Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet barranin tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikulari l-Artikolu 21 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 11 u 19 tat-Trattat UE u l-Artikoli 177, 300 u 310 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'dawk il-ftehimiet,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(1) mħabbra fi Strażburgu fit-12 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bit-titolu "Dikjazzjoni tal-Millennju tan-NU", tat-8 ta' Settembru 2000 (A/RES/55/2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-4 ta" Diċembru 2000 bit-titolu "Promozzjoni u Konsolidazzjoni tad-Demokrazija" (A/RES/55/96),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-15 ta" Settembru 2005 bit-titolu "L-Eżitu tal-Laqgħa Għolja Dinjija 2005" (A/RES/60/1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2004 bit-titolu "It-tisħiħ tal-irwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali, subreġjonali u oħrajn u l-arranġamenti għall-promozzjoni u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija" (A/RES/59/201),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2000 dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-elezzjonijiet (COM(2000)0191),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet(2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2001 dwar l-irwol tal-UE fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2001)0252,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi(3),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà adottata fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2003 dwar "il-Governanza u l-Iżvilupp" (COM(2003)0615),
– wara li kkunsidra r-risoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-tmexxija fil-politika ta' żvilupp tal-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika ta' żvilupp tal-Unjoni Ewropea bl-isem 'Kunsens Ewropew'(5),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-2005 ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna u l-Programm ta" Azzjoni ta' Akkra tal-2008 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awissu 2006 dwar "Il-Governanza fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp - Lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea" (COM(2006)0421),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta" Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta" strument ta" finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (EIDHR)(6),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta" Mejju 2008 dwar il-missjonijiet ta" osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE: l-objettivi, il-prattiki u l-isfidi tal-ġejjieni(7),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2009 dwar "l-Appoġġ għall-Governanza Demokratika: Lejn qafas imsaħħaħ tal-UE",
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tat-30 ta' Settembru 2009 lill-Kummissjoni dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni (O-0093/2009 – B7-0213/2009),
– wara li kkonsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, u, billi kienu integrali għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sa mill-bidu,
B. billi t-trattati bażiċi tal-Unjoni Ewropea jenfasizzaw l-impenn sod għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen ta' "preżenza ta" istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom" kienu element kruċjali fil-proċess tat-tkabbir,
C. billi l-viżjoni tal-UE għall-bini u appoġġ tad-demokrazija għadha ma ġietx stabbilita f'dokument wieħed,
D. billi l-integrazzjoni b'suċċess tad-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi fil-fehim wiesa" tad-demokrazija fl-UE kellha rwol importanti fil-kisba ta" stabilità u ġid b'mod li d-dinja qatt ma kienet rat,
E. billi skont Artikolu 11 tat-Trattat UE, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà huwa li "tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali",
F. billi l-Artikolu 21 tat-Trattat UE kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona jgħid li "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha" u li "l-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti ta' l-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha",
G. billi l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet kollha tal-bniedem huma kundizzjoni bażika għall-eżistenza ta" soċjetà demokratika, kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni nru 59/201 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u billi, minkejja li s-sistemi demokratiċi ivarjaw fis-sura u fl-għamla, kif inhu l-każ fi ħdan l-UE, id-demokrazija hija valur universali li l-prinċipji jew l-elementi essenzjali tiegħu huma mħaddna f'għadd numeruż ta' dikjarazzjonijiet u konvenzjonijiet internazzjonali; billi dawn l-elementi, kif definiti miż-żewġ riżoluzzjoniet fuq imsemmija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2000 u fl-2004 (A/RES/55/96 u A/RES/59/201), jinkludu:
• ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, inter alia, il-liberta tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-opinjoni
• id-dritt ta' parteċipazzjoni fit-tmexxija ta' affarijiet pubbliċi, b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanzi magħżula b'mod ħieles, id-dritt li wieħed jivvota u jiġi elett permezz ta' elezzjonijiet ħielsa regolari u ġenwini li jsiru abbażi ta" suffraġju ugwali u universali u permezz ta' votazzjoni sigrieta li tiggarantixxi l-espressjoni ħielsa tar-rieda tal-poplu
• sistema pluralista ta' partiti u organizzazjonijiet politiċi
• ir-rispett għall-istat tad-dritt
• is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura
• it-trasparenza u r-responsabilità fl-amministrazzjoni pubblika
• midja ħielsa, indipendenti u pluralista,
H. billi, kif mistqarr fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tal-2000, il-governanza demokratika u rappreżentattiva msejsa fuq ir-rieda tal-poplu hija l-aħjar mod sabiex ikun żgurat id-dritt tal-irġiel u tan-nisa li jgħixu ħajjithom u jrabbu 'l uliedhom b'dinjità, mingħajr ma jsofru l-ġuħ u mingħajr il-biża' ta' vjolenza, oppressjoni jew inġustizzja,
I. billi l-kapaċità tal-irġiel u tan-nisa li jipparteċipaw b'mod indaqs fil-ħajja politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija prerekwiżit tad-demokrazija vera,
J. billi d-demokrazija, l-iżvilupp u r-rispett għad-drittijiet kollha tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, huma interdipendenti u jsaħħu 'l xulxin b'mod reċiproku,
K. billi d-demokrazija hija marbuta wkoll b'mod ċar mas-sigurtà, kif rikonoxxut mill-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà, li tgħid li "t-tixrid tal-governanza tajba, l-appoġġ tar-riforma politika u soċjali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem huma l-aqwa mezzi sabiex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali",
L. billi l-Unjoni Ewropea għandha firxa wiesgħa ta' strumenti u għodda għad-dispożizzjoni tagħha, mid-djalogu politiku u l-inizjattivi diplomatiċi għal strumenti speċifiċi ta' koperazzjoni teknika u finanzjarja, li bihom tappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha,
M. billi l-istrumenti finanzjarji barranin tal-Unjoni Ewropea, bħall-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għall-Pajjiżi Ġirien u għall-Isħubija (ENPI) u l-Istrument għall-Istabilità (IfS), kollha jipprovdu possibilitajiet sinifikanti fl-għoti ta" appoġġ għall-governanza demokratika u għall-bini ta" istituzzjonijiet u ta" kapaċitajiet,
N. billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa strument ewlieni ta' għajnuna finanzjarja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, billi għandu ambitu globali, jista' jaħdem mingħajr il-kunsens tal-pajjiż ospitanti, u jappoġġja direttament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; u billi l-Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet (EOMs), iffinanzjati mill-EIDHR, huma element essenzjali mill-kontribut tal-UE għall-bini ta" istituzzjonijiet demokratiċi, li jinkludu, b'mod partikulari, is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet tagħha ta" osservazzjoni ta" elezzjonijiet,
O. billi s-soċjetà ċivili jista' jkollha rwol importanti fl-isforzi barranin tal-Unjoni għall-bini tad-demokrazija, hekk kif muri mill-kontribut tal-volontarji fil-programmi ta' paċi u ta' bini tad-demokrazija,
P. billi tinħtieġ analiżi aħjar tal-appoġġ demokratiku li bħalissa qed tipprovdi l-UE, tal-effettività tar-riżultati li l-għodod u l-istrumenti wesgħin tal-UE għall-appoġġ tad-demokrazija madwar id-dinja jiksbu fil-pajjiżi mseħbin, u l-mod li bih dawn l-istrumenti u atturi differenti joperaw flimkien, jikkumplimentaw lil xulxin u jikkollegaw ma" xulxin,
Q. billi fir-risoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Governanza u l-Iżvilupp enfasizza "l-importanza li jitwettqu riformi parlamentari u elettorali, lil hinn mill-istabbiliment ta' sistemi elettorali b'diversi partiti, sabiex tkun żgurata attività politika aktar estensiva u effettiva fost il-popolazzjoni",
1. Huwa tal-fehma li hemm il-ħtieġa ta" qafas aktar koerenti u uniformi sabiex l-appoġġ tal-UE fil-bini tad-demokrazija, u fuq kollox, li l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, ikunu aktar effettivi;
2. Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Presidenzi tal-UE tal-passat u tal-preżent sabiex jimplimentaw inizjattiva, li tkopri aktar minn pilastru wieħed, għall-bini tad-demokrazija fl-azzjonijiet barranin tal-UE bil-għan li tirfina l-politika tagħha, issaħħaħ l-azzjoni tagħha u tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha, u jenfasizza l-ħtieġa ta" azzjoni sostenibbli f'dan il-qasam bħala parti mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jridu jiġu adottati f'Novembru 2009; u jenfasizza, f'dan ir-rigward, li uħud mill-prinċipji ewlenin, bħat-trasparenza, l-aċċess għad-dokumenti, il-konsultazzjoni u r-responsabilità, għandhom jitqiesu kif xieraq mill-Kunsill meta jindirizza din il-kwistjoni;
3. Jirrakkomanda li l-konklużjonijiet tal-Kunsill li ġej ikunu jinkludu suġġerimenti konkreti u prattiċi għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-appoġġ demokratiku fl-istrumenti tal-UE tal-politika barranija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp; u jtenni li l-adozzjoni ta" Strateġija tal-Pajjiż dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li titqies bħala dokument ta" riferenza li jistabbilixxi l-prijoritajiet speċifiċi għal kull pajjiż f'dan il-qasam u integrata fil-politiki u l-istrumenti barranin rilevanti kollha tal-UE mal-pajjiż terz ikkonċernat, jista" jtejjeb b'mod sustanzjali l-konsistenza, il-koordinazzjoni u l-effettività tal-azzjoni barranija tal-UE;
4. Itenni li d-demokratizzazzjoni u l-governanza tajba mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda huma vitali wkoll għat-tnaqqis tal-faqar, għall-iżvilupp sostenibbli, għall-paċi u għall-istabilità; jirrimarka li d-demokrazija tgħin biex twassal mhux biss drittijiet politiċi u ċivili, imma wkoll drittijiet ekonomiċi, kulturali u soċjali, inkluża s-solidarjetà, kif muri mill-progress tal-integrazzjoni interna tal-UE;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, fit-tfassil tas-servizz il-ġdid ta" azzjoni barranija, jiżguraw li jkun hemm integrazzjoni effettiva tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-bini tad-demokrazija fl-oqsma kollha politiċi, u sabiex jitgħallmu mill-proċessi u l-esperjenzi eżistenti bil-ħsieb li dawn jissarrfu fi progress reali fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi;
6. Huwa tal-fehma li t-tidħil tad-demokrazija u tal-proċessi demokratiċi f'pajjiżi terzi, joffri l-aqwa prospetti għall-iżvilupp ta' politiki effettivi marbuta ma' kwistjonijiet globali li jikkonċernaw ukoll liċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka li s-sistemi demokratiċi jistgħu, pereżempju, jiġġieldu l-kriminalità transnazzjonali, l-immigrazzjoni u t-traffikar illegali, jipproteġu l-ambjent, iżommu sistema miftuħa ta' kummerċ globali, u jiżguraw provvisti tal-enerġija sostenibbli u kompetittivi;
7. Iħeġġeġ lill-UE sabiex, bil-għan li ssaħħaħ l-azzjoni konġunta madwar id-dinja għall-promozzjoni tad-demokrazija, tapprova pubblikament id-definizzjoni tad-demokrazija tal-2005 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bħala l-punt ta' referenza għall-ħidma tagħha stess favur id-demokratizzazzjoni;
8. Jenfasizza li d-demokrazija ma tistax tiġi esportata jew imponuta minn barra u li strateġija b'suċċess għall-promozzjoni tad-demokrazija għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu u tkun tinvolvi sforzi wiesgħa li jsaħħu s-soċjetà ċivili u jqawmu kuxjenza dwar id-demokrazija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-impenn kontinwu tal-UE favur il-prinċipju ta" sjieda tal-istrateġiji u l-programmi ta" żvilupp, tal-pajjiżi msieħba; jirrimarka, madankollu, li dawn il-proċessi jistgħu jkunu appoġġjati mid-diversi strumenti tal-UE, adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż;
9. Jisħaq li l-UE trid tiżviluppa strateġiji li jkunu ta" sostenn għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ta' strutturi demokratiċi u li l-fundazzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom irwoli importanti f'dawn il-kuntesti u għandhom ikunu appoġġjati;
10. Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jipproċedu b'analiżi komprensiva u ddettaljata tal-forom kollha tal-appoġġ tal-UE għad-demokrazija f'kampjun ta' pajjiżi msieħba, bil-ħsieb li jitressqu rakkomandazzjonijiet prattiċi;
11. Jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Kummissjoni jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-OECD dwar l-Effettività tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni fil-ħidma tagħhom ta' appoġġ għad-demokrazija. u jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li jitwettqu evalwazzjonijiet konġunti tal-UE dwar id-demokrazija, programmazzjoni u qsim tal-piżijiet konġunti tal-UE sabiex jiżdiedu l-impatt u l-viżibilità tal-ħidma tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija;
12. Jenfasizza l-importanza ta' klawsoli li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem li diġà jinsabu fit-ftehimiet tal-UE; itenni, f'dan il-kuntest, li dawn il-klawsoli għandhom fuq kollox jiġu applikati b'mod konsistenti fil-ftehimiet eżistenti, aktar milli jitwettaq proċess li bih jitfasslu ftehimiet ġodda li jkun fihom aktar kundizzjonijiet;
13. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha sistematikament iddaħħal taqsima dwar il-qagħda tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-Dokumenti ta" Strateġija Nazzjonali tal-Pajjiżi, iddaħħal rakkomandazzjonijiet mill-missjonijiet ta" osservazzjoni tal-elezzjonijiet rilevanti tal-UE u, fejn ikun xieraq, tintegra d-dimensjoni tal-appoġġ għad-demokrazija fil-programmi mal-pajjiżi msieħba;
14. Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet imwettqa skont l-istrumenti finanzjarji barranin differenti, sabiex tkun esplorata bis-sħiħ il-komplementarjetà bejn l-istrumenti ġeografiċi u tematiċi;
15. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu konsultazzjoni wiesgħa u komprensiva mal-partijiet interessati kollha tal-UE u ta' pajjiżi terzi, inklużi l-atturi lokali, reġjonali u istituzzjonali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi indipendenti tas-soċjetà ċivili qabel ma jniedu inizjattivi ġodda ta' bini tad-demokrazija;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, b'mod aktar sistematiku, tinvolvi l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha, partikularment il-parlamenti u awtoritajiet reġjunali u lokali, fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta" strumenti speċifiċi għal pajjiż, bħal ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll id-Dokumenti ta' Strateġija Nazzjonali għall-Pajjiżi;
17. Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' Korp Ewropew tal-Paċi volontarju, filwaqt li tikkunsidra l-esperjenza pożittiva tas-Servizz Ewropew Volontarju (EVS);
18. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-appoġġ tal-UE għad-demokrazija jkun komprensiv, filwaqt li jindirizza l-kwistjonijiet kollha koperti mir-riżoluzzjoni fuq imsemmija tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-Riżultati tal-Laqgħa Għolja Dinjija tal-2005, u li jittieħed approċċ fuq medda twila ta' żmien fl-għoti ta' dan l-appoġġ; jikkunsidra l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) bħala strument ewlieni ta' għajnuna finanzjarja f'dan il-kuntest u jappella sabiex l-appoġġ rilevanti jinżamm u jissaħħaħ;
19. Jilqa" b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi, it-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u, b'mod partikulari, fit-tisħiħ tal-proċessi elettorali fid-dinja kollha, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun żgurata politika post-elettorali koerenti, b'attenzjoni partikulari fuq il-konverġenza bejn is-segwitu tekniku u politiku u l-kontribut mis-soċjetà ċivili, sabiex l-appoġġ għall-iżvilupp ikun konformi mal-prinċipji demokratiċi u mal-valuri tal-governanza demokratika;
20. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tibni fuq il-koperazzjoni b'suċċess li hija għandha man-NU fil-missjonijiet ta" osservazzjoni ta" elezzjonijiet u sabiex issaħħaħ il-bini ta" strateġiji u t-tfassil ta" proġetti komuni man-NU u ma" organizzazzjonijiet reġjonali oħra, bħall-Organizzazzzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Unjoni Afrikana, fir-rigward tal-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
21. Jenfasizza li l-isforzi ta' bini tad-demokrazija tal-UE għandhom jinkludu b'mod aktar sistematiku enfasi speċjali fuq l-irwol tar-rappreżentanti eletti u tal-partiti politiċi, fuq ġudikatura u midja indipendenti, u fuq it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika; jenfasizza wkoll l-importanzai li l-fundazzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-istituzzjonijiet akkademiċi jkunu appoġġjati;
22. Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa b'mod permanenti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; jappella, barra minn hekk, sabiex jiġi żviluppat strument "peer-to-peer" bis-sehem ta" membri parlamentari ta" nazzjonalitajiet differenti bil-għan li jiġi ddeterminat x'jikkostitwixxi rappreżentanza effiċjenti u effettiva tal-interessi tal-elettorat, monitoraġġ effiċjenti u effettiv tal-eżekuttiv u mezzi sabiex jinżamm fluss ta' informazzjoni bejn il-partijiet kollha tas-sistema ta' governanza;
23. Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jagħti kontribut għat-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi billi jżid l-involviment tiegħu fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, għas-segwitu tal- missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE u għall-bini tal-kapaċità parlamentari; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Uffiċċju tiegħu għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD) sabiex jippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv lill-kumitati parlamentari rilevanti, li għandu neċessarjament jinkludi mekkaniżmu ċar għall-kooperazzjoni ma' delegazzjonijiet interparlamentari u kumitati parlamentari konġunti; jenfasizza wkoll l-importanza li, f'dan il-proċess, ikunu involuti assembleji parlamentari bħalma huma l-ACP-EU, l-EUROLAT, l-EUROMED u l-EURONEST;
24. Jinkuraġġixxi lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jaħdmu bħala imsieħba mal-OPPD meta jkunu qed jikkunsidraw jew iniedu programmi ta' appoġġ parlamentari;
25. Jirrakkomanda li jiddaħħal pjan ta' azzjoni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru u li tiġi ppjanata evalwazzjoni, sal-aħħar tal-2010, tal-progress li jkun sar; jitlob lill-Presidenzi attwali u li ġejjin tal-UE sabiex jippreżentaw ir-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Barranin lill-kumitati responsabbli tiegħu;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.