Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Azerbajġan: il-libertà tal-espressjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Azerbajġan, u b'mod partikulari, dawk tad-9 ta' Ġunju 2005(1) u tas-27 ta' Ottubru 2005(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika tal-UE iżjed effettiva għall-Kawkasu tan-Nofsinhar: mill-wegħdiet għall-azzjoni(4),
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE tat-22 ta' Jannar 2009 dwar il-libertà tal-midja fl-Azerbajġan u l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tat-12 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tal-espressjoni fl-Azerbajġan,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet tar-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja dwar is-sitwazzjoni tal-midja li dejjem qed teħżien fl-Azerbajġan, inklużi l-istqarrijiet tat-22 ta' Mejju 2007, tal-11 ta' April 2008, tas-17 ta' Lulju 2008, tat-30 ta' Diċembru 2008, tal-21 ta' April 2009, tal-10 Settembru 2009, tal-14 ta' Ottubru 2009 u tal-11 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSCE tad-9 ta' Lulju 2009 li esprimiet appoġġ sħiħ għall-ħidma tar-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja fir-rigward tal-Azerbajġan, u wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-kundanna tal-attivisti u bloggers żgħażagħ Emin Milli u Adnan Hajizade,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Azerbajġan qed jipparteċipa b'mod attiv fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) u fis-Sħubija tal-Lvant, u billi l-Azerbajġan huwa impenjat li jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma valuri ċentrali ta' dawn iż-żewġ inizjattivi,
B. billi f'Settembru tal-2009 l-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-tliet pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u stieden lill-Kummissjoni biex tħejji abozz tad-direttivi tan-negozjati għal ftehimiet ġodda li jieħdu post il-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni attwali li ser jiskadu dalwaqt,
C. billi d-digriet iffirmat mill-President Ilham Aliyev fit-28 ta' Diċembru 2007 ħeles 119-il priġunier, fosthom ħames ġurnalisti,
D. billi hemm rekord iddokumentat sewwa ta' kundanni, fastidju u intimidazzjoni riċenti ta' professjonisti tal-midja fl-Azerbajġan, kif iddeskrivew dan l-aħħar ir-Rapport Ġenerali dwar ir-Rispett għal-Libertà tal-Midja lill-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u r-rapporti tal-Amnesty International u tar-Reporters sans Frontières,
E. billi minkejja l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'dawn l-aħħar snin il-klima tal-midja marret għall-agħar, bl-għeluq temporanju ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni indipendenti u ta' organizzazzjonijiet tax-xandara tar-radju, l-iżgumbrament mill-uffiċċji ta' xandara li jaħdmu ma' ġurnali ewlenin tal-oppożizzjoni u l-għadd kbir ta' kawżi fil-qorti kontra membri tal-midja u l-attakki fiżiċi fuq ġurnalisti li kkawżaw sens wiesa' ta' biża' u awtoċensura fost il-ġurnalisti; billi f'Diċembru 2008, il-BCC, ir-Radio Free Europe / Radio Liberty u mezzi tal-midja barranin oħrajn ma tħallewx ixandru fuq frekwenzi tar-radju FM,
F. billi fit-8 ta' Lulju 2009 l-bloggers Emin Milli u Adnan Hajizade ġew arrestati wara li kienu attakkati minn żewġ irġiel f'ristorant fil-kapitali Baku, fejn skont ix-xhieda intervistati mill-Amnesty International, huma kienu aggrediti meta kienu qegħdin jieklu flimkien ma' attivisti oħrajn;
G. billi ż-żewġ bloggers kienu użaw għoddod ta' netwerking fuq l-internet, bħal Facebook, YouTube u Twitter biex ixandru informazzjoni dwar is-sitwazzjoni politika fl-Azerbajġan u biex jikkritikaw lill-gvern tal-pajjiż; billi fil-11 ta' Novembru 2009, il-qorti reġjonali ta' Sabail f'Baku kkundannat lil Emin Milli u lil Adnan Hajizade sentejn u nofs u sentejn ħabs rispettivament fuq akkużi ta' ħuliganiżmu u offiżi minuri fuq il-persuna;
H. billi jidher li l-akkużi kontra ż-żewġ attivisti kienu politikament immotivati,
1. Jiddeplora s-sentenzi ta' ħabs ħorox li ngħataw lill-bloggers Emin Milli u Adnan Hajizada fil-11 ta' Novembru 2009 fuq akkużi tabilħaqq improbabbli u fi proċess mhux ġust; isejjaħ għall-ħelsien immedjat tas-Sur Milli u tas-Sur Hajizada u għal proċess ġdid, kompletament miftuħ u ġust li għandu jsir abbażi ta' investigazzjoni imparzjali mill-pulizija u jkun konformi mal-istandards internazzjonali rilevanti kollha;
2. Huwa mħasseb dwar il-fatt li s-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja fl-Azerbajġan qiegħda dejjem teħżien, u jikkundanna l-prattika tal-arrest, il-persekuzzjoni u l-kundanna tal-ġurnalisti tal-oppożizzjoni abbażi ta' diversi akkużi kriminali f'każi bħal dak ta' Eynulla Fatullayev, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jeħilsu minnufih lill-ġurnalisti maqfula l-ħabs;
3. Ifakkar fl-istqarrija ta' Marzu 2005 mill-President Ilham Aliyev li tistqarr li d-drittijiet ta' kull ġurnalist huma protetti u li dawn għandhom ikunu mħarsa mill-istat;
4. Jistieden lill-awtoritajiet biex jittrattaw in-nuqqas ta' stħarriġ mill-pulizija tal-każi ta' vjolenza u fastidju kontra ġurnalisti u tal-fatt li sa issa ħafna reati baqgħu ma ġewx ikkastigati; jenfasizza li s-sikurezza tal-impjegati tal-midja għandha tittejjeb b'mod urġenti; jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi fid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar l-inġurja u l-malafama, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu joħolqu xkiel fl-eżerċitar tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u jistgħu jwasslu wkoll għall-awtoċensura, u għaldaqstant isejjaħ għall-adozzjoni ta' dawn l-emendi;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jagħtu attenzjoni speċjali lis-sikurezza u lil-libertà tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, partikularment dawk involuti f'organizzazzjonijiet mhux governattivi taż-żgħażagħ kif ukoll il-ġurnalisti u l-midja; biex jieħdu passi immedjati biex iħallu lill-individwi jieħdu sehem f'attivitajiet paċifiċi u demokratiċi; biex iħallu l-organizzazzjoni ta' dal-attivitajiet issir b'mod ħieles u bla ndħil mill-gvern; u biex jipproteġu lill-ġurnalisti wara l-mewġa riċenti ta' vjolenza kontra r-rappreżentanti tal-midja;
6. Jikkundanna s-serje ta' żviluppi negattivi fir-rigward tal-midja u ta' ġurnalisti individwali fl-Azerbajġan li ġew elenkati fir-Rapport Ġenerali dwar ir-Rispett għal-Libertà tal-Midja li tħejja dan l-aħħar mill-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota l-aħħar rapport regolari tar-Rappreżentant tal-OSCE għall-Libertà tal-Midja lill-Kunsill tal-OSCE, kif ukoll it-tħassib profond mistqarr minn NGOs internazzjonali bħall-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, ir-Reporters Without Borders, l-International Pen u l-Human Rights Watch;
7. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan li ma jġeddux il-liċenzji tar-radju FM ta' għadd ta' xandara internazzjonali, fosthom il-BBC World Service, il-Voice of America and r-Radio Free Europe/Radio Liberty; jirrimarka li l-waqfien mix-xandir ta' dawn l-istazzjonijiet fuq il-frekwenzi FM sikket sorsi importanti, oġġettivi, prezzjużi u indipendenti ta' informazzjoni ta' kwalità għas-servizz pubbliku u rristrinġa l-pluraliżmu tax-xandir tal-Azerbajġan;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex juru progress suffiċjenti fl-issodisfar tal-kundizzjonijiet tat-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali kif stipulati fid-Dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Marzu 2009 dwar is-Sħubija tal-Lvant, b'mod speċjali fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan, fosthom iż-żewġ laqgħat li saru fl-2009 mill-Kummissjoni tal-Istat tal-Azerbajġan għall-Integrazzjoni Ewropea, biex jistħarrġu mekkaniżmi ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex isaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż, u jistieden lill-UE u lill-Azerbajġan biex itejbu d-djalogu tagħhom dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan fir-reviżjoni tal-Azerbajġan fis-sitt laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar ir-Reviżjoni Perijodika Universali (UPR) li saret fis-6 ta' Frar 2009, u jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-UPR, inkluż billi jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, jiddikriminalizza l-inġurja u l-malafama ħalli jneħħi pressjonijiet mhux meħtieġa minn fuq il-ġurnalisti; jiżgura li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jkunu rrispettati bis-sħiħ; jipproteġi l-aċċess għall-midja tax-xandir; jinvestiga u jipproċedi fil-qorti kontra min jikkommetti reati u jagħti fastidju lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jimplimenta b'mod effettiv id-dritt tal-assemblea paċifika u tal-libertà tal-assoċjazzjoni; itejjeb il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet; u jipproteġi d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi, il-migranti, dawk li jfittxu ażil u l-persuni spostati internament;
11. Jistenna b'ħerqa l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Gvern tal-Azerbajġan "Appoġġ għar-Riformi fil-Ġustizzja fl-Azerbajġan", li hu maħsub biex itejjeb l-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikulari fir-rigward tat-twaqqif u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Ġustizzja u tad-dipartimenti reġjonali tal-ġustizzja, u fir-rigward tar-riformi tas-sistema penitenzjarja b'mod konformi mal-istandards internazzjonali;
12. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jiggarantixxu li l-elezzjonijiet lokali tat-23 ta' Diċembru 2009 jkunu ħielsa, ġusti u konformi mal-istandards internazzjonali, u jirrikonoxxi l-importanza tal-proċess elettorali fil-proċess tal-bini tal-istat permezz tat-tkomplija tar-riformi demokratiċi f'livell lokali, tat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u tas-sistema politika ġenerali;
13. Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tas-sottokumitati ġodda tal-Kumitat ta' Koperazzjoni UE-Azerbajġan, li għandu jsaħħaħ il-qafas istituzzjonali li għandu jippermetti li jkun hemm diskussjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, il-kultura, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika awdjoviżiva, ix-xjenza u t-teknoloġija;
14. Jistieden lill-Azerbajġan biex iġedded l-isforzi tiegħu ħalli jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni ENP, u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tgħin lill-Azerbajġan f'din il-ħidma;
15. Jistieden lill-President tar-Repubblika tal-Azerbajġan biex jissorvelja l-ħidma tal-istrutturi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tal-istat ta' pajjiżu, b'mod speċjali fir-rigward tal-midja u ta' kwistjonijiet oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li l-ħidma u l-istil tagħhom qegħdin ibiegħdu lill-Azerbajġan b'mod konxju mill-UE;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-President u lill-Parlament tal-Azerbajġan.