Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-laqgħa għolja tal-FAO u s-Sigurtà tal-Ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf u tal-ikel(1), kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta" Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta" Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika(3),
– wara li kkunsidra r- Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel(5),
– wara li kkunsidra l-Prospettiva Agrikola 2008-2017 maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Agrikoltura u tal-Ikel (FAO) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika (OECD),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, tax-Xjenza u tat-Teknoloġija għall-Iżvilupp (IAASTD),
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-'Health Check' tal-politika agrikola komuni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjoni maħruġa mil-Laqgħa Għolja Dinjija tal-FAO dwar is-Sigurtà tal-Ikel li sar f'Ruma mis-16 sat-18 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija l-fornitur dinji ewlieni tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, iżda billi f'livell internazzjonali s-sehem ta' assistenza għall-iżvilupp uffiċjali (ODA) allokat għall-agrikoltura, partikolarment mill-Unjoni Ewropea, naqas b'mod kostanti mit-tmeninijiet 'l hawn, jiġifieri minn 17 % fl-1980 għal 3.8 % fl-2006; billi, minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, id-domanda dinjija għall-ikel mistennija tirdoppja sal-2050 u se jkun jeħtieġ li tiżdied il-produzzjoni dinjija tal-ikel,
B. billi d-dikjarazzjoni finali tal-Laqgħa Għolja Dinjija dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal-2009 la tanalizza biżżejjed ir-raġunijiet għan-nuqqas li jinqered il-ġuħ, u lanqas tagħmel proposti konkreti dwar kif tista' tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ġuħ; billi, skont il-FAO, investiment ta' EUR 30 biljun fis-sena jkun biżżejjed biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għal popolazzjoni dinjija li se tilħaq id-disa' biljun ruħ sal-2050,
C. billi l-Unjoni Ewropea għadha produttur ewlieni tal-ikel, iżda hija wkoll importatur ewlieni ta' prodotti agrikoli, filwaqt li mhijiex awtosuffiċjenti fir-rigward ta' diversi prodotti agrikoli; billi ż-żieda tal-prezzijiet tal-għalf qed iżżid l-ispejjeż tal-produzzjoni, bir-riskju li tonqos il-produzzjoni tal-prodotti mit-trobbija tal-bhejjem,
D. billi varjazzjonijiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-prodotti jistgħu jsiru karatteristika aktar ewlenija u regolari tas-suq dinji; billi prezzijiet ogħla tal-ikel ma jfissrux awtomatikament dħul ogħla għall-irziezet, l-aktar minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-irziezet u d-diverġenza li qed tikber bejn il-prezzijiet tal-produttur u dawk tal-konsumatur,
E. billi l-ħażniet dinjin tal-ikel naqsu għal livelli baxxi ferm, minn provvista ta' sena ta' ikel maħżun wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal 57 ġurnata biss ta' ikel maħżun fl-2007 għal 40 ġurnata biss ta' ikel maħżun fl-2008,
F. billi l-ħażniet li jonqsu, anke fl-UE, għandhom effett ħażin fuq il-programm tal-ikel ta' emerġenza, li attwalmet, għandu anqas ikel x'iqassam; billi din il-problema u l-kriżi dinjija tal-prezzijiet tal-ikel kellhom il-konsegwenza immedjata u serja li jiżdiedu l-għadd ta' nies bil-ġuħ fid-dinja għal biljun ruħ fl-2009 skont il-FAO, u dan ifisser li attwalment persuna minn kull sitta hija malnutrita u qed tbati minn guħ kroniku,
G. billi aktar minn 40 miljun ruħ imutu bil-guħ u l-faqar kull sena, u dan ifisser ukoll tifel kull sitt sekondi; billi dawn l-iżviluppi wasslu għal irvelli u inkwiet fid-dinja kollha, li ddestabilizzaw aktar lil pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja; billi fil-Laqgħa Għolja Dinjija dwar l-Ikel fl-1996 rappreżentanti minn 185 pajjiz impenjaw ruħhom li sal-2015 inaqqsu bin-nofs l-għadd ta' nies bil-ġuħ; u billi l-bdiewa żgħar, ir-ragħajja u l-ħaddiema rurali jirrappreżentaw aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja u huma l-vittmi ewlenin tal-ġuħ,
H. billi l-bidla fil-klima qed ikollha impatt kbir fuq il-biedja, pereżempju billi tnaqqas il-ġabra ta' wċuħ tar-raba' minħabba n-nuqqas ta' ilma li jaffettwa l-attivitajiet agrikoli lokali fl-ifqar pajjiżi,
I. billi l-agrikoltura tipprovdi impjieg u għajxien għal aktar minn 70% tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal aktar minn 80% f'bosta pajjiżi Afrikani, u, bħala konsegwenza, il-politiki dwar l-iżvilupp rurali huma essenzjali sabiex il-faqar u l-ġuħ jiġu ttrattati b'mod effettiv; billi l-Bank Dinji jistma li t-tkabbir fis-settur agrikolu huwa effettiv id-doppju fit-tnaqqis tal-faqar mit-tkabbir f'setturi oħra,
J. billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi aktar minn 50% tal-għajnuna kollha għall-iżvilupp fid-dinja, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; fatt ikkonfermat mill-kontribuzzjoni attwali permezz tal-istrumenti tal-KE (madwar EUR 1.8 biljuni: EUR biljun permezz tal-faċilità l-ġdida għal reazzjoni rapida għall-prezzijiet tal-ikel li jogħlew ferm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-bqija permezz ta' strumenti għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja eżistenti),
K. billi l-proporzjon ta' art deforestata u ta' riżorsi agrikoli użati għall-produzzjoni tal-għalf, il-laħam u l-bijomassa għall-agrofjuwils żdied, u dan ikkontribwixxa b'mod konsiderevoli għal spekulazzjoni dinjija fil-prodotti agrikoli,
1. Jisħaq fuq il-fatt li l-għadd ta' nies li qed ibatu minħabba l-ġuħ u l-faqar illum qabeż il-biljun ruħ u li dan huwa piż inaċċettabbli fuq il-ħajja ta' persuna minn kull sitta tal-popolazzjoni dinjija; jinnota li l-effetti ta' sottoinvestiment għal żmien twil fis-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali dan l-aħħar tħarrxu aktar bil-kriżijiet ekonomiċi, finanzjarji u tal-ikel, fost fatturi oħra, u li sal-lum l-isforzi kollha naqsu milli jilħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs); jinnota li jeħtieġ li jittieħdu passi b'mod kollettiv sabiex din it-tendenza titreġġa' lura u sabiex gradwalment id-dritt għal ikel xieraq isir realtà fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali;
2. Jisħaq fuq id-dritt li kulħadd ikollu aċċess għal biżżejjed ikel nutrittiv u sikur; jitlob li d-dinja tinħeles mill-ġuħ u jiġbed l-attenzjoni li ġlieda ġenwina kontra l-ġuħ tirrikjedi l-istabbiliment ta' politiki komprensivi li jtejbu sistemi sostenibbli ta' biedja u ta' produzzjoni tal-ikel, sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jitimaw lill-poplu tagħhom; jistieden lill-pajjiżi jimplimentaw il-'Linji gwida volontarji għat-twettiq progressiv tad-dritt għal ikel xieraq fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali' tal-FAO u jappoġġja l-applikazzjoni prattika ta' dawn il-linji gwida abbażi tal-prinċipji tal-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabilità; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji li ttieħdu bħala fatt ta' prinċipju fil-Laqgħa Għolja ta' Ruma, iżda jfisser id-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' impenji finanzjarji speċifiċi li saru u għall-attendenza fqira minn rapprezentanti ta' livell għoli tal-G8; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirduppjaw l-impenn tagħhom biex jintlaħaq l-MDG 1 (li sal-2015 il-ġuħ jitnaqqas bin-nofs) u biex japprovaw għan globali sabiex jinqerdu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni sal-2025 jew, jekk ma tkunx dik id-data, fl-iqsar żmien possibbli;
3. Jisħaq fuq l-importanza tal-politika agrikola komuni (PAK) bħala l-mezz li bih tkun żgurata l-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-PAK sa mill-ħolqien tagħha fl-1962 tat provvista tal-ikel sikura liċ-ċittadini tal-UE, minbarra l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent rurali u standards ta' produzzjoni tal-ikel tal-UE li huma l-ogħla fid-dinja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-agrikoltura Komunitarja jibqa' jkollha dak ir-rwol fil-futur;
4. Jisħaq fuq il-fatt li mill-2007 'l hawn, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli varjaw ferm u li bejn nofs l-2007 u nofs l-2008, il-prezzijiet oghlew immens, u mbaghad oghlew immens ukoll il-prezzijiet tal-konsumatur; jinnota li din iż-żieda kbira fil-prezzijiet bażiċi tal-prodotti kienet segwita malajr minn tnaqqis kbir fil-prezzijiet tal-prodotti għal livelli insostenibbli; għadu preokkupat li l-prezzijiet tal-ikel jistgħu jerġgħu jogħlew hekk kif l-ekonomija dinjija tirkupra, filwaqt li jibqgħu ħafna mill-problemi strutturali, inklużi n-nuqqas ta' investiment u d-domanda għolja f'ċerti reġjuni;
5. Jinnota bi tħassib l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu għall-irziezet (per eżempju żidiet tal-prezzijiet tal-fertilizzanti, u taż-żerriegħa) li wasslu għal żieda tal-ispejjeż li għalihom mhux il-bdiewa (partikolarment fis-settur tal-bhejjem) ġew ikkumpensati bl-istess mod u li naqqru b'mod sinifikanti kull żieda potenzjali fid-dħul tal-irziezet min prezzijiet ogħla tal-prezzijiet tal-ikel u l-prodotti, u għaldaqstant tnaqqas l-inċentiv li tiżdied il-produzzjoni agrikola sostenibbli; huwa preokkupat li żidiet kbar fil-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni jistgħu jwasslu biex jintużaw anqas u għal produzzjoni potenzjalment imnaqqsa, li tħarrax il-kriżi tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja;
6. Jiġbed l-attenzjoni li l-volatilità tal-prezzijiet tas-snin reċenti - kemm meta għolew kif ukoll meta raħsu - għamlet l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għan li ma tantx jista' jintlaħaq faċilment; jisħaq fuq il-fatt li jekk il-bdiewa ma jingħatawx prezz ġust għall-prodotti tagħhom, iwaqqfu l-produzzjoni; jerġa' jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-irziezet tal-UE jipproduċu bejn 17% u 30% tal-qamħ, il-ħalib u ċ-ċanga tad-dinja; jenfasizza li l-fatt l-irziezet jibqgħu vijabbli fl-UE se jkun ta' importanza kbira ferm għall-provvisti tal-ikel fl-UE u fid-dinja kollha fis-snin li ġejjin;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali fuq perjodu itwal ta' żmien fiż-żieda reċenti tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, inklużi d-domanda globali li qed tiżdied b'mod kostanti u tnaqqis kontinwu fl-investiment fl-agrikoltura produttiva; jinnota li, fost dawn il-fatturi, iż-żieda tal-prezz tal-enerġija, u b'mod partikulari tal-prezz taż-żejt, kellha impatt kbir fuq il-produzzjoni agrikola dinjija (minħabba l-ispejjeż li qed jiżdiedu tal-produzzjoni u t-tqassim tal-ikel) u fuq il-frekwenza tal-kriżijiet tal-ikel fil-pajjiżi l-fqar (minħabba spejjeż ogħla ta' trasport tal-ikel f'dawk il-pajjiżi);
8. Jinnota li sabiex tintama' popolazzjoni dinjija li mistennija taqbeż id-9 biljun ruħ fl-2050, il-produzzjoni agrikola jkollha tiżdied b'70 % sa dak iż-żmien; jiġbed l-attenzjoni li aktar minn 860 miljun ruħ fid-dinja jbatu minħabba ġuħ kroniku; jinnota li l-Bank Dinji jbassar li ż-żieda tal-prezzijiet tal-ikel u l-kriżi attwali tal-ikel u l-fjuwil se jwasslu biex bejn 130 u 155 miljun ruħ oħra jkunu ifqar meta mqabbel mal-2008;
9. Jemmen li l-PAK għandha tibqa' l-pedament tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u li għandha tkun adattata aktar biex tissodisfa l-preokkupazzjoniiet dwar is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja; iwissi kontra t-tneħħija ta' miżuri ta' appoġġ għas-suq u kontra t-tnaqqis ta' ħlasijiet għall-appoġġ tal-irziezet fid-dawl tal-volatilità kbira tal-prezzijiet tal-prodotti u, għaldaqstant, tad-dħul tal-irziezet;
10. Jisħaq fuq l-importanza ta' koperazzjoni u solidarjetà internazzjonali u l-ħtieġa li ma jittiħdux miżuri unilaterali li ma jkunux konformi mal-liġi internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel; jitlob li jintlaħqu ftehimiet kummerċjali bilanċjati, billi huma element essenzjali ta' reazzjoni dinjija għas-sigurtà tal-ikel;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu mekkaniżmi finanzjarji ekwi u kunċetti ta' qsim tal-piżijiet fil-kuntest tal-adattament għall-klima fin-negozjati li se jsiru f'Kopenħagen, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-appoġġ għal prattiki agrikoli li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħala mezz koerenti biex ikun miġġieled il-ġuħ, biex jieħdu miżuri koordinati sabiex jitwaqqaf kull telf ieħor ta' fertilità tal-ħamrija u ta' bijodiversità, żewġ komponenti essenzjali tas-sistemi ta' produzzjoni tal-ikel, biex iżidu l-effiċjenza ġenerali u jnaqqsu l-ħela fil-katini tal-ikel dinjija, u biex itejbu l-aċċess għas-swieq lokali;
12. Jirrikonoxxi l-fehma tal-FAO li l-pajjiżi li l-aktar jimpurtaw ikel huma l-aktar milquta mill-prezzijiet tal-ikel li jiżdiedu u li ħafna minn dawn il-pajjiżi huma l-anqas żviluppati tad-dinja; jerġa' jiġbed l-attenzjoni li l-faqar u d-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-ikel huma kawżi ewlenin tal-insigurtà tal-ikel; jagħraf il-fatt li persentaġġ żgħir biss tal-produzzjoni dinjija tal-ikel, li ġejja dejjem aktar minn għadd żgħir biss ta' pajjiżi li jesportaw, fil-fatt jispiċċa fis-swieq internazzjonali;
13. Huwa allarmat minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija attwali, li tista' tirriżulta fi tnaqqis tal-ammont ta' finanzjament disponibbli għall-biedja; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur agrikolu u tqis proposti li jiżguraw l-istabilità tas-settur, anke fir-rigward tal-aċċess għal self u garanziji bil-flus; jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi tal-ikel hija marbuta sew mal-kriżi finanzjarja, li fil-kuntest tagħha l-likwidità li ngħatat mill-banek ċentrali sabiex ikunu evitati l-fallimenti setgħet żiedet l-investimenti spekulattivi fil-prodotti; jistieden lill-Fond Monetarju Internazzjonali u lill-Forum dwar l-Istabilità Finanzjarja biex jevalwaw dan l-effett kollaterali u jikkunsidrauh meta jipproponu rimedji globali;
14. Jemmen li l-PAK hija element importanti tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel illum u wara l-2013 u li għandu jkollha rwol sinifikanti fil-politiki dwar l-iżvilupp, b'mod partikulari fir-rigward tal-politika esterna dwar is-sigurtà tal-ikel; jikkunsidra li ekosistemi funzjonanti, ħamrija fertili, riżorsi tal-ilma stabbli u ekonomija rurali varjata huma essenzjali fl-interess ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu twil ta' żmien; jemmen li, minbarra l-iżgurar tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni Ewropea, il-PAK tista' tikkontribwixxi sabiex tkun issodisfata d-domanda akbar għall-ikel fid-dinja bla ma tgħawweġ is-suq; jitlob li jittieħdu miżuri li jistabilizzaw is-sistemi tal-biedja lokali u reġjonali li huma msejsa fuq prattiki ta' biedja sostenibbli u jipprovdu riżervi strateġiċi ta' ikel;
15. Jikkunsidra li l-faċilità ta' finanzjament għal reazzjoni rapida għall-prezzijiet tal-ikel li qed jiżdiedu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija l-ewwel pass meħtieġ lejn l-issodisfar tal-ħtiġijiet immedjati ta' min intlaqat l-aktar mill-kriżi tal-ikel; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tivverifika kif jintefqu l-flus, filwaqt li tiżgura li jintużaw dejjem fejn jinħtieġu l-aktar, u li għandha tippreżenta rapporti regolari lill-Parlament;
16. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-programmi eżistenti tagħha mfassla biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja; jitlob il-finanzjament għall-Programm Tematiku għas-Sigurtà tal-Ikel (2007-2010), li attwalment jingħata baġit ta' EUR 925 miljun għall-perjodu ta' programmazzjoni kollu, u għandu jiżdied; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sħiħ tal-impatt tal-politiki u l-programmi tal-UE fl-oqsma tal-agrikoltura, l-iżvilupp u l-kummerċ sabiex tiggarantixxi approċċ politiku koerenti u sostenibbli għas-sigurtà dinjija tal-ikel;
17. Jerġa' jafferma li s-sigurtà tal-ikel hija responsabilità nazzjonali u li kwalunkwe pjanijiet għall-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà tal-ikel għandhom jiġu maħsuba, ikkoordinati, imfassla u mmexxija fuq livell nazzjonali u għandhom ikunu bbażati fuq konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha; jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel għandha tkun prijorità għolja u li l-importanza tagħha għandha tiġi riflessa fil-programmi u l-baġits nazzjonali; jenfasizza li l-governanza tajba għandu jkollha rwol ewlieni u li l-korruzzjoni f'livell nazzjonali għandha tiġi indirizzata; jemmen li l-ġlieda kontra l-ġuħ trid tkun imsejsa fuq ir-rikonoxximent tad-dritt għas-sovranità tal-ikel, definita bħala l-kapaċità ta' pajjiż jew ta' reġjun li jimplimenta demokratikament il-politiki, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu stess dwar l-agrikoltura u l-ikel;
18. Jemmen li r-riċerka kontinwa dwar sistemi sostenibbli ta' produzzjoni agrikola hija essenzjali; jenfasizza l-irwol ta' programmi ta' riċerka ffinanzjati pubblikament, tal-pjattaforma tat-teknoloġija tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika u tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku; jitlob li fejn ikun xieraq jiġu implimentati programmi għat-trasferiment tat-teknoloġija lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-gvernijiet membri tal-FAO biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet li saru fl- IAASTD biex jissostitwixxu kunċetti tat-trasferiment tat-teknoloġija top-down b'kunċetti innovattivi, li jinvolvu lill-bdiewa u parteċipatorji bottom-up;
19. Jikkunsidra li wieħed mill-ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa n-nuqqas ta" aċċess mill-bdiewa żgħar għas-self u l-mikrokrediti biex jinvestu fi żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta" irrigazzjoni aħjar; jenfasizza, barra minn dan, il-kwistjoni tal-garanziji tas-self, li f'ħafna każi mhumiex disponibbli; jistieden lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jara kif jista' jipprovdi programmi għall-produtturi lokali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'garanziji tas-self li jappoġġaw l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu;
20. Jiddeċiedi li jwaqqaf grupp ta' ħidma permanenti ta' livell għoli dwar il-kontribut tal-UE sabiex tinkiseb sigurtà dinjija tal-ikel, sabiex jitfasslu approċċi komuni għall-isfidi ewlenin li l-Kummissjoni identifikat għall-agrikoltura, is-sajd u l-iżvilupp rurali sostenibbli;
21. Jinnota li l-kriżi dinjija tal-ikel hija waħda mit-theddidiet ewlenin għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward, l-isforzi reċenti mill-Kummissjoni biex tinvestiga modi ta' kif tkun ittrattata l-kwistjoni tas-sigurtà dinjija tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw tali inizjattivi f'livell nazzjonali u lokali;
22. Jenfasizza li x-xiri ta' art agrikola minn investituri barranin, partikolarment fl-Afrika, m'għandux ikollu impatt ħażin fuq is-sigurtà tal-ikel lokali jew iwassal għal użu insostenibbli tal-art; jiġbed l-attenzjoni li jista' jkollu wkoll effetti pożittivi billi l-art tibda tintuża b'mod produttiv; iħeġġeġ lill-FAO u lill-Istati Membri jaħdmu għal regoli komuni u proposti leġiżlattivi li jirrikonoxxu d-dritt tan-nies f'kull pajjiż li jikkontrollaw l-art agrikola u riżorsi naturali oħra li huma vitali għas-sigurtà tal-ikel tagħhom;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.