Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2168(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0045/2009

Testi mressqa :

A7-0045/2009

Dibattiti :

PV 12/11/2009 - 6
CRE 12/11/2009 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/11/2009 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0067

Testi adottati
PDF 311kWORD 56k
Il-Ħamis, 12 ta' Novembru 2009 - Brussell
Linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
P7_TA(2009)0067A7-0045/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2009/2168(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta" Lisbona (TL),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida(1) (FII),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2) (ir-Regolament Finanzjarju),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta' Lisbona(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta" Nofs iż-Żmien tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0045/2009),

A.   billi t-TL jdaħħal modifiki importanti fi kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji, speċjalment billi jittrasforma l-qafas finanzjarju plurijennali (MFF) f'att legalment vinkolanti li miegħu jrid jikkonforma l-baġit annwali, billi jissupprimi d-distinzjoni ta" bejn in-nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja u billi jissimplifika l-proċedura baġitarja b'mod sostanzjali,

B.   billi dawn il-modifiki jwasslu biex xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-FII u tar-Regolament Finanzjarju ma jibqgħux jgħoddu,

C.   billi, għaldaqstant, id-dħul fis-seħħ tiegħu se jkun jeħtieġ l-adozzjoni rapida ta" diversi atti legali meħtieġa biex titqiegħed fil-prattika l-"kostituzzjoni finanzjarja" l-ġdida tal-Unjoni, b'mod speċjali:

   l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li fih hemm l-MFF;
   l-adattament tar-Regolament Finanzjarju għall-prinċipji l-ġodda dwar kif il-baġit għandu jiġi adottat u implimentat;
   l-approvazzjoni ta" FII ġdida li prinċipalment ikun fiha regoli dwar il-kollaborazzjoni tal-istituzzjonijiet waqt il-proċedura baġitarja annwali li mhumiex inklużi fiż-żewġ strumenti legali msemmija,

D.   billi anke jekk il-proċeduri għall-adozzjoni ta' dawn l-istrumenti ġodda jimxu ħarir, se jkunu jeħtieġu negozjati fit-tul u jistgħu jdumu għal diversi xhur wara d-dħul fis-seħħ tat-TL,

E.   billi sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipji tat-TL, tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi linji gwida proviżorji li jippermettu l-implimentazzjoni tal-baġit, l-adozzjoni tal-baġits ta" emenda jekk jirriżulta li dan ikun indispensabbli u dwar il-modalitajiet prattiċi tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2011,

F.   billi dawn il-linji gwida tranżizzjonali għandhom ikunu diġà lesti fil-bidu tal-2010, u din is-sitwazzjoni titlob li jkunu qablu bejniethom waqt il-konċiljazzjoni baġitarja qabel it-tieni qari tal-Kunsill, ippjanata għad-19 ta' Novembru 2009,

G.   billi biex ikun żgurat li d-delegazzjoni tal-Parlament - li tirrappreżenta waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja - ikollha pożizzjoni soda għan-negozjati ġejjiena, għandha tingħata orjentamenti ċari bbażati fuq mandat approvat mill-Parlament,

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ imminenti tat-TL, li se jwassal għall-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-approvazzjoni konġunta miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja - jekk ikun meħtieġ permezz tat-tlaqqigħ tal-kumitat ta" konċiljazzjoni - tal-baġit annwali kollu kemm hu; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat sic et simpliciter, bl-adattamenti meħtieġa (bħal m'hi forma ta" konċiljazzjoni ssimplifikata), għall-proċeduri baġitarji l-oħra kollha li mhumiex imsemmija b'mod speċifiku fit-Trattati, bħal pereżempju l-adozzjoni tal-baġits ta" emenda u t-trasferimenti;

2.  Iqis li hu meħtieġ li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jaqblu bejniethom dwar il-linji gwida tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit, speċjalment l-approvazzjoni tat-trasferimenti, dwar l-adozzjoni tal-baġits ta" emenda u dwar prinċipji għall-kollaborazzjoni interistituzzjonali prattika waqt il-proċedura baġitarja annwali, li jkunu applikabbli sakemm tiġi kkompletata l-adozzjoni tal-atti legali meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda mdaħħla mit-TL;

3.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet għall-qbil dwar dawn il-linji gwida għandhom ikunu li dawn tal-aħħar ikunu jirrispettaw għalkollox il-bilanċ istituzzjonali, ikunu jiżguraw kompletament il-prerogattivi baġitarji l-ġodda tal-Parlament skont it-TL (f'dak li hu kontenut, proċedura u kalendarju) u jkunu applikati biss sa meta jiġu adottati u jidħlu fis-seħħ l-atti legali relevanti;

4.  Iqis li fi kwalunkwe każ il-miżuri tranżizzjonali la jistgħu jiżvijaw mill-prinċipji ġenerali stabbiliti mit-Trattat il-ġdid u l-anqas ma jistgħu jiġġudikaw minn qabel il-proċeduri leġiżlattivi li se jsiru dalwaqt, imma jqis ukoll li huma għandhom jippermettu liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li sa meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni jsibu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa;

5.  Iqis li dawn il-linji gwida tranżizzjonali huma meħtieġa f'oqsma li jikkonċernaw il-proċedura għall-adozzjoni tal-baġits ta" emenda, l-approvazzjoni tat-trasferimenti u d-definizzjoni ta" kalendarju prammatiku u prinċipji ta" kollaborazzjoni li jkunu applikabbli għall-proċedura baġitarja annwali, biex jiġi pprovdut qafas għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tmexxija tal-proċeduri mingħajr xkiel u b'suċċess;

Baġits ta' emenda

6.  Ifakkar li l-baġits ta" emenda jistgħu jiġu adottati biss permezz tal-istess proċedura stabbilita mit-trattati għall-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-kumitat ta' konċiljazzjoni jekk ikun meħtieġ, ħlief sa fejn għandu x'jaqsam il-kalendarju, u jqis li, bħal fil-każ tal-baġit annwali, l-awtorità baġitarja għandha d-dritt li ddaħħal emendi rigward elementi li ma jkunux magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tal-baġit;

7.  Jisħaq li l-għadd attwali ta" baġits ta" emenda huwa wieħed eċċessiv u għandu jitnaqqas kemm jista" jkun, biex ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-preżentazzjoni tagħhom; iqis li tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi perjodi tas-sena meta għandhom jiġu ppreżentati l-baġits ta" emenda, ħlief f'ċirkustanzi urġenti ħafna;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan tal-linji gwida tranżizzjonali rigward il-baġits ta" emenda għandu jimmira li jiffaċilita l-ilħuq ta" ftehim miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja mingħajr ma jaqtgħu barra l-possibilità li jirrikorru għall-kumitat ta" konċiljazzjoni; iqis li dan il-għan jista" jiġi segwit permezz ta" titjib fl-iskambju tat-tagħrif bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u bejniethom; jenfasizza, madankollu, li dawk il-linji gwida jridu jirrispettaw għalkollox il-prerogattivi tal-Parlament rigward il-proċedura baġitarja li tapplika b'mod ġenerali għall-baġits ta" emenda, kif imsemmi aktar "il fuq;

Trasferimenti

9.  Iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandu jkollhom il-possibilità li jesprimu, fuq l-istess livell, l-approvazzjoni jew l-oppożizzjoni tagħhom għat-trasferimenti kollha mressqa attwalment għall-approvazzjoni tal-awtorità baġitarja, hi x'inhi n-natura tagħhom (ħlasijiet jew impenji) jew l-ammont tagħhom, sakemm dawn it-trasferimenti jirrappreżentaw devjazzjoni mid-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja; iqis, għalhekk, li l-unika għażla kompatibbli mat-TL hija proċedura li tkun tirrispetta l-bilanċ bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, inkluża, jekk ikun meħtieġ, forma ssimplifikata ta" konċiljazzjoni;

10.  Iqis li ftehim possibbli dwar it-trasferimenti għandha timmira li tevita l-konflitti bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, li t-tnejn huma intitolati li jesprimu ruħhom taħt l-istess kundizzjonijiet, tevita li tikkomplika l-immaniġġjar regolari li jsir mis-servizzi relevanti, u tarmonizza l-kalendarju sabiex possibilment tevita l-konvokazzjoni ta" strutturi konċiljattivi, mingħajr ma titfa" f'dubju l-livell attwali tal-intervent tal-Parlament fl-adozzjoni tat-trasferimenti; iqis li tkun ħaġa tajba li l-limitu bażiku għat-trasferimenti jibqa" wieħed kostanti;

Waħdiet minn Kull Tnax-il Parti Proviżorja

11.  Iqis li t-TL fih regoli ċari biżżejjed dwar il-waħdiet minn kull tnax-il parti proviżorja li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu f'każ ta" bżonn mingħajr il-ħtieġa ta" linji gwida tranżizzjonali dwar il-kwistjoni;

Kalendarju u prinċipji ta' kollaborazzjoni għall-proċedura baġitarja annwali

12.  Iqis li l-kalendarju tal-proċedura annwali għandu jkompli jippermetti konsultazzjoni wiesgħa tal-korpi differenti fi ħdan il-Parlament u jirrispetta l-ħtiġijiet tal-multilingwiżmu; jenfasizza li mhuwiex lest li jaċċetta tnaqqis fil-perjodu ta" żmien disponibbli biex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu;

13.  Huwa tal-fehma li l-linji gwida tranżizzjonali dwar il-prinċipji ta" kollaborazzjoni għandhom jimmiraw li jtejbu l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet waqt l-istadji differenti tal-proċedura baġitarja u li jadattaw (u jantiċipaw, jekk ikun meħtieġ) l-istadji differenti tal-kalendarju prammatiku għar-regoli l-ġodda dwar il-proċedura baġitarja, bil-għan li dawk il-laqgħat li issa saru purament formali issa jiġu ttrasformati fi skambji profondi ġenwini ta" opinjonijiet; jisħaq fuq ix-xewqa tiegħu, madankollu, li qabel tibda l-proċedura baġitarja għall-2011, tiġi miftiehma bejn l-istituzzjonijiet FII ġdida mnaqqsa dwar il-ħolqien ta' regoli sodi dwar dawn il-kwistjonijiet;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta proposti għal fehim komuni dwar dawn il-kwistjonijiet miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja f'konformità ma" din ir-riżoluzzjoni;

15.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-proposti xierqa għall-adozzjoni ta" regolament li jkun fih l-MFF u għall-adattament tar-Regolament Finanzjarju; jisħaq fuq il-punt li dawn il-proposti jikkostitwixxu pakkett politiku wieħed u għandhom jiġu mressqa u ttrattati flimkien; jistenna bis-saħħa li dawn il-proposti jqisu t-talbiet li ġew espressi mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-aspetti finanzjarji tat-TL u dwar ir-reviżjoni ta" nofs iż-żmien;

16.  Ifakkar li, skont it-TL, huwa meħtieġ il-kunsens tal-Parlament għall-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li jkun fih l-MFF u li l-modifiki tar-Regolament Finanzjarju se jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (il-kodeċiżjoni);

17.  Jikkonferixxi mandat lill-Kumitat għall-Baġits biex jinnegozja u jilħaq ftehim waqt il-konċiljazzjoni baġitarja ta" Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali meħtieġa dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni;

o
o   o

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0374.
(4) Testi adottati, P6_TA(2009)0174.

Avviż legali - Politika tal-privatezza