Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2135(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0044/2009

Testi mressqa :

A7-0044/2009

Dibattiti :

PV 24/11/2009 - 13
CRE 24/11/2009 - 13

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2009 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0087

Testi adottati
PDF 370kWORD 53k
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2009 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Belġju - industrija tessili; Irlanda - Dell
P7_TA(2009)0087A7-0044/2009
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2009)0515 – C7-0208/2009 – 2009/2135(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0515 – C7-0208/2009),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

–   wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (Regolament EGF),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0044/2009),

A.   billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta" bidliet strutturali maġġuri fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.   billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li spiċċaw redundant għandha tkun waħda dinamika u għandha ssir disponibbli malajr u bl-aktar mod effiċjenti kemm jista" jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta" konċiljazzjoni fis-17 ta" Lulju 2008, u filwaqt li titqies kif jixraq il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 f'dik li hija l-adozzjoni ta" deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond,

C.   billi l-Belġju u l-Irlanda talbu l-għajnuna fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw it-telf ta' impjiegi fis-settur tat-tessuti fir-reġjuni Belġjani ta' Fjandra tal-Lvant u tal-Punent(3) u ta' Limburg(4), u fl-industrija tal-manifattura tal-kompjuters fil-kontej Irlandiżi ta' Limerick, Clare u North Tipperary, kif ukoll fil-belt ta' Limerick(5),

D.   billi ż-żewġ applikazzjonijiet issodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament EGF,

E.   billi fil-każ tal-applikazzjoni Irlandiża, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali talab tagħrif supplementari mill-Kummissjoni,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-EGF;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond; filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw redundant bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.  Jisħaq fuq il-punt li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi kollha tagħha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali; jenfasizza li f'dan ir-rigward l-EGF jista' jkollu rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li sfaw redundant;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament EGF, għandu jkun żgurat li l-EGF jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-EGF m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas m'għandha tieħu post miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-mobilizzazzjoni tal-EGF, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

6.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-EGF għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u l-bosta strumenti oħra maħluqa mill-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni tal-baġit tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

7.  Jinnota li l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali evalwa l-proposta tal-Kummissjoni u m'għandux oġġezzjonijiet x'iqajjem fil-każ tal-applikazzjonijiet Belġjani, iżda talab kjarifiki mill-Kummissjoni dwarf l-applikazzjoni Irlandiża rigward il-każ ta' Dell; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-paragrafi 1 sa 6 tal-opinjoni ta' dak il-Kumitat;

8.  Jevalwa l-konsegwenzi tat-tweġibiet tal-Kummissjoni qabel ma jieħu d-deċiżjoni aħħarija tiegħu kemm dwar l-istrument legali kif ukoll dwar l-istrument baġitarju;

9.  Jistenna li l-Kummissjoni tqis id-diffikultajiet attwali u li mil-lum 'il quddiem tippreżenta l-proposti għal deċiżjonijiet tagħha dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF f'dokumenti separati: proposta għal deċiżjoni waħda għal kull applikazzjoni ta' Stat Membru;

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma" din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(3) EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles.
(4) EGF/2009/005 BE/Limburg textiles.
(5) EGF/2009/008 IE/Dell.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2009

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), b'mod partikulari il-punt 28 tagħha,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) kien stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li sfaw redundant li jsofru mill-konsegwenzi ta" bidliet strutturali maġġuri li jseħħu fir-ritmi tal-kummerċ u biex jgħinhom fl-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)  L-għan tal-EGF twessa għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta" Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)  Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-livell massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)  Il-Belġju ressaq żewġ applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' redundancies fis-settur tat-tessuti, fil-5 ta' Mejju 2009. Dawn l-applikazzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 9 198 874.

(5)  L-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' redundancies fis-settur tal-industrija tal-manifattura tal-kompjuters, fid-29 ta' Ġunju 2009. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża ammont ta" EUR 14 831 050.

(6)  L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Belġju u l-Irlanda.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jkun mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta" EUR 24 029 924 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 25 ta' Novembru 2009

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza