotta komunikazzjoni li tistipula l-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju tar-responsabilità tal-Istat għall-ksur tal-liġi tal-Komunità, inkluż ksur li jista' jkun attribwit lill-fergħa ġuridika, biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod iżjed effettiv għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant:

   biex tirrispetta l-impenn li ħadet fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tal-20 ta' Marzu 2002 biex tippubblika d-deċiżjonijiet kollha tagħha dwar proċedimenti marbuta ma' ksur tal-liġi(2), peress li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, li jibdew b'reġistrazzjoni ta' lment u jkomplu bl-atti kollha sussegwenti, hija għodda vitali li permezz tagħha titrażżan l-interferenza politika fil-kontroll tal-ksur tal-liġi;
   biex tagħti lill-Parlament, kif intalab diversi drabi, dejta ċara u eżawrjenti dwar ir-riżorsi maħsuba għall-ipproċessar tal-każijiet ta' ksur tal-liġi fid-Direttorati Ġenerali varji;
   biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta' proċedura ssimplifikata u inqas burokratika għall-ħruġ ta' notifiki formali kontra l-Istati Membri li jkunu naqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom, sabiex tieħu vantaġġ rapidu mill-effettività ta' din il-miżura;
  

barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 228 tat-Trattat KE b'mod deċiżiv, sabiex tiżgura li d-deċiżjonijiet li jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu nfurzati kif xieraq;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-5 ta' Settembru 2007(3), iddeskriviet, fir-rapport annwali li qed tirrevedi, l-azzjonijiet ta' prijorità li għandha l-ħsieb li tieħu f'ċertu oqsma fil-ġestjoni ta' lmenti u ta' ksur tal-liġi; jilqa' l-istqarrijiet fejn jingħad li se tibqa' tingħata prijorità lill-"problemi li għandhom impatt wiesa' fuq id-drittijiet fundamentali u fuq il-moviment ħieles"(4), jenfasizza l-importanza ta' azzjoni urġenti u determinata f'dawn l-oqsma, billi l-atti ta' vjolenza marbutin mar-razziżmu u l-ksenofobija saru frekwenti f'ċerti Stati Membri; jilqa' b'tant ieħor sodisfazzjon il-prijorità mogħtija lil "ksur fejn ċittadini ġew esposti fuq skala sinifikattiva jew repetutament għall-ħsara diretta jew detriment serju għall-kwalità tal-ħajja tagħhom"(5); jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef ir-riżoluzzjoni u, fejn ikun xieraq, l-għeluq ta' dawk il-proċeduri ta' ksur li jżommu lill-Istati Membri milli jinvestu fl-infrastrutturi li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-kumitati parlamentari responsabbli bi pjan dettaljat li jistipula l-limiti ta' żmien u l-iskadenzi għall-azzjonijiet speċifiċi li għandha l-ħsieb li tniedi f'dawn l-oqsma;

5.  Jinnota li, fost il-każijiet il-ġodda ta' ksur tal-2007, 1,196 kienu jirrigwardaw nuqqas ta' notifika dwar il-miżuri nazzjonali relatati mat-traspożizzjoni tad-direttivi Komunitarji; iqis li mhux aċċettabbli li l-Kummissjoni għandha tikkonċedi lilha nnifisha 12-il xahar(6) biex titratta l-każijiet sempliċi ta' nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni mill-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni awtomatika u immedjata fir-rigward ta' każijiet ta' dan it-tip li ma jitolbux analiżi jew evalwazzjoni;

6.  Iqis li għad m'hemmx proċeduri ċari fis-seħħ biex Stat Membru jitressaq b'mod effettiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur tal-liġi tal-Komunità, li safrattant ikun ġie rrimedjat, u biex jinkiseb kumpens għal nuqqasijiet u ommissjonijiet preċedenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ġodda (sal-aħħar tal-2010) biex il-proċedura attwali rigward il-ksur tkun kompluta b'tali mod li titqies din is-sitwazzjoni inġusta;

7.  Jenfasizza li skont il-metodu ta' ħidma l-ġdid propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2007, it-talbiet għal informazzjoni u l-ilmenti li tirċievi l-Kummissjoni għandhom jintbagħtu direttament lill-Istat Membru kkonċernat " fejn xi kwistjoni tkun teħtieġ kjarifika dwar il-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru. (...) l-Istat Membru jingħata skadenza qasira ta' żmien biex iressaq il-kjarifiki, l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet meħtieġa direttament liċ-ċittadini u n-negozji kkonċernati u jgħarraf lill-Kummissjoni"(7);

8.  Jinnota li l-Kummissjoni nediet il-proġett "EU Pilot" biex tipprova l-metodu ta' ħidma l-ġdid f'diversi Stati Membri, li 15-il Stat Membru qed jieħdu sehem fil-proġett li beda f'April 2008, u li, ladarba tkun ġiet evalwata l-ewwel sena ta' ħidma tiegħu, il-proġett għandu jiġi estiż għall-Istati Membri l-oħra;

9.  Jirrimarka li dan madankollu huwa proġett mħaddem fuq bażi volontarja, li l-karatteristiċi tiegħu diġà qajmu xi dubji u xi kwistjonijiet speċifiċi (kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 msemmija hawn fuq);

10.  Jistaqsi lill-Kummissjoni b'mod partikolari jekk in-nuqqas ta' riżorsi fl-Istati Membri huwiex sinjal preokkupanti li jista' jkun hemm problemi ġenwini fil-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex fl-evalwazzjoni tagħha tal-proġett tivverifika l-kwistjonijiet li ġejjin u tħejji rapport dwarhom għall-Parlament:

   li min ressaq ilment irċieva mill-Kummissjoni spjegazzjonijiet ċari u eżawrjenti dwar l-ipproċessar tal-ilment tiegħu; li l-metodu l-ġdid ġenwinament għen biex tinstab soluzzjoni għall-każijiet ta' min ilmenta u li ma tneħħietx ir-responsabilità kollha mill-Kummissjoni fl-irwol tagħha bħala 'gwardjan tat-Trattat';
   li l-metodu l-ġdid ma kienx il-kaġun ta' iktar dewmien fit-tnedija tal-proċess ta' ksur, li ż-żmien li jieħu diġà huwa twil ħafna u mhux definit;
   li l-Kummissjoni ma wrietx klemenza mal-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-konformità mal-iskadenzi stipulati mill-Kummissjoni (10 ġimgħat) u li, malli jiskadi dak il-perjodu, il-Kummissjoni tat lill-Istat Membru kkonċernat tagħrif u skadenzi ċari dwar l-azzjoni li jrid jieħu fil-futur sabiex tinstab soluzzjoni bikrija u definittiva għaċ-ċittadin;
   li l-fatt li l-proġett 'EU Pilot' ġie implimentat biss fi 15-il Stat voluntier ma jfissirx li ngħatat inqas attenzjoni fit-trattament ta' ksur tal-liġi minn dawk il-pajjiżi li ma pparteċipawx fil-proġett;

11.  Jistaqsi jekk, minħabba l-implimentazzjoni tal-proġett 'EU Pilot' u t-tnaqqis sussegwenti fit-tagħbija tax-xogħol marbuta mal-proċessi ta' ksur, il-Kummissjoni hix qed twettaq verifiki aktar sistematiċi u eżawrejnti fuq it-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistemi leġiżlattivi nazzjonali;

12.  Jistaqsi lill-Kummissjoni jekk il-proġett 'EU Pilot' affettwax it-tmexxija tal-laqgħat (package meetings) li tagħmel għall-Istati Membri involuti fil-proġett u għall-Istati Membri l-oħra li mhux qed jipparteċipaw, filwaqt li jinżamm amment li laqgħat bħal dawn huma meqjusa l-mezz ewlieni biex jiġu ttrattati u solvuti l-proċeduri ta' ksur;

13.  Iqis li ċ-ċittadini tal-UE għandhom jistennew l-istess livell ta' trasparenza mill-Kummissjoni, kemm jekk iressqu lment formali kemm jekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal petizzjoni skont it-Trattat; konsegwentement, jitlob li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun ipprovdut b'informazzjoni regolari u ċara dwar l-istadju milħuq fil-proċeduri ta' ksur koperti wkoll minn petizzjoni miftuħa, jew, fin-nuqqas ta' dan, li l-kumitat jingħata aċċess għall-bażi tad-dejta rilevanti tal-Kummissjoni bl-istess kundizzjonijiet mogħtija lill-Kunsill;

14.  Ifakkar lill-Kummissjoni li kull korrispondenza li jista' jkun fiha lment dwar ksur ġenwin tal-liġi Komunitarja għandha tkun irreġistrata bħala lment sakemm ma tkunx koperta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt 3 tal-anness għall-komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-20 ta' Marzu 2002;

15.  Jinnota li l-Kummissjoni ddikjarat li direttiva fundamentali bħalma hi d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-29 t'April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri(8) ma ġietx trasposta kif xieraq, għall-għanijiet prattiċi kollha, fl-ebda wieħed mill-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni rċeviet aktar minn 1,800 ilment individwali b'rabta ma' din id-direttiva, li minnhom irreġistrat 115 bħala lmenti u fetħet ħames każijiet ta' ksur tal-liġi fuq il-bażi li d-direttiva ma ġietx applikata tajjeb(9); jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ħadmet mal-Parlament b'konsegwenzi utli u fi spirtu ta' koperazzjoni bla ħabi fejn tidħol id-Direttiva 2004/38/KE; jappoġġa l-approċċ propost tal-Kummissjoni li jipprevedi li d-Direttiva tkun taħt reviżjoni kontinwa u eżawrjenti, appoġġ lill-Istati Membri, fil-forma ta' linji-gwida li se jkunu ppubblikati fl-ewwel nofs tal-2009, biex jgħinhom fl-applikazzjoni sħiħa u xierqa tad-Direttiva, u l-bidu ta' proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tikkonformax mad-Direttiva; jesprimi t-tħassib gravi tiegħu rigward il-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-irwol tagħha bħala 'gwardjan tat-Trattat' u dwar l-opportunità offruta lill-Parlament li jivverifika l-politika ta' reġistrazzjoni ta' lmenti implimentata mid-dipartimenti varji tal-Kummissjoni;

16.  Iħeġġeġ lid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni biex iżommu lil min jilmenta infurmat bis-sħiħ dwar il-progress li jkun sar fl-ipproċessar tal-ilment tiegħu, fi tmiem ta' kull perjodu definit minn qabel (ittra ta' notifika formali, opinjonijiet motivati, proċedimenti quddiem il-Qorti jew l-għeluq ta' każ), biex jipprovdu, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar it-trattament tal-każ permezz ta' mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim, u biex jingħataw ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom u biex jikkomunikaw dawn ir-raġunijiet fid-dettall lil min jilmenta skont il-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni tal-2002 imsemmija hawn fuq;

17.  Jilqa' l-introduzzjoni gradwali min-naħa tal-Kummissjoni tas-sommarji għaċ-ċittadini, ippubblikati flimkien ma' proposti ewlenin tal-Kummissjoni; jirrakkomanda li sommarji bħal dawn ikunu aċċessibbli permezz tal-użu ta' punt ta' aċċess wieħed, u jqis li mhux aċċettabbli li tali sommarji jisparixxu mill-ġdid meta l-proċedura leġiżlattiva tkun kompluta, li huwa l-punt fejn dawn ikunu l-iktar relevanti għaċ-ċittadini u n-negozji;

18.  Ifakkar fil-wegħda tal-Kunsill li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu u jippubblikaw tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-direttivi; jinsisti li tabelli bħal dawn huma essenzjali biex il-Kummissjoni twettaq skrutinju effettiv tal-miżuri ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha;

19.  Jinnota b'diżappunt li tul din il-leġiżlatura parlamentari ma sarx progress sinifikanti rigward l-irwol vitali li l-Parlament għandu jkollu fil-kontroll tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja; iqis li l-prijoritizzazzjoni tal-proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni tinvolvi deċiżjonijiet politiċi u mhux biss tekniċi li bħalissa mhumiex l-oġġett ta' xi forma ta' skrutinju estern, kontroll jew trasparenza; jitlob li r-riformi relatati proposti mill-Grupp ta" Ħidma dwar ir-Riforma tal-Parlament Ewropew, li jtejbu l-kapaċità tal-Parlament innifsu li jimmonitorja l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, ikunu implimentati minnufih; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Konferenza taċ-Chairpersons tal-Kumitati tal-25 ta' Marzu 2009;

