Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Ewropea tas-17 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapporti interim u finali (S/2009/253 u S/2009/603) tal-Grupp ta' Esperti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ("il-Grupp ta' Esperti") imwaqqaf permezz tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1771 (2007) u mġedded permezz tar-riżoluzzjonijiet 1807 (2008) u 1857 (2008), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-22 ta" Novembru 2007 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari fil-lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun(1),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultati tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 tagħha dwar ir-responsabilità tal-ħarsien tal-popolazzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-lvant tal-RDK fl-10 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1856 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni rigward ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li tispeċifika l-mandat tal-missjoni tan-NU fl-RDK (MONUC),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-gwerra u n-nuqqas ta' paċi fil-lvant tal-RDKrriżultaw fi qtil bla rażan, spostament ta' popolazzjoni u vjolenza sesswali fuq in-nisa mwettqa minn gruppi ta" ribelli armati u mill-armata tal-gvern u l-forzi tal-pulizija, li laħqu livell allarmanti,
B. billi mill-1998 'l hawn il-kunflitt li qed jolqot l-RDK qatel 5 400 000 persuna, u billi qed ikompli jkun il-kawża, b'mod dirett jew indirett, ta' sa 45 000 mewt kull xahar(3); billi skont ir-rapporti tal-UNHCR hemm madwar 1,460,000 persuna li sfat spostata internament (IDPs) fir-RDK, li minnhom 980,000 huma fil-Kivu tat-Tramuntana(4),
C. billi l-MONUC ilha fir-RDK sa mill-1999 sabiex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili, tibni l-proċess għall-paċi fil-pajjiż u tgħin lill-gvern jerga' jistabbilixxi l-kontroll fuq ir-reġjuni li huma maħkuma mill-fazzjonijiet kombattenti,
D. billi l-MONUC hija l-ikbar missjoni fid-dinja għaż-żamma tal-paċi b'total ta' 20 000 suldat, li jinsabu l-aktar fil-Kivu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u li tiswa madwar USD1,4 biljun kull sena, b'mandat biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex ixxekkel kull attentat tal-użu tal-forza li jhedded il-proċess politiku min-naħa ta" kwalunkwe grupp armat, Kongoliż jew barrani, u biex jiġu protetti l-persuni ċivili li qed jiffaċċjaw it-theddida imminenti tal-vjolenza fiżika,
E. billi l-kummerċ illegali tal-minerali fir-RDK jippermetti lil ħafna atturi li jkomplu jixtru l-minerali minn żoni kkontrollati minn gruppi ribelli u b'hekk jiffinanzjaw lil dawk il-gruppi ribelli, li hu fattur li jħeġġeġ u jħarrax il-kunflitt,
F. billi jidher li hemm rapporti li kemm it-truppi tal-RDK kif ukoll il-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) huma involuti f'netwerks kriminali għall-isfruttament u l-bejgħ ta' deheb u minerali għal armamenti fil-lvant tal-RDK,
G. billi l-istupru sar arma tal-gwerra użata minn gruppi ribelli, membri tal-armata Kongoliża u minn persuni ċivili,
H. billi minn Jannar 2009 l-operazzjonijiet militari, inkluża l-Operazzjoni Kimia II, wasslu għad-diżarm ta' 1 243 ġellied tal-FDLR minn madwar 6 000 minkejja li l-FDLR jibqgħu jirreklutaw u jżommu netwerk estensiv u sofistikat ta' partitarji politiċi u finanzjarji fir-reġjun u fid-dinja(5),
I. billi l-operazzjonijiet militari ta" dan l-aħħar aggravaw il-kriżi umanitarja, u dan wassal għall-massakri u l-abbużi mifruxin tad-drittijiet tal-bniedem,
J. billi l-ġlied bejn l-armata Kongoliża, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tneħħa mill-armata, u l-ġellieda tal-FDLR kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) tal-Uganda għadu l-kawża ta" tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tar-reġjun tal-provinċji tal-Lvant tal-RDK,
