Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar in-Nikaragwa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, l-aktar dik tat-18 ta" Diċembru 2008 dwar l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-libertajiet ċivili u fuq id-demokrazija fin-Nikaragwa(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Djalogu Politiku u Koperazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2003 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta" El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, fuq in-naħa l-oħra, u l-Ftehima Qafas ta" Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta" El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama(2),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Ġunju 2004,
– wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati mit-tim ta' esperti tal-UE dwar l-elezzjonijiet muniċipali tan-Nikaragwa li seħħew fid-9 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ferrero-Waldner dwar dak li ġara fin-Nikaragwa wara l-elezzjonijiet muniċipali tad-9 ta" Novembru 2008,
– wara li kkunsidra n-negozjati li qed jitwettqu dwar l-iffirmar ta" Ftehim ta" Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjżi tal-Amerika Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-Assoċjazzjoni tal-Istampa Interamerikana (IAPA) esprimiet tħassib dwar sensiela ta" azzjonijiet meħuda mill-gvern tan-Nikaragwa, u ta" fehmiet mistqarra minnu, li qed joħonqu l-libertà tal-istampa f'dak il-pajjiż,
B. billi, skont l-Artikolu 147 tal-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, li kienet introdotta fl-1995, mhuwiex possibli li li kandidat jipprova jikseb it-tieni mandat presidenzjali konsekuttiv u li, f'dan is-sens, il-President Ortega qiegħed illegalment jipprova jdur ma' artikolu fil-Kostituzzjoni sabiex ikun jista" jippreżenta ruħu bħala kandidat biex jikseb it-tieni mandat fl-elezzjonijiet tal-2011,
C. billi l-leġiżlatura biss tista" tesprimi ruħha dwar ir-riforma kostituzzjonali u l-partit li bħalissa qiegħed fil-gvern, il-Front Nazzjonali ta' Liberazzjoni Sandinista (FSLN), m'għandux il-maġġoranza ta" żewġ terzi meħtieġa,
D. billi fid-19 ta" Ottubru 2009 l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tan-Nikaragwa ltaqgħet matul il-lejl, minkejja li tlieta mis-sitt imħallfin membri ma kienux mistiedna kienu ssostitwiti minn 3 imħallfin favur il-gvern, u ddikjarat unanimament li l-artikolu 147 tal-Kostituzzjoni ma setgħax jiġi infurzat,
E. billi l-partiti politiċi kollha tal-oppożizzjoni rappreżentati fl-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll għadd ta" assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) irrifjutaw dik id-deċiżjoni ġudizzjarja bħala illegali, u ftiehmu li jaħdmu id f'id sabiex jissalvagwardjaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa,
F. billi din id-deċiżjoni ġudizzjarja kienet minnufih milqugħa bl-approvazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Alleanza Bolivarjana tal-Pajjiżi tal-Amerika (ALBA),
G. billi, waqt żjara fin-Nikaragwa, delegazzjoni tal-grupp Liberali Internazzjonali ġiet mhedda u insultata u l-president tagħha, Johannes Cornelis van Baalen (MEP) kien saħansitra mhedded bi tkeċċija min-Nikaragwa u ddikjarat persona non grata mill-awtoritajiet Sandinisti,
H. billi d-demokrazija fin-Nikaragwa marret għall-agħar wara l-frodi allegati fl- elezzjonijiet muniċipali tal-2008, l-attakki u l-atti ta" intimidazzjoni mwettqa kontra l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-membri tagħhom, kif ukoll fuq il-ġurnalisti u r-rappreżentanti tal-midja, minn individwi, mill-forzi politiċi u korpi marbuta mal-awtoritajiet tal-Istat,
I. billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE,
J. billi l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha, meta jilħqu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, jassumu responsabilità li jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn il-klawżoli huma fin-natura tagħhom reċiproki,
K. billi l-Unjoni Ewropea għandha teżerċita kontroll akbar fuq l-użu ta" fondi mogħtija lin-Nikaragwa għal proġetti ta" żvilupp, sabiex tkun żgur li l-ebda flus ma jispiċċaw f'idejn Sandinisti,
L. billi n-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti tal-Amerika u diversi NGOs fin-Nikaragwa esprimew tħassib rigward in-nuqqas ta' trasparenza tal-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar,
1. Jiddeplora l-attakki numerużi u l-atti ta" intimidazzjoni mwettqa minn individwi, mill-forzi politiċi u minn korpi marbuta mal-awtoritajiet tal-Istat, li tagħhom sfaw vittmi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom u ġurnalisti indipendenti;
2. Jikkundanna l-emendi lill-Kostituzzjoni li jiksru l-ordni kostituzzjonali fin-Nikaragwa, b'mod partikolari l-manuvri ta" legalità dubjuża użati mill-gvern bl-użu ta" mħallfin favur il-gvern fil-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;
3. Jistieden lill-President Ortega sabiex jirrispetta l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa li tipprojbixxi li l-President jagħmel żewġ mandati konsekuttivi fil-kariga u jirrimarka li leġiżlatura biss tista" tesprimi ruħha dwar riforma kostituzzjonali u li l-qrati fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jagħmlu dan;
4. Iqis li l-attitudini tal-President Ortega tirrifletti l-fehim u r-rispett limitat tiegħu tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali bażiċi bħal-libertà tal-kelma u tal-assoċjazzjoni politika;
5. Jappoġġja "l dawk kollha fin-Nikaragwa li huma kontra l-ksur tal-ordni kostituzzjonali mwettaq mill-awtoritajiet tal-Gvern u jitlob li dan l-ordni jerġà jiġi stabbilit mill-aktar fis u li d-dikjarazzjoni ġudizzjarja tad-19 ta' Ottubru 2009 tkun annullata;
6. Jikkundanna u jiddeplora t-theddidiet, insulti u intimidazzjonijiet li għalihom ġiet suġġetta d-delegazzjoni tal-Liberali Internazzjonali mmexxija minn Johannes Cornelis van Baalen (MEP), u jesprimi solidarjetà mal-membri ta' dik id-delegazzjoni;
7. Jiddeplora bis-sħiħ il-mod li bih tmexxew l-elezzjonijiet muniċipali tad-9 ta" Novembru 2008, il-manuvri tal-gvern tan-Nikaragwa biex jiskwalifika il-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, l-għadd numeruż ta" irregolaritajiet fil-postijiet ta" votazzjoni, l-allegati frodi elettorali u r-rifjut li osservaturi indipendenti tal-elezzjonijiet, kemm barranin kif ukoll lokali, jiġu akkreditati; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibgħat missjoni tal-UE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet biex timmoniterja l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin;
8. Jiddeplora l-fatt li l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, li s-soltu tkun tant diliġenti meta tindirizza kwistjonijiet oħrajn, ma dehrilhiex li għandha tikkumenta dwar ksur hekk ċar tal-ordni kostituzzjonali f'wieħed mill-pajjiżi membri tagħha;
9. Jirrimarka li fin-negozjati għall-Ftehima ta" Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtieġ tiġi mfakkra dwar il-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif tiddefendihom u tippromwovihom l-Unjoni Ewropea;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa u lill-Qorti Suprema tan-Nikaragwa.