Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tat-2 ta' April 2009 dwar l-evalwazzjoni biennali tad-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja milħuqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, fosthom il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar tas-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u mal-poplu tagħha fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV),
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-piena tal-mewt fil-Bjelorussja tad-29 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tas-17 ta' Novembru 2009 rrikonoxxa l-ftuħ ta' possibilitajiet ġodda għal djalogu u koperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni EWropea u l-Bjelorussja bil-għan li jitrawwem progress ġenwin fir-rigward tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u reġa' afferma r-rieda tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li jsir aktar progress fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u li jgħin lill-pajjiż biex jilħaq dawn l-objettivi,
B. billi l-Unjoni Ewropea tqis lill-Bjelorussja bħala sieħba fir-rigward ta" kwistjonijiet li jinkludu s-sigurtà tal-enerġija, it-trasport, il-koperazzjoni kulturali, l-ambjent u s-sikurezza tal-ikel,
C. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja wara d-deċiżjoni meħuda fis-16 ta' Marzu 2009 b'konformità mat-termini stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2009/314/PESK, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi imma li jissospendi l-applikazzjoni ta" dawk ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar lejn l-UE, sa Ottubru tal-2010 fiż-żewġ każijiet,
D. billi minn Ottubru tal-2008 'l hawn ittieħdu ċerti passi pożittivi, bħall-ħelsien ta" għadd ta" priġunieri politiċi u l-awtorizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta' żewġ ġurnali indipendenti,
E. billi, b'reazzjoni għall-passi pożittivi li ttieħdu mill-Bjelorussja, il-Kummissjoni diġà daħlet fi djalogu intensifikat ma' dak il-pajjiż f'oqsma bħalma huma l-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel,
F. billi l-Kunsill inkluda lill-Bjelorussja fid-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Marzu 2009 dwar l-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, li nediet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-3 ta' Diċembru 2008 bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' għadd ta' pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant; billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, il-Euronest, huwa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE, inkluża d-dimensjoni interpersonali tagħha,
G. billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, fuq il-bażi tar-rapport tagħha tal-missjoni ta' ġbir ta' fatti f'Minsk tal-20 sal-24 ta" Settembru 2009 li twettqet b'kollaborazzjoni ma' diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali, ma osservat l-ebda progress sinifikanti fil-qasam tal-libertà tal-midja fil-Bjelorussja,
H. billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSCE u l-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u tad-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSCE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja reċentament għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSCE,
I. billi l-Bjelorussja għadha l-uniku pajjiż Ewropew li għadu juża l-piena tal-mewt; billi ngħataw aktar sentenzi ta' mewt fix-xhur li għaddew,
J. billi fit-2 ta' Novembru 2009, il-President Bjelorussu Alexander Lukashenko qal li "r-rabtiet mal-Unjoni Ewropea bħala sieħba konsolidata b'saħħitha jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi fundamentali biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sovranità fil-Bjelorussja, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku, xjentifiku u teknoloġiku",
1. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi imma li fl-istess waqt ikompli jissospendi l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar sa Ottubru tal-2010;
2. Jenfasizza li d-djalogu politiku msaħħaħ u l-istabbiliment tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja għandhom iwasslu għal riżultati konkreti u progress sostanzjali fl-oqsma tar-riformi demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni kostruttiva u attiva tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant, inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li tippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea; iqis il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant bħala mod kif wieħed jimxi 'l quddiem fir-rigward tal-promozzjoni ta" aktar djalogu mal-Unjoni Ewropea u avviċinament imsaħħaħ ibbażat fuq ir-rieda u l-impenn min-naħa tal-Bjelorussja li tilħaq dawn l-objettivi; jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni trilaterali bejn il-Litwanja, il-Bjelorussja u l-Ukraina fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, bi prijorità mogħtija lil proġetti dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, it-trasport u t-tranżitu, il-patrimonju kulturali u storiku komuni, is-sigurtà soċjali u s-sigurtà tal-enerġija;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel abbozz ta' proposta dwar pjan konġunt interim għall-Bjelorussja li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal riformi ispirati mill-pjanijiet ta' azzjoni żviluppati fil-qafas tal-PEV sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-proċedura sospiża ta' ratifikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Ftehim ta" Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja, li ġie ffriżat mill-1997, għandu jiġi riattivat ladarba r-riformi politiċi kollha jkunu tlestew u ġew implimentati;
5. Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex iqisu żieda fl-għajnuna finanzjarja li jagħtu lill-Bjelorussja, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju, filwaqt li jirrevedu l-mandat tagħhom sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-Bjelorussja lejn id-demokrazija, lejn soċjetà pluralistika u lejn ekonomija tas-suq; jemmen li din il-possibilità ta' għajnuna finanzjarja għandha tkun tiddependi fuq it-twettiq ta' progress sostanzjali fl-oqsma msemmija hawn taħt;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw miżuri biex titjieb il-klima tal-kummerċ, in-negozju, l-investiment, l-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport u l-koperazzjoni transkonfinali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja; jieħu nota tal-isforzi u kisbiet tal-Bjelorussja biex tirribatti l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u tagħti spinta lill-ekonomija billi ttaffi l-ostakoli għall-investiment u twettaq riformi tad-drittijiet tal-proprjetà u s-settur privat;
7. Jenfasizza li ma kinux suffiċjenti l-isforzi magħmula biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, tiżdied it-trasparenza u jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li huma fundamentali biex jattiraw aktar investiment barrani;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji rakkomandazzjonijiet għall-possibilità ta' adozzjoni ta' direttivi dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża u dwar ftehimiet ta' dħul mill-ġdid mal-Bjelorussja ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti; jemmen li azzjoni bħal din hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja, jiġifieri li jissaħħaħ il-kuntatt interpersonali, li l-Bjelorussja tkun parti mill-proċessi Ewropej u reġjonali u li l-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-pajjiż isir wieħed irriversibbli;
9. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-possibilità li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi li jidħlu fiż-Żona Schengen u sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura biex jinkisbu l-viżi; jenfasizza li l-objettiv fit-tul huwa vjaġġar mingħajr viżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiffirmaw il-ftehim ta' vjaġġar mingħajr viżi għal dawk li jgħixu fiż-żoni tal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien tal-UE;
10. Jikkundanna bil-qawwwa r-rifjuti reċenti ta' viża ta' dħul lil Agnieszka Romaszewska, direttur ta' TV Belsat, lil professuri mill-Univeristà ta' Bialystok, lil Christos Pourgourides, Membru tal-Parlament ta' Ċipru, u lil Emanuelis Zingeris, Membru tal-Parlament Litwan;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, jekk il-Bjelorussja twettaq progress sinifikanti waqt is-sena li ġejja u tissodisfa l-kriterji rilevanti, jikkunsidraw li jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar b'mod permanenti, kif ukoll biex jieħdu passi ħalli jiffaċiltaw il-progress ekonomiku u soċjali u jħaffu l-proċess ta' integrazzjoni tal-Bjelorussja fil-familja Ewropea ta' nazzjonijiet demokratiċi;
12. Jinnota li għandha tingħata spinta ġdida lil djalogu li jagħti l-frott għaż-żewġ naħat bejn il-Bjelorussja u l-Unjoni Ewropea permezz tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan il-Euronest; jinnota li l-Bjelorussja se tiġi mistiedna tipparteċipa b'mod sħiħ u fuq bażi ugwali fl-Assemblea tal-Euronest - id-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant - hekk kif iseħħu elezzjonijiet ħielsa u ġusti għall-Parlament Bjelorussu u jqis li sa dak iż-żmien għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet interim;
13. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-gvernijiet tagħhom għandu jkollhom pożizzjoni koerenti fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Pożizzjonijiet Komuni maqbula fil-Kunsill; jikkunsidra wkoll li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom isegwu strateġija konġunta u jgħaqqdu l-isforzi biex jinksibu riżultati konkreti fir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Bjelorussja; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-UE u l-Istati Membri biex jagħmlu laqgħat politiċi mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika, b'mod partikolari meta jkunu qed iżuru l-Bjelorussja;
14. Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex tkompli tikkoopera mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE/ODIHR) fir-rigward tal-kodiċi elettorali u jistenna li l-Liġi Elettorali l-ġdida tkun konformi mal-istandards internazzjonali u tidħol fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet lokali ppjanati għar-Rebbiegħa tal-2010;
15. Jinsisti li mistenni progress ċar u sinifikanti lejn id-demokratizzazzjoni fis-sena li ġejja sabiex is-sanzjonijiet jitneħħew kompletament u li l-kondizzjonijiet għal involviment sħiħ mill-ġdid mal-Bjelorussja għandhom ikunu:
–
l-iżgurar tar-rispett għal-libertà tal-espressjoni billi l-Liġi tal-Midja tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-Missjoni Internazzjonali ta' Ġbir ta' Fatti fir-Repubblika tal-Bjelorussja ta" bejn l-20 u l-24 ta' Settembru 2009;
–
il-garanzija tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni permezz tat-tħassir tal-Artikolu 193-1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bjelorussja li jikkriminalizza l-attività f'isem assoċjazzjonijiet pubbliċi, partiti politiċi u fondazzjonijiet mhux irreġistrati;
–
il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitħallew jirreġistraw;
–
is-salvagwardja tal-libertà tar-reliġjon għal denominazzjonijiet reliġjużi għajr il-Knisja Ortodossa, b'mod partikolari biex in-New Life Church titħalla topera liberament;
–
l-eliminazzjoni ta' ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet li diġà qed joperaw fil-Bjelorussja, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-kera (kif kien il-każ tal-Front Popolari Bjelorussu) jew l-impożizzjoni ta' taxxi illegali fuq proġetti mwettqa bl-użu ta' għotjiet tal-UE (per eżempju il-Kumitat ta" Ħelsinki tal-Bjelorussja);
–
il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ħidma tal-NGOs u l-midja indipendenti;
–
il-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi billi ma titkompliex il-prattika ta' atti ta' intimidazzjoni motivati politikament, b'mod partikolari s-sensji minn impjiegi u t-tkeċċija mill-universitajiet (kif kien il-każ ta' Tatsyana Shaputska, tkeċċiet mill-università tagħha minħabba li pparteċipat f'forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell);
–
l-eliminazzjoni tal-persekuzzjoni ta' studenti li jitkeċċew mill-universitajiet minħabba allegazzjonijiet li jkunu evitaw is-servizz militari, u qed ikollhom jiksbu l-edukazzjoni tagħhom barra mill-pajjiż;
–
ir-reviżjoni tal-każijiet kollha ta' lieva militari furzata li tmur kontra d-drittijiet legali ta' bosta attivisti żgħażagħ, bħal Franak Viačorka, Ivan Šyla u Zmiter Fedaruk, u li tgħodd daqs ħtif ta' ostaġġi mill-Istat;
16. Jinnota b'dispjaċir li, wara passi pożittivi inizjali meħuda mill-Gvern Bjelorussu, ma sar l-ebda progress ieħor essenzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; ifakkar f'dan ir-rigward fir-ripressjoni li għadha għaddejja tal-avversarji politiċi u r-rifjut li jiġu rreġistrati l-partiti politiċi (id-Demokrazija Kristjana Bjelorussa), l-NGOs ('Viasna') u l-midja indipendenti (TV Belsat); jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrevedu s-sentenzi li jinvolvu restrizzjonijiet tal-libertà imposti fuq il-parteċipanti fid-dimostrazzjoni paċifika li saret f'Jannar tal-2008, kif ukoll il-priġunerija tas-Sur Artsyom Dubski; jirrimarka li Amnesty International tqis li dawn huma kollha priġunieri tal-kuxjenza; jitlob li jinħelsu immedjatament l-imprendituri Mikalai Awtukhovich u Uladzimir Asipenka li ilhom miżmuma f'ħabs ta' qabel is-smigħ tal-każ għal dawn l-aħħar tmien xhur;
17. Jistieden lill-Gvern Bjelorussu biex jistabbilixxi immedjatament moratorja tas-sentenzi ta' mewt u tal-eżekuzzjonijiet kollha bil-għan li titwaqqaf il-piena tal-mewt (kif stipulat fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt), biex is-sentenzi tal-priġunieri kollha li qed jistennew l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-mewt jinbidlu bla dewmien għal sentenza ta' ħabs, biex il-leġiżlazzjoni domestika tinġieb f'konformità mal-obbligi tal-pajjiż skont it-trattati internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u biex jiġi żgurat rispett rigoruż tal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi ġusti;
18. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iniedu investigazzjonijiet imparzjali u trasparenti fir-rigward tal-każijiet ta" ħtif ta" attivisti żgħażagħ (Artur Finkevic, maħtuf fis-17 ta" Ottubru 2009, Nasta Palazhanka u Dzianis Karnou, maħtufa t-tnejn li huma fil-5 ta" Diċembru 2009, Uladzimir Lemesh fis-27 ta" Novembru 2009, Zmitser Dashkevich fil-5 ta" Diċembru 2009 u Yauhen Afnahel fis-6 ta' Diċembru 2009) u l-mewt riċenti ta" Valiantsin Dounar, membru tal-Front Popolari Bjelorussu u attivist, u biex jippubblikaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet;
19. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali skont il-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-1 ta' Frar 1995; b'rabta ma' dan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrikonoxxu l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, immexxija minn Angelika Borys, li reġgħet ġiet eletta bħala President tal-Kungress tal-Unjoni tal-Pollakki fil-15 ta' Marzu 2009;
20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżviluppaw djalogu ġenwin mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika; jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġu definiti r-rwol u l-metodi ta' ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Pubbliku;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv tal-possibiltajiet biex tappoġġa s-soċjetà ċivili u l-iżviluppi demokratiċi fil-Bjelorussja permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u jenfasizza fl-istess ħin li l-appoġġ għall-oppożizzjoni demokratika għandu jifforma parti integrali mill-proċess gradwali ta' involviment mill-ġdid mal-Bjelorussja;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jagħtu appoġġ finanzjarju lil TV Belsat, u biex iħeġġu lill-Gvern Bjelorussu biex jirreġistra uffiċjalment il-Belsat fil-Bjelorussja; jistieden lill-Gvern Bjelosrussu biex, bħala sinjal ta' rieda tajba u bidla pożittiva, jippermetti li l-Università Bjelorussa tal-Istudji Umanistiċi Ewropej (EHU) li tinsab eżiljata f'Vilnius (fil-Litwanja) tmur lura legalment fil-Bjelorussja u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kondizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk, b'mod partikolari biex l-EHU jingħatalha permess biex jerġa' jkollha l-librerija tagħha f'Minsk billi jingħatalha bini u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tkun tista" tagħmel il-kollezzjonijiet estensivi tagħha bil-Bjelorussu, bir-Russu, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.