Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 152(4),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2009 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip (COM(2009)0328),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2007 bit-titlu "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE" (COM(2007)0027),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper 'Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta" l-UE'(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 dwar l-Ambjent Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa 2004-2010(2) u tal-4 ta' Settembru 2008 dwar 'Ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010'(3),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tal-2003 dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), b'mod partikolari l-Artikolu 8 (protezzjoni mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk) u l-Artikolu 14 (miżuri ta' tnaqqis tad-domanda fir-rigward tad-dipendenza fuq it-tabakk u l-waqfien mit-tipjip),
– wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropea tad-WHO tal-2004 dwar il-politika għall-waqfien mit-tipjip,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tad-WHO għall-politiki tal-2007 dwar il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tabakk waħdu huwa l-ikbar kawża ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati, responsabbli għal iktar minn nofs miljun mewt kull sena fl-UE(4),
B. billi huwa stmat li 25% tal-imwiet kollha mill-kankru u 15% tal-imwiet kollha fl-UE jistgħu jiġu attribwiti lit-tipjip(5); billi skont stimi konservattivi, 7 300 adult, inkluż 2 800 persuna li ma jpejpux, mietu bħala konsegwenza tal-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tabakk fl-ambjent (ETS) fil-post tax-xogħol tagħhom fl-UE fl-2002; u billi 72 000 mewt oħra ta' adulti, inklużi dawk ta' 16 400 persuna li ma jpejpux, ġew konnessi mal-espożizzjoni għall-ETS fid-dar(6),
C. billi, skont is-servej tal-Eurobarometer ta' Marzu 2009, 70% tal-popolazzjoni tal-UE huma persuni li ma jpejpux u maġġoranza kbira taċ-ċittadini huma favorevoli għal projbizzjoni fil-postijiet pubbliċi kollha (postijiet tax-xogħol, ristoranti, bars u pubs),
D. billi, minkejja l-fatt li huwa ovvju li t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-ETS, id-data rispettiva speċifikament iffukata fuq il-konsegwenzi tal-espożizzjoni tat-tfal fuq perjodi twal ta' żmien u b'mod sistematiku għall-ETS jew mhijiex suffiċjenti jew mhijiex disponibbli, u studju li jipprovdi d-data rilevanti jista' jitħejja b'mod aktar effettiv f'livell pan-Ewropew u huwa preferibbli għal 27 studju differenti fis-27 Stat Membru differenti,
E. billi l-espożizzjoni għall-ETS – magħruf ukoll bħala duħħan passiv tat-tabakk – huwa kawża addizzjonali sinifikanti ta' mortalità, morbożità u diżabilità fl-UE,
F. billi d-dħaħen tat-tabakk huma taħlita tossika kumplessa ta' iktar minn 4 000 komponenti tal-gass u tal-partikolati, inklużi 69 karċinoġeniku magħruf u diversi aġenti tossiċi,
G. billi l-ETS ġie kklassifikat bħala karċinoġeniku tal-bniedem rikonoxxut mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kankru tad-WHO,
H. billi m'hemmx livell sikur ta' espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk; billi kulħadd għandu d-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u għandu jiġi protett minn espożizzjoni bħal din, u billi t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għat-tniġġis tat-tabakk,
I. billi min ipejjep jieħu aktar ġranet ta' waqfien mix-xogħol minħabba mard fuq perjodi qosra u twal meta mqabbel ma' dawk li ma jpejpux u dawk li waqfu jpejpu, b'mod li jżid mal-ispiża kbira ħafna tal-konsum tat-tabakk għall-individwi, għal min iħaddem, għan-negozji u għall-ekonomija kollha kemm hi,
J. billi t-tfal ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom għall-espożizzjoni tagħhom għall-ETS fi spazji magħluqa, u għandhom id-dritt li jiġu protetti u li ma ssirilhomx ħsara permezz ta' prattiki li huma ta' ħsara għas-saħħa tagħhom,
K. billi l-espożizzjoni għat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk waqt it-tqala tista' twassal għal żieda fir-riskju ta' malformazzjonijiet, ta' korrimenti, ta' ħlas prematur u mortalità fit-twelid, waqfien fl-iżvilupp tal-fetu, ċirkonferenza iżgħar tar-ras u piż anqas fit-twelid, u billi teżisti relazzjoni bejn it-tipjip passiv u l-infjammazzjoni tan-naħa ta' ġewwa tal-widna, iffunzjonar difettuż tal-pulmuni, l-ażma kif ukoll il-mewt għal għarrieda tat-trabi,
L. billi l-evidenza turi li l-introduzzjoni ta' politiki kontra t-tabakk irriżultat f'titjib ġenerali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u f'inċidenza mnaqqsa ta' morbożità relatata mat-tipjip (pereżempju inċidenti koronarji akuti, kundizzjonijiet respiratorji jew infezzjonijiet tal-mijokardju),
M. billi l-ispejjeż għas-sistemi tas-saħħa li jirriżultaw mill-konsum tat-tabakk jitħallsu mill-popolazzjoni b'mod ġenerali u mhux minn dawk li kienu responsabbli biex dawn l-ispejjeż jinħolqu,
N. billi l-UE u 26 mis-27 Stat Membru diġà ffirmaw u rratifikaw l-FCTC; filwaqt li jfakkar ukoll fil-preambolu tal-Kostituzzjoni tad-WHO, li jgħid li t-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq hija wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem,
O. billi l-Artikolu 8 tal-FCTC joħloq obbligu legali għall-Partijiet tiegħu li jadottaw u jimplimentaw, f'oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali eżistenti kif determinata bil-liġi nazzjonali, u biex jippromwovu b'mod attiv, f'livelli ġurisdizzjonali oħra, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi biex jipproteġu lill-persuni mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk fil-postijiet kollha tax-xogħol li jinsabu ġewwa, fit-trasport pubbliku u postijiet pubbliċi li jinsabu ġewwa u, skont kif ikun xieraq, f'postijiet pubbliċi oħra,
P. billi l-Parlament stieden lill-Istati Membri biex jintroduċu, sa Ottubru 2009, projbizzjoni mingħajr restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-postijiet tax-xogħol magħluqa kollha, inklużi stabbilimenti tal-ikel u tax-xorb, u fil-bini pubbliku magħluq u fil-mezzi ta' trasport pubbliku magħluqa kollha fl-UE,
Q. billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tvarja ħafna fost l-Istati Membri,
1. Jiddispjaċih li l-Presidenza ddeċidiet li tadotta r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill mingħajr l-opinjoni tal-Parlament;
2. Jiddispjaċih għall-fatt li n-nuqqas ta' regolamenti komprensivi dwar ambjenti bla tipjip fil-maġġoranza tal-Istati Membri (b'mod partikolari fis-setturi tal-ospitalità u tad-divertiment) jirriżulta f'inugwaljanzi bejn gruppi ta' ħaddiema u gruppi soċjoekonomiċi differenti, bil-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità li għandhom probabilità tliet darbiet aktar li jkunu esposti għad-dħaħen tat-tabakk għal iktar minn ħames sigħat kuljum meta mqabbla ma' ħaddiema li jaħdmu f'uffiċċju;
3. Jirrimarka li l-Parlament ippromwova b'mod konsistenti miżuri aktar b'saħħithom biex tiġi indirizzata d-dipendenza fuq it-tabakk u biex jitnaqqas l-espożizzjoni fost iż-żgħażagħ għad-duħħan passiv tat-tabakk;
4. Jenfasizza l-effetti serji ta' ħsara li għandhom id-duħħan passiv tat-tabakk, l-effetti partikolari li l-espożizzjoni għal sustanzi ta' ħsara jista' jkollha matul il-perjodu vulnerabbli tat-tfulija, u l-fatt li t-tfal m'għandhomx il-kapaċità legali li jagħtu l-kunsens tagħhom għal espożizzjoni sistematika u fuq perjodu twil ta' żmien għal ambjenti mimlijin bid-dħaħen tat-tabakk;
5. Jenfasizza li l-liġijiet nazzjonali differenti jirriżultaw f'differenzi kbar fil-protezzjoni minn espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk bejn l-Istati Membri;
6. Iqis li hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-projbizzjonijiet tat-tipjip fl-Istati Membri għandha, filwaqt li tipprovdi ċertezza legali, tirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn tipi differenti ta' stabbilimenti fis-settur tal-ospitalità;
7. Jilqa' l-fatt li l-UE qed tiżviluppa b'mod attiv politika komprensiva ta' kontroll tat-tabakk ikkaratterizzata minn miżuri legiżlattivi, appoġġ għal attivitajiet ta' prevenzjoni tat-tipjip u waqfien mit-tipjip madwar l-UE kollha, l-integrazzjoni sistematika tal-kontroll tat-tabakk f'firxa ta' politiki Komunitarji oħra u l-għoti ta' rwol ewlieni lill-UE fil-kontroll tat-tabakk fil-livell globali;
8. Jilqa' r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-konsum tat-tabakk, kif ukoll il-koerenza murija reċentament fil-politiki tagħha;
9. Jenfasizza li leġiżlazzjoni li torbot ibbażata fuq l-Artikoli 137 u 152 tat-Trattat tista' potenzjalment iġġib tnaqqis fil-prevalenza tal-ETS u fl-ispejjeż għas-saħħa u għall-ekonomija relatati miegħu; jirrikonoxxi, madankollu, li dawk l-Artikoli, u b'mod partikolari l-Artikolu 137, ma jindirizzawx b'mod dirett il-problemi speċifiċi tat-tfal;
10. Jenfasizza li hija biss projbizzjoni sħiħa tat-tipjip fl-ambjenti tax-xogħol magħluqin kollha, inklużi l-istabbilimenti tal-ikel u tax-xorb, u fil-bini pubbliku kollu kif ukoll fil-mezzi ta' trasport pubbliku kollha, li tista' tħares is-saħħa tal-ħaddiema u ta' dawk li ma jpejpux u li tagħmilha kunsiderevolment aktar faċli għal dawk li jpejpu biex jieqfu jpejpu;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni ta' dawk l-Istati Membri li diġà adottaw miżuri effettivi biex jiżguraw il-ħarsien mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jdaħħlu regoli għall-protezzjoni ta' dawk li ma jpejpux fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u biex isaħħu l-isforzi kontinwi biex jiġu mħarsa dawk li ma jpejpux;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar l-ispejjeż ikkawżati mit-tipjip, li għalihom iħallsu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali u l-ekonomija tal-UE, u l-effetti tat-tniġġis mid-dħaħen tat-tabakk;
13. Jipproponi li l-Kunsill jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu u konsultazzjoni kontinwi mal-partijiet interessati rilevanti kollha f'konformità mal-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5.3 FCTCadottati waqt il-Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC fl-2009, biex jiġi żgurat li jingħata appoġġ lill-parteċipanti kollha għall-implimentazzjoni ta' strateġiji u programmi nazzjonali ta' kontroll tat-tabakk;
14. Iġedded l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-emenda tad-Direttiva 2001/37/KE(7) dwar il-prodotti tat-tabakk, li tkun tinkludi mill-inqas il-modifiki li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 imsemmija hawn fuq tal-Parlament;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi studju komprensiv tal-effetti tal-espożizzjoni sistematika u fuq perjodu twil ta' żmien tat-tfal għal duħħan passiv u r-residwi tad-duħħan tat-tabakk fil-postijiet kollha tal-attività tagħhom;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw kemm ir-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill kif ukoll l-aħjar prattiki tal-Istati Membri bħala bażi għal kontribuzzjonijiet fil-formulazzjoni ta' linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 FCTC ('miżuri ta' tnaqqis tad-domanda fir-rigward tad-dipendenza fuq it-tabakk u l-waqfien mit-tipjip'), li għandhom jiġu adottati waqt il-Konferenza li jmiss tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-FCTC;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta miżuri ta' appoġġ fil-livell tal-UE, pereżempju miżuri ta' ħolqien ta' kuxjenza inkluża informazzjoni fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, li jkunu integrati mal-kampanji nazzjonali ta' komunikazzjoni li jkollhom l-għan li jiskoraġġixxu t-tipjip;
18. Iqis li hu kruċjali li, bħal fil-każ tal-miżuri favur 'Ewropa mingħajr tabakk', il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tipprovdi lilha nnifisha b'mezzi ġodda biex tiġġieled kontra t-tipi differenti ta' traffikar u falsifikazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, l-iktar fuq l-Internet, minħabba l-perikli immedjati u li qed jiżdiedu li dawn jinvolvu għas-saħħa tal-konsumaturi;
19. Filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa ta' miżuri b'saħħithom biex jiġu żgurati monitoraġġ u implimentazzjoni sħaħ u preċiżi, jistieden lil dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet proposti, skont l-obbligi tagħhom tal-Artikolu 8 tal-FCTC, kif ukoll biex jirrapportaw lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom;
20. Jistieden, għal darba oħra, lill-President u l-Bureau tiegħu, fid-dawl tad-dmir tagħhom li jagħtu eżempju lill-Istati Membri, biex jadottaw projbizzjoni tat-tipjip mingħajr eżenzjonijiet fil-partijiet kollha tal-Parlament u b'effett immedjat; jitlob li jkun hemm infurzar rigoruż ta' dik il-projbizzjoni;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lid-WHO.
The Smoke Free Partnership (2006). Lifting the smokescreen: 10 reasons for a smoke free Europe, Brussell, il-Belġju: Is-Soċjetà Ewropea dwar ir-Respirazzjoni.
Id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkoċernaw il-manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26).