Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2009 - Strasburgu
Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta" Flessibilità
 Qafas finanzjarju 2007-2013: il-finanzjament ta' proġetti ta' enerġija taħt il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (emendi għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba)
 Abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha)
 Titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
 Il-Bjelorussja
 Il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
 L-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali
 L-Azerbajġan: il-libertà tal-espressjoni

Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta" Flessibilità
PDF 373kWORD 47k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta" Flessibilità, b'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (COM(2009)0660 – C7-0303/2009 – 2009/2207(BUD))
P7_TA(2009)0113A7-0080/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0660 – C7-0303/2009),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(1), u b'mod partikulari l-punt 27 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 tal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-2010(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata mit-tliet istituzzjonijiet tat-2 ta" April 2009 dwar il-finanzjament tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tat-18 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0080/2009),

A.   billi l-istituzzjonijiet tal-UE jqisu li huwa imperattiv li tiġi ffinanzjata t-tieni fażi tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (EERP),

B.   billi waqt in-negozjati tal-adeżjoni tagħha, il-Bulgarija impenjat ruħha li tagħlaq l-impjant tal-enerġija nukleari ta" Kozloduy bl-għajnuna ta" appoġġ finanzjarju mill-Komunità bejn l-2007 u l-2009,

C.   billi l-għeluq tal-impjant tal-enerġija ta" Kozloduy se jkompli wara l-2009 u se jkun jeħtieġ finanzjament ta" EUR 300 000 000 għall-perjodu ta" bejn l-2010 u l-2013,

D.   billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, fil-laqgħa ta" konċiljazzjoni tat-18 ta" Novembru 2009, iddeċidew li jimmobilizzaw l-Istrument ta" Flessibilità biex:

   jikkomplementaw il-finanzjament tal-Pjan Ewropew għall-Irkupju Ekonomiku għall-ammont ta" EUR 120 000 000 fil-baġit tal-2010;
   jiffinanzjaw l-għeluq tal-impjant tal-enerġija ta" Kozloduy għall-ammont ta" EUR 75 miljun fl-2010;

1.  Jinnota li, minkejja l-użu mill-ġdid ta" fondi mill-marġni tal-2009 u tal-2010, l-ogħla limitu tas-subintestatura 1a ma kienx jippermetti finanzjament adegwat tal-EERP u tal-għeluq tal-impjant tal-enerġija ta" Kozloduy; Jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, il-ftehim li ntlaħaq matul il-konċiljazzjoni dwar l-użu tal-Istrument ta" Flessibilità favur dawn l-għanijiet għal ammont totali ta' EUR 195 000 000;

2.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat il-ħtiġijiet ta" finanzjament għall-impjant tal-enerġija ta' Kozloduy biss fl-Ittra ta" emenda Nru 2/2010, jiġifieri wara l-ewwel qari tal-Parlament, meta l-Parlament kien iffissa l-prijoritajiet tiegħu għall-baġit tal-2010; iqis li l-fatt li l-proposta waslet tard, ħaġa li ħolqot pressjoni addizzjonali fuq is-subintestatura 1a, affettwa b'mod konsiderevoli d-dinamika tan-negozjati dwar il-baġit tal-2010 kif ukoll l-abilità tal-Parlament li jsegwi l-prijoritajiet politiċi tiegħu;

3.  Iqis, madankollu, li huwa essenzjali li dak li jkun jibqa" konformi mal-impenji politiċi mogħtija fil-Protokoll rigward il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant li l-għeluq tal-impjant tal-enerġija ta" Kozloduy jibqa" jiġi ffinanzjat fl-2010;

4.  Jirrimarka li l-finanzjament ulterjuri tal-għeluq tal-impjant tal-enerġija ta" Kozloduy bejn l-2011 u l-2013 għandu jkun mingħajr ħsara għall-finanzjament tal-azzjonijiet u l-programmi pluriennali eżistenti;

5.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma" din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta" Flessibilità, b'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(3), u b'mod partikulari l-ħames paragrafu tal-punt 27 tagħha,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi, wara li fil-laqgħa ta" konċiljazzjoni tat-18 ta" Novembru 2009 eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt is-subintestatura 1a, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li jimmobilizzaw l-Istrument ta" Flessibilità biex fil-baġit tal-2010 jikkomplementaw il-finanzjament, lil hinn mill-ogħla limitu tas-subintestatura 1a, ta':

   EUR 120 miljun għall-finanzjament ta" proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;
   EUR 75 miljun għall-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta" Kozloduy.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, l-Istrument ta" Flessibilità għandu jintuża biex tiġi pprovduta s-somma ta' EUR 195 miljun f'approprijazzjonijiet għall-impenji taħt is-subintestatura 1a.

Dawn l-ammonti għandhom jintużaw sabiex jikkumplementaw il-finanzjament ta':

   EUR 120 miljun lejn il-finanzjament ta" proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;
   EUR 75 miljun għall-għeluq tal-impjant tar-reattur nukleari ta" Kozloduy.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2009)0051 u P7_TA(2009)0052.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Qafas finanzjarju 2007-2013: il-finanzjament ta' proġetti ta' enerġija taħt il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (emendi għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba)
PDF 513kWORD 101k
Riżoluzzjoni
Anness
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali - il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2009)0662 – C7-0305/2009 – 2009/2211(ACI))
P7_TA(2009)0114A7-0085/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0662 – C7-0305/2009),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikolari l-punti 21, 22, l-ewwel u t-tieni subparagrafi, u 23 tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li temenda l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali (2007-2013)(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta" Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta" Nofs iż-Żmien tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013(3) u tal-10 ta" Marzu 2009 dwar il-Linji Gwida għall-proċedura tal-baġit 2010(4),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-finanzjament tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (EERP),

–   wara li kkunsidra l-ġabra fil-qosor tal-konklużjonijiet tal-laqgħa ta" Konċiljazzjoni tat-18 ta" Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0085/2009),

1.  Japprova l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta" Konċiljazzjoni tat-18 ta" Novembru 2009;

2.  Jenfasizza li l-ftehim li ntlaħaq dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 (MFF) huwa r-riżultat ta' koperazzjoni interistituzzjonali li rnexxiet bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika li għaddejjin minnha l-Istati Membri, permezz tal-promozzjoni tas-solidarjetà fil-qasam tar-riżorsi tal-enerġija u permezz tal-promozzjoni tal-broadband fiż-żoni rurali kif ukoll l-appoġġ għas-settur agrikolu; jinnota li l-ftehim jibni fuq il-prinċipju mfisser fid-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq tat-tliet istituzzjonijiet tat-2 ta' April 2009,

3.  Jaqbel mal-kompromess politiku li jimmobilizza diversi mezzi baġitarji disponibbli fil-qafas legali baġitarju, inkluża r-reviżjoni tal-MFF 2007-2013 għas-snin 2009 u 2010 u l-użu tal-Istrument ta' Flessibilità biex ikun possibbli l-finanzjament sħiħ tal-EERP fl-2010; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li ma ġie pospost l-ebda finanzjament tal-EERP sal-2011, biex b'hekk il-proċedura baġitarja annwali tal-2011 mhux se tkun affettwata;

4.  Jinnota li wara r-reviżjoni tal-MFF 2007-2013 biex jiġi ffinanzjat l-EERP, il-marġni disponibbli taħt is-subintestaturi 1a u 1b u l-intestaturi 2 u 5 huma stretti ħafna għall-2010, b'mod li se jħallu ftit possibilità ta' manuvrar jekk jirriżultaw bżonnijiet finanzjarji mhux previsti matul is-sena;

5.  Jirrimarka li l-finanzjament tal-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Kozloduy kien hemm qbil dwaru biss fir-rigward tal-2010, filwaqt li l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju mill-UE tibqa' sal-2013 u tammonta għal EUR 300 000 000, inkluż l-ammont li kien disponibbli taħt il-baġit 2010; jenfasizza li l-finanzjament tal-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta'' Kozloduy m'għandux jipperikola l-finanzjament ta' programmi u azzjonijiet multiannwali fis-sottointestatura 1a;

6.  Iqis li l-MFF 2007-2013 attwali ma jikkorrispondix mal-ħtiġijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-MFF 2007-2013 attwali mingħajr dewmien;

7.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma" din ir-riżoluzzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali - Il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(5), u b'mod partikolari l-punti 21, 22, l-ewwel u t-tieni subparagrafi, u 23 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta emendati mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)  Fil-laqgħa tal-konċiljazzjoni tal-baġit tat-18 ta' Novembru 2009, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar il-modalitajiet biex jingħata finanzjament addizzjonali, fil-qafas tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, għal proġetti fil-qasam tal-enerġija u l-internet broadband, kif ukoll għal investimenti għat-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-"isfidi ġodda" definiti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riforma ta" nofs iż-żmien tal-2003 tal-Politika Agrikola Komuni ("Il-Kontroll tas-Saħħa")(6). Il-finanzjament jeħtieġ reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 f'konformità mal-punti 21, 22 u 23 tal-Ftehima Interistituzzjonali, sabiex jiġi mgħolli l-limitu massimu għas-sena 2010 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji fis-sottointestatura 1a b'ammont ta' EUR 1 779 miljun fi prezzijiet attwali.

(2)  Iż-żieda tal-limitu massimu għas-sottointestatura 1a għas-sena 2010 se jkun hemm kumpens sħiħ għaliha billi jonqsu l-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet għall-impenji fl-intestaturi 1a, 1b, 2, 3a u 5 għas-sena 2009, kif ukoll il-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet għall-impenji fl-intestaturi 1a, 2 u 5 għall-2010.

(3)  Sabiex tinżamm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet, il-limiti massimi annwali għall- approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu aġġustati. L-aġġustament se jkun newtrali.

(4)  L-Anness I tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu għaldaqstant jiġi emendat(7),

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Waħdani

L-Anness I tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba huwa ssostitwit bl-Anness ta" din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew Għall–Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

QAFAS FINANZJARJU 2007-2013

(EUR million - constant 2004 prices)

APPROPRJAZZJONIJIET GĦALL-IMPENJI

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Total

2007-2013

1. Tkabbir Sostenibbli

50 865

53 262

55 879

56 435

55 400

56 866

58 256

386 963

1a Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi

8 404

9 595

12 018

12 580

11 306

12 122

12 914

78 939

1b Koeżjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi

42 461

43 667

43 861

43 855

44 094

44 744

45 342

308 024

2. Preservazzjoni u Mmaniġġjar tar-Riżorsi Naturali

51 962

54 685

51 023

53 238

52 528

51 901

51 284

366 621

li minnhom: infiq relatat mas-suq u ħlasijiet diretti

43 120

42 697

42 279

41 864

41 453

41 047

40 645

293 105

3. Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja

1 199

1 258

1 375

1 503

1 645

1 797

1 988

10 765

3a Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

600

690

785

910

1 050

1 200

1 390

6 625

3b Ċittadinanza

599

568

590

593

595

597

598

4 140

4. L-UE bħala attur globali

6 199

6 469

6 739

7 009

7 339

7 679

8 029

49 463

5. Amministrazzjoni (1)

6 633

6 818

6 816

6 999

7 255

7 400

7 610

49 531

6. Kumpensi

419

191

190

800

TOTAL APPROPRJAZZJONIJIET GĦALL-IMPENJI

117 277

122 683

122 022

125 184

124 167

125 643

127 167

864 143

bħala perċentwal tal-GNI

1,08%

1,09%

1,06%

1,06%

1,03%

1,02%

1,01%

1,048%

TOTAL APPROPRJAZZJONIJIET GĦALL-ĦLASIJIET

115 142

119 805

109 091

119 245

116 884

120 575

119 784

820 526

bħala perċentwal tal-GNI

1,06%

1,06%

0,95%

1,01%

0,97%

0,98%

0,95%

1,00%

Marġni disponibbli

0,18%

0,18%

0,29%

0,23%

0,27%

0,26%

0,29%

0,24%

Limitu Massimu tar-Riżorsi Proprjibħala perċentwal tal-GNI

1,24%

1,24%

1,24%

1,24%

1,24%

1,24%

1,24%

1,24%

(1) In-nefqa fuq il-pensjonijiet inkluża taħt il-limitu massimu għal din l-intestatura hija kkalkulata net tal-kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema rilevanti, fil-limitu ta' EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2004 għall-perjodu 2007-2013.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 132, 29.5.2009, p. 8.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0174.
(4) Testi adottati, P6_TA(2009)0095 u P6_TA(2009)0096.
(5) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(6) COM(2008)0800, COM(2008)0859, COM(2009)0171, u ĠU L 132, 29.5.2009, p. 8.
(7) Għal dak il-għan, iċ-ċifri li jirriżultaw mill-ftehim imsemmi hawn fuq huma maqluba għal prezzijiet tal-2004.


Abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha)
PDF 539kWORD 155k
Riżoluzzjoni
Anness
Anness
Anness
Anness
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha) (11902/2009 – C7-0127/2009 – 2009/2002(BUD)) u Ittri ta' emenda Nri 1/2010 (SEC(2009)1133 - 14272/2009 - C7-0215/2009), 2/2010 (SEC(2009)1462 – 16328/2009 - C7-0292/2009) u 3/2010 (SEC(2009)1635 – 16731/2009 - C7-0304/2009) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010
P7_TA(2009)0115A7-0083/2009

Il-Parlament Ewropew,

   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 314(9) tiegħu,

   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Energija Atomika, anness mat-Trattat ta" Lisbona, u b'mod partikulari l-Artikoli 3 u 5 tiegħu,

   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 272(1) sa (6) tiegħu,

   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikulari l-Artikolu 177 (1) sa (6) u 106a tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3) (IIA), u b'mod partikulari l-Ftehima Interistituzzjonali Pluriennali prevista fil-Parti I tagħha u stabbilita fl-Anness I tagħha,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, li l-Kunsill stabbilixxa fit-13 ta' Lulju 2009 (C7-0127/2009),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni (C7-0127/2009) u l-Ittra ta' emenda Nru 1/2010 ((SEC(2009)1133 - 14272/2009 - C7-0215/2009) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C7-0128/2009)(5),

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' emenda Nru 2/2010 (SEC(2009)1462- 16328/2009 - C7-0292/2009) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010,

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' Emenda Nru 3/2010 (SEC(2009)1635 - 16731/2009 - C7-0304/2009) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (Taqsima II - Il-Kunsill),

–   wara li kkunsidra l-emendi u l-modifiki proposti tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 għall-abbozz tal-baġit ġenerali(6),

–   wara li kkunsidra l-modifiki tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2009 għall-emendi u l-modifiki proposti adottati mill-Parlament għall-abozz tal-baġit ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-baġit tat-18 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tiegħu li jirrigwardaw l-emendi u l-proposti għal modifika għall-abbozz tal-baġit ġenerali adottati mill-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 75b sa 75e tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0083/2009),

L-eżitu ġenerali tal-konċiljazzjoni tal-baġit

1.  Ifakkar fil-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-Baġit 2010 kif kien stipulat inizjalment fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta" Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010 – Taqsima III – Il-Kummissjoni u taqsimiet oħrajn u mbagħad żviluppati aktar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta" Ottubru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2010 - Taqsima III – Il-Kummissjoni u taqsimiet oħrajn; jenfasizza li dawn kienu l-prinċipji ta" gwida għall-approċċ tiegħu għall-konċiljazzjoni baġitarja mal-Kunsill għall-Baġit 2010 u l-valutazzjoni tiegħu tal-qafas baġitarju għas-sena 2010;

2.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim globali dwar il-Baġit 2010, milħuq fl-aħħar laqgħa ta" konċiljazzjoni baġitarja tradizzjonali mal-Kunsill fit-18 ta" Novembru 2009 qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku; jenfasizza li, minħabba f'hekk, hemm marġni stretti ħafna disponibbli fl-intestaturi kollha tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) għall-baġit 2010, li jistgħu jikkawżaw diffikultajiet jekk fl-2010 jinqalgħu avvenimenti mhux previsti li jkunu jirrikjedu intervent baġitarju;

3.  Ifakkar li mill-2007 l-awtorità baġitarja, bosta drabi, kienet obbligata tirrevedi l-MFF 2007-13 u l-Ftehima Interistituzzjonali sabiex tipprovdi mezzi baġitarji adegwati għall-finanzjament ta" politika mhux biżżejjed iffinanzjata jew mhux prevista taħt il-qafas finanzjarju miftiehem fl-2006;

4.  Jenfasizza li l-marġni disponibbli skont l-ipprogrammar finanzjarju ppubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2009 għas-snin baġitarji 2011 - 2013 huma stretti ħafna; jenfasizza li dan se jwaqqaf lill-istituzzjonijiet milli jieħdu kwalunkwe inizjattiva politika valida ġdida fl-oqsma stabbiliti bħala prijorità mill-President tal-Kummissjoni li għadu kemm ġie maħtur bħal ma huma, pereżempju, sabiex insemmu wħud minnhom, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jew l-istrateġija "UE 2020"; jenfasizza, barra minn hekk, li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona, għadd ta" linji politiċi se jissaħħu fil-livell tal-UE, u dan se jirrikjedi finanzjament addizzjonali tal-UE; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni l-ġdida biex, mill-aktar fis possibbli, tippubblika rapport dwar il-funzjonament tal-IIA, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni 1 tagħha, flimkien ma" aġġustament, eżami u reviżjoni tal-MFF 2007-13, inkluż t-titwil tiegħu sal-2015/2016;

5.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tibda wkoll il-proċess tal-MFF li jmiss, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni 3 tal-Ftehima Interistituzzjonali, sabiex tniedi dibattitu pubbliku u miftuħ xieraq dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma kienx lest li jżid il-finanzjament sabiex jiżdied l-appoġġ ulterjuri li l-UE teħtieġ biex tiffaċċja l-kriżi attwali, taħt il-programmi eżistenti taħt "Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi" fis-subintestatura 1a; iqis li din l-intestatura għandha tkun eżaminata bir-reqqa u, jekk ikun hemm bżonn, tiġi rriveduta sabiex ikun żgurat li din tilħaq l-għanijiet tagħha fis-snin li ġejjin;

7.  Ifakkar fid-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma, annessi ma" din ir-riżoluzzjoni; ikkunsidrahom meta ġie biex iħejji l-emendi tiegħu għat-tieni qari;

8.  Fir-rigward taċ-ċifri globali, jiffissa l-livell finali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji għal EUR 141,452,827,822 ekwivalenti għal 1.2 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) tal-UE; jiffissa l-livell ġenerali ta" ħlasijiet għal EUR 122,937,000,000, ammont ekwivalenti għal 1.04 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) tal-UE; jinnota li dan iħalli marġni sinifikanti ta" EUR 11,220,000,000 taħt il-limitu massimu tal-ħlasijiet tal-MFF għall-2010;

9.  Iqis li l-livell ta" ħlasijiet ma jikkontribwixxix għat-tnaqqis tad-differenza bejn il-livell ta" l-impenji u l-ħlasijiet; jinnota t-tħassib tiegħu rigward il-konsegwenzi li dan jista" jkollu fuq l-iżvilupp tal-impenji globali mhux imħallsa (reste à liquider - RAL) li skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri għall-2008 jammontaw għal EUR 155 biljun, u l-bżonn li dan l-iżvilupp jitreġġa" lura għall-baġits tal-ġejjieni;

10.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta" Lulju 2009 li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta baġit ta" emenda jekk l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet imdaħħla fil-baġit tal-2010 ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-infiq taħt is-subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi), is-subintestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi), l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u l-intestatura 4 (L-UE bħala attur globali);

11.  Ħa nota tal-Ittra ta' Implimentabilità tal-Kummissjoni rigward l-emendi għall-abbozz tal-baġit adottat mill-Parlament fl-ewwel qari; jiddeċiedi li joħloq linji baġitarji ġodda dwar it-tibdil fil-klima, dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA), u dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku; iddeċieda li fit-tieni qari tal-baġit iqis uħud mill-kummenti tal-Kummissjoni; madankollu, se jżomm mad-deċiżjonijiet tal-ewwel qari tiegħu;

Dwar il-Pjan ta" Rkupru Ewropew

12.  Jenfasizza li l-finanzjament tat-tieni fażi tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku kien prijorità għall-Parlament Ewropew; ifakkar li huwa emenda l-Abbozz tal-baġit tal-Kunsill f'dan l-ispirtu, biex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-kompetittività, lill-koeżjoni u lill-ħarsien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proġetti kollha li għandhom jiġu ffinanzjati bil-pjan ta" rkupru jkunu kompatibbli b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent;

13.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar il-Pjan Ewropew għall-Irkupru bħala objettiv ewlieni tal-baġit tal-2010, b'mod partikulari l-fatt li dan ippermetta li jitlesta t-tieni pass tal-finanzjament tiegħu fl-2010, filwaqt li kkonferma li l-baġit tal-UE huwa għodda li qed tgħin biex tingħeleb il-kriżi ekonomika reċenti; jenfasizza l-fatt li l-azzjoni tal-Parlament kienet immirata biex tpoġġi liċ-ċittadini Ewropej fuq quddiem u dan juri li l-Unjoni Ewropea mhix fl-oriġini tal-problema, iżda tista" tkun strumentali għas-soluzzjoni; jilqa" b'sodisfazzjon l-użu tal-għodod previsti fil-Ftehima Interistituzzjonali biex jiġi garantit il-finanzjament tiegħu, speċjalment il-punti 21 sa 23 u l-użu tal-istrument ta" flessibilità skont il-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Kunsill ma ppreżentax il-proposta tiegħu dwar din il-kwistjoni fl-ewwel qari tiegħu;

Dwar it-Trattat ta" Lisbona

14.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kontinwità tal-proċedura baġitarja għall-2010 miftiehma bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni matul il-konċiljazzjoni baġitarja tat-18 ta" Novembru 2009, li biha t-tliet istituzzjonijiet jaċċettaw ir-riżultati tad-deċiżjonijiet preċedenti meħuda matul l-istadji differenti tal-proċedura baġitarja daqslikieku ttieħdu skont is-setgħat mogħtija lilhom bit-Trattat ta" Lisbona;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiġi pprovduta bil-mezzi finanzjarji xierqa sabiex tiżviluppa b'mod effikaċi l-ħtiġijiet eżistenti u dawk ġodda fir-rigward tal-implimentazzjoni ta" politika ġdida tal-UE relatata mat-Trattat ta" Lisbona; jitlob li l-Kummissjoni tqis l-impenji baġitarji meħuda u l-implikazzjonijiet baġitarji pluriennali meta tkun qed tippreżenta l-proposti għall-aġġustament, l-eżami u r-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2007-13 u l-finanzjament ta" politika ġdida relatata mat-Trattat ta" Lisbona; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tieħu impenn ċar f'konformità ma" din it-talba;

16.  Jieħu nota li ntlaħaq ftehim dwar il-finanzjament tal-Kunsill Ewropew għas-sena finanzjarja 2010; ifakkar li għandha tiġi ppreżentata taqsima ġdida għall-iffinanzjar tiegħu, kif previst fl-Artikolu 316 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

17.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-miżuri tranżitorji applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona; janfasizza li dawn m'għandhomx jitbiegħdu mill-prinċipji baġitarji stabbiliti għall-proċedura baġitarja annwali; jipproponi li l-bidliet kollha għar-Regolament Finanzjarju jiġu ttrattati fl-istess ħin fir-reviżjoni ta' kull tliet snin tiegħu tal-2010;

Dwar is-subintestatura 1a

18.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-iffinanzjar tal-għeluq tal-impjant nukleari Kozloduy għall-2010 permezz tal-istrument ta" flessibilità; ifakkar li inizjalment, din il-kwistjoni ma kinetx prevista fl-MFF attwali; jemmen, madankollu, li din il-kwistjoni, ladarba hija partita baġitarja ġdida, jixirqilha soluzzjoni ta" finanzjament pluriennali adegwat, li għandu jiġi pprovdut fil-kuntest tal-proposti baġitarji li jmiss;

19.  Jiddeplora t-tnaqqis addizzjonali tal-Kunsill fir-rigward ta' linji li jappoġġjaw l-istrateġija ta' Lisbona, li hija bbażata fuq deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew; jinnota li dan imur kontra dak li kellu jsir sabiex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika attwali; biħsiebu, għall-kuntrarju, jappoġġja dawn il-linji, anke jekk b'mod limitat;

20.  Jitlob li jkun hemm użu sħiħ tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-attivitajiet u għall-politika taħt is-subintestatura 1a u li jrawmu t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, inklużi impjiegi ġodda favur l-ambjent, u joffru soluzzjonijiet liċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri billi tingħata sigurtà tal-enerġija akbar, jiżdied l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikulari għal teknoloġiji ekoloġiċi u rinnovabbli, jiġu promossi l-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju u jissaħħaħ it-tagħlim tul il-ħajja; ifakkar fl-importanza li titjieb l-implimentazzjoni tal-programmi ta" qafas u jistieden lill-Kummissjoni biex timxi, għal dawk il-problemi ta' implimentazzjoni, fuq l-osservazzjonijiet tal-Parlament kif mistqarra fil-paragrafi 113 sa 123 tar-risoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza tal-2007 għall-Kummissjoni(7), b'mod partikulari billi tissimplifika l-proċeduri ta" rkupru permezz tal-użu ta" proċeduri ta" rata fissa xierqa u filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi leġittimi u bona fide tal-benefiċjarji;

Dwar is-subintestatura 1b

21.  Jiddispjaċih u jinsab sorpriż bit-tnaqqis baġitarju mdaħħal mill-Kunsill fi żmien meta l-fondi strutturali u ta" koeżjoni jistgħu jintużaw biex jistimulaw l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli; ifakkar li kien żied il-ħlasijiet fuq il-linji ewlenin sabiex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-politika strutturali fl-Istati Membri, sabiex jiżdied l-irkupru ekonomiku, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej kollha;

22.  Jinsab imħasseb rigward ir-rata baxxa ta" implimentazzjoni ta" ħlasijiet għall-programmi tal-Qafas ta" Riċerka fl-2009 u biħsiebu jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom, fi spirtu kostruttiv, fl-2010; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni għal kooperazzjoni tajba u kontinwa fis-segwitu ta" dawn il-programmi;

23.  Jinnota li l-implimentazzjoni dgħajfa attwali tal-politika strutturali u ta" koeżjoni hija dovuta għall-flessibilità baxxa fis-sistema kkomplikata ta" regoli u rekwiżiti li timponi l-Kummissjoni u li jimponu l-Istati Membri;

24.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta li titlob is-simplifikazzjoni u l-użu iktar immirat tal-fondi strutturali u ta" koeżjoni sabiex l-effetti tal-kriżi ekonomika jingħelbu b'iktar faċilità; ifakkar fil-possibilità ta" adattament u reviżjoni tal-programmi operattivi għal dan il-għan, filwaqt li ssir enfasi akbar fuq l-użu ta' dawn il-fondi b'mod aktar għaqli b'appoġġ għall-politiki Ewropej u nazzjonali;

Dwar l-intestatura 2

25.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar l-appoġġ addizzjonali għall-qasam tal-produzzjoni tal-ħalib, li bħalissa jinsab fi kriżi, sabiex dan l-appoġġ jitla" għal EUR 300 miljun kif mitlub mill-Parlament; iqis l-approvazzjoni tal-Kunsill bħala l-applikazzjoni tal-"ispirtu tat-Trattat ta" Lisbona" minħabba li dan se jpoġġi lill-Parlament f'livell ta' parità fir-rigward tan-nefqa agrikola; jiddispjaċih mill-fatt li t-talba tal-Parlament biex jiġi stabbilit Fond tal-UE għall-Prodotti tal-Ħalib biex is-settur jiġi megħjun fir-rigward tal-aġġustamenti, ma ntlaqgħetx; jitlob, madankollu, li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-ħtieġa ta" miżuri alternattivi jew ulterjuri fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq u r-rapport tal-Grupp ta" Esperti ta" Livell Għoli bħala appoġġ għall-proċess ta" ristrutturar tal-produtturi tal-ħalib; itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta" linja baġitarja, li tistabbilixxi b'mod permanenti Fond għall-Prodotti tal-Ħalib;

26.  Ifakkar li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se tibqa" waħda mill-prijoritajiet ewlenien għall-Unjoni Ewropea, kif uriet il-konferenza ta" Kopenħagen f'Diċembru tal-2009; iqis, madankollu, li din il-prijorità mhijiex riflessa biżżejjed fil-baġit tal-UE u, għaldaqstant, biħsiebu jagħmel aktar enfasi fuq din il-politika importanti; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida sabiex tippreżenta proposta finanzjarja wara l-konferenza dwar it-tibdil fil-klima;

Dwar is-subintestatura 3a

27.  Jagħraf ix-xewqa taċ-ċittadini Ewropej għal Ewropa sikura u jilqa" b'sodisfazzjon iż-żidiet f'din is-subintestatura fir-rigward tal-baġit 2009; jagħraf li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni qed jaffaċċjaw bosta sfidi rigward politiki li jaqgħu taħt din is-subintestatura;

28.  Jenfasizza l-importanza ta" aktar finanzjament disponibbli permezz tal-baġit tal-UE għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta" pajjiżi terzi filwaqt li, b'mod parallel, tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ftehimiet internazzjonali, u jissaħħaħ il-ħarsien tal-fruntieri, inkluż il-Fond Ewropew għar-Ritorn u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati sabiex tiġi ffaċilitata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri;

Dwar is-subintestatura 3b

29.  Ifakkar li s-subintestatura 3b tkopri linji politiċi importanti li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta" kuljum taċ-ċittadini Ewropej; ma jaqbilx mat-tnaqqis propost mill-Kunsill f'din is-subintestatura u jaqbel mal-istrateġija tal-kumitati speċjalizzati, li tiżgura li ż-żieda fl-approprjazzjonijiet tkun iġġustifikata;

Dwar l-intestatura 4

30.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-ispazju limitat ta" manuvra li jirriżulta mill-finanzjament baxx kroniku ta" din l-intestatura, li dejjem hija taħt pressjoni minħabba kriżijiet li jseħħu f'pajjiżi terzi;

31.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex ma jiħux impenji politiċi ambizzjużi li jitolbu appoġġ finanzjarju akbar mill-UE mingħajr ma, fl-istess ħin, jaħseb għall-approprjazzjonijiet baġitarji meħtieġa meta jkun hemm kontradizzjoni ovvja mal-fondi disponibbli fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

32.  Jenfasizza l-importanza tal-UE fir-rigward tal-appoġġ li tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-taqbida tagħhom kontra t-tibdil fil-klima; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 u tal-11 ta' Diċembru 2009 li l-UE u l-Istati Membri huma lesti li jikkontribwixxu b'finanzjament li jibda malajr ta' EUR 2.4 biljun kull sena għas-snin 2010 sa 2012; jisħaq madankollu l-ħtieġa għal informazzjoni dwar parteċipazjoni u kontribut mill-baġit tal-UE matul l-2011 u l-2012; jenfasizza li l-finanzjament għall-klima jrid jiġi minn finanzjament addizzjonali u mhux minn tnaqqis fl-għajnuna għall-iżvilupp eżistenti, sabiex l-UE tonora l-impenn tagħha li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

33.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna, li, bħala kwistjoni ta" urġenza, għandu jkun suġġett għal skrutinju u kontroll parlamentari kemm fi kwistjonijiet ta" baġit kif ukoll ta" kontroll baġitarju; f'dan ir-rigward jenfasizza t-talba tiegħu għal komunikazzjoni rapida u li tinkludi kollox dwar strateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tas-servizz ta" azzjoni barranija, inklużi pjani għal kooperazzjoni ġejjienija mal-Parlament u mal-Presidenza tal-Kunsill kif ukoll estimi amministrattivi u dwar il-persunal u rekwiżiti oħrajn u l-iffrankar possibbli fir-rigward ta" sinerġiji li jirriżultaw mill-użu konġunt ta" faċilitajiet u persunal;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tqis il-punti msemmija hawn fuq fl-indirizzar tal-problemi taħt l-intestatura 4 meta tkun qed tipproponi reviżjoni tal-MFF 2007-13 mill-aktar fis possibbli;

35.  Jibqa" joqgħod fuq l-appoġġ għall-proċess ta" paċi fil-Palestina u l-ħtiġijiet ta" rikostruzzjoni fil-Medda ta" Gaża; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħid x'miżuri ħadet sabiex tnaqqas kemm jista" jkun ir-riskju li l-proġetti u l-programmi ffinanzjati taħt din il-linja baġitarja jintużaw għal atti terroristiċi jew minn organizzazzjonijiet terroristiċi, jew jiġu mgħoddija lilhom, jew għal burokrazija ineffiċjenti, u sabiex tispeċifika jekk parti mill-għajnuna hijiex intiża għall-bini mill-ġdid ta" bini jew infrastruttura li qabel kienu ġew iffinanzjai mill-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha u li ġġarrfu f'azzjoni militari;

36.  Iqis li l-garanzija tal-provvista tal-enerġija hija kwistjoni kruċjali għall-Unjoni; għaldaqstant jilqa" b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Proġett Nabucco mill-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem fih, u jistenna konsistenza mingħandhom kollha meta jiġu ttrattati proġetti oħrajn li jistgħu jipperikolaw dan il-proġett;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati fondi suffiċjenti għall-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku sabiex ikunu finanzjati azzjonijiet li ma jistgħux jiġu finanzjati minn linji oħra tal-baġit (proġetti ta" koordinazzjoni, ta" informazzjoni u proġetti pilota f'xi wieħed mill-erba" pilastri tal-pjan ta" azzjoni);

Dwar l-intestatura 5 u taqsimiet oħrajn

38.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq dwar l-intestatura 5, li għandu jissalvagwarda l-funzjonament amministrattiv tal-istituzzjonijiet tal-UE filwaqt li, fl-istess ħin, permezz ta" trasferiment ta" EUR 126.5 miljun, jikkontribwixxi għall-ikkompletar tal-finanzjament għall-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;

39.  Jenfasizza, fl-istess ħin, li l-marġni strett tal-intestatura 5 għall-2010, li jirriżulta parzjalment minn dan it-trasferiment, se jwassal għal ħtieġa ta" ġestjoni baġitarja stretta min-naħa tal-istituzzjonijiet fl-2010 sabiex ir-riżorsi disponibbli jintużaw b'mod prudenti u effikaċi f'sens ta" spejjeż;

40.  Jaqbel li l-prijorità tal-użu tal-marġni disponibbli għandha tingħata lill-finanzjament ta" kwalunkwe nefqa addizzjonali li tirriżulta direttament mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, iżda dan biss wara li jkun sar eżami bir-reqqa tar-riżorsi u l-ħtiġijiet u l-ambitu għal kwalunkwe ffrankar ulterjuri mill-istituzzjonijiet kollha;

41.  Jinnota li l-adozzjoni tal-Ittra ta" Emenda Nru 3/2010 dwar it-taqsima II (Il-Kunsill) ġiet miftiehma għall-ammont ta" EUR 23.5 miljun, filwaqt li jitħalla marġni taħt l-intestatura 5 għall-2010 ta" EUR 72 miljun; jiddispjaċih li l-Kunsill ippreżenta din il-proposta mingħajr ma kkunsidra u qabel ma kellu deskrizzjoni komprensiva tar-rekwiżiti amministrattivi tal-istituzzjonijiet kollha;

42.  F'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għad-dikjarazzjoni konġunta miksuba dwar l-intestatura 5, li tinkludi l-punti msemmija hawn fuq u li se sservi bħala bażi sabiex jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ ta" kwalunkwe ħtieġa supplimentari għall-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra; jenfasizza li dan l-eżerċizzju għandu jkun motivat esklussivament mill-funzjonijiet ġodda li jirriżultaw mit-Trattat u dan biss wara li jsir eżami bir-reqqa tal-użu u l-potenzjal tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-karigi u l-arranġamenti attwali; jenfasizza wkoll, f'dak li għandu x'jaqsam mat-taqsima tiegħu tal-baġit u fir-rigward ta" tali ħtiġijiet supplementari potenzjali, il-bżonn li tintlaħaq distribuzzjoni ġusta bejn is-segretarjat ġenerali, il-gruppi politiċi u l-Istati Membri;

43.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha biex, sa fejn ikun possibbli, ikopru l-ħtiġijiet amministrattivi li jirriżultaw mis-salarji u mill-aġġustamenti tal-pensjonijiet fl-approprjazzjonijiet li issa huma bbaġitjati għal kull taqsima;

44.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-politika għall-bini u jtenni li dan il-qasam, li jikkostitwixxi parti sinifikanti min-nefqa amministrattiva tal-UE, huwa ta" importanza kbira biex jiġi żgurat l-użu effikaċi u trasparenti tar-riżorsi disponibbli; jistieden lill-entitajiet eżekuttivi tal-istituzzjonijiet kollha biex jimplimentaw il-prinċipji miftiehma mingħajr dewmien;

