Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2120(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0133/2009

Testi mressqa :

A6-0133/2009

Dibattiti :

PV 06/05/2009 - 15
CRE 06/05/2009 - 15

Votazzjonijiet :

PV 07/05/2009 - 9.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0388

Testi adottati
PDF 457kWORD 72k
Il-Ħamis, 7 ta' Mejju 2009 - Strasburgu
Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta" Liżbona
P6_TA(2009)0388A6-0133/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvulupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta" Liżbona (2008/2120(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta" Amserdam,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta" sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta" Amsterdam,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta" Liżbona, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta" Liżbona, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta" sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta" Liżbona,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta" Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fl-integrazzjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida għar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-Parlamenti dwar kwistjonijiet tal-Komunità (standards minimi istruttivi) tas-27 ta" Jannar 2003 (il-"Linji Gwida Parlamentari ta" Copenhagen")(2), adottati fil-XXVIII Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Koperazzjoni Interparlamentari fl-Unjoni Ewropea tal-21 ta" Ġunju 2008(3),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-XL Seduta tal-COSAC fl-4 ta" Novembru 2008 f'Pariġi, b'mod partikolari Punt 1 tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sottokumitat tal-Parlament Irlandiż dwar il-Futur tal-Irlanda fl-Unjoni Ewropea b'mod partikolari l-paragrafi 29 sa 37 tat-taqsira eżekuttiva, fejn jintalab tisħiħ estensiv tal-iskrutinju Parlametari tal-gvernijiet nazzjonali bħala membri tal-Kunsill,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0133/2009),

A.   billi l-aħħar riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali saret fl-2002 u għalhekk wasal iż-żmien għal evalwazzjoni mill-ġdid,

B.   billi ċ-ċittadini huma rappreżentati fil-livell tal-UE direttament mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill permezz tal-gvernijiet rispettivi tagħhom, li huma nfushom huma demokratikament responsabbli għall-parlamenti nazzjonali tagħhom (ara l-Artikolu 10(2) tat-Trattat tal-UE fil-verżjoni tat-Trattat ta" Liżbona); konsegwentament il-parlamentarizzazzjoni meħtieġa tal-Unjoni għandha sserraħ fuq żewġ approċċi fundamentali li jinvolvu t-twessigħ tas-setgħat tal-Parlament Ewropew fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha tal-Unjoni u t-tisħiħ tas-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-gvernijiet attwali tagħhom,

C.   billi l-koperazzjoni fil-Konvenzjoni Ewropea bejn ir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u r-rappreżentanti tal-parlamenti tal-pajjiżi kandidati għad-dħul fl-UE kienet eċċellenti,

D.   billi l-organizzazzjoni ta" Laqgħat Parlamentari Konġunti dwar temi partikolari fil-qafas tal-fażi ta" riflessjoni uriet l-utilità tagħha, u għalhekk din il-proċedura tista' tintuża meta ssir sejħa għal konferenza ġdida jew fil-każ ta" ċirkostanzi analogi,

E.   billi r-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tjiebu u saru aktar diversifikati f'dawn l-aħħar snin u qed isiru għadd dejjem jiżdied ta" attivitajiet fil-livell tal-parlamenti kollha kemm huma kif ukoll fil-livell ta" kumitati parlamentari,

F.   billi fl-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati l-merti u n-nuqqas ta" merti tad-diversi prattiki eżistenti,

G.   billi l-parlamenti nazzjonali, fuq il-bażi tal-kompetenzi ġodda mogħtija lilhom skont it-Trattat ta" Liżbona, partikolarment fir-rigward tal-prinċipju ta" sussidjarjetà, qed jiġu mħeġġa" jinvolvu ruħhom b'mod attiv mill-bidu fil-proċess tat-tfassil tal-politka fil-livell tal-EU,

H.   billi l-forom kollha ta" kooperazzjoni interparlamentari għandhom ikunu f'armonija ma" żewġ prinċipji bażiċi: aktar effiċjenza u demokratizzazzjoni parlamentari,

I.   billi l-kompitu u l-funzjoni primarji tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali huma li jieħdu sehem fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-liġijiet u sabiex iwettqu skrutinju tal-għażliet politiċi fil-livell nazzjonali u dak Ewropew rispettivament; billi dan ma jfissirx li kooperazzjoni mill-qrib għall-ġid komuni hija superfluwa, speċjalment fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-liġi tal-l-UE fil-liġi nazzjonali,

J.   billi jkun xieraq li jiġu żviluppati linji gwida poltiċi li abbażi tagħhom ir-rappreżentanti u l-istituzzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiddeterminaw l-azzjoni tagħhom fil-futur fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u tall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta" Liżbona fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali,

Il-kontribuzzjoni tat-Trattat ta" Liżbona għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-obbligi u d-drittijiet tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta" Liżbona - li huwa "Trattat tal-Parlamenti" - li permezz tagħhom l-irwol ta" dawn stess fil-proċess politiku tal-Unjoni Ewropea jissaħħaħ; iqis li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji

   Tagħrif dwar:
   l-evalwazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;
   ix-xogħol tal-Kumitat Konġunt dwar is-Sigurtà Interna;
   proposti sabiex ikunu emendati t-Trattati;
   applikazzjonijiet għal adeżjoni mal-Unjoni;
   reviżjonijiet simplifikati tat-Trattat (sitt xhur minn qabel);
   proposti għal miżuri li jissupplimentaw it-Trattat;
   Parteċipazzjoni attiva:
   fil-funzjonament tajjeb tal-Unjoni (regolament ġenerali);
   fil-kontroll tal-Europol u l-Eurojust flimkien mal-Parlament Ewropew;
   f'konvenzjonijiet relatati ma" tibdil fit-Trattati;
   Oġġezzjonijiet għal:
   dispożizzjonijiet legali mhux konformi mal-priniċipju ta" sussidjarjetà, permezz tal-proċeduri tal-"karta s-safra" u "l-karta l-oranġjo";
   tibdil fit-Trattat bil-proċedura simplifikata;
   miżuri ta" kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet tal-liġi ċivili (liġi tal-familja);
   ksur tal-prinċipju ta" sussidjarjetà, billi titressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (jekk tkun permessa bil-liġi nazzjonali);

Relazzjonijiet attwali

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-relazzjonijiet tiegħu mal-parlamenti nazzjonali u l-membri tagħhom fis-snin riċenti żviluppaw b'mod pjuttost pożittiv, għalkemm għadhom ma laħqux il-livell meħtieġ, partikolarment permezz ta" dawn il-forom ta" attivitajiet konġunti li ġejjin:

   laqgħat parlamentari konġunti dwar suġġetti orizzontali lil hinn mir-responsabbiltà ta' kumitat wieħed;
   Laqgħat regolari tal-Kumitati Konġunti (mill-anqas darbtejn kull sitt-xhur),
   laqgħat interparlamentari ad hoc fil-livell tal-kumitat fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-parlament tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill tal-Parlament Ewropew;
   laqgħat interparlamentari fil-livell tal-presidenti tal-kumitati;
   kooperazzjoni fil-livell tal-presidenti tal-parlament fi ħdan il-Konferenza tal-Kelliema tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea;
   żjarat minn membri tal-parlamenti nazzjonali lill-Parlament Ewropew sabiex jieħdu sehem f'laqgħat ta" kumitati speċjalizzati korrospondenti;
   laqgħat fi ħdan il-gruppi jew partiti politiċi fil-livell Ewropew fejn jitlaqgħu politiċi mill-Istati Membri kollha ma" Membri tal-Parlament Ewropew;

Relazzjonijiet fil-ġejjieni

3.  Huwa tal-opinjoni li għandhom ikunu żviluppati forom ġodda ta" djalogu pre- u post-leġiżlattiv bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

4.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex iżommu lill-gvernijiet nazzjonali responsabbli għall-mod kif imexxu l-infiq tal-fondi tal-UE; jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex iwettqu skrutinju tal-kwalità tal-istudji tal-impatt nazzjonali u tal-mod kif il-gvernijiet nazzjonali jittrasponu l-liġi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jimplimentaw il-politiki u l-programmi ta" finanzjament tal-UE fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jitlob lill-parlamenti nazzjonali sabiex jimoniterjaw b'mod strett ir-rappurtarr tal-pjanijiet nazzjonali ta" azzjoni tal-aġenda ta" Liżbona;

5.  Iqis bħala xieraq li jiġi offrut appoġġ lill-parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tagħhom tal-abbozzi tal-leġiżlazzjoni qabel ma jiġu kkunsidrati mill-organu leġiżlattiv tal-Unjoni, kif ukoll fl-iskrutinju effettiv tal-gvernijiet tagħhom meta jkunu qed jaġixxu fil-Kunsill;

6.  Jinnota li permezz ta" Laqgħat bilaterali Konġunti regolari ta'Kumitati speċjalizzati korrispondenti u laqgħat interparlamentari ad hoc fil-livell tal-kumitat, li jsiru fuq stedina tal-Parlament Ewropew, jippermettu djalogu minn kmieni dwar atti leġiżlattivi jew inizjattivi politiċi attwali jew ippjanati, u għaldaqstant dawn għandhom jinżammu u għandu jinħoloq netwerk permanenti u sistematiku ta" kumitati korrispondenti; jemmen li qabel jew wara laqgħat bħal dawn jistgħu jsiru seduti bilaterali ad hoc tal-kumitati dwar kwistjonijiet speċifiċi nazzjonali; jemmen li l-konferenza tal-presidenti tal-kumitati tista" tiġi fdata bil-kompitu li tfassal u tikkordinata flimkien mal-parlamenti nazzjonali programm għall-attivitajiet tal-kumitati speċjalizzati;

7.  Jinnota li l-laqgħat taċ-chairpersons tal-kumitati speċjalizzati tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, bħal pereżempju l-laqgħat taċ-chairpersons tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, minħabba l-għadd limitat ta" parteċipanti, huma wkoll għodda għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-opinjonijiet;

8.  Huwa tal-opinjoni li forom ta" kooperazzjoni differenti minn dawk imsemmija hawn fuq jistgħu jkunu ta" kontribut effettiv għall-ħolqien ta" spazju politiku Ewropew u għalhekk għandhom jiġu żviluppati aktar u diversifikati;

9.  Lest li jilqa" f'dan il-kuntest innovazzjonijiet fil-livell tal-parlamenti nazzjonali, bħal pereżempju, l-għoti tad-dritt lill-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu mistiedna darba fis-sena sabiex jitkellmu f'seduti plenarji tal-parlamenti nazzjonali, li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitati tal-affarijiet Ewropej fuq bażi konsultattiva, li jipparteċipaw f'laqgħat ta" kumitati speċjalizzati kull meta huma jiddiskutu aspetti relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li jieħdu sehem f'laqgħat tal-gruppi politiċi rispettivi fuq bażi konsultattiva;

10.  Jirrakkomanda li jiġi allokat baġit adegwat biex jiġu organizzati laqgħat tal-kumitati speċjalizzati mal-kumitati rispettivi tal-parlamenti nazzjonali u tar-rapporteurs tal-Parlament Ewropew mal-kontrapartijiet tagħhom fil-parlamenti nazzjonali, u jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-possibilità li jiġu installati l-mezzi tekniċi li jippermettu l-organizzazzjoni ta" konferenzi bil-video bejn ir-rapporteurs tal-kumitati speċjalizzati tal-parlamenti nazzjonali u dawk tal-Parlament Ewropew;

11.  Huwa konvint li poteri akbar għall-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta" sussidjarjetà, kif hemm stipulat fit-Trattat ta" Liżbona, jippermettu li l-leġiżlazzjoni Ewropea tkun influwenzata u eżaminata minn kmieni u dan ikun ukoll ta" kontribut għat-tfassil tal-liġijiet kif ukoll għal koerenza mtejba tal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE;

12.  Jinnota li parlamenti nazzjonali għall-ewwel darba qed jingħataw irwol definit fl-affarijiet tal-UE li huwa distint minn dak tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom, jikkontribwixxi għal kontroll demokratiku aktar b'saħħtu u li jressaq lill-Unjoni aktar qrib iċ-ċittadin;

13.  Ifakkar li kontroll fuq il-gvernijiet nazzjonali mill-parlamenti nazzjonali għandu jkun eżerċitat l-ewwel u qabel kollox skont ir-regoli kostituzzjonali u l-liġijiet relevanti;

14.  Jenfasizza l-fatt li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti meta wieħed jiġi għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u li mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattika f'dan il-qasam ikun ta" importanza kbira;

15.  Jinnota f'dan il-kuntest li l-ħolqien ta" pjattaforma elettronika għall-iskambju ta" informazzjoni bejn il-parlamenti, li-websajt IPEX(4), jirrappreżenta pass kbir "l quddiem peress li dan jippermetti li l-eżami ta" dokumenti tal-EU fil-livell tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Parlament Ewropew, u jekk ikun il-każ, il-proċess ta" traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali mill-parlamenti nazzjonali isir f'ħin reali; iqis, għalhekk, li huwa neċessarju li din is-sistema teknikament żviluppata u mmexxija mill-Parlament Ewropew tkun appoġġjata b'baġit xieraq;

16.  Jipprevedi kontroll aktar sistematiku tad-djalogu pre-leġiżlattiv bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni (l-hekk imsejħa "inizjattiva Barroso"), sabiex ikun mgħarraf minn kmieni waqt il-proċess leġiżlattiv dwar il-pożizzjoni tal-parlamenti nazzjonali; jitlob lill-parlamenti nazzjonali biex fl-istess ħin jagħmlu aċċessibbli lill-Parlament Ewropew il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan il-kuntest;

17.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-aħħar snin fl-iżvilupp ta" kooperazzjoni bejn il-Parlement Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qasam tal-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża;

18.  Jirrikonoxxi li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti fl-għoti ta' informazzjoni, waqt dibattiti nazzjonali, dwar il-Politika Komuni għall-Affarjiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP) u l-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP);

19.  Jinnota bi tħassib li r-responsabilità għall-prekawzjonijiet finanzjarji fir-rigward tas-CFSP u l-ESDP quddiem il-parlamenti hija insuffiċjenti u li għalhekk il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandha titjieb, biex wieħed jasal għal kontroll demokratiku tal-aspetti kollha ta" dawn il-politiki(5);

20.  Jitlob, fl-interess ta" koerenza u l-effiċjenza u biex jiġi evitat xogħol doppju, li tiġi xolta l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni Ewropea tal-Punent (WEU), malli l-WEU tiġi integrata definitivament fl-Unjoni Ewropea bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Liżbona;

L-irwol tal-COSAC

21.  Huwa tal-opinjoni li l-irwol tal-COSAC fil-ġejjieni jkollu jkun definit b'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, u li l-COSAC, b'konformità mal-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea li huwa anness fit-Trattat ta" Amsterdam, għandu primarjament jibqa" forum għall-iskambju ta" informazzjoni u dibattitu dwar kwistjonijiet politiċi ġenerali u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali(6); jikkunsidra li l-informazzjoni u d-dibattitu għandhom ikunu ffokati fuq attivitajiet leġiżlattivi li jirrigwardaw il-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja u fir-rigward tal-prinċipju ta" sussidjarjetà fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

22.  Huwa determinat li jaqdi l-irwol tiegħu b'mod totali, sabiex iwettaq ir-responsabiltajiet tiegħu fir-rigward tal-funzjonament tal-COSAC u biex ikompli joffri appoġġ tekniku lis-segretarjat tal-COSAC u lir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali;

23.  Ifakkar li l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fi ħdan il-COSAC għandhom ikunu kumplimentari u m'għandhomx ikunu frammentati jew abbużati minn barra;

24.  Jemmen li l-kumitati speċjalizzati tiegħu għandhom ikunu involuti b'mod aktar qawwi fit-tħejjija u fir-rappreżentazzjoni tal-laqgħat tal-COSAC; huwa tal-opinjoni li d-delegazzjoni tiegħu għandha tkun immexxija mill-president tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Kostituzzjonali u għandha tinkludi l-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitati speċjalizzati li jkunu qed jieħdu ħsieb l-affarijiet li huma fl-aġenda relattiva tal-laqgħa tal-COSAC; iqis bħala essenzjali li l-Konferenza tal-Presidenti u l-Membri jiġu infurmati dwar il-progress u r-riżultati tal-laqgħat tal-COSAC;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Adottat skont ir-rappport A5-0023/2002 tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali (ir-rapport ta" Napolitano) (ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 322.).
(2) ĠU C 154, 2.7.2003, p. 1.
(3) Verżjoni riveduta li sar qbil fuqha mill-Konferenza tal-Kelliema tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tal-20 u l-21 ta" Ġunju 2008 f'Liżbona.
(4) IPEX: Interparliamentary EU Information Exchange, imniedi uffiċjalment f'Lulju 2006.
(5) Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (ĠU. C 139, 14.6.2006, p. 1) u l-Artikolu 28(3) Trattat UE.
(6) Ara l-linji gwida għar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-parlamenti dwar kwistjonijiet tal-Komunità (standards minimi istruttivi) li għalihom saret referenza hawn fuq.

Avviż legali - Politika tal-privatezza