Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-lattiċini
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta" Marzu 2008 dwar il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-Politika Agrikola Komuni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezz tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(3),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta" Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji għall-abbuż ta" poter mis-supermarkets il-kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta" Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad-19 ta" Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007(6),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2009 dwar il-qagħda tas-suq tal- lattiċini fl-2009 (COM(2009)0385),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (Ir-Regolament Waħdieni dwar "l-OKS") fir-rigward tal-perjodi tal-intervent tal-2009 u l-2010 għall-butir u l-ħalib xkumat (COM(2009)0354), u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar din il-proposta(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aħħar tnax il-xahar kienu xhieda ta" deterjorament drammatiku fis-sitwazzjoni tas-suq tal- lattiċini bil-prezzijiet tal-ħalib li niżlu inqas minn EUR 0,21 għal kull litru, minkejja l-intervent u s-sussidji għall-esportazzjoni, u billi ħafna bdiewa issa qed ibigħu l- lattiċini bi prezz inferjuri għall-ispiża tal-produzzjoni tagħhom,
B. billi l-fattibilità ta" ħafna raħħal li jipproduċu l-ħalib fl-UE issa tinsab f'riskju, b'ħafna minnhom jibqgħu għaddejjin biss b'riħet it-tifdil personal tagħhom, li hi sitwazzjoni kjarament mhux sostenibbli, u b'hekk ir-raħħala qed isibu ruħhom kostretti jirrikorru għal dimostrazzjonijiet pubbliċi kbar fl-UE,
C. billi konsegwenza tal-kriżi ekonomika dinjija kienet tnaqqis konsiderevoli fit-talba għal-lattiċini eżattament fl-isess ħin li l-provvista żdiedet minħabba li pajjiżi terzi bħal New Zealand, l-Awstralja, l-Arġentina, il-Brażil u l-Isati Uniti produċew kwantitajiet ikbar,
D. billi fil-proċedura baġitarja tal-2009 tal-UE l-Parlament għamel bħala prijorità l-ħolqien ta" fond speċjali tal-UE għal-lattiċini sabiex is-settur jiġi megħjun matul aġġustament mill-ġdid li jkunu diffiċli,
E. billi l-Parlament repetutament enfasizza d-differenza bejn il-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi għall-prodotti agrikoli fis-supermarkets u l-prezzijiet li jirċievu l-produtturi, u ħeġġeġ li jiġu investigati sew l-abbużi potenzjali fis-suq,
F. billi l-Kummissjoni kkalkulat li matul il-perjodu bejn Mejju 2006 u Mejju 2009 l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi għal ħalib u ġobon żdiedu b'iktar minn 14%, filwaqt li l-prezzijiet li rċevew il-produtturi f'xi Stati Membri naqsu b"40% fuq 12-il xahar,
1. Iqis li, in vista tas-sitwazzjoni kritika kontinwa fis-suq tal-prodotti tal-ħalib, kemm miżuri iktar estensivi kif ukoll miżuri għaż-żmien qasir huma meħtieġa, u jinnota li l-miżuri li ħadet il-Kummissjoni s'issa mhumiex biżżejjed biex isolvu l-kriżi fis-settur;
2. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rnexxielix tbassar il-gravità tal-kriżi kurrenti u ma pproponietx miżuri adegwati aktar malajr;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bħala kwestjoni ta" urġenza liema miżuri għandhom imnejn iwasslu għall-istabilizzazzjoni tas-suq, u tidħol għal valutazzjoni fil-fond flimkien mal-istakeholders u l-Istati Membri dwar il-futur tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib bl-iskop li tiġi analizzata l-possibilità tat-twettiq ta" mekkaniżmi ta" ġestjoni li jevitaw il-volatilità tal-prezzijiet;
4. Jinnota li teżisti firxa ta' fehmiet fost l-Istati Membri fir-rigward tal-possibilità li fl-2010 ma jiżdiedux il-kwoti tal-lattiċini; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi dettaljata dwar il-fatturi kollha li jkollhom impatt fuq il-prezz li jiksbu l-produtturi ta' lattiċini inkluża ż-żieda fil-kwota;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-miżuri meħtieġa ħalli għalf impurtat jikkonforma mal-standards li l-bdiewa tal-ħalib iridu jilħqu fl-UE, sabiex ikun evitat li l-importazzjoni ta" dawn il-prodotti li ma jirrispettawx dawn l-istandards idgħajfu l-isforzi tal-UE u b'hekk titjieb il-produzzjoni sostenibbli tal-ħalib;
6. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-ħolqien ta" Fond tal-UE għal-Lattiċini ta" EUR 600 miljun biex jiġu megħjuna l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi u biex jingħata appoġġ lill-investiment fil-biedja, l-immodernizzar, id-diversifikazzjoni, il-miżuri bbażati fuq iż-żona, attivitajiet tas-suq, il-produtturi tal-ħalib iż-żgħar u l-bdiewa żgħażagħ, u jfakkar li l-Parlament diġà għamel talba bħal din fil-proċedura baġitarja tal-2009;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jgħinu lill-produtturi jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom u jinkoraġġuhom jipproduċu lattiċini ta' kwalità għolja (bħal ġobon), l-aktar f'dawk l-oqsma fejn hemm ftit alternattivi ta" produzzjoni;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex iddaħħal miżuri immedjati biex tistimula t-talba għal-lattiċini, u jqis li estensjoni tal-kamp ta" applikazzjoni, tal-firxa tal-prodott u tal-iffinanzjar tal-programm tal-ħalib tal-iskola hija eżempju tajjeb ta" inizzjattiva fattibbli; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni eqreb bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi r-relazzjonijiet kuntrattwali fil-katina tal-ikel u biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex jinstab bilanċ bejn il-relazzjonijiet bejn l-atturi differenti fis-settur u l-prevenzjoni tar-riskji tas-suq, flimkien ma' għodda oħra meħtieġa sabiex jirregolaw is-settur;
10. Jikkunsidra li hemm bżonn ta' promozzjoni speċifika tal-produzzjoni mill-bdiewa tal-lattiċini li jaħdmu f'kundizzjonijiet bi żvantaġġi naturali u ġeografiċi permanenti, bħar-reġjuni tal-muntanji, jew bi strateġija organika ċara, minħabba l-valur miżjud u l-kwalità ambjentali u kulturali tagħhom li mhumiex orjentati lejn is-suq;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tifformula proposti biex toħloq ekwilibriju bejn il-fornitura u d-domanda fis-suq tal-lattiċini tal-UE;
12. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilitajiet għal skema ta" irtirat bikri għall-produtturi tal-lattiċini, pereżempju billi twaqqaf skema ta" xiri lura tal-kwota bħall-iskema ta' qlugħ ta' dwieli (grubbing-up scheme) fl-OKS tal-inbid;
13. Jitlob, meta wieħed iżomm f'moħħu d-dimensjoni Ewropea tal-kriżi fis-settur tal-lattiċini, li l-Kummissjoni tilgħab l-irwol tagħha fit-tiftix għal soluzzjonijiet komuni, waqt li tevita l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri u d-distorsjonijiet tas-suq li jkunu kkawżati minn għajnuniet Statali;
14. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra miżuri, bħal self favorevoloi u skemi ta" garanziji mutwi, li jikkontribwixxu biex tonqos l-instabilità tal-prezz fis-swieq tal-prodotti agrikoli;
15. Jappoġġja l-użu immedjat ta" ħalib tat-trab bħala ikel għall-għoġġiela, bħala mezz biex tiżdied it-talba għal-lattiċini;
16. Ifakkar li t-tikkettar ċar tas-sostituti tal-lattiċini bħall-ġobon u prodotti oħra li mhumiex lattiċini hu ta" importanza vitali, u għandu jinkludi speċifikazzjoni dwar il-materjal prima u l-pajjiż tal-oriġini; jinsisti li l-prodotti mmarkati bħala lattiċini għandhom ikunu lattiċini;
17. Sabiex il-bdiewa jiġu mgħejjuna biex jegħlbu l-kriżi attwali, b'mod partikolari fis-settur tal-lattiċini jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid bla dewmien l-ammont massimu ta' pagamenti ta' għajnuna statali de minimis lis-setturi agrikoli produttivi kollha minn € 7 500 euro għal € 15 000 euro, bħala eċċezzjoni għal-limitu nazzjonali stabbilit għall-għajnuniet Statali;
18. Jirrikonoxxi li prezz iktar baxx għall-għalf jgħin biex jittaffew l-ispejjeż ta' produzzjoni għall-bdiewa tal-lattiċini;
19. Jilqa" l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu ta" intervent għall-butir u l-ħalib tat-trab xkumat sat-28 ta" Frar 2010, u jqis li l-prezz tal-intervent għandu jiżdied, għallinqas għaż-żmien qasir; jirrikonoxxi li dik hi miżura ta" emerġenza biex tikkontrobatti l-iskwilibriji estremi tas-suq u ma hijiex soluzzjoni fit-tul;
20. Jitlob li jkun hemm estensjoni tal-ħżin privat għall-prodotti tal-ġobon u livelli adegwati ta" appoġġ sabiex din il-miżura tkun effettiva, kif ukoll żieda fin-numru ta" pajjiżi terzi - bħall-Istati Uniti - li jistgħu jiġu esportati lejhom prodotti tal-ġobon tal-UE bl-għoti lura ta" flus fuq l-esportazzjoni;
21. Jitlob lill-Kummissjoni biex, għaż-żmien itwal u malli jiskadi l-għoti lura ta' flus fuq l-esportazzjoni, teżamina kif jistgħu jinżammu l-approprjazzjonijiet korrispondenti fis-settur tal-lattiċini;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippermetti l-assikurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni agrikola, hekk kif hi prattikata fl-Istati Uniti;
23. Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet fost il-katina tal-provvista tal-ikel, peress li l-prezzijiet għall-konsumatur f'ħafna Stati Membri jibqgħu evidentement għoljin minkejja li l-prezzijiet għall-produttur naqsu drammatikament;
24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-komunikazzjoni tagħha dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa mingħajr dewmien; ifakkar li l-Parlament ilu ħafna jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-abbużi potenzjali tal-poter tas-suq fil-katina tal-provvista tal-ikel, speċjalment fis-settur tal-lattiċini, u jqis li din l-investigazzjoni ilha ħafna dovuta;
25. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta kodiċi ta" kondotta fl-UE kollha bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi;
26. Iqis li hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema trasparenti li timmoniterja l-prezzijiet tal-komoditajiet, b'mod partikolari l-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi;
27. {0><}0{>Iqis b'dispjaċir li l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2009 għadhom ma pproponewx soluzzjoni prattika biex tintemm malajr il-kriżi tas-settur Ewropew tal-ħalib li taffettwa l-produtturi kollha tal-UE mingħajr eċċezzjoni.
28. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex topponi bil-qawwa inizjattivi minn uħud mill-Istati Membri, biex tkun rinazzjonalizzata l-Politika Agrikola Komuni;
29. Jinsisti li l-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tas-swieq tal-lattiċini fix-xhur li ġejjin;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.