K. billi l-armata Kongoliża għad għandha riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji limitati biex twettaq il-kompiti tagħha fil-provinċji tal-lvant tal-RDK, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina qalb ir-rangi tagħha, li jibqa" jtellifha fir-rwol tagħha li tħares il-popolazzjoni u terġa tistabbilixxi l-paċi,
L. billi n-Nazzjonijiet Uniti dan l-aħħar issospendiet l-għajnuna loġistika u operattiva għal ċerti unitajiet tal-armata Kongoliża fost allegazzjonijiet li s-suldati tagħha qatlu għexieren ta' persuni ċivili, inklużi nisa u tfal, fid-distrett ta' Kivu tat-Tramuntana bejn Mejju u Settembru 2009,
M. billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji sfaw kostretti jissospendu l-attivitajiet tagħhom u fil-Kivu tat-Tramuntana l-operaturi umanitarji jinsabu fl-impossibilità li jilħqu mill-anqas 70% tal-persuni fi stat ta" neċessità,
1. Jiddeplora bis-saħħa l-massakri, ir-reati kontra l-umanità, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u l-atti ta' vjolenza sesswali kontra nisa u xebbiet li għadhom jitwettqu; jitlob lill-atturi kollha biex isaħħu l-ġlieda kontra l-impunità;
2. Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat tal-vjolenza u tal-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fl-RDK; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex tintemm l-attività ta" gruppi armati barranin fil-lvant tal-RDK, b'mod partikolari tal-FDLR u tal-LRA; jitlob lil dawn il-gruppi biex minnufih iċedu l-armi u jwaqqfu l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li l-partijiet kollha għall-ftehimiet tat-23 ta' Marzu 2009 jirrispettaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jimplimentaw l-impenji tagħhom b'mod effettiv u in bona fide;
3. Għadu mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tmur għall-agħar fil-lvant tar-RDK, wara l-atroċitajiet li saru kontra l-popolazzjoni lokali kif ġie enfasizzat f'żewġ rapporti reċenti tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; huwa mħasseb partikolarment dwar ir-rapporti reċenti ta' qtil deliberat minn suldati Kongoliżi ta' tal-anqas 270 persuna ċivili fl-ibliet ta" Nyabiondo u Pinga, fil-Kivu tat-Tramuntana, u bil-ġlied reċenti li wassal lil 21,800 persuna jabbandunaw djarhom f'Dongo u fil-madwar fir-reġjuni tal-punent; jafferma mill-ġdid li hemm ħtieġa għal azzjoni mħeffa biex jiġi pprevenut l-iżvilupp ta' katastrofi umanitarja ġdida;
4. Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol kruċjali tal-MONUC u l-fatt li l-mandat u r-regoli ta" ingaġġ tagħha għandhom jiġu implimentati b'determinazzjoni u fuq bażi permanenti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-popolazzjoni b'mod iktar effettiv u li bl-ebda mod ma tkun tappoġġa l-unitajiet Kongoliżi li jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;
5. Jirrikonoxxi li l-preżenza tal-MONUC għadha meħtieġa u jitlob li jsir kull sforz sabiex din tkun tista' twettaq il-mandat tagħha bis-sħiħ sabiex tipproteġi lil dawk li huma mhedda; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jieħu rwol ewlieni sabiex ikun żgurat li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jappoġġa lill-MONUC fil-kapaċitajiet operattivi tagħha u biex jagħti definizzjoni aħjar tal-prijoritajiet tagħha, li bħalissa jgħoddu 41;
6. Jilqa' l-arrest mill-awtoritajiet Ġermaniżi ta' Ignace Murwanashyaka, kap tal- FDLR u l-viċi tiegħu, Straton Musoni, li jikkostitwixxi pass importanti biex tiġi indirizzata l-impunità;
7. Jenfasizza li r-riabilitazzjoni u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja (li tinkorpora dimensjoni ta" prevenzjoni u protezzjoni u tiġġieled l-impunità rigward il-vjolenza sesswali) u l-għajnuna għall-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom għandhom ikunu fatturi ewlenin tal-programmi ta" għajnuna li ser jiġu finanzjati; f'dan il-kuntest jitlob li l-każijiet ta" stupru fuq skala kbira fil-lvant tal-RDK għandhom jiġu referuti għall-Qorti Kriminali Internazzjonali;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli għall-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-forzi armati Kongoliżi, u jissottolinja r-rwol kruċjali tal-MONUC f'dan; jilqa", għalhekk, il-politika ta' tolleranza żero promossa mill-President Kabila kontra l-vjolenza sesswali u l-imġiba ħażina fil-forzi armati u jħeġġeġ lill-Gvern tal-RDK biex jimplimenta, mingħajr dewmien u bl-għajnuna tal-MONUC, l-istrateġija l-ġdida tagħha kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess;
9. Jissottolinja l-importanza tal-kompiti prinċipali tal-EUSEC RD Kongo li tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tad-difiża bil-għan li timplimenta l-pjan Kongoliż rivedut ta' riforma għall-forzi armati Kongoliżi (FARDC); jitlob, għalhekk, lill-awtoritajiet Kongoliżi biex imexxu l-proċess tar-riforma 'l quddiem, iħeġġeġ it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għar-riforma tad-difiża taħt ir-responsabbiltà tal-Kongo, b'appoġġ xieraq mill-EUSEC u jħeġġeġ il-bini ta" kwartieri militari u kampeġġi bħala kwistjoni urġenti;
10. Jirrakomanda li l-Gvern tal-RDK jippromwovi s-sikurezza tal-ħażniet, ir-responsabiltà u l-ġestjoni tal-armi u l-munizjon bħala kwistjoni prijoritarja urġenti, u li jimplimenta programm nazzjonali għall-immarkar tal-armi skont standards stabbiliti mill-Protokoll ta' Najrobi u ċ-Ċentru Reġjonali għall-Armi Żgħar;
11. Jilqa" l-progress miksub fir-reġjun bl-għajnuna tat-titjib fir-relazzjonijiet diplomatiċi bilaterali bejn l-RDK u r-Rwanda; jistieden lill-RDK u r-Rwanda jimplimentaw fis-sħiħ il-ftehimiet ta' paċi ta' Najrobi u Goma kif ukoll il-ftehim ta' Ihusi tat-23 ta" Marzu 2009;
12. Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u lill-komunità internazzjonali sabiex ikomplu bid-djalogu preżenti bl-iskop li jikkordinaw l-isforzi biex titwaqqaf il-vjolenza fil-partijiet tal-lvant tal-RDK, b'attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà tal-persuni, responsabbiltà ġudizzjarja aħjar, u r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' refuġjati u persuni spostati internament;
13. Jiddeplora l-atti ta' vjolenza li qed jiżdiedu kontra ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, li qed ikollhom konsegwenzi serji fuq is-sitwazzjoni umanitarja fil-post; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iniedu investigazzjoni ta' kull inċident individwali u jitlob li tiżdied immedjatament il-protezzjoni;
14. Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament akbar u kontinwu fl-assistenza umanitarja fl-RDK tal-lvant, in vista tal-għadd kulma jmur jiżdied tal-persuni spostati internament u l-kondizzjonijiet li qegħdin imorru għall-agħar; għal dawn il-finijiet, jagħti l-appoġġ tiegħu għall-appell imniedi fit-30 ta" Novembru 2009 min-NU, flimkien ma" 380 organizzazzjoni tal-assistenza u organizzazzjoni mhux governattiva (NGOs) ħalli jinġabru USD 7,1 biljun għall-ħidma umanitarja fl-2010; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħtu s-sehem tagħhom;
15. Għadu mħasseb dwar il-kummerċ illegali minn gruppi ribelli fil-minerali u r-riżorsi naturali oħra fil-lvant tal-RDK; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex f'taħditiet mal-gvernijiet tal-RDK u l-pajjiżi ġirien jinsistu dwar l-implimentazzjoni ta' sistemi effettivi ta' traċċabilità u provi tal-oriġini tar-riżorsi naturali, u biex isaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
16. Jappella biex il-partijiet imorru lura għad-djalogu li ħoloq il-Programm Amani għas-sigurtà, il-paċifikazzjoni, l-istabilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-provinċji tat-Tramuntana u n-Nofsinhar ta' Kivu;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Sotto Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar.