Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem, fosthom dawk inklużi fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa waħda, u l-Komunita' Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-Ftehim ta' Cotonou) u l-klawżoli rigward id-drittijiet tal-bniedem li qegħdin fih, b'mod partikulari l-Artikolu 9,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jobbligaw lill-Unjoni Ewropea, u lill-Istati Membri, li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezz sabiex ikunu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'livell tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet kollha tal-UE li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u b'mod partikulari dik tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-omofobija fl-Ewropa(2), dik tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa(3), kif ukoll dik tas-26 ta' April 2007 dwar l-omofobija fl-Ewropa(4),
–wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li saret f'Luwanda fit-28 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-3 ta' Diċembru 2009 dwar l-integrazzjoni kulturali u soċjali u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-25 ta' Settembru 2009 David Bahati, Membru tal-Parlament, ressaq l-"Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità 2009" fil-Parlament tal-Uganda,
B. billi l-abbozz li ġie propost jipproponi li jiddaħħlu pieni eħrex, li l-omosesswalità tkun ikkriminalizzata u li l-persuni li allegatament huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali (LGBT) ikunu kkastigati bl-għomor il-ħabs jew bil-piena tal-mewt,
C. billi l-abbozz ta' liġi jinkludi dispożizzjoni li tista' twassal għall-priġunerija sa tliet snin għal kull min, inklużi persuni eterosesswali, jonqos milli jirrapporta fi żmien 24 siegħa l-identità tal-persuni kollha li jafu li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali, jew il-persuni li jappoġġjaw id-drittijiet ta' dawk li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali,
D. billi l-abbozz ta' liġi jipprevedi t-tħassir mill-Uganda ta' kwalunkwe impenn internazzjonali jew reġjonali li tqis li jkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta' liġi,
E. billi l-abbozz ta' liġi diġà ġie kkundannat mill-Kummissarju Ewropew De Gucht, mill-Gvernijiet tal-Gran Brittanja, ta' Franza u tal-Isvezja, kif ukoll mill-President Obama, mill-President u l-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti,
F. billi l-liġi proposta ġiet iddenunzjata minn organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar id-dinja u fl-Uganda stess bħala ostaklu kbir fil-ġlieda kontra l-HIV-AIDS fil-komunità omosesswali,
G. billi fl-Afrika l-omosesswalità hija legali fi 13-il pajjiż biss, filwaqt li hija reat li jista' jkun ikkastigat fi 38 pajjiż, u l-Mawritanja, is-Sudan u n-Niġerja tal-Punent qed jipprevedu wkoll il-piena tal-mewt għall-omosesswalità, u billi l-adozzjoni ta' tali liġi fl-Uganda tista' twassal biex tkun adottata wkoll f'pajjiżi Afrikani oħra, fejn persuni huma jew jistgħu jkunu ppersegwitati minħabba l-orjentament sesswali tagħhom,
1. Jenfasizza li l-orjentament sesswali huwa kwistjoni li taqa' fl-ambitu tad-dritt tal-individwu għall-privatezza kif iggarantit mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni għandhom jitħeġġew, filwaqt li għandha tkun iggarantita l-libertà tal-espressjoni; f'dan il-kuntest, jikkundanna l-'Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità 2009';
2. Jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Uganda ma japprovawx l-abbozz ta' liġi u jirrevedu l-liġijiet tagħhom sabiex l-omosesswalità tkun dekriminalizzata;
3. Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitolbu li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem universali;
4. Ifakkar f'dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li Stat ma jistax, permezz tal-liġi nazzjonali tiegħu, jinnega l-obbligi internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem;
5. Huwa preokkupat ferm li donaturi internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet umanitarji jkollhom jqisu mill-ġdid jew iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom f'ċerti oqsma li kieku l-abbozz kellu jsir liġi;
6. Jirrifjuta bil-qawwa kull manuvra sabiex tiddaħħal il-piena tal-mewt;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu rappreżentazzjonijiet urġenti lill-awtoritajiet tal-Uganda u, kemm-il darba l-abbozz isir liġi u jseħħu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, iqisu mill-ġdid l-involviment tagħhom mal-Uganda, anke billi jipproponu post ieħor għall-Konferenza dwar ir-Reviżjoni tal-Istatut ta' Ruma skedata għall-31 ta' Mejju 2010;
8. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw is-sitwazzjoni f'pajjiżi terzi fir-rigward ta' esekuzzjonijiet, kriminalizzazzjoni jew diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali u jieħdu azzjoni internazzjonali komuni biex jitħeġġeġ il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi permezz ta' mezzi xierqa, fosthom il-ħidma bi sħab mal-organizzazzjonijiet non-governattivi lokali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda u lill-Ispiker tal-Parlament tal-Uganda.