20.  Jappella sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew u l-Membri rispettivi tagħhom, sabiex ikun promoss u jsir titjib fil-kontroll tal-kwistjonijiet Ewropej fuq il-livell nazzjonali, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-fluss ta' informazzjoni, l-aktar matul l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi Ewropej; iqis li l-membri tal-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, u b'hekk jgħinu fit-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea u jressquha iktar qrib taċ-ċittadini;

21.  Ifakkar fil-wegħda tal-Kunsill li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu u jippubblikaw tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni; jenfasizza li dawn it-tabelli huma essenzjali sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja b'mod effettiv il-miżuri ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha; jiddeċiedi, fil-kapaċità tiegħu bħala ko-leġiżlatur, li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li waqt il-proċess leġiżlattiv ma jitħassrux mit-testi tal-proposti tal-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw dawn it-tabelli;

22.  Jinnota li l-qrati nazzjonali għandhom rwol vitali fl-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni li tidentifika korsijiet ta' taħriġ supplementari għall-imħallfin nazzjonali, għall-professjonisti fil-kamp tal-liġi u għall-uffiċjali u li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet nazzjonali; jenfasizza li dan l-appoġġ huwa essenzjali fl-Istati Membri l-ġodda, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-informazzjoni legali u l-letteratura legali fl-ilsna uffiċjali kollha; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-appoġġ għat-titjib fid-disponibilità ta' bażijiet tad-dejta dwar id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali rigward il-liġi Komunitarja;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina l-mekkaniżmi ta' kumpens kollettivi fl-UE kollha, bil-għan li jitlestew l-inizjattivi li attwalment qed isiru fl-oqsma tal-liġi tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni; iqis li mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jintużaw miċ-ċittadini, inklużi dawk li jressqu l-petizzjonijiet, biex itejbu l-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Komunità;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tingħata prijorità akbar lill-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar l-ambjent, filwaqt li jinżamm amment tat-tendenzi inkwetanti żvelati fir-rapport tagħha u l-ħafna petizzjonijiet riċevuti f'dan il-qasam, u f'dan il-kuntest jirrakkomanda li l-kontrolli tal-infurzar jissaħħu u li s-servizzi rilevanti jingħatawlhom ir-riżorsi li hemm bżonn; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Komunità Ewropea (COM(2008)0773) bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni;

25.  Jaqbel mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li għandhom jittieħdu iktar miżuri preventivi biex ikun evitat il-ksur tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taċċetta talbiet speċifiċi magħmula mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet sabiex tkun evitata ħsara irriversibbli lill-ambjent; u jiddispjaċih li r-risposta tal-Kummissjoni tkun ta' spiss wisq li trid tistenna deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli qabel ikollha kwalunkwe setgħa li taġixxi;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0060.
(2) Punt 12: "Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każijiet ta' ksur jiġu ppublikati fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom fuq is-sit internet tas-Segretarjat Ġenerali, f'dan l-indirizz: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/droit_com/index_en.htm#infractions.Id-deċiżjonijiet biex tingħata opinjoni motivata lil Stat Membru jew li każ jiġi riferut lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu ppublikati wkoll permezz ta' stqarrija għall-istampa, sakemm il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni oħra."
(3) Punt 3: "Il-Kummissjoni se tiddeskrivi u tispjega l-azzjoni tagħha fuq dawn il-prijoritajiet fir-rapporti annwali tagħha, mill-2008."
(4) COM(2008)0777, p. 9.
(5) Ibid.
(6) "Fir-rigward ta' każi b'rabta man-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni, il-mira għandha tkun li ma jinqabżix it-12-il xahar minn meta tintbagħat l-ittra ta' notifika formali sa meta tinstab soluzzjoni għall-każ jew sa meta jitressaq quddiem il-Qorti ta-Ġustizzja" (COM(2007)0502).
(7) COM(2007)0502, p. 8.
(8) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(9) "Matul it-tletin xahar li d-Direttiva ilha applikabbli, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 1800 ilment individwali, 40 mistoqsija mill-Parlament u 33 petizzjoni fuq l-applikazzjoni tagħha. Hija rreġistrat 115-il ilment u fetħet ħames każi ta" infrazzjonijiet minħabbba l-applikazzjoni skorretta tad-Direttiva." – Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2008)0840), p. 9.

Avviż legali - Politika tal-privatezza