Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-immarkar tal-oriġini
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 rigward il-prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozju u l-konsumatur fis-suq intern(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu IX u l-Artikolu XXIV:5 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità(3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993(4) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jistabbilixxu s-sistema ta" regoli tal-oriġini mhux preferenzjali tal-Komunità,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta' Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta" eżenzjoniiet minn dazju doganali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-titjib fl-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-immarkar tal-oriġini(7),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar l-immarkar tal-oriġini(8),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2005 għal regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini ta' ċerti prodotti importati mill-pajjiżi terzi (COM(2005)0661),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, attwalement, l-UE ma għandhiex dispożizzjonijiet armonizzati jew prattiki uniformi dwar l-immarkar tal-oriġini fl-UE; billi d-disparitajiet bejn ir-regolamenti fis-seħħ tal-Istati Membri kif ukoll l-assenza ta' regoli ċari tal-Komunità f'dan il-qasam qed jirriżultaw f'qafas legali frammentat,
B. billi l-miżuri nazzjonali li jimponu l-immarkar tal-oriġini fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra huma projbiti, filwaqt li mhemm ebda limiti tali fuq l-immarkar tal-oriġini obbligatorju fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi,
C. billi n-numru tal-ikbar imsieħba kummerċjali tal-UE, bħalma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Kanada, daħħlu fis-seħħ rekwiżiti obbligatorji dwar l-immarkar tal-oriġini,
D. billi, fl-Aġenda ta' Lisbona, l-UE għandha bħala objettiv it-tisħiħ tal-ekonomija tagħha permezz, inter alia, tat-titjib fil-kompetittività tal-industrija tagħha fl-ekonomija dinjija; billi l-kompetizzjoni tista' tiġi kkunsidrata ġusta meta topera b'regoli ċari għall-produtturi kif ukoll għall-esportaturi u l-importaturi u meta tkun mibnija fuq suppożizzjonijiet u valuri soċjali u ambjentali komuni,
E. billi l-iskema tal-immarkar tal-oriġini għandha jkollha l-għan li tippermetti l-konsumaturi tal-UE biex ikunu konxji bis-sħiħ dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-prodotti li jixtru; billi l-konsumaturi għaldaqstant ikunu jistgħu jidentifikaw il-prodotti mal-istandards soċjali, ambjentali u ta' sigurtà li normalment ikunu assoċjati ma' dak il-pajjiż,
F. billi l-proposta li tiddaħħal sistema obbligatorja tal-marka tal-oriġini fl-UE hija ristretta għal numru limitat ta" prodotti importati, bħalma huma t-tessuti, il-ġojjellerija, il-ħwejjeġ, iż-żraben, l-għamara, il-ġilda, il-lampi u l-apparat tad-dawl, il-ħġieġ, iċ-ċeramika u l-basktijiet tan-nisa, fejn ir-rekwiżit "made in" jagħti informazzjoni siewja għall-għażla finali tal-konsumatur,
G. billi huwa kruċjali li jiġu żgurati kodizzjonijiet ugwali mal-produtturi tal-imsieħba ewlenin tal-Unjoni Ewropea li implimentaw l-immarkar tal-oriġini,
H. billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009 se jpoġġu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istess livell rigward il-politika kummerċjali komuni; billi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea se tapplia għar-regolament ġejjieni dwar l-immarkar tal-oriġini,
1. Itenni li l-protezzjoni tal-konsumatur teħtieġ regoli tal-kummerċ trasparenti u konsistenti, inklużi l-indikazzjonijiet tal-oriġini;
2. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw livell uniformi mal-imsieħba kummerċjali li jkunu stabbilixxew il-ħtiġiet tal-immarkar tal-oriġini;
3. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu sorveljanza doganali xierqa u mekkaniżmi ta' infurzar;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu approċċ tal-Komunità konsisteni għal din il-kwistjoni sabiex jippermetti l-konsumaturi biex jirċievu aktar informazzjoni kompleta u preċiża; jikkunsidra l-immarkar obbligatorju tal-oriġini bħala pass 'il quddiem lejn aktar informazzjoni kompluta dwar il-produzzjoni soċjali u ambjentali u l-istandards tal-iproċessar;
5. Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tintervjeni, flimkien mal-Istati Membri, biex tiddefendi d-drittijiet u l-aspettativi leġittimi tal-konsumaturi meta jkun hemm evidenza ta' frodi jew informazzjoni qarrieqa dwar l-immarkar tal-oriġini li jsiru mill-importaturi jew il-produtturi minn pajjiżi terzi;
6. Iqis il-proposta msemmija hawn fuq għal Regolament tal-Kunsill li tintroduċi l-indikazzjonijiet obbligatorji tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni Ewropea bħala utli sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-trasparenza u tal-informazzjoni xierqa lill-konsumatur kif ukoll konsistenza fir-regoli internazzjonali tal-kummerċ;
7. Iqis li, mill-1 ta' Diċembru 2009, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja introdotta permezz tat-Trattat ta' Lisbona, il-konsultazzjoni u l-iskambju tal-opinjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill għandhom jibdew b'mod formali u li aktar dewmien jista' jwassal għal danni serji għad-drittijiet taċ-ċittadini, l-impjieg fl-UE u l-prinċipju ta' kummerċ ġust u ħieles;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tagħmel ebda tibdil fil-proposta tagħha u biex tibgħatha mill-ġdid lill-Parlament skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'mod immedjat wara li t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.