Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0020/2009

Testi mressqa :

A7-0020/2009

Dibattiti :

PV 12/11/2009 - 5
CRE 12/11/2009 - 5

Votazzjonijiet :

PV 12/11/2009 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0066

Testi adottati
PDF 234kWORD 73k
Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009 - Brussell
Ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008
P7_TA(2009)0066A7-0020/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008 (2009/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–   wara li kkunsidra l-ftehima ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġiet konkluża bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 bit-titolu "Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-gvern biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2008/587/KE tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman(2),

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni mill-Ombudsman tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu sabiex dawn jirriflettu l-bidliet li saru fl-Istatut u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta" Jannar 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0020/2009),

A.   billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fl-21 ta' April 2009 u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Strasburgu fid-14 ta' Settembru 2009,

B.   billi l-Artikolu 41 tal-karta tad-Drittijiet Fundamentali (verżjoni tal-2007) jgħid illi: 'Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni',

C.   billi l-Artikolu 43 tal-Karta (verżjoni tal-2007) jistipula: ''Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat fi Stat Membru għandhom d-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew ta' l-Unjoni f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarja tagħha'',

D.   billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,

E.   billi, għalkemm għaddew tmien snin mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2001(3) li tapprova l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman, l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra għadhom ma ssodisfawx it-talba urġenti tal-Parlament li jikkonformaw il-prattika tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-kodiċi,

F.   billi fl-2008 l-Ombudsman irreġistra 3 406 ilment apparagun mat-3 211 ilment fl-2007, u billi kien hemm 802 ilmenti, apparagun mat-807 fl-2007, li nstabu li kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman,

G.   billi r-riżultati tat-355 inkjesta mitmuma, li minnhom 352 kienu marbuta ma' ilmenti u tlieta kienu investigazzjonijiet proprji, juru li f'110 każi, (li huma ekwivalenti għal 31% tal-ilmenti investigati) ma ġiet aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina,

H.   billi f"129 każ (36% tat-total) li ngħalqu fis-sena 2008, l-istituzzjoni inkwistjoni aċċettat soluzzjoni bonarja jew solviet il-kwistjoni fi żmien ġimgħatejn, u billi dan juri rieda qawwija min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jqisu l-ilmenti li jaslu għand l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li jknu saru u biex jikkoperaw mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini,

I.   billi fl-2008 kien hemm 4 każi li ngħalqu wara li nstabet soluzzjoni bonarja, u billi fi tmiem l-2008, kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati 25 proposta għal soluzzjoni bonarja,

J.   billi n-nuqqas ta" trasparenza kienet l-iżjed allegazzjoni komuni ta" amministrazzjoni ħażina li ġiet ittrattata mill-Ombudsman fl-2008 36% tal-każi miftuħa),

K.   billi fl-2008 l-Ombudsman għamel użu iktar wiesa' minn proċeduri iktar informali biex isolvi l-problemi iżjed malajr, u billi dan jixhed kemm l-Ombudsman huwa rrispettat u kemm l-istituzzjonijiet huma lesti jgħinu liċ-ċittadini,

L.   billi fl-2008 l-Ombudsman għalaq 44 inkjesta b'kummenti kritiċi, u billi kumment kritiku minnhom jikkonferma li l-ilment kien iġġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp inkwistjoni x'kien sar ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni,

M.   billi huwa proprju bil-għan li tittejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet fil-ġejjien li l-Ombudsman għamel użu iżjed wiesa' mir-rimarki ulterjuri li bihom jidentifika opportunità li jsaħħaħ il-kwalità tal-amministrazzjoni, u billi fl-2008 b'kollox saru rimarki ulterjuri f'41 każ,

N.   billi fl-2008 nħarġu 23 abbozz ta' rakkomandazzjoni, li 8 minnhom ġew aċċettati mill-istituzzjoni inkwistjoni, u billi erba' abbozzi ta' rakkomandazzjoni mis-sena 2007 wasslu biex tittieħed deċiżjoni fl-2008,

O.   billi fl-2008 l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed dwar amministrazzjoni ħażina lill-Parlament Ewropew, u billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament jirrappreżenta mezz importanti li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jingħata sodisfazzjon liċ-ċittadini li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew irrispettati, kif ukoll biex ikun hemm promozzjoni tat-titjib tal-istandards tal-amministrazzjoni tal-UE,

P.   billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li jagħlqu każijiet irrimedjabbli ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas rakkomandazzjonijiet jew rapporti speċjali mill-Ombudsman m'għandhom effett li jorbot ġuridikament, peress li s-setgħat tiegħu ma jestendux għal istanzi ta' rimedju dirett ta' amministrazzjoni ħażina, iżda huma maħsuba bħala inkuraġġiment biex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jirranġaw l-iżbalji tagħhom stess,

Q.   billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, il-Parlament ingħata l-istess dritt daqs l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jibda azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew inkella ta' użu ħażin ta' setgħat,

R.   billi l-kummenti kritiċi rigward l-amministrazzjoni ħażina espressa mill-Ombudsman fir-rapport 2008 (kummenti kritiċi, abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u rapport speċjali) jistgħu jservu ta' bażi biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-ġejjieni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra tal-Unjoni Ewropea,

S.   billi l-koperazzjoni stabbilita mill-Ombudsman fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, għal aktar minn għaxar snin taħdem bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba u bħala mezz biex il-persuni li għandhom ilment jiġu indirizzati lil Ombudsman jew lil korpi oħra simili li jkunu jistgħu jgħinuhom,

T.   billi l-irwol tal-Ombudsman bħala protettur tal-interessi taċ-ċittadini Ewropej fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea evolva tul 14-il sena minn meta ġie stabbilit l-uffiċċju, bis-saħħa tal-awtonomija tal-Ombudsman u għall-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu,

U.   billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u – bħala regola ġenerali, maħsuba biex jiġu evitati kunflitti potenzjali fir-rigward tal-prerogattivi rispettivi tagħhom – għandhom jinkludu riferimenti reċiproċi għall-fajls rispettivi tagħhom,

1.  Japprova r-rapport annwali għas-sena 2008 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u japprezza l-istruttura konsolidata tiegħu ta' valutazzjoni fil-qosor tal-attivitajiet li saru b'ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti u l-analiżi tematika tad-deċiżjonijiet, li tkopri l-iktar konklużjonijiet sinifikanti ta' liġi u ta' fatt li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Ombudsman fl-2008, kif ukoll tal-problemi li hemm fil-fażijiet differenti tal-proċedura;

2.  Iqis li bil-preżentazzjoni aktar ċara tad-data statistika, inklużi l-metodu l-ġdid ta' kalkolu u l-format il-ġdid tiegħu, ir-rapport sar jinftiehem aħjar, sar aktar aċċessibbli u sar iżjed faċli biex jinqara;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex ikunu mogħnija bir-riżorsi tal-baġit u r-riżorsi umani meħtieġa sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;

4.  Iqis li l-Ombudsman kompla jeżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti u kemm fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u fit-tħeġġiġ taċ-ċittadini biex jużaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;

5.  Jitlob lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu biex iżid l-għarfien dwar il-ħidma tiegħu u għall-promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv u trasparenti;

6.  Iqis li t-terminu 'amministrazzjoni ħażina' għandu jibqa' jiġi interpretat b'mod estensiv, sabiex jiftiehem li jirreferi mhux biss għal ksur ta' regoli legali jew ta' prinċipji ġenerali ta' liġi amministrattiva Ewropea, bħall-oġġettività, il-proporzjonalità u l-ugwaljanza, in-non-diskriminazzjoni, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, iżda wkoll għal każi fejn istituzzjoni tonqos milli taġixxi b'mod konsistenti u in bona fede, jew milli tqis l-istennijiet leġittimi taċ-ċittadini, anke meta istituzzjoni tkun ikkommettiet ruħha li tirrispetta ċerti normi u standards bla ma tkun obbligata li tagħmel dan mit-Trattati jew minn leġiżlazzjoni sekondarja;

7.  Iqis l-irwol ta' l-Ombudsman li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni u tal-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala kontribut essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu 'bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb taċ-ċittadin kemm jista' jkun', kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

8.  Ifakkar it-talba tiegħu, li huwa esprima fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba;

9.  Jinnota li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba propost mill-Ombudsman, kif approvat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001, iservi ta" gwida u riżorsa għall-istaff tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji kollha, u jinnota li dan ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman, b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman, b'mod partikolari s-setgħat imsaħħa ta' investigazzjoni tal-Ombudsman, li se jgħinu biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom fiduċja sħiħa fl-abilità tiegħu li jwettaq investigazzjoni dettaljata tal-ilmenti tagħhom mingħajr restrizzjonijiet;

11.  10. Jisħaq fuq il-bżonn li jingħata kontribut għall-fehim pubbliku tad-dmirijiet tal-Ombudsman billi jingħata t-tagħrif rilevanti liċ-ċittadini, lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u lil korpi oħra, u jqis li informazzjoni preċiża ta' kwalità għolja li tkun tinftiehem malajr tista" tgħin biex jonqos l-għadd ta' ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-Ombudsman;

12.  Iqis li, minkejja li hija ġġustifikata, iċ-ċifra tal-ilmenti inammissibbli għadha mhix sodisfaċenti, u fid-dawl ta' dan jirrakkomanda li ssir kampanja ta' informazzjoni kontinwa fost iċ-ċittadini Ewropej li tkun imfassla biex iżżid l-għarfien tal-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

13.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Ombudsman biex itejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-isforzi tiegħu li huma maħsuba biex ikompli jqassar it-tul medju tal-istħarriġ tiegħu li bħalissa jgħodd 13-il xahar;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu fl-amministrazzjoni Ewropea;

15.  Jilqa' l-iffirmar ta' Memorandum ta' Fehim bejn l-Ombudsman u l-Bank Ewropew għall-Investiment tad-9 ta' Lulju 2008 u l-ftehima mill-aġenziji tal-Unjoni li jadottaw il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini;

16.  Jistieden lill-Ombudsman biex iżomm dritt ta' osservazzjoni u biex jiżgura li l-Kummissjoni tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur skont l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew li tipproponi penalitajiet skont l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li toqgħod attenta li tevita dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li ma jkunx iġġustifikat, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u jitlob li huwa jkompli jikkoopera f'dan is-sens mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

17.  Itenni li huwa tal-fehma li, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni li tkun tinsab f'rapport speċjali mill-Ombudsman, minkejja li l-Parlament ikun approva r-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista' b'mod leġittimu juża l-poteri tiegħu biex jieħu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-att jew tan-nuqqas li kien soġġett għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman; jistieden lill-kumitat responsabbli mir-Regoli ta' Proċedura biex jipproponi dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiddaħlu fir-Regoli, għall-bidu ta' din l-azzjoni;

18.  Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta rapport speċjali li fih ikkritika l-Kummissjoni talli naqset milli tiġġustifika b'mod xieraq il-mod kif ittrattat l-interpreti freelance tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena, li dwarhom il-Parlament kien adotta riżoluzzjoni fil-5 ta" Mejju 2009(4);

19.  Iqis li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni min-naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija aktar utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;

20.  Jilqa' r-relazzjoni eċċellenti bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi;

21.  Jirrikonoxxi l-kontribut utli li ta n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tiegħu, b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-iżgurar ta" rimedji mhux ġudizzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u l-ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju tal-aħjar prattika, biex b'hekk l-aħjar prattiki jkunu jistgħu jitferrxu malajr fost l-Istati Membri;

22.  Jilqa' l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-Ombudsman fl-2008 ta" żewġ studji dwar is-segwitu mogħti mill-istituzzjonijiet inkwistjoni rigward ir-rimarki kritiċi u ulterjuri li saru fl-2006 u fl-2007;

23.  Jinkuraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti li jinvolvu l-informazzjoni għaċ-ċittadini u, għalhekk, ilmenti potenzjali, peress li d-dimarkazzjoni tar-responsabilitajiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom ikkumplikati wisq għaċ-ċittadin u għan-negozji;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja mtejba ta' informazzjoni mħeġġa mill-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman li twassal għal għarfien aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal fehim ikbar tal-ambitu tal-kompetenza tal-Ombudsman;

25.  Jinnota li kull istituzzjoni għandha l-websajt tagħha fejn jistgħu jsiru lmenti, petizzjonijiet etċ, u li dan jista' jkun ta" frustrazzjoni għaċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu jiddistingwu bejn istituzzjonijiet differenti; għalhekk jappoġġja l-iżvilupp ta' manwal interattiv imfassal biex jgħin liċ-ċttadini fl-identifikazzjoni tal-awtorità li tkun l-aktar xierqa biex ssolvi l-problemi tagħhom;

26.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-websajt il-ġdida tal-Ombudsman u jqisha bħala tweġiba tabilħaqq sostanzjali għal din il-kwistjoni;

27.  Jissuġġerixxi li din l-idea tkompli tiġi żviluppata, u li titfassal websajt komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej biex tgħin liċ-ċittadini u twassalhom direttament għand l-istituzzjoni li tkun kompetenti biex tisma' l-ilment tagħhom, u b'hekk jitnaqqas l-għadd ta' ilmenti mhux ammissibbli li jsiru lill-Ombudsman Ewropew;

28.  Jappella lill-Ombudsman Ewropew biex jimpenja ruħu li jgħaddi b'mod dirett, wara li jikseb il-kunsens ta' min ikun ressaq l-ilment, kull ilment li jaqa" fl-ambitu tal-kompetenza ta' ombudsman nazzjonali jew reġjonali;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.
(3) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar l-eżistenza u l-aċċessibilità pubblika ta' Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331).
(4) Testi adottati, P6_TA(2009)0340.

Avviż legali - Politika tal-privatezza