45.  Biħsiebu jsegwi mill-qrib, fi ħdan it-taqsima tiegħu tal-baġit, il-kwistjonijiet relatati, inter alia, mas-seduta ta" smigħ miftiehma dwar ir-riżorsi interni ta" informazzjoni (użu u riżorsi impenjati) u "l-immaniġġjar tal-għarfien", kif ukoll dwar il-kwistjonijiet relevanti kollha dwar id-Dar tal-Istorja Ewropea, inklużi l-kwistjonijiet ta" kooperazzjoni u kofinanzjament possibbli fir-rigward ta" dan il-proġett; ifakkar fil-ftehim milħuq fil-laqgħa ta" konċiljazzjoni baġitarja tiegħu f'dan ir-rigward;

46.  Jiddeċiedi li jżomm kompletament il-pożizzjoni tal-ewwel qari tiegħu fir-rigward tal-"istituzzjonijiet l-oħra" minħabba r-raġunijiet diġà espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu fl-ewwel qari;

Dwar il-proġetti pilota u l-azzjonijiet ta" tħejjija

47.  Iqis il-proġetti u l-azzjonijiet ta" tħejjija bħala għodda indispensabbli għall-Parlament sabiex jagħti bidu għal politika ġdida għaċ-ċittadini Ewropej; iddeċieda li jieħu vantaġġ mill-ammonti totali previsti fil-Ftehima Interistituzzjonali għal proġetti pilota (sa massimu ta" EUR 40 miljun fi kwalunkwe sena baġitarja), iżda se jħalli marġni għall-azzjonijiet ta" tħejjija (sa massimu ta" EUR 100 miljun, li minnhom ammont massimu ta" EUR 50 miljun jista" jiġi allokat għal azzjonijiet ta" tħejjija ġodda);

48.  Ta prijorità lill-implimentazzjoni tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet ta" tħejjija li jinsabu fit-tieni u fit-tielet sena tagħhom; biħsiebu jsegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom u tal-proġetti u l-azzjonijiet stabbiliti ġodda, waqt is-sena finanzjarja 2010;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll lill-entitajiet ikkonċernati l-oħra;

ANNESS 1

DIKJARAZZJONIJIET MIFTEHMA FIL-LAQGĦA TA' KONĊILJAZZJONI TAT-18 TA' NOVEMBRU 2009

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-kontinwità tal-proċedura baġitarja għall-2010

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnutaw li, sat-30 ta' Novembru 2009, il-proċedura baġitarja għall-baġit għall-2010 twettqet skont it-Trattat ta' Nizza.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proċedura ser titkompla skont l-Artikolu 314(9) maħluq minn dak it-Trattat, bid-dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew li l-baġit ġie adottat b'mod definit.

It-tliet istituzzjonijiet iqisu l-proċedura baġitarja bħala kontinwum skont iż-żewġ Trattati msemmijin hawn fuq; għalhekk, huma jaqblu li l-istadji tal-proċedura kkompletati skont it-Trattat ta' Nizza jikkostitwixxu stadji kkompletati tal-proċedura skont it-tifsira tal-Artikolu 314 maħluq mit-Trattat ta' Lisbona.

F'konformità ma' dik it-tranżizzjoni, it-tliet istituzzjonijiet iqisu li l-qbil milħuq mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-laqgħa ta' Konċiljazzjoni tat-18 ta' Novembru 2009, segwit bit-tieni qari tal-Kunsill, dwar il-baġits għall-2009 u l-2010 u l-eżitu tat-tieni qari tal-Parlament Ewropew jista' jitqies fis-sustanza bħala qbil dwar abbozz ta' baġit konġunt bit-tifsira tal-Artikolu TFEU, f'konformità sħiħa mal-qafas finanzjarju pluriennali."

ANNESS 2

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-politika tal-bini tal-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE

"Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fil-konklużjonijiet rispettivi tagħhom dwar ir-rapport speċjali Nru 2/2007 tal-Qorti tal-Awdituri dwar in-nefqa tal-Istituzzjonijiet fuq il-bini u, waqt li jirrikonoxxu li l-ispejjeż għall-bini jirrappreżentaw parti sinifikanti tan-nefqa amministrattiva ġenerali tal-Istituzzjonijiet tal-UE, jaffermaw mill-ġdid li hija essenzjali amministrazzjoni finanzjarja soda tal-ispejjeż tal-bini.

Huma jtennu l-importanza ta' kooperazzjoni interistituzzjonali effettiva f'dan il-qasam u jistiednu l-Istituzzjonijiet biex itejbu aktar tali kooperazzjoni u, kull meta jkun adatt jikkondividu l-faċilitajiet, mingħajr ma jfixklu l-funzjonament ta' kull Istituzzjoni. Huma jilqgħu l-isforzi li diġà saru mill-Istituzzjonijiet f'dan il-qasam.

Huma jisħqu li l-istabbiliment ta' strateġiji ta' bini għall-perijodu medju u dak fit-tul huwa essenzjali mil-lat ta' ppjanar sod u amministrazzjoni finanzjarja soda.

Il-Parlament Ewropew jissottolinja li proċeduri trasparenti u kontrollabbli huma essenzjali biex jinkisbu soluzzjonijiet effettivi u effiċjenti u amministrazzjoni finanzjarja soda.

Huma jħeġġu lill-Istituzzjonijiet sabiex ikomplu u jintensifikaw il-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-miżuri fir-rigward tal-ambjent fil-bini tagħhom, inkluża ċ-ċertifikazzjoni skont standards ambjentali, kull fejn din tkun adatta u fattibbli skont ir-riżorsi disponibbli, u jilqgħu b'sodisfazzjon il-progress li diġà sar f'dan il-qasam.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 179, huma jagħtu importanza kbira li jirċievu l-informazzjoni kollha dwar il-proġett, meħtieġa għat-teħid ta' deċiżjonijiet, fi żmien debitu. Minkejja l-iskadenzi formali, din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli biex iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jkunu jistgħu jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom mingħajr il-pressjoni taż-żmien. L-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u analiżijiet komprensivi tal-kost-benefiċċju għad-diversi alternattivi, b'indikazzjonijiet dwar l-opzjonijiet għall-kiri jew għax-xiri, kif ukoll informazzjoni trasparenti dwar il-possibbiltajiet alternattivi ta' finanzjament, il-konsegwenzi finanzjarji fit-tul, u l-kompatibbiltà mal-MFF.

Huma jilqgħu l-ħidma magħmula mill-Kummissjoni dwar metodi alternattivi ta' finanzjament u jistennew ir-rapport li ġej.

Huma jitolbu lis-segretarji ġenerali tal-Istituzzjonijiet sabiex jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar kwistjonijiet ta' bini mal-abbozz preliminari tal-baġit/estimi.

Waqt li jagħrfu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Istituzzjoni u l-karattru partikolari ta' kull proġett, huma jitolbu lill-Istituzzjonijiet sabiex ikomplu l-ħidma lejn l-armonizzazzjoni ta' din l-informazzjoni permezz ta' definizzjonijiet u indikaturi komuni sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn l-ispazju għall-bini u l-ispejjeż tal-bini, inkluż fehim komuni tal-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż annwali tal-proprjetà mifruxin fuq il-perijodu kollu tal-użu. F'dan il-kuntest huma jinnotaw b'sodisfazzjon il-ftehim dwar linji gwida komuni għad-definizzjoni u l-kejl tal-ispazju għall-bini li ntlaħaq reċentement minn gruppi ta' ħidma interistituzzjonali.

Huma jfakkru li, meta applikabbli, dawn l-osservazzjonijiet japplikaw b'mod ugwali għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-aġenziji eżekuttivi u deċentralizzati.

Huma jieħdu nota tal-kooperazzjoni eċċellenti bejn l-Istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri ospitanti."

ANNESS 3

Dikjarazzjoni konġunta rigward is-simplifikazzjoni u użu aktar immirat tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika

"Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fid-dikjarazzjonijiet konġunti tat-tliet istituzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni ta' Novembru 2008 u April 2009 u jissottolinjaw in-neċessità li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni. Huma jinnotaw li r-rata ta' approvazzjoni tas-Sistemi ta' Ġestjoni u Kontroll (MCSs) u l-Proġetti Maġġuri (MPs) tjiebet gradwalment, iżda jikkunsidraw li l-pass ta' approvazzjoni kien wisq bil-mod. Huma jħeġġu lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi biex tissimplifika l-proċeduri implimentattivi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u b'mod partikolari, biex taċċellera l-approvazzjoni tal-MPs, u b'hekk taċċellera l-pagamenti.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemmnu li l-opportunitajiet kollha li jirriżultaw mill-użu tal-Fondi Strutturali, jistgħu jiġu mmobilizzati għal azzjonijiet aktar immirati biex ikun aktar faċli li jingħelbu l-effetti tal-kriżi ekonomika, b'mod partikolari dawk li jappoġġaw it-tkabbir u l-kompetittività u li jillimitaw it-telf ta' impjiegi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenfasizzaw li l-possibbiltà ta' adattament u reviżjoni tal-programmi operattivi diġà teżisti fir-regolament attwali. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħmel possibbli, permezz ta' proċeduri effiċjenti u rapidi, it-twettiq ta' tali talbiet mill-Istati Membri. Barra minn hekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fl-importanza ta' użu sħiħ u effiċjenti tal-approprjazzjonijiet disponibbli."

ANNESS 4

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Intestatura 5

"Filwaqt li jinnotaw li l-adozzjoni tal-ittra ta' emenda Nru 3/2010 dwar it-Taqsima II - Kunsill - għall-finanzjament tal-Kunsill Ewropew fl-2010 għal ammont ta' EUR 23,5 miljun hija mingħajr preġudizzju għall-użu tal-marġini taħt l-intestatura 5 li tibqa' EUR 72 miljun, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li fid-dawl tal-marġini strett tal-intestatura 5 fl-2010 u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-finanzjament sħiħ tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (EERP), il-prijorità għall-użu tal-marġini disponibbli tal-intestatura 5 għandha tingħata għall-finanzjament ta' nefqa addizzjonali li tirriżulta direttament mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. F'dan ir-rigward, it-tliet Instituzzjonijiet ser jimmiraw li jkopru l-ħtiġijiet amministrattivi kollha relatati mar-remunerazzjoni tal-persunal bl-approprjazzjonijiet ibbaġitjati fit-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit għall-2010.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jiffinanzjaw il-ħtiġijiet amministrattivi relatati mar-remunerazzjonijiet tal-persunal tagħhom fl-approprjazzjonijiet ibbaġitjati fit-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit tal-2010. Talbiet għal approprjazzjonijiet addizzjonali ser jiġu kkunsidrati biss wara li huma jkunu urew li l-possibbiltajiet kollha għal riallokazzjoni interna jkunu ġew eżawriti."

ANNESS 5

Dikjarazzjoni unilaterali tal-Kummissjoni dwar l-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta" Kozloduy

Il-Kummissjoni ħadet nota li l-Parlament Ewropew qajjem il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet baġitarji multilaterali tal-att legali ġdid li ġie propost biex l-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari ta" Kozloduy ikompli jiġi ffinanzjat sal-2013.

Fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-funzjonament tal-Ftehima Interistituzzjonali, il-Kummissjoni se tqis ukoll dawn l-implikazzjonijiet.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Miżuri transitorji applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem magħrufa kollettivament bħala l-istituzzjonijiet, qablu kif ġej:

1.  L-għan ta' din id-dikjarazzjoni hu li jintlaħaq qbil dwar miżuri transitorji meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-azzjoni tal-UE u transizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid għall-proċedura baġitarja b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

2.  Dawn il-miżuri transitorji ser japplikaw sakemm jiġu stabbiliti regoli korrispondenti fil-qafas leġislattiv xieraq.

3.  Din id-dikjarazzjoni ma tbiddilx is-setgħat baġitarji rispettivi tal-istituzzjonijiet kif stabbiliti mit-Trattat, u lanqas il-leġislazzjoni sekondarja.

I.KALENDARJU TAL-PROĊEDURA BAĠITARJA

4.  L-istituzzjonjiiet jikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jorganizzaw trilogu dwar il-prijoritajiet baġitarji tas-sena, fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit mill-Kummissjoni, u mhux aktar tard minn April.

5.  L-istituzzjonijiet jaqblu li l-kalendarju li ġej, ispirat mill-kalendarju attwali prammatiku u r-rekwiżiti tal-proċedura l-ġdida, ser ser ikun applikabbli għall-proċedura baġitarja tal-2011:

-  Il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta' baġit fis-17-il ġimgħa (tard f'April) jew mhux aktar tard mit-18-il ġimgħa (il-bidu ta' Mejju).

-  Il-Kunsill jikkompleta l-qari tiegħu mhux aktar tard mit-tmiem tat-30 ġimgħa (it-tmiem ta' Lulju).

L-istituzzjonijiet jiltaqgħu għal skambju ta' fehmiet, fi żmien tajjeb qabel il-qari tal-Kunsill.

-  Il-Kumitat tal-Baġits (COBU) tal-Parlament Ewropew jivvota dwar il-qari tiegħu sat-tmiem tad-39 ġimgħa (it-tmiem ta' Settembru/ bidu ta' Ottubru).

-  Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew tivvota dwar il-qari tiegħu fit-42 ġimgħa (in-nofs ta' Ottubru).

Sakemm jitlaqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista', jekk ikun neċessarju, temenda l-abbozz ta' baġit f'konformità mal-Artikolu 314(2) TFUE inkluż l-estimi aġġornati tal-infiq fuq l-agrikoltura. Il-Kummissjoni ser tippreżenta informazzjoni dwar aġġornamenti liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex jikkunsidrawhom hekk kif ikunu disponibbli.

Hekk kif il-Parlament Ewropew ikun ivvota dwar il-qari tieħu bl-addozzjoni ta' emendi, kif previst fl-Artikolu 314(4)(c) TFUE, il-President tal-Parlament Ewropew, bi qbil mal-President tal-Kunsill, għandu immedjatament isejjaħ laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Għal dak il-għan,

   - L-istituzzjonijiet jikkooperaw mill-qrib bil-ħsieb li tiġi kkompletata l-ħidma tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni f'21 jum sat-tmiem tal-45 ġimgħa (in-nofs ta' Novembru).
   - Sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tħejjijiet għal qbil dwar test konġunt mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, id-dokumentazzjoni neċessarja tiġi skambjata bejn l-istituzzjonijiet kmieni kemm jista' jkun.

Ladarba l-Kumitat ta' Konciljazzjoni jkun qabel dwar test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jaħdmu biex japprovaw l-eżitu tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni mill-aktar fis possibbli fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 314(6) TFUE, f'konformità mar-regoli ta' proċedura interni rispettivi tagħhom.

6.  Sakemm l-istituzzjonijiet ma jaqblux dwar kalendarju alternattiv, il-proċeduri baġitarji futuri ser isegwu kalendarju simili.

7.  L-istituzzjonijiet jikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom biex japprovaw qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit għall-2011 mill-Kummissjoni, il-prinċipji u l-modalitajiet għall-kollaborazzjoni fil-proċedura baġitarja, inkluż l-organizzazzjoni tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

II.KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI DWAR BAĠITS EMENDATORJI

Prinċipji ġenerali

8.  B'kont meħud tal-fatt li spiss il-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u ġieli urġenti, l-istituzzjonijiet qablu dwar il-prinċipji ta' hawn taħt biex tiġi żgurata kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa għal adozzjoni bla xkiel u mħaffa tal-baġits emendatorji filwaqt li jiġi evitat, kemm jista' jkun, it-tlaqqigħ ta' laqgħa ta' konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

9.  Kemm jista' jkun, l-istituzzjonijiet ser jaħdmu biex jillimitaw in-numru ta' baġits emendatorji.

Kalendarju

10.  Il-Kummissjoni ser tinforma bil-quddiem liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar id-dati potenzjali tal-adozzjoni tal-abbozz ta' baġits emendatorji mingħajr preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.

11.  F'konfomrità mar-regoli ta' proċedura interni tagħha, kull fergħa tal-awtorità baġitarja ser taħdem biex teżamina l-abbozz ta' baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni f'opportunità bikrija wara l-adozzjoni.

12.  Sabiex tiġi aċċellerata l-proċedura, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja ser jiżguraw li l-kalendarji ta' ħidma rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti. Għalhekk huma ser ifittxu li jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli skeda ta' żmien indikattiva għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja ser jieħdu kont tal-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li japprovawh fil-ħin dovut biex ikun effettiv matul is-sena kkonċernata.

Kooperazzjoni matul il-qari min-naħa ta' kull fergħa tal-awtorità baġitarja

13.  L-istituzzjonijiet ser jikkooperaw ma' xulxin b'rieda tajba tul il-proċedura biex kemm jista' jkun, titwitta t-triq għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji fi stadju bikri tal-proċedura.

Fejn xieraq u fejn teżisti diverġenza potenzjali, kull fergħa tal-awtorità baġitarja, qabel ma tadotta l-pożizzjoni finali tagħha dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni, jistgħu jipproponu li jitlaqqa' trilogu speċifiku, biex jiġu diskussi d-differenzi u biex isir tentattiv biex jintlaħaq kompromess.

14.  Il-baġits emendatorji kollha proposti mill-Kummissjoni u li għadhom ma ġewx approvati ser jitqiegħdu sistematikament fuq l-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni ser tippreżenta l-abbozz ta' baġits emendatorji u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom, kemm ikun possibbli, jinnotifikaw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom qabel it-trilogu.

15.  Jekk jintlaħaq kompromess matul it-trilogu, kull fergħa tal-awtorità baġitarja timpenja ruħha biex tikkunsidra r-riżultati tat-trilou meta tkun qed tiddelibera dwar il-baġit emendatorju f'konformità mat-Trattat u r-regoli ta' proċedura interni tagħha.

Kooperazzjoni wara l-qari min-naħa ta' kull fergħa tal-awtorità baġitarja

16.  Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat.

17.  Jekk il-Parlament Ewropew jadotta l-emendi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, għandu japplika l-Artikolu 314(4)(c) TFUE. Madankollu, qabel ma jiltaqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jitlaqqa' trilogu.

   - Jekk jintlaħaq qbil matul it-trilogu u soġġett għall-qbil minn kull waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tiġi konkluża permezz ta' skambju ta' ittri mingħajr laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.
   - Jekk ma jintlaħaqx qbil matul it-trilogu, il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għandu jiltaqa' u jorganizza l-ħidma tiegħu skont iċ-ċirkostanzi, bil-ħsieb li jiġi kkompletat kemm jista' jkun il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet qabel l-iskadenza ta' wieħed u għoxrin jum stabbilit fl-Artikolu 314(6) TFUE. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jista' jiġi konkluż permezz ta' skambju ta' ittri.

III.TRASFERIMENTI

18.  Filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti deċiżi mill-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra (notament l-artikoli 22 u 23 tar-Regolament Finanzjarju) mhumiex affettwati mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-istituzzjonijiet jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Finanzjarju, ibbażati fuq id-distinzjoni bejn infiq obbligatorju u dak mhux obbligatorju, huma ssuperati mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona minħabba l-abolizzjoni ta' din id-distinzjoni fit-TFUE.

19.  Sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Finanzjarju jkunu ġew emendati, l-istituzzjonijiet qablu dwar il-ħtieġa li jiġu definiti proċeduri operattivi biex jiġi żgurat trattament bla xkiel tat-trasferimenti. Għal dak il-għan, huma jaqblu li japplikaw proviżorjament l-attwali Artikolu 24(4) tar-Regolament Finanzjarju, li jagħrfu bħala kompatibbli mas-setgħat taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja taħt it-TFUE.

20.  Il-proċedura ta' trasferiment għandha timxi hekk fil-prattika:

   a) Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha simultanjament liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja.
   b) L-awtorità baġitarja għandha tieħu deċiżjonijiet dwar trasferimenti ta' approprjazzjonijiet kif previst fil-paragrafu c), għajr jekk ikun previst mod ieħor fit-Titolu I tat-tieni parti tar-regolament finanzjarju.
   c) Għajr għaċ-ċirkostanzi urġenti, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew, għandhom jiddeliberaw fuq il-proposta tal-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha ż-żewġ istituzzjonijiet irċevew il-proposta għal kull trasferiment ippreżentat lilhom.
  d) Il-proposta għal trasferiment għandha tiġi approvata, jekk fi ħdan il-perijodu ta' sitt ġimgħat:
   iż-żewġ fergħat japprovawha;
   wieħed mill-fergħat japprovaha u l-ieħor ma jieħux azzjoni;
   iż-żewġ fergħat ma jieħdux azzjoni jew ma ħadu l-ebda deċiżjoni li tmur kontra l-proposta tal-Kummissjoni.
  e) Il-perijodu ta' sitt ġimgħat imsemmi taħt il-punt d) ser jitnaqqas għal 3 ġimgħat, dment li waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja ma titlobx mod ieħor, meta:

jew
   i) it-trasferiment jirrappreżenta inqas minn 10% tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha qed isir it-trasferiment u ma jaqbiżx l-EUR 5 miljuni;
   ii) it-trasferiment jikkonċerna biss l-approprjazzjonijiet ta' pagament u l-ammont totali tat-trasferiment ma jaqbiżx l-EUR 100 miljun.
   f) Jekk waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tkun emendat it-trasferiment filwaqt li l-oħra tkun approvatu jew ma taġixxix, jew jekk iż-żewġ fergħat ikunu emendaw it-trasferiment, l-iżgħar ammont approvat mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għandu jiġi kkunsidrat bħala approvat, dment li l-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha."

(1) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2009)0051.
(5) Testi adottati, P7_TA(2009)0052.
(6) Testi adottati ta' dik id-data, Anness.
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III - Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi (Testi adottati, ĠU L 255, 26.9.2009, p. 36).


Titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
PDF 229kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, Regolament (KE) Nru 1049/2001
P7_TA(2009)0116RC-B7-0191/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tad-9 ta" Novembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (Regolament (KE) Nru 1049/2001) (O-0123/2009 - B7-0231/2009, O-0122/2009 - B7-0230/2009) u d-dibattitu tiegħu fil-plenarja fil-15 ta" Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Unjoni "tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u billi "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom" (l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali),

B.   billi t-Trattat ta" Lisbona mmodifika "mhux biss il-bażi legali għar-regolament li jirregola l-aċċess għad-dokumenti, imma wkoll il-kuntest legali li fih għandu jopera r-regolament, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ċ-ċittadin'(1),

C.   billi dik ir-relazzjoni minn issa 'l quddiem għandha tinkwadra fil-prinċipji demokratiċi mniżżla fit-Titolu II il-ġdid tat-TUE, li jgħid li 'l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha' (Artikolu 9) u li 'kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin' (Artikolu 10(3)),

D.   billi l-integrazzjoni sħiħa tal-Komunità Ewropea fl-UE, kif ukoll l-abolizzjoni tar-reġim intergovernattiv li kien għadu japplika għall-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, kienu mmexxija "l quddiem mir-rieda tal-Istati Membri 'li jkomplu jkabbru l-funzjonament demokratiku u effiċjenti tal-istituzzjonijiet' (il-Preambolu tat-TUE),

E.   billi, b'konformità ma" dan il-qafas legali ġdid, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE, u mhux biss il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni (li diġà kienu marbuta mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE ta" qabel), issa huma marbuta li jwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista" jkun miftuħ (Artikolu 15(1) TFUE),

F.   billi skont it-TUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea(2) l-għemil bil-miftuħ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma kundizzjonijiet essenzjali għall-promozzjoni tal-governanza tajba tal-istituzzjonijiet tal-UE u magħha "l-effettivita" tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet",

G.   billi, skont il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jsegwuh, u billi skont dawn il-prinċipji t-tisħiħ tat-trasparenza għandu jkun iggarantit mill-istituzzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri meta jkunu qed jaġixxu bħala membri tal-Kunsill qabel, matul u wara l-proċess leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jaraw b'mod komprensiv min qed jagħmel xiex u għaliex u jkunu jistgħu jissorveljaw l-attivitajiet tar-rappreżentanti tagħhom,

H.   billi l-istituzzjonijiet tal-UE 'għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni' u 'għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili' (l-Artikolu 11(1) u (2) TUE),

I.   billi t-Trattat ta" Lisbona jitlob li jkun hemm iżjed titjib fit-trasparenza u fl-aċċess pubbliku għad-dokumenti; u billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea diġà għenet ħafna biex jiġu ċċarati wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, sabiex dawn issa jridu jiġu interpretati b'mod konformi mal-interpretazzjoni li kien ta l-Parlament lil dawn id-dispożizzjonijiet meta r-regolament kien ġie adottat, li tagħmel l-aċċess iżjed faċli; billi l-Parlament mhu ser jippermetti l-ebda tentattivi leġiżlattivi mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill biex jitnaqqas l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jew biex jitreġġa' lura d-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni,

J.   billi l-prinċipji tal-ħidma fil-miftuħ u tat-trasparenza għandhom japplikaw mhux biss għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, iżda wkoll il-mod kif jitfassal test u kif ikun akkumpanjat mill-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa l-kriterji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, fl-interess taċ-ċittadini tal-UE u tal-parlamenti nazzjonali, u billi dan għandu japplika wkoll għall-ġudikatura; billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandhom ikunu ggarantiti wkoll fir-rigward ta' kif il-politiki tal-UE jiġu implimentati fil-livelli kollha u kif il-fondi tal-UE jiġu użati, kif inhu stabbilit fl-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza tal-Kummissjoni,

K.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kkonfermat li l-ħidma fil-miftuħ u l-aċċess għall-informazzjoni, billi jippermettu li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, jikkontribwixxu sabiex jagħtu lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem akbar f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżidu l-fiduċja tagħhom'. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta" informazzjoni u ta" dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f'moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta" att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta" deċiżjonijiet fl-intier tiegħu' (Kawżi Magħquda C-39/05 u C-52/05, paragrafu 59),

L.   billi għandhom jittieħdu miżuri legali, finanzjarji u operattivi li ilhom mistennija bil-għan li jkun żgurat li d-dokumenti kollha marbuta ma" proċedura leġiżlattiva speċifika jsiru aċċessibbli b'mod ċar u f'waqtu, kemm jekk joriġinaw minn servizzi interni jew minn gruppi ta" interess esterni; billi dan it-tagħrif jista" jsir disponibbli fuq sit interistituzzjonali tal-internet li jkun jorbot bejniethom ir-reġistri interni tal-istituzzjonijiet (bħalma hu s-sit ristrutturat tal-EUR-LEX tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea); u billi r-regolamenti interni għandhom jiġu emendati f'dan is-sens u billi għandhom jiġu nnegozjati malajr u b'mod effettiv ftehimiet interistituzzjonali li jorbtu fuq il-bażi tal-Artikolu 295 TFUE,

M.   billi s-setgħat il-ġodda tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, tal-Parlament f'oqsma bħalma huma l-ftehimiet internazzjonali dwar il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali jitolbu qafas legali aktar b'saħħtu li għandu jiġi stabbilit fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex is-sigurtà tal-UE tkun issalvagwardata kif suppost filwaqt li fl-istess ħin il-Parlament Ewropew jingħata sorveljanza sħiħa bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini Ewropej,

N.   billi diversi Stati Membri tal-UE diġà adottaw jew 'atti dwar il-libertà tal-informazzjoni' jew regoli ġenerali li jirregolaw l-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti miżmuma minn istituzzjonijiet pubbliċi,

1.  Iqis li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jiġi aġġornat b'urġenza billi:

   (a) jitwessa" l-kamp ta" applikazzjoni tiegħu biex jiġbor fih l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE li attwalment mhumiex koperti, bħalma huma l-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, il-Europol u l-Eurojust;
   (b) jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li jittrattaw proċeduri kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi skont id-definizzjonijiet il-ġodda li jinsabu fit-Trattati;
   (c) jiġu aġġornati, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ir-regoli li għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mat-trattament ta" dokumenti, informazzjoni u data interni, biex jiġi żgurat aċċess usa" għall-opinjonijiet tas-Servizz Legali abbozzati fil-qafas tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, dokumenti u tagħrif marbuta mal-ħidma tar-rappreżentanti tal-Istati Membri meta dawn jaġixxu bħala membri tal-Kunsill - inklużi l-atti, il-proposti u l-emendi mressqa, it-traskrizzjonijiet tal-laqgħat, il-pożizzjonijiet tagħhom u l-voti mitfugħa fil-Kunsill, inkluż fil-gruppi ta" ħidma u l-gruppi esperti tiegħu - dokumenti relatati ma' ftehimiet internazzjonali, il-ħarsien tad-data personali u l-interessi kummerċjali, il-kontenut tar-reġistri tal-istituzzjonijiet, eċċ.;
   (d) jingħata aċċess għall-informazzjoni disponibbli fl-istituzzjonijiet tal-UE li tagħmilha possibbli li l-implimentazzjoni tar-regoli, l-atti, il-miżuri u l-programmi tal-UE fl-Istati Membri tiġi evalwata b'mod oġġettiv; jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza finanzjarja billi tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-UE, l-implimentazzjoni tiegħu u l-benefiċjarji tal-fondi u l-għotjiet tal-UE;
   (e) jiġu stabbiliti, permezz ta' proċedura trasparenti u b'konformità sħiħa mal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt, il-prinċipji ġenerali u r-restrizzjonijiet abbażi ta' interessi pubbliċi jew privati li jillimitaw l-aċċess għad-dokumenti li bħala eċċezzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala 'Sigrieti Ħafna', 'Sigrieti' jew 'Kunfidenzjali', sabiex jiġu mħarsa l-interessi essenzjali tal-UE (Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001);
   (f) jiġu definiti l-prinċipji li jkunu jistgħu jiġu żviluppati permezz ta" ftehimiet interistituzzjonali skont l-Artikolu 295 TFUE bil-għan li jiġi implimentat b'mod koordinat ir-regolament il-ġdid dwar leġiżlar aħjar;
   (g) id-dokumenti tal-UE jsiru aktar aċċessibbli billi jinħolqu sistemi li jkunu aktar faċli li jintużaw;
   (h) jiġi żgurat li l-Parlament ikun minn ta' quddiem billi jagħti eżempju fl-UE billi jiżgura l-aktar livell għoli ta' ħidma bil-miftuħ, trasparenza u aċċess għad-dokumenti;

2.  Jinnota li fit-2 ta" Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona, il-Kummissjoni approvat Komunikazzjoni (COM(2009)0665) li aġġornat il-bażi legali tal-proposta oriġinali filwaqt li evitat kwalunkwe modifika tal-kontenut tagħha;

3.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja t-talbiet ċari li għamel fil-11 ta' Marzu 2009:

   il-Kummissjoni ma ħejjietx verżjoni modifikata tal-proposta leġiżlattiva tagħha COM(2008)0229 u, fit-2 ta" Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona, approvat komunikazzjoni (COM(2009)0665) li aġġornat biss il-bażi legali għall-proposta oriġinali, filwaqt li evitat kull modifika fil-kontenut tagħha;
   il-Kunsill adotta r-regoli interni tiegħu (Deċiżjoni 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009) u reviżjoni tar-regolamenti tas-sigurtà tiegħu (Dokument 13885/1/09) u l-Istati Membri qed jinnegozjaw ftehim dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-UE (Dokument 13886/09); jixtieq jevalwa bir-reqqa dawn it-testi biex jistabbilixxi li ma jaffettwawx id-dritt ġenerali ta' aċċess taċ-ċittadini jew il-koperazzjoni interistituzzjonali;

4.  Jistieden lill-Presidenzi tal-Kunsill, kemm dik attwali kif ukoll dik li daqt se tibda, biex iniedu djalogu interistituzzjonali immedjat fil-livell politiku bil-għan li jiġi mfassal ir-regolament il-ġdid dwar l-aċċess għad-dokumenti sa mhux aktar tard mit-30 ta" Ġunju 2010;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-laqgħa tal-kumitat interistituzzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti li ġie mwaqqaf skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li saret fil-15 ta' Diċembru 2009; jinnota l-konklużjonijiet tagħha, b'mod partikolari dwar:

   (a) iż-żamma ta' laqgħat regolari fil-livell politiku, l-ewwel darba f'Mejju 2010 u wara dakinhar tal-anqas darba fis-sena;
   (b) it-twaqqif ta' gruppi ta' ħidma tekniċi, li jkunu jinkludu b'mod partikolari l-persunal tal-IT, biex jeżaminaw il-possibilità li jinġabru fuq paġna waħda fuq l-internet il-links għal websajts li jippromwovu l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti, l-iżgurar li r-reġistri pubbliċi tal-istituzzjonijiet ikunu jikkumplimentaw lil xulxin, l-approssimazzjoni gradwali tal-għodod eżistenti għat-tfittxijiet, u t-titjib tal-aċċess għad-dokumenti kollha marbuta ma' dossier leġiżlattiv speċifiku billi jinġabru flimkien id-dokumenti kollha tat-tliet istituzzjonijiet li jkunu jappartjenu lil dak id-dossier;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Opinjoni tas-Servizz Legali tal-PE tal-10 ta' Ottubru 2009, paragrafu 3.
(2) Kif ikkwotat mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fis-sentenza Turco (il-Kawżi Magħquda C-39/05 P u C-52/05 P), Regolament (KE) 1049/2001 jiddikjara li "It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta" deċiżjonijiet b'mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli [responsabbli fil-konfront ta"] liċ-ċittadin f'sistema demokratika".


Il-Bjelorussja
PDF 233kWORD 73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-Bjelorussja
P7_TA(2009)0117RC-B7-0248/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tat-2 ta' April 2009 dwar l-evalwazzjoni biennali tad-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja milħuqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, fosthom il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar tas-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u mal-poplu tagħha fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV),

   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-piena tal-mewt fil-Bjelorussja tad-29 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tas-17 ta' Novembru 2009 rrikonoxxa l-ftuħ ta' possibilitajiet ġodda għal djalogu u koperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni EWropea u l-Bjelorussja bil-għan li jitrawwem progress ġenwin fir-rigward tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u reġa' afferma r-rieda tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li jsir aktar progress fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u li jgħin lill-pajjiż biex jilħaq dawn l-objettivi,

B.   billi l-Unjoni Ewropea tqis lill-Bjelorussja bħala sieħba fir-rigward ta" kwistjonijiet li jinkludu s-sigurtà tal-enerġija, it-trasport, il-koperazzjoni kulturali, l-ambjent u s-sikurezza tal-ikel,

C.   billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja wara d-deċiżjoni meħuda fis-16 ta' Marzu 2009 b'konformità mat-termini stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2009/314/PESK, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi imma li jissospendi l-applikazzjoni ta" dawk ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar lejn l-UE, sa Ottubru tal-2010 fiż-żewġ każijiet,

D.   billi minn Ottubru tal-2008 'l hawn ittieħdu ċerti passi pożittivi, bħall-ħelsien ta" għadd ta" priġunieri politiċi u l-awtorizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta' żewġ ġurnali indipendenti,

E.   billi, b'reazzjoni għall-passi pożittivi li ttieħdu mill-Bjelorussja, il-Kummissjoni diġà daħlet fi djalogu intensifikat ma' dak il-pajjiż f'oqsma bħalma huma l-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel,

F.   billi l-Kunsill inkluda lill-Bjelorussja fid-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Marzu 2009 dwar l-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, li nediet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-3 ta' Diċembru 2008 bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' għadd ta' pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant; billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fl-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, il-Euronest, huwa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE, inkluża d-dimensjoni interpersonali tagħha,

G.   billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, fuq il-bażi tar-rapport tagħha tal-missjoni ta' ġbir ta' fatti f'Minsk tal-20 sal-24 ta" Settembru 2009 li twettqet b'kollaborazzjoni ma' diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali, ma osservat l-ebda progress sinifikanti fil-qasam tal-libertà tal-midja fil-Bjelorussja,

H.   billi l-Bjelorussja impenjat ruħha li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-OSCE u l-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u tad-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) rigward titjib fil-liġi elettorali tagħha sabiex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSCE rigward l-emendi proposti; billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja reċentament għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma l-ewwel ikkonsultat lill-OSCE,

I.   billi l-Bjelorussja għadha l-uniku pajjiż Ewropew li għadu juża l-piena tal-mewt; billi ngħataw aktar sentenzi ta' mewt fix-xhur li għaddew,

J.   billi fit-2 ta' Novembru 2009, il-President Bjelorussu Alexander Lukashenko qal li "r-rabtiet mal-Unjoni Ewropea bħala sieħba konsolidata b'saħħitha jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi fundamentali biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sovranità fil-Bjelorussja, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku, xjentifiku u teknoloġiku",

1.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi imma li fl-istess waqt ikompli jissospendi l-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar sa Ottubru tal-2010;

2.  Jenfasizza li d-djalogu politiku msaħħaħ u l-istabbiliment tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja għandhom iwasslu għal riżultati konkreti u progress sostanzjali fl-oqsma tar-riformi demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni kostruttiva u attiva tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant, inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li tippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea; iqis il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant bħala mod kif wieħed jimxi 'l quddiem fir-rigward tal-promozzjoni ta" aktar djalogu mal-Unjoni Ewropea u avviċinament imsaħħaħ ibbażat fuq ir-rieda u l-impenn min-naħa tal-Bjelorussja li tilħaq dawn l-objettivi; jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni trilaterali bejn il-Litwanja, il-Bjelorussja u l-Ukraina fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, bi prijorità mogħtija lil proġetti dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, it-trasport u t-tranżitu, il-patrimonju kulturali u storiku komuni, is-sigurtà soċjali u s-sigurtà tal-enerġija;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel abbozz ta' proposta dwar pjan konġunt interim għall-Bjelorussja li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal riformi ispirati mill-pjanijiet ta' azzjoni żviluppati fil-qafas tal-PEV sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-proċedura sospiża ta' ratifikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Ftehim ta" Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja, li ġie ffriżat mill-1997, għandu jiġi riattivat ladarba r-riformi politiċi kollha jkunu tlestew u ġew implimentati;

5.  Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex iqisu żieda fl-għajnuna finanzjarja li jagħtu lill-Bjelorussja, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju, filwaqt li jirrevedu l-mandat tagħhom sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-Bjelorussja lejn id-demokrazija, lejn soċjetà pluralistika u lejn ekonomija tas-suq; jemmen li din il-possibilità ta' għajnuna finanzjarja għandha tkun tiddependi fuq it-twettiq ta' progress sostanzjali fl-oqsma msemmija hawn taħt;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw miżuri biex titjieb il-klima tal-kummerċ, in-negozju, l-investiment, l-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport u l-koperazzjoni transkonfinali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja; jieħu nota tal-isforzi u kisbiet tal-Bjelorussja biex tirribatti l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u tagħti spinta lill-ekonomija billi ttaffi l-ostakoli għall-investiment u twettaq riformi tad-drittijiet tal-proprjetà u s-settur privat;

7.  Jenfasizza li ma kinux suffiċjenti l-isforzi magħmula biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, tiżdied it-trasparenza u jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li huma fundamentali biex jattiraw aktar investiment barrani;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji rakkomandazzjonijiet għall-possibilità ta' adozzjoni ta' direttivi dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża u dwar ftehimiet ta' dħul mill-ġdid mal-Bjelorussja ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti; jemmen li azzjoni bħal din hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja, jiġifieri li jissaħħaħ il-kuntatt interpersonali, li l-Bjelorussja tkun parti mill-proċessi Ewropej u reġjonali u li l-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-pajjiż isir wieħed irriversibbli;

9.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-possibilità li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi li jidħlu fiż-Żona Schengen u sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura biex jinkisbu l-viżi; jenfasizza li l-objettiv fit-tul huwa vjaġġar mingħajr viżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiffirmaw il-ftehim ta' vjaġġar mingħajr viżi għal dawk li jgħixu fiż-żoni tal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien tal-UE;

10.  Jikkundanna bil-qawwwa r-rifjuti reċenti ta' viża ta' dħul lil Agnieszka Romaszewska, direttur ta' TV Belsat, lil professuri mill-Univeristà ta' Bialystok, lil Christos Pourgourides, Membru tal-Parlament ta' Ċipru, u lil Emanuelis Zingeris, Membru tal-Parlament Litwan;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, jekk il-Bjelorussja twettaq progress sinifikanti waqt is-sena li ġejja u tissodisfa l-kriterji rilevanti, jikkunsidraw li jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar b'mod permanenti, kif ukoll biex jieħdu passi ħalli jiffaċiltaw il-progress ekonomiku u soċjali u jħaffu l-proċess ta' integrazzjoni tal-Bjelorussja fil-familja Ewropea ta' nazzjonijiet demokratiċi;

12.  Jinnota li għandha tingħata spinta ġdida lil djalogu li jagħti l-frott għaż-żewġ naħat bejn il-Bjelorussja u l-Unjoni Ewropea permezz tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan il-Euronest; jinnota li l-Bjelorussja se tiġi mistiedna tipparteċipa b'mod sħiħ u fuq bażi ugwali fl-Assemblea tal-Euronest - id-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant - hekk kif iseħħu elezzjonijiet ħielsa u ġusti għall-Parlament Bjelorussu u jqis li sa dak iż-żmien għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet interim;

13.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE u l-gvernijiet tagħhom għandu jkollhom pożizzjoni koerenti fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Pożizzjonijiet Komuni maqbula fil-Kunsill; jikkunsidra wkoll li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom isegwu strateġija konġunta u jgħaqqdu l-isforzi biex jinksibu riżultati konkreti fir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Bjelorussja; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-UE u l-Istati Membri biex jagħmlu laqgħat politiċi mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika, b'mod partikolari meta jkunu qed iżuru l-Bjelorussja;

14.  Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex tkompli tikkoopera mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE/ODIHR) fir-rigward tal-kodiċi elettorali u jistenna li l-Liġi Elettorali l-ġdida tkun konformi mal-istandards internazzjonali u tidħol fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet lokali ppjanati għar-Rebbiegħa tal-2010;

15.  Jinsisti li mistenni progress ċar u sinifikanti lejn id-demokratizzazzjoni fis-sena li ġejja sabiex is-sanzjonijiet jitneħħew kompletament u li l-kondizzjonijiet għal involviment sħiħ mill-ġdid mal-Bjelorussja għandhom ikunu:

   l-iżgurar tar-rispett għal-libertà tal-espressjoni billi l-Liġi tal-Midja tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-Missjoni Internazzjonali ta' Ġbir ta' Fatti fir-Repubblika tal-Bjelorussja ta" bejn l-20 u l-24 ta' Settembru 2009;
   il-garanzija tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni permezz tat-tħassir tal-Artikolu 193-1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bjelorussja li jikkriminalizza l-attività f'isem assoċjazzjonijiet pubbliċi, partiti politiċi u fondazzjonijiet mhux irreġistrati;
   il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jitħallew jirreġistraw;
   is-salvagwardja tal-libertà tar-reliġjon għal denominazzjonijiet reliġjużi għajr il-Knisja Ortodossa, b'mod partikolari biex in-New Life Church titħalla topera liberament;
   l-eliminazzjoni ta' ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet li diġà qed joperaw fil-Bjelorussja, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-kera (kif kien il-każ tal-Front Popolari Bjelorussu) jew l-impożizzjoni ta' taxxi illegali fuq proġetti mwettqa bl-użu ta' għotjiet tal-UE (per eżempju il-Kumitat ta" Ħelsinki tal-Bjelorussja);
   il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ħidma tal-NGOs u l-midja indipendenti;
   il-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi billi ma titkompliex il-prattika ta' atti ta' intimidazzjoni motivati politikament, b'mod partikolari s-sensji minn impjiegi u t-tkeċċija mill-universitajiet (kif kien il-każ ta' Tatsyana Shaputska, tkeċċiet mill-università tagħha minħabba li pparteċipat f'forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell);
   l-eliminazzjoni tal-persekuzzjoni ta' studenti li jitkeċċew mill-universitajiet minħabba allegazzjonijiet li jkunu evitaw is-servizz militari, u qed ikollhom jiksbu l-edukazzjoni tagħhom barra mill-pajjiż;
   ir-reviżjoni tal-każijiet kollha ta' lieva militari furzata li tmur kontra d-drittijiet legali ta' bosta attivisti żgħażagħ, bħal Franak Viačorka, Ivan Šyla u Zmiter Fedaruk, u li tgħodd daqs ħtif ta' ostaġġi mill-Istat;

16.  Jinnota b'dispjaċir li, wara passi pożittivi inizjali meħuda mill-Gvern Bjelorussu, ma sar l-ebda progress ieħor essenzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; ifakkar f'dan ir-rigward fir-ripressjoni li għadha għaddejja tal-avversarji politiċi u r-rifjut li jiġu rreġistrati l-partiti politiċi (id-Demokrazija Kristjana Bjelorussa), l-NGOs ('Viasna') u l-midja indipendenti (TV Belsat); jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrevedu s-sentenzi li jinvolvu restrizzjonijiet tal-libertà imposti fuq il-parteċipanti fid-dimostrazzjoni paċifika li saret f'Jannar tal-2008, kif ukoll il-priġunerija tas-Sur Artsyom Dubski; jirrimarka li Amnesty International tqis li dawn huma kollha priġunieri tal-kuxjenza; jitlob li jinħelsu immedjatament l-imprendituri Mikalai Awtukhovich u Uladzimir Asipenka li ilhom miżmuma f'ħabs ta' qabel is-smigħ tal-każ għal dawn l-aħħar tmien xhur;

17.  Jistieden lill-Gvern Bjelorussu biex jistabbilixxi immedjatament moratorja tas-sentenzi ta' mewt u tal-eżekuzzjonijiet kollha bil-għan li titwaqqaf il-piena tal-mewt (kif stipulat fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt), biex is-sentenzi tal-priġunieri kollha li qed jistennew l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-mewt jinbidlu bla dewmien għal sentenza ta' ħabs, biex il-leġiżlazzjoni domestika tinġieb f'konformità mal-obbligi tal-pajjiż skont it-trattati internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u biex jiġi żgurat rispett rigoruż tal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi ġusti;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex iniedu investigazzjonijiet imparzjali u trasparenti fir-rigward tal-każijiet ta" ħtif ta" attivisti żgħażagħ (Artur Finkevic, maħtuf fis-17 ta" Ottubru 2009, Nasta Palazhanka u Dzianis Karnou, maħtufa t-tnejn li huma fil-5 ta" Diċembru 2009, Uladzimir Lemesh fis-27 ta" Novembru 2009, Zmitser Dashkevich fil-5 ta" Diċembru 2009 u Yauhen Afnahel fis-6 ta' Diċembru 2009) u l-mewt riċenti ta" Valiantsin Dounar, membru tal-Front Popolari Bjelorussu u attivist, u biex jippubblikaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali skont il-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-1 ta' Frar 1995; b'rabta ma' dan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrikonoxxu l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, immexxija minn Angelika Borys, li reġgħet ġiet eletta bħala President tal-Kungress tal-Unjoni tal-Pollakki fil-15 ta' Marzu 2009;

20.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżviluppaw djalogu ġenwin mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika; jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġu definiti r-rwol u l-metodi ta' ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Pubbliku;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv tal-possibiltajiet biex tappoġġa s-soċjetà ċivili u l-iżviluppi demokratiċi fil-Bjelorussja permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u jenfasizza fl-istess ħin li l-appoġġ għall-oppożizzjoni demokratika għandu jifforma parti integrali mill-proċess gradwali ta' involviment mill-ġdid mal-Bjelorussja;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jagħtu appoġġ finanzjarju lil TV Belsat, u biex iħeġġu lill-Gvern Bjelorussu biex jirreġistra uffiċjalment il-Belsat fil-Bjelorussja; jistieden lill-Gvern Bjelosrussu biex, bħala sinjal ta' rieda tajba u bidla pożittiva, jippermetti li l-Università Bjelorussa tal-Istudji Umanistiċi Ewropej (EHU) li tinsab eżiljata f'Vilnius (fil-Litwanja) tmur lura legalment fil-Bjelorussja u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kondizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk, b'mod partikolari biex l-EHU jingħatalha permess biex jerġa' jkollha l-librerija tagħha f'Minsk billi jingħatalha bini u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tkun tista" tagħmel il-kollezzjonijiet estensivi tagħha bil-Bjelorussu, bir-Russu, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2009)0212.


Il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
PDF 230kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P7_TA(2009)0118RC-B7-0187/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Ewropea tas-17 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapporti interim u finali (S/2009/253 u S/2009/603) tal-Grupp ta' Esperti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ("il-Grupp ta' Esperti") imwaqqaf permezz tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1771 (2007) u mġedded permezz tar-riżoluzzjonijiet 1807 (2008) u 1857 (2008), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-22 ta" Novembru 2007 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari fil-lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun(1),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultati tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 tagħha dwar ir-responsabilità tal-ħarsien tal-popolazzjonijiet,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-lvant tal-RDK fl-10 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1856 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni rigward ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li tispeċifika l-mandat tal-missjoni tan-NU fl-RDK (MONUC),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-gwerra u n-nuqqas ta' paċi fil-lvant tal-RDKrriżultaw fi qtil bla rażan, spostament ta' popolazzjoni u vjolenza sesswali fuq in-nisa mwettqa minn gruppi ta" ribelli armati u mill-armata tal-gvern u l-forzi tal-pulizija, li laħqu livell allarmanti,

B.   billi mill-1998 'l hawn il-kunflitt li qed jolqot l-RDK qatel 5 400 000 persuna, u billi qed ikompli jkun il-kawża, b'mod dirett jew indirett, ta' sa 45 000 mewt kull xahar(3); billi skont ir-rapporti tal-UNHCR hemm madwar 1,460,000 persuna li sfat spostata internament (IDPs) fir-RDK, li minnhom 980,000 huma fil-Kivu tat-Tramuntana(4),

C.   billi l-MONUC ilha fir-RDK sa mill-1999 sabiex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili, tibni l-proċess għall-paċi fil-pajjiż u tgħin lill-gvern jerga' jistabbilixxi l-kontroll fuq ir-reġjuni li huma maħkuma mill-fazzjonijiet kombattenti,

D.   billi l-MONUC hija l-ikbar missjoni fid-dinja għaż-żamma tal-paċi b'total ta' 20 000 suldat, li jinsabu l-aktar fil-Kivu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u li tiswa madwar USD1,4 biljun kull sena, b'mandat biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex ixxekkel kull attentat tal-użu tal-forza li jhedded il-proċess politiku min-naħa ta" kwalunkwe grupp armat, Kongoliż jew barrani, u biex jiġu protetti l-persuni ċivili li qed jiffaċċjaw it-theddida imminenti tal-vjolenza fiżika,

E.   billi l-kummerċ illegali tal-minerali fir-RDK jippermetti lil ħafna atturi li jkomplu jixtru l-minerali minn żoni kkontrollati minn gruppi ribelli u b'hekk jiffinanzjaw lil dawk il-gruppi ribelli, li hu fattur li jħeġġeġ u jħarrax il-kunflitt,

F.   billi jidher li hemm rapporti li kemm it-truppi tal-RDK kif ukoll il-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR) huma involuti f'netwerks kriminali għall-isfruttament u l-bejgħ ta' deheb u minerali għal armamenti fil-lvant tal-RDK,

G.   billi l-istupru sar arma tal-gwerra użata minn gruppi ribelli, membri tal-armata Kongoliża u minn persuni ċivili,

H.   billi minn Jannar 2009 l-operazzjonijiet militari, inkluża l-Operazzjoni Kimia II, wasslu għad-diżarm ta' 1 243 ġellied tal-FDLR minn madwar 6 000 minkejja li l-FDLR jibqgħu jirreklutaw u jżommu netwerk estensiv u sofistikat ta' partitarji politiċi u finanzjarji fir-reġjun u fid-dinja(5),

I.   billi l-operazzjonijiet militari ta" dan l-aħħar aggravaw il-kriżi umanitarja, u dan wassal għall-massakri u l-abbużi mifruxin tad-drittijiet tal-bniedem,

J.   billi l-ġlied bejn l-armata Kongoliża, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tneħħa mill-armata, u l-ġellieda tal-FDLR kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) tal-Uganda għadu l-kawża ta" tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tar-reġjun tal-provinċji tal-Lvant tal-RDK,

K.   billi l-armata Kongoliża għad għandha riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji limitati biex twettaq il-kompiti tagħha fil-provinċji tal-lvant tal-RDK, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina qalb ir-rangi tagħha, li jibqa" jtellifha fir-rwol tagħha li tħares il-popolazzjoni u terġa tistabbilixxi l-paċi,

L.   billi n-Nazzjonijiet Uniti dan l-aħħar issospendiet l-għajnuna loġistika u operattiva għal ċerti unitajiet tal-armata Kongoliża fost allegazzjonijiet li s-suldati tagħha qatlu għexieren ta' persuni ċivili, inklużi nisa u tfal, fid-distrett ta' Kivu tat-Tramuntana bejn Mejju u Settembru 2009,

M.   billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji sfaw kostretti jissospendu l-attivitajiet tagħhom u fil-Kivu tat-Tramuntana l-operaturi umanitarji jinsabu fl-impossibilità li jilħqu mill-anqas 70% tal-persuni fi stat ta" neċessità,

1.  Jiddeplora bis-saħħa l-massakri, ir-reati kontra l-umanità, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u l-atti ta' vjolenza sesswali kontra nisa u xebbiet li għadhom jitwettqu; jitlob lill-atturi kollha biex isaħħu l-ġlieda kontra l-impunità;

2.  Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat tal-vjolenza u tal-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fl-RDK; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex tintemm l-attività ta" gruppi armati barranin fil-lvant tal-RDK, b'mod partikolari tal-FDLR u tal-LRA; jitlob lil dawn il-gruppi biex minnufih iċedu l-armi u jwaqqfu l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li l-partijiet kollha għall-ftehimiet tat-23 ta' Marzu 2009 jirrispettaw il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u jimplimentaw l-impenji tagħhom b'mod effettiv u in bona fide;

3.  Għadu mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tmur għall-agħar fil-lvant tar-RDK, wara l-atroċitajiet li saru kontra l-popolazzjoni lokali kif ġie enfasizzat f'żewġ rapporti reċenti tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; huwa mħasseb partikolarment dwar ir-rapporti reċenti ta' qtil deliberat minn suldati Kongoliżi ta' tal-anqas 270 persuna ċivili fl-ibliet ta" Nyabiondo u Pinga, fil-Kivu tat-Tramuntana, u bil-ġlied reċenti li wassal lil 21,800 persuna jabbandunaw djarhom f'Dongo u fil-madwar fir-reġjuni tal-punent; jafferma mill-ġdid li hemm ħtieġa għal azzjoni mħeffa biex jiġi pprevenut l-iżvilupp ta' katastrofi umanitarja ġdida;

4.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol kruċjali tal-MONUC u l-fatt li l-mandat u r-regoli ta" ingaġġ tagħha għandhom jiġu implimentati b'determinazzjoni u fuq bażi permanenti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-popolazzjoni b'mod iktar effettiv u li bl-ebda mod ma tkun tappoġġa l-unitajiet Kongoliżi li jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jirrikonoxxi li l-preżenza tal-MONUC għadha meħtieġa u jitlob li jsir kull sforz sabiex din tkun tista' twettaq il-mandat tagħha bis-sħiħ sabiex tipproteġi lil dawk li huma mhedda; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jieħu rwol ewlieni sabiex ikun żgurat li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jappoġġa lill-MONUC fil-kapaċitajiet operattivi tagħha u biex jagħti definizzjoni aħjar tal-prijoritajiet tagħha, li bħalissa jgħoddu 41;

6.  Jilqa' l-arrest mill-awtoritajiet Ġermaniżi ta' Ignace Murwanashyaka, kap tal- FDLR u l-viċi tiegħu, Straton Musoni, li jikkostitwixxi pass importanti biex tiġi indirizzata l-impunità;

7.  Jenfasizza li r-riabilitazzjoni u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja (li tinkorpora dimensjoni ta" prevenzjoni u protezzjoni u tiġġieled l-impunità rigward il-vjolenza sesswali) u l-għajnuna għall-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom għandhom ikunu fatturi ewlenin tal-programmi ta" għajnuna li ser jiġu finanzjati; f'dan il-kuntest jitlob li l-każijiet ta" stupru fuq skala kbira fil-lvant tal-RDK għandhom jiġu referuti għall-Qorti Kriminali Internazzjonali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu quddiem il-ġustizzja l-persuni responsabbli għall-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-forzi armati Kongoliżi, u jissottolinja r-rwol kruċjali tal-MONUC f'dan; jilqa", għalhekk, il-politika ta' tolleranza żero promossa mill-President Kabila kontra l-vjolenza sesswali u l-imġiba ħażina fil-forzi armati u jħeġġeġ lill-Gvern tal-RDK biex jimplimenta, mingħajr dewmien u bl-għajnuna tal-MONUC, l-istrateġija l-ġdida tagħha kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess;

9.  Jissottolinja l-importanza tal-kompiti prinċipali tal-EUSEC RD Kongo li tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tad-difiża bil-għan li timplimenta l-pjan Kongoliż rivedut ta' riforma għall-forzi armati Kongoliżi (FARDC); jitlob, għalhekk, lill-awtoritajiet Kongoliżi biex imexxu l-proċess tar-riforma 'l quddiem, iħeġġeġ it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għar-riforma tad-difiża taħt ir-responsabbiltà tal-Kongo, b'appoġġ xieraq mill-EUSEC u jħeġġeġ il-bini ta" kwartieri militari u kampeġġi bħala kwistjoni urġenti;

10.  Jirrakomanda li l-Gvern tal-RDK jippromwovi s-sikurezza tal-ħażniet, ir-responsabiltà u l-ġestjoni tal-armi u l-munizjon bħala kwistjoni prijoritarja urġenti, u li jimplimenta programm nazzjonali għall-immarkar tal-armi skont standards stabbiliti mill-Protokoll ta' Najrobi u ċ-Ċentru Reġjonali għall-Armi Żgħar;

11.  Jilqa" l-progress miksub fir-reġjun bl-għajnuna tat-titjib fir-relazzjonijiet diplomatiċi bilaterali bejn l-RDK u r-Rwanda; jistieden lill-RDK u r-Rwanda jimplimentaw fis-sħiħ il-ftehimiet ta' paċi ta' Najrobi u Goma kif ukoll il-ftehim ta' Ihusi tat-23 ta" Marzu 2009;

12.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u lill-komunità internazzjonali sabiex ikomplu bid-djalogu preżenti bl-iskop li jikkordinaw l-isforzi biex titwaqqaf il-vjolenza fil-partijiet tal-lvant tal-RDK, b'attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà tal-persuni, responsabbiltà ġudizzjarja aħjar, u r-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' refuġjati u persuni spostati internament;

13.  Jiddeplora l-atti ta' vjolenza li qed jiżdiedu kontra ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, li qed ikollhom konsegwenzi serji fuq is-sitwazzjoni umanitarja fil-post; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iniedu investigazzjoni ta' kull inċident individwali u jitlob li tiżdied immedjatament il-protezzjoni;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament akbar u kontinwu fl-assistenza umanitarja fl-RDK tal-lvant, in vista tal-għadd kulma jmur jiżdied tal-persuni spostati internament u l-kondizzjonijiet li qegħdin imorru għall-agħar; għal dawn il-finijiet, jagħti l-appoġġ tiegħu għall-appell imniedi fit-30 ta" Novembru 2009 min-NU, flimkien ma" 380 organizzazzjoni tal-assistenza u organizzazzjoni mhux governattiva (NGOs) ħalli jinġabru USD 7,1 biljun għall-ħidma umanitarja fl-2010; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħtu s-sehem tagħhom;

15.  Għadu mħasseb dwar il-kummerċ illegali minn gruppi ribelli fil-minerali u r-riżorsi naturali oħra fil-lvant tal-RDK; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex f'taħditiet mal-gvernijiet tal-RDK u l-pajjiżi ġirien jinsistu dwar l-implimentazzjoni ta' sistemi effettivi ta' traċċabilità u provi tal-oriġini tar-riżorsi naturali, u biex isaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

16.  Jappella biex il-partijiet imorru lura għad-djalogu li ħoloq il-Programm Amani għas-sigurtà, il-paċifikazzjoni, l-istabilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-provinċji tat-Tramuntana u n-Nofsinhar ta' Kivu;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Sotto Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar.

(1) ĠU C 58, 1.3.2008, p. 40.
(2) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 83.
(3) http://www.theirc.org/special-reports/congo-forgotten-crisishttp://www.theirc.org/special-reports/congo-forgotten-crisis
(4) http://www.unhcr.org/cgi-bin/texis/vtx/page?page=49e45c366
(5) http://www.crisisgroup.org/home/index.cfm?id=2829#C1


L-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali
PDF 208kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali
P7_TA(2009)0119RC-B7-0259/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem, fosthom dawk inklużi fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa waħda, u l-Komunita' Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-Ftehim ