Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 16 ta' Settembru 2009 - Strasburgu
In-nirien tal-foresti fis-sajf 2009

In-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
PDF 247kWORD 86k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009
P7_TA(2009)0013RC-B7-0039/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-tisħiħ tal-kapaċità ta' reazzjoni tal-Unjoni għad-diżastri(1), tal-4 ta" Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali(2), tas-7 ta" Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar fl-Ewropa(3), tal-5 ta" Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa(4), tal-14 ta" April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(5), tat-12 ta" Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(6), tat-8 ta" Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa(7), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta" Mejju tal-2006 dwar id-diżastri naturali (nirien tal-foresti, nixfiet u għargħar) – aspetti agrikoli(8), aspetti ta" żviluppi reġjonali(9), u aspetti ambjentali(10),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta' Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid)(11),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta" Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006(12),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 'Il-Fond ta" Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: kemm hu mgħaġġel, effiċjenti u flessibbli?',

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni 2008 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u r-Rapport dwar l-esperjenza miksuba wara sitt snin ta" applikazzjoni tal-istrument il-ġdid,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar l-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar(13),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta" Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili(14),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern tat-12 u t-13 ta" Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-ħila ta" koordinazzjoni taċ-Ċentru ta" Monitoraġġ u ta" Informazzjoni (MIC) fil-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta" Michel Barnier tad-9 ta" Mejju 2006 intitolata 'Għal forza Ewropea għall-protezzjoni ċivili: għajnuna Ewropea',

–   wara li kkunsidra l-punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar ir-reazzjoni tal-Unjoni għall-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2009 intitolata 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' (COM(2009)0082 finali),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata unanimament tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja dwar il-'Protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni ta" diżastri naturali u ekoloġiċi fir-reġjun Ewro-Mediterranju',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi fl-2009 s-sajf reġa' ġab miegħu nirien u għargħar mhux ikkontrollati u devastanti madwar in-Nofsinhar tal-Ewropa, li affettwaw lill-Istati Membri, lir-reġjuni periferiċi, lill-pajjiżi applikanti u lill-ġirien fil-qrib tal-UE, u li kkaġunaw kemm tbatija għall-bniedem, fejn mietu tal-anqas 11-il ruħ, kif ukoll ħsara ambjentali u materjali immensa,

B.   konxju li, skont is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar in-Nirien tal-Foresti, l-erja totali ta' veġetazzjoni u boskijiet milquta min-nirien fl-Ewropa dan is-sajf kienet aktar minn 315,000 ettaru, u filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi malajr biex timmobilizza r-riżorsi tal-UE għaz-zoni milquta,

C.   billi n-nixfa u n-nirien persisteni qegħdin iħaffu l-proċess ta" deżertifikazzjoni ta" zoni kbar tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u nqerdu aktar minn 400,000 ettaru fis-sena ta' foresta Ewropea f'dawn l-aħħar 10 snin, b'riżultat ta' dannu gravi għall-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet milquta, u li qed jintlaqtu l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-wirt tal-foresti,

D.   billi, matul id-deċennji li ġejjin, minkejja l-isforzi tagħna ta' mitigazzjoni globali, se jkun hemm żieda inevitabbli fit-temperatura globali, b'effetti partikolarment avversi għan-Nofsinhar tal-Ewropa, li huwa mbassar li se jkun reġjun estremament vulnerabbli f'termini ta" bidla fil-klima u li diġà għadda minn nirien inkontrollati ta" kobor mingħajr preċedenti fl-2007 bħala riżultat dirett tal-mewġiet ta" sħana estrema ta' dik is-sena,

E.   billi l-frekwenza, il-gravità, il-komplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa żdiedu b'ħeffa matul is-snin li għaddew, b'riżutlat ta' telf ta' ħajjiet umani u beni, b'effetti katastrofiċi fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil fuq l-ekonomija tar-reġjuni affettwati, inkluż it-telf tal-wirt naturali u kulturali, il-qirda tal-infrastruttura ekonomika u soċjali, u d-dannu għall-ambjent (fil-każ ta" nirien mhux ikkontrollati mill-bniedem, ta' telf tal-ħabitats naturali u tal-bijodiversità, ta' deterjorament tal-mikroklima u ta' żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra),

F.   wara li kkunsidra l-konsegwenzi dannużi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri naturali għall-ekonomiji lokali u reġjonali, kemm f'setturi bħalma huma t-turiżmu kif ukoll mil-lat tal-attività produttiva inġenerali,

G.   billi l-prevenzjoni hija ta' importanza partikulari fir-rigward tal-ħarsien kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali,

H.   billi l-fenomenu tan-nirien tal-foresti huwa aggravat ukoll mill-abbandun progressiv tal-kampanja u tal-attivitajiet tradizzjonali tagħha, minn manutenzjoni inadegwata tal-foresti, mill-eżistenza ta" firxiet kbar ta" foresta li jkun fihom speċi waħda ta' siġar, mit-taħwil ta' varjetajiet ta' siġar mhux idonei, min-nuqqas ta' politika ta' prevenzjoni xierqa u kastigi li mhumiex ta' severità adegwata fil-każ ta" nirien li jkunu tqabbdu apposta, kif ukoll mill-implimentazzjoni inadegwata tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali u li jiżguraw ir-riafforestazzjoni,

I.   billi ċerti Stati Membri għad ma għandhomx reġistru tal-artijiet komplut u reġistru u mapep forestali xierqa, li, flimkien mal-implimentazzjoni inadegwata tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali fuq l-arji maħruqin, jikkostitwixxu vakwu li jwassal għal bidliet fl-użu tal-art u riklassifikazzjoni tal-art forestali għall-użu ta' kostruzzjoni u spekulazzjonijiet finanzjarja,

J.   billi l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat ripetutament fl-aħħar ftit snin,

K.   billi d-diżastri naturali bħalma huma n-nirien tal-foresti li dejjem qed ikunu aktar spissi fin-Nofsinhar tal-Ewropa jista" jkollhom dimensjoni transkonfinali minħabba l-ħeffa li biha jinfirxu minn fejn ikunu bdew u l-ħila li għandhom li jibdlu d-direzzjoni mingħajr mistenni, u għalhekk jeħtieġu reazzjonijiet flessibbli, rapidi, ikkoordinati u multilaterali; wara li kkunsidra wkoll l-ħsara estensiva li jistgħu jikkawżaw lill-proprjetà, lill-ħajja tal-bniedem, lill-attivitajiet ekonomiċi u lill-ambjent reġjonali,

L.   billi l-Parlament ripetutament ħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill jilħqu deċiżjoni dwar Regolament għal Fond ta" Solidarjetà ġdid sa mill-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu f'Mejju 2006,

M.   billi, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2002, il-Fond ta' Solidarjetà ta appoġġ finanzjarju ta' aktar minn EUR 1.5 biljuni,

N.   filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li l-Fond ta" Solidarjetà 'laħaq l-objettiv tiegħu, li huwa li juri solidarjetà mal-Istati Membri f'sitwazzjonijiet ta" diżastru', minkejja illi l-aktar problema importanti tibqa" n-nuqqas ta" rapidità li biha l-Fond jista" jiġi attivat bħala strument għall-immaniġjar tal-kriżijiet,

O.   billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u s-sempliċità tal-kriterji li jirregolaw il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta" Solidarjetà,

P.   billi l-Parlament Ewropew issottometta riżoluzzjonijiet suċċessivi sa mill-1995 li jitolbu urġentement diversi inizijattivi tal-Unjoni Ewropea biex ikunu missielta n-nirien inkontrollati fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li jew qatt ma kienu implimentati jew tħallew inkompleti u ineffettivi,

1.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-qraba ta" dawk li mietu u mar-residenti taz-zoni affettwati, u jfaħħar lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, lis-suldati, professjonisti u voluntiera, li stinkaw bla waqfien u bi qlubija biex jitfu n-nirien, isalvaw in-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf;

2.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta" implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru f'riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar is-suġġett tad-diżastri naturali;

3.  Jinnota li d-dannu kkawżat min-nirien forestali seta" kien prevenut li kieku ċerti Stati Membri żviluppaw u implimentaw politika ta" prevenzjoni aktar effiċjenti u leġiżlazzjoni adegwata dwar il-konservazzjoni u l-użu approprijat tal-art;

4.  Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għal strateġija Ewropea biex ikunu missielta d-diżastri naturali, inkluż approċċ tassattiv għall-prevenzjoni tar-riskju, u tfassal protokoll għal azzjoni uniformi għal kull tip ta" diżastru fl-Unjoni; jemmen ukoll li din l-istrateġija għandha tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni magħmulin minn gzejjer u periferiċi b'densità ġeografika baxxa;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskju ta' għargħar jiffokaw fuq il-prevenzjoni; jikkunsidra li tali miżuri, li jaħdmu skont in-natura u mhux bil-kontra tagħha, għandhom jipproteġu lin-nies, lill-beni immobbli u lill-ambjent, u jgħinu biex jinkiseb immaniġġjar tal-ilma ambjentalment sostenibbli, biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE għall-bijodiversità u biex tinkiseb l-istrateġija ta' adattament tal-UE rigward il-bidla fil-klima;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta" Solidarjetà attwali tal-UE bl-iktar mod flessibbli li huwa possibbli u mingħajr dewmien biex ikunu assistiti l-vittmi tad-diżastri naturali ta" dan is-sajf;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja r-riabilitazzjoni tar-reġjuni li sofrew dannu kbir, tirrestawra l-ħabitats naturali taz-zoni milquta, tfittex li tniedi mill-ġdid il-ħolqien tal-impjiegi u tieħu miżuri approprjati biex tikkumpensa l-kostijiet soċjali inerenti fit-telfien tal-impjiegi u ta" għejun oħrajn ta" dħul;

8.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-koperazzjoni u l-għajnuna offerta mill-Istati Membri l-oħra liz-zoni milquta fil-qafas tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili; jappoġġja t-tkomplija tal-proġett pilota għall-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod urġenti dwar il-proġett pilota sabiex tiżdied il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-azzjoni preparatorja dwar il-kapaċità tal-UE għal reazzjoni rapida, u jitlob li jitressqu proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu kapaċità Komunitarja ġenwina ta" reazzjoni rapida li tkopri n-nirien tal-foresti u tipi oħra ta'diżastri;

9.  Jisħaq fuq l-urġenza kbira ferm ta' din il-kwistjoni u għalhekk jitlob li tinħoloq forza Ewropea effettiva li tkun tista' tirreaġixxi immedjatament fl-emerġenzi, kif propost fir-rapport Barnier imsemmi hawn fuq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq proposti konkreti għal kapaċità ta" koperazzjoni Ewropea li tista' tirreaġixxi aktar malajr għad-diżastri naturali;

10.  Iqis li l-esperjenza reċenti u dik tas-snin li għaddew tenfasizza l-ħtieġa ta" rinforz ulterjuri tal-protezzjoni ċivili, l-istat ta' tħejjija preventiva u l-kapaċità ta' intervent tal-Komunita' fir-rigward tan-nirien tal-foresti u oħrajn mhux ikkontrollati fin-Nofsinhar tal-Ewropa, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tieħu azzjoni għal dan il-fini, biex tiżgura espressjoni viżibbli tas-solidarjetà Ewropea lejn il-pajjiżi milquta b'emerġenzi kbar; jappoġġja l-attivitajiet immirati biex itejbu t-tħejjija għall-protezzjoni ċivili tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta" skambju ta" esperti u l-aqwa prattiki, proġetti ta" eżerċizzji u tħejjija;

11.  Jirrikonoxxi l-kontribut taċ-Ċentru ta" Monitoraġġ u ta" Informazzjoni (MIC) lejn l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta" għajnuna għall-protezzjoni ċivili waqt l-emerġenzi;

12.  Jenfasizza r-responsabilità individwali tal-Istati Membri għal miżuri rigward il-protezzjoni ċivili u l-kontroll tad-diżastri kif ukoll ir-responsabilità ewlenija tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni u t-tifi tan-nirien; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa biex twaqqaf forza ta' reazzjoni Ewropea permanenti u indipendenti biex tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta waqt nirien tal-foresti kbar u diżastri oħra, filwaqt li tipprovdi l-aqwa tagħmir u kompetenza; jinnota f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja modi ta" kif ikollha aċċess għal kapaċità addizzjonali li tista' tkun disponibbli minn sorsi oħra inklużi riżorsi privati, sabiex tiżgura reazzjoni rapida għal emerġenzi kbar;

13.  Jiddispjaċih bil-kbir għall-fatt li seħħet qerda daqstant kbira waqt in-nirien f'ċerti Stati Membri li dan l-aħħar kienu milquta minn nirien ta" kobor simili; iqis li jeħtieġ b'konsegwenza ta" dan li ssir eżaminazzjoni immedjata tal-adegwatezza tal-miżuri ta" prevenzjoni u tħejjija sabiex jiġi żgurat li jittieħdu l-lezzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu evitati u limitati l-effetti devastanti ta' diżastri simili fl-Istati Membri fil-ġejjieni; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri d-dettalji dwar il-programmi operattivi tagħhom li jeżistu sabiex jiffaċċjaw id-diżastri naturali, bil-għan li jinqasmu l-esperjenzi u jintlaħqu l-konklużjonijiet dwar miżuri immedjati, il-koordinazzjoni ta' entitajiet amministrattivi u operattivi u d-disponibilità tar-riżorsi umani u materjali neċessarji;

14.  Jiddeplora l-fatt li bosta każijiet ta" nirien tal-foresti jidher li nbdew b'atti ta" inċendju, u b'mod partikolari huwa mħasseb li l-atti kriminali ta" inċendju kull ma jmur qegħdin ikunu jaħtu għan-nirien tal-foresti fl-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex isaħħu u jutilizzaw s-sanzjonijiet penali għal atti kriminali li jagħmlu ħsara lill-ambjent u, b'mod partikolari, għal dawk li jikkawżaw in-nirien tal-foresti, u huwa tal-fehma li investigazzjoni f'waqtha u effikaċi biex tkun stabbilita r-responsabilita', segwita minn piena proporzjonata, tiskoraġġixxi l-imġiba traskurata u deliberata;

15.  Jitlob is-sanzjoni tal-ħlas lura tal-għajnuna Komunitarja mill-Istat Membru jekk dan ma jagħmilx riforestazzjoni kompleta fiz-zoni affettwati jew jippermetti bidla fl-użu tal-art għal kwalunkwe żvilupp spekulattiv jew proġetti turistiċi;

16.  Jikkundanna l-prattika tal-legalizzazzjoni tal-kostruzzjonijiet illegali f'zoni protetti u mhux awtorizzati;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-inċendjaturi, b'mod speċjali dawk li jgawdu mill-bini mill-ġdid jew mill-art tal-foresta, jaf jiġu inkoraġġiti minn liġijiet li ma jiddefinixxux jew jipproteġu b'mod strett lil dan it-tip ta' art, u/jew mill-applikazzjoni inadegwata ta' liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jiżguraw li z-zoni kollha maħruqa tal-foresti jibqgħu foresti u jiġu koperti minn programmi ta" riafforestazzjoni;

18.  Jitlob metodi aktar effiċjenti għall-għarfien bikri tan-nirien tal-foresti, u trasferiment aħjar bejn l-Istati Membri tal-għarfien dwar miżuri li jwaqqfu l-firxa tan-nirien, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri;

19.  Jirrikonoxxi s-solidarjetà murija mill-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u ta" pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni affettwati waqt emerġenzi ta" nirien tal-foresti permezz ta" inġenji tal-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u kompetenza, kif ukoll l-għajnuna ta" min ifaħħarha mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lill-iskwadri tas-salvataġġ; huwa tal-opinjoni li l-iskala u l-impatt ta" dawn il-fenomeni ta" sikwit imorru oltre l-livell u l-kapaċitajiet reġjonali u nazzjonali u jitlob li jkun hemm impenn Ewoprew effettiv bħala kwistjoni ta" urġenza;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut tar-riżerva tattika Ewropea ta' avjazzjoni għat-tifi tan-nar (EUFFTR), li twaqqfet fis-sajf tal-2009 biex tassisti lill-Istati Membri li jiffaċċjaw nirien kbar; jinnota li dan il-proġett pilota twaqqaf bl-appoġġ tal-Parlament sabiex itejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti, u jirriżulta li huwa eżempju eċċellenti ta' kapaċità mtejba f'livell Ewropew li tipprovdi għajnuna immedjata f'sitwazzjonijiet ta" emerġenza; jisħaq, f'dan l-ambitu, fuq il-ħtieġa li jitkomplew l-iżvilupp u r-rinforz ta' dan il-proġett pilota, hekk kif nissoktaw b'ċirkostanzi ta' devastazzjoni kbira, peress li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri mal-EUFFTR jidher li ma jkunux adegwati;

21.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma ppjanawx għal impenji finanzjarji għall-2010 sabiex tkompli l-Azzjoni Preparatorja għal kapaċita tal-UE ta" rispons rapidu li diġa kienet stabbilita fl-2008 u fl-2009;

22.  Huwa tal-opinjoni li Regolament ġdid dwar il-Fond ta" Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali bħala mezz kif jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effettiv; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka l-progress, b'mod li dewwem illegalment din ir-reviżjoni, għad illi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kbira mal-ewwel qari f'Mejju 2006;

23.  Jenfasizza l-fatt li jekk tiġi rravvivata din l-inizjattiva, ikun hemm benefiċċji kbar għat-tħaddim konkret tal-Fond, jitwessa' l-ambitu tiegħu, tiġi abolita l-attivazzjoni eċċezzjonali tal-Fond għal diżastri reġjonali, jiġi permess li aktar reġjuni jirċievu l-assistenza bl-introduzzjoni ta' livell aktar baxx ta' dannu biex jiġi mmobilizzat u, importanti ferm, tiġi permessa reazzjoni aktar malajr għad-diżastri billi jitħaffu l-pagamenti;

24.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isibu bl-akbar responsabilità u mingħajr dewmien kompromess biex jiġi riattivat il-proċess tar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Fond ta" Solidarjetà, bil-għan li jinħoloq strument aktar b'saħħtu u aktar rapidu, li jkun jista" jirrispondi għall-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima; jistieden lill-Presidenza Żvediża fil-Kariga, kif ukoll lill-Ministri tal-UE għall-Finanzi, l-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Reġjonali, biex jieħdu azzjoni qawwija u mgħaġġla minnufih;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-numru dejjem akbar ta" diżastri naturali li skont l-esperti, jistgħu jiġu attribwiti l-aktar għall-bidla fil-klima, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehima internazzjonali ambizzjuża, fil-Ħames Konferenza li jmiss tal-partiti, li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partiti għall-Protokoll ta" Kjoto li se ssir f" Kopenħagen, fid-Danimarka, mis-7 sat-18 ta" Diċembru 2009;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-miżuri ta' prevenzjoni mfassla sabiex jittrattaw it-tipi kollha ta' diżastri naturali billi jkunu stabbiliti linji gwida strateġiċi konġunti sabiex tkun żgurata koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, kif ukoll operabilità u koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strumenti Komunitarji (Fondi Strutturali, Fond ta' Solidarjetà, EAFRD, LIFE+ u l-mekkaniżmu tal-istrument tar-reazjzoni rapida u t-tħejjija għal emerġenzi kbar), filwaqt li ma tintesiex il-ħtieġa li jintużaw strumenti eżistenti oħrajn, bħall-Għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali u s-self tal-Bank ta' Investiment Ewropew, bil-għan li titranġa l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-fondi Komunitarji mogħtija għall-protezzjoni min-nirien tal-foresti u dwar jekk intużawx b'mod xieraq;

27.  Jitlob li jiddaħħlu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni reġjonali fil-programmi ta' żvilupp rurali biex titjieb l-effiċjenza tal-miżuri ta' prevenzjoni;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta" aċċess għall-fondi tal-UE għall-irkupru tal-art agrikola wara għargħar u nirien, u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta" difiżi kontra n-nirien u l-għargħar; jenfasizza l-effetti fatali tan-nirien tal-foresti u tal-għargħar fuq il-bhejjem;

29.  Iqis li hu essenzjali li jittieħed kont tal-problemi strutturali tal-ambjent rurali (deklin demografiku, abbandun tar-raba', deforestazzjoni, u l-frammentazzjoni eċċessiva tas-sjieda tal-imsaġar);

30.  Huwa tal-opinjoni li r-rabtiet eżistenti bejn il-protezzjoni ċivili u l-politiki ambjentali għandhom jiġu rinforzati biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-miżuri preventivi inklużi fil-leġiżlazzjoni ambjentali u jiżguraw approċċ koordinat tal-UE għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tad-diżastri; jenfasizza b'danakollu li ma hemm l-ebda pjan li jinbidlu jew jiddgħajfu l-kompetenzi nazzjonali fil-protezzjoni ċivili u fil-prevenzjoni tad-diżastri bil-linji gwida tal-UE;

31.  Jemmen li l-proċeduri għall-mobilizzazzjoni tal-fond ta" Solidarjetà jeħtieġ li jkun rivedut sabiex jitħaffu l-ħlasijiet tal-għajnuna; iqis, b'mod pertikulari, li għal dan il-għan, tista" tiġi żviluppata sistema ta" pagamenti minn qabel li tkun bbażata fuq estimi inizzjali tad-dannu dirett, fejn ħlasijiet ulterjuri jkunu jiddependu mill-kalkoli finali tad-dannu dirett kollu u mill-evidenza ta" miżuri ta" prevenzjoni li jkunu ttieħdu b'riżultat tad-diżastru;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fit-tfassil ta' kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni miftiehma mill-Istati Membri biex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tad-diżastri naturali, l-aktar fiz-zoni ta' riskju għoli, billi jagħmlu lill-pubbliku konxju mill-ħtieġa tal-kura tal-ambjent u tal-konservazzjoni tar-riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri, fosthom dawk biex titqajjem kuxjenza pubblika, b'appoġġ għall-użu iżjed sostenibbli tal-ilma, tal-ħamrija u tar-riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll ta" ġestjoni aħjar tal-iskart, billi n-nuqqas ta" din tal-aħħar sikwit ikun il-kawża tan-nirien;

33.  Jenfasizza li apparti r-riperkussjonijiet ambjentali u ekonomiċi ħorox tagħha, il-frekwenza attwali tan-nirien fin-Nofsinhar tal-Ewropa – kważi 95% tal-erja kollha maħruqa fl-UE tinsab fir-reġjun tal-Mediterran – jitqies li hi marbuta b'mod dirett mal-impatt tal-bidla fil-klima, f'dawk l-inħawi, li sejra għall-agħar (erożjoni u telf ta" ħamrija, deżertifikazzjoni u żieda fl-emissjonijiet ta" gassijiet b'effett ta" serra, fosthom is-CO2);

34.  Għalhekk jitlib li jkun hemm strateġija integrata tal-UE fil-preservazzjoni tal-ekosistemi forestali tal-Ewropa t'Isfel li jiggarantixxu finanzjament biżżejjed għall-miżuri ta" prevenzjoni, miżuri biex jitreġġa lura d-dannu ekonomiku u ambjentali estensi flimkien mar-restawr sħiħ tal-ekosistema, kif ukoll l-allokazzjonijiet għall-adattament u l-mitigazzjoni tal-ekosistemi forestali tal-Ewropa t'Isfel għall-Bidla fil-Klima;

35.  Jenfasizza li għandu jitqies għalkollox l-esponiment estrem tal-ekosistema tal-foresti tar-reġjuni tal-Mediterran għall-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex, fost il-miżuri agroambjentali stipulati fil-politika agrikola komuni, iddaħħal interventi speċifiċi mfassla biex jipprevjenu u jevitaw il-firxa tan-nirien tal-foresti, kif ukoll biex tiġi kkunsidrata bir-reqqa l-introduzzjoni tal-politika komuni dwar il-foresti sabiex tittratta b'mod aktar effettiv il-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-proposta tagħha għal pjan ta' azzjoni tal-UE għall-adattament għall-bidla fil-klima, tagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-nixfiet u n-nirien tal-foresti fin-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll lill-prevenzjoni tagħhom;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali milquta min-nirien u mill-għargħar.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0304.
(2) ĠU C 187 E, 24.07.2008, p. 55.
(3) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 240.
(4) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(5) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 599.
(6) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 414.
(7) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.
(8) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 363.
(9) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 369.
(10) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 375.
(11) ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.
(12) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.
(13) ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.
(14) ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.

Avviż legali - Politika tal-privatezza