Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0158/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 14
CRE 25/11/2009 - 14

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0099

Testi adottati
PDF 225kWORD 77k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2009 - Strasburgu
Il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja
P7_TA(2009)0099RC-B7-0158/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-qtil frekwenti taċ-ċivili fis-Somalja(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tas-27 ta' Lulju 2009 (12354/2009) u tas-17 ta" Novembru 2009 (15914/2009),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/918/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar it-tnedija tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta" kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta" piraterija u ta" serq bl-użu tal-armi "l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta)(3), bl-isem - Operazzjoni Atalanta,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti S/RES1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008), 1863 (2009) u 1972 (2009),

–   wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kenja dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għat-trasferiment lejn il-Kenja tal-persuni ssuspettati li wettqu atti ta' piraterija li jkunu nżammu mill-Forzi Navali Ewropej (EUNAVFOR), u tal-propjetà maqbuda fil-pussess tal-EUNAVFOR, mill-EUNAVFOR lejn il-Kenja għat-trattament tagħhom wara tali trasferiment,

–   wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri konkluż fit-30 ta' Ottubru 2009 bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles biex jiġi permess it-trasferiment lejn is-Seychelles tal-persuni suspettati b'piraterija u serq armat arrestati mill-EUNAVFOR fiż-żona tal-operazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-prinċipji ta' gwida miftiehma bejn il-partijiet għall-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti fil-25 ta' Novembru 2008, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' gvern ta' unità u ta' parlament inklużiv fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-ġlied li reġa' beda dan l-aħħar bejn ir-ribelli tal-Unjoni tal-Qrati Islamiċi (UIC) u t-truppi tal-Gvern Federali Tranżizzjonali u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA) fis-Somalja wassal biex kompliet żdiedet l-instabilità u biex intilfu aktar ħajjiet fis-Somalja,

B.   billi l-komunità internazzjonali tirrispetta s-sovranità, l-integrità territorjali, l-indipendenza politika u l-unità tas-Somalja,

C.   billi s-Somalja ilu ma jkollha gvern li jiffunzjona sa mill-waqgħa tar-reġim ta' Siad Barre fl-1991, u billi minn dak iż-żmien is-sitwazzjoni politika baqgħet waħda ta' anarkija, ikkaratterizzata bi ġlied bejn klannijiet interni u brigantaġġ,

D.   billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-belt kapitali tas-Somalja, Mogadishu, kompliet teħżien, u dan żamm lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) nazzjonali u internazzjonali milli jlaħħqu mal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ u milli jirreaġixxu għall-emerġenzi,

E.   billi fis-Somalja għadhom qed iseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Somalja - speċifikament tortura u trattament ħażin ieħor, stupri, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u attakki fuq persuni ċivili, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-infrastruttura ċivili;

F.   billi hemm tħassib dwar il-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll għas-sigurtà u l-istabilità tal-Qarn tal-Afrika kollu kemm hu,

G.   billi, sa reċentement ħafna, l-attakki mill-pirati ma kinux immirati biss lejn vapuri merkantili iżda anke lejn bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel, dgħajjes tas-sajd u vapuri tat-turisti,

H.   billi piraterija ta" dan it-tip parzjalment tirriżulta mill-vjolenza u mill-instabilità politika fis-Somalja u tikkontribwixxi għalihom, u għandha effett indirett fuq il-bqija tar-reġjun tal-Qarn, u għandha konsegwenzi konkomitanti għall-popolazzjoni ċivili tas-Somalja f'dak li għandu x'jaqsam mal-esponiment għat-theddid, in-nuqqas ta" żvilupp u l-waqfien fl-għajnuna alimentari u sforzi umanitarji oħrajn,

I.   billi fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda li jniedi, bħala parti mill-azzjoni komprensiva mwettqa mill-UE fil-Qarn tal-Afrika, l-ewwel operazzjoni navali tal-UE, EU NAVFOR Atalanta imsemmija hawn fuq, b'mandat li trażżan, tiskoraġġixxi u tipprevjeni atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mill-kosta tas-Somalja u biex tagħti kontribut għall-ħarsien ta' bastimenti merkantili u, b'mod partikolari, ta' bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel li jkunu qegħdin jipprovdu għajnuna alimentari lill-persuni spostati fis-Somalja,

J.   billi, minn Diċembru 2008, l-Operazzjoni EUNAVFOR Atalanta pprovdiet ħarsien kruċjali għal 50 bastiment tal-Programm Dinji tal-Ikel li bejn wieħed u ieħor wasslu 300 000 tunnellata ikel, li minnu finalment ibbenefikaw b'mod dirett 1.6 miljun Somalu,

K.   billi, fil-laqgħa msemmija hawn fuq tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ l-involviment tal-UE għall-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fis-Somalja, b'koperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti rilevanti kollha, b'mod partikolari n-NU u l-Unjoni Afrikana, u għal dan il-għan eżamina l-modi possibbli biex l-UE tagħti kontribut għall-isforzi internazzjonali, fosthom fil-qasam tas-sigurtà,

L.   billi fil-laqgħa msemmija hawn fuq tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni, fis-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet dwar missjoni possibbli tal-Politika Ewropea ta" Sigurtà u ta" Difiża (ESDP) biex jingħata kontribut għat-taħriġ ta' 2,000 ruħ mill-forza ta" sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali tas-Somalja,

M.   billi l-piraterija saret negozju li jħalli l-qligħ peress li qed jintalbu riskatti enormi għal individwi u billi l-pirati tal-ġurnata tal-lum jużaw metodi aktar sofistikati, huma armati tajjeb ħafna bi strateġija ċara u kapaċi li jadattaw malajr għal tattiċi ġodda,

N.   billi din l-assistenza fit-tul mis-sħab internazzjonali ma tistax tkun effikaċi mingħajr ma tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà,

O.   billi r-ribelli tal-UIC eliminaw il-possibilità ta" kull kuntatt u rikonċiljazzjoni politiċi intenzjonati għall-paċi bħala parti mill-Proċess ta' Paċi ta' Djibouti li jipprovdi qafas biex tintlaħaq soluzzjoni politika dejjiema fis-Somalja,

P.   billi l-persunal militari involut fl-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta jista' jarresta, iżomm u jittrasferixxi persuni li huma ssuspettati li wettqu atti ta' piraterija jew serq armat fl-inħawi fejn ikun preżenti; billi dawk issuspettati jistgħu ukoll jiġu mħarrka minn Stat Membru tal-UE jew mill-Kenja skont il-ftehim iffirmat mal-UE fis-6 ta' Marzu 2009, li jagħti lill-awtoritajiet tal-Kenja d-dritt li jħarrku,

Q.   billi, skont rapport mill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, ġie depożitat għadd kbir ta' tagħbijiet illegali bi skart tossiku, li l-kontenut tagħhom qed inixxi, tul il-kosta tas-Somalja, b'nuqqas totali ta" attenzjoni għas-saħħa tal-popolazzjoni lokali u l-konservazzjoni tal-ambjent,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-liġijiet umanitarji internazzjonali u tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt tas-Somalja; jitlob biex il-ġlied jintemm minnufih u biex il-gruppi armati kollha jerħu l-armi tagħhom b'urġenza u jingħaqdu fi djalogu ġenwin fuq bażi estensiva mal-Gvern Federali ta" Tranżizzjoni; jitlob li l-fazzjonijiet kollha mdaħħla fil-ġlied joqogħdu lura milli jattakkaw lil persuni ċivili b'mod indiskriminat, u jitlob li jkun hemm bord indipendenti li jinvestiga r-reati tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Gvern Federali ta" Tranżizzjoni taħt it-tmexxija tal-President Sheikh Sharif Sheikh Ahmed, u għall-impenji tal-President li jonora l-prinċipji stipulati fil-Ftehim ta' Paċi ta' Djibouti, inklużi l-ispirtu ta' rikonċiljazzjoni u t-tfittxija għal proċess politiku inklużiv; jikkundanna l-attakki armati kontra l-Gvern Federali ta" Tranżizzjoni tas-Somalja u kontra n-NU u l-NGOs;

3.  Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandhom ir-responsabilità li jħarsu lill-persuni ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza, u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; jitlob, għaldaqstant, li immedjatament jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin biex ikun hemm rispons xieraq għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

4.  Josserva b'sodisfazzjon kbir li l-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta għadha tikkontribwixxi b'suċċess għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja billi tħares il-bastimenti mikrija tal-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħrajn; jistieden lill-Kunsill biex jestendi l-operazzjoni għal sena oħra meta l-mandat attwali jintemm fit-12 ta' Diċembru 2009; jesprimi l-appoġġ tiegħu biex possibilment tiġi estiża ż-żona operattiva lejn in-nofsinhar, skont l-attività ta" piraterija, iżda jenfasizza li din l-estensjoni m'għandhiex taffettwa l-għan essenzjali tal-missjoni, li hu l-ħarsien tal-konvojs tal-Programm Dinji tal-Ikel u ta' bastimenti vulnerabbli oħrajn, bħal dawk tal-flotta merkantili u tas-sajd;

5.  Jenfasizza li l-piraterija fl-ibħra miftuħa timmina serjament is-sitwazzjoni ta" sigurtà u taffettwa bil-qawwa l-forniment ta' għajnuna alimentari f'sitwazzjoni umanitarja li hi diġà kritika;

6.  Jenfasizza li l-piraterija tista' tingħeleb b'suċċess biss jekk jiġu indirizzati mill-għeruq il-kawżi tal-problema li jinsabu fuq l-art, u li jinkludu l-faqar u fi stat fallut, u jistgħu jinqerdu biss permezz tal-paċi, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni statali fis-Somalja;

7.  Hu tal-fehma li, sakemm tinstab soluzzjoni politika mill-komunità internazzjonali għall-problema jekk is-Somalja hix ta" min jafdaha bħala Stat, l-istrateġija tas-sigurtà implimentata permezz tal-Operazzjoni Atalanta trid tkompli tieħu preċedenza u anke tissaħħaħ f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi disponibbli għall-forzi mobilizzati mill-operazzjoni nnifisha;

8.  Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex jeżamina l-possibilità li titwaqqaf operazzjoni ġdida fuq skala żgħira tal-ESDP, li timxi b'mod parallel mal-Operazzjoni EUNAVFOR Atalanta, biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali ta" Tranżizzjoni, biex b'hekk l-inizjattivi eżistenti - inklużi l-inizjattiva ta' Franza f'Djibouti u l-inizjattiva tal-Uganda bħala parti mill-programm ta' taħriġ stabbilit mill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja - jiġu konformi ma" xulxin billi jiġi żgurat li jieħdu l-istess tip ta' azzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-mill-Istati Membri tas-17 ta' Novembru 2009 tal-Kunċett tal-Ġestjoni tal-Kriżijiet għall-possibilità ta' operazzjoni ġdida tal-Politika Ewropea ta" Sigurtà u ta" Difiża għas-Somalja, iżda jinsisti li l-adozzjoni ta" dan il-kunċett bl-ebda mod m'għandha tinfluwenza minn qabel id-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta' missjoni li tista' tittieħed biss wara eżami aktar bir-reqqa tas-sitwazzjoni fil-post, filwaqt li jkun żgurat li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, li jitħallsu s-salarji, li jkun provdut it-tagħmir u li l-forzi tas-sigurtà mħarrġa jiġu integrati fl-istrutturi tal-istat u ta' kmand sabiex, darba jerġgħu lura, ma jdurux kontra l-gvern li suppost ikunu qegħdin jipproteġu;

9.  Jiddispjaċih li minn 35 sa 40% tal-bastimenti fiż-żona mhumiex reġistrati mal-entità għall-koordinazzjoni ċentrali tas-sigurtà marittima; u li, bħala konsegwenza, dawn il-bastimenti mhumiex konxji tat-theddid speċifiku għas-sigurtà; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-bastimenti kollha tagħhom ikunu jiġu reġistrati; jistieden lill-bastimenti kollha biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet ta" EU NAVFOR – Operazzjoni Atalanta sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' sigurtà possibbli u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' attakki jew ta' qbid;

10.  Jisgħobbih li attitudni dgħajfa lejn id-domandi tal-pirati Somali, anke mingħajr l-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa ta" koerċizzjoni, tista" tipproduċi effetti kontroproduttivi u mhux mixtieqa fil-ġejjieni billi tikkontribwixxi għal każi ġodda ta" piraterija fiż-żona;

11.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja, minħabba l-irwol ċentrali tagħha fil-proċess tal-paċi; jinsisti li involviment ulterjuri mal-Unjoni Afrikana u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja għandu jidentifika l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u l-forom possibbli ta" appoġġ addizzjonali tal-UE sabiex il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja tkun tista' tiżviluppa kapaċitajiet proporzjonati mal-mandat tagħha;

12.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE, sabiex tipprovdi iktar assitenza umanitarja lill-persuni li jkunu ġew spustati internament u lil dawk fil-bżonn;

13.  Hu tal-fehma li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tan-nisa Somali u s-soċjetà ċivili Somala jista" jkollu rwol pożittiv fil-proċess ta" rikonċiljazzjoni nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistudjaw il-possibilità li jħarrġu l-ekwipaġġ u s-sajjieda biex iħejjuhom għall-eventwalità ta' teħid ta' ostaġġi;

15.  Iħeġġeġ l-applikazzjoni u l-monitoraġġ stretti u mġeddin tal-embargo fuq l-armi kontra s-Somalja, li kien impost min-NU fl-1992, u li ftit li xejn qiegħed jiġi osservat; jitlob li dawk li jiksru l-embargo tal-armi tas-Somalja jinżammu responsabbli;

16.  Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissjoni Ewropea biex iwettqu investigazzjoni kompluta tar-rimi ta" skart tossiku u s-sajd illegali tul il-kosta tas-Somalja, biex ir-responsabilitajiet jiġu stabbiliti fil-livelli kollha, biex jappoġġaw l-isforzi sabiex dawk responsabbli għal dawn l-atti kriminali jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex jassiguraw li t-tniġġis ambjentali jkun indirizzat b'mod komprensiv;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, tan-NU u tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-President tal-Gvern Federali ta" Tranżizzjoni tas-Somalja, lill-Gvern tal-Etjopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0519.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0313.
(3) ĠU L 330, 9.12.2008, p. 19.

Avviż legali - Politika tal-privatezza