Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2775(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0165/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 17
CRE 25/11/2009 - 17

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 8.4

Testi adottati :

P7_TA(2009)0101

Testi adottati
PDF 276kWORD 37k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2009 - Strasburgu
Ratifika u implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO
P7_TA(2009)0101RC-B7-0165/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħala aġġornati,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-10 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Patt Globali tax-Xogħol tal-ILO adottat fid-19 ta' Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-aġenda soċjali mġedda (COM(2008)0412),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2004 bit-titlu 'Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni - il-kontribut ta' politika tal-UE biex igawdi kulħadd' (COM(2004)0383),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bit-titlu 'Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd' (COM(2006)0249),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-AETR fil-kawża Nru C-45/07 Kummissjoni v Greċja(2) rigward il-kompetenza esterna tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-valuri fundamentali tal-libertà, id-dinjità umana, il-ġustizzja soċjali, is-sigurtà soċjali u l-ugwaljanza huma elementi essenzjali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli,

B.   billi, fil-kriżi ekonomika u tal-impjiegi globali attwali, dawn il-prinċipji huma saħansitra aktar rilevanti,

C.   billi, mill-1919, l- ILO żammet u żviluppat sistema ta' standards internazzjonali dwar ix-xogħol li jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti li jinkludu x-xogħol, l-impjiegi, is-sigurtà soċjali, il-politika soċjali u d-drittijiet tal-bniedem relatati;

D.   billi jeħtieġ li niżguraw il-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE.

1.  Jilqa' l-lista ta' Konvenzjonijiet li l-ILO ikklassifikathom bħala aġġornati, ir-riżultat tal-proċess tripartitiku tal-ILO li involva 'l min jimpjega, il-ħaddiema u l-gvernijiet;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-argumenti soċjali qawwija favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati, f'konformità mat-Trattati tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika preċiżament lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri liema Konvenzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea, u liema jaqgħu taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.  Jistieden lill-President-elett tal-Kunsill Ewropew biex ikun ambizzjuż kemm jista' jkun fil-mandat tiegħu biex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni lill-Istati Membri ħalli tinkoraġġixxi r-ratifikazzjoni tal-konvenzjonijiet kollha li ġew ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati u biex tikkontribwixxi attivament għall-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li tqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P6_TA(2009)0370.
(2) ĠU C 82, 4.4.2009, p. 3.

Avviż legali - Politika tal-privatezza