Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar l-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali PROGRESS tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress(1),
– wara li kkunsidra l-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali Progress tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta' Progress) (COM(2009)0333) u l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (COM(2009)0340),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament ma kkonkludiex l-eżami tal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-faċilità ta' mikrofinanzjament, billi l-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tadotta l-miżuri speċifiċi rigward l-allokazzjoni finanzjarja tal-Progress sa ma jkun konkluż il-proċess leġiżlattiv dawr il-faċilità ta' mikrofinanzjament,
1. Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz dwar il-pjan ta' ħidma annwali Progress tal-2010 u l-lista ta' attivitajiet skont is-sezzjoni tal-politika propost mill-Kummissjoni;
2. Iqis li l-abbozz tal-pjan annwali jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni provduti fid-Deċiżjoni 1999/468/KE;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tal-pjan annwali u biex tressaq wieħed ġdid lill-kumitat hekk kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu laħqu qbil dwar il-proposta tal-Kummissjoni il-faċilità ta' mikrofinanzjament (COM(2009)0333) u dwar il-proposta li temenda d-Deċiżjoni 1672/2006/KE (COM(2009)0340);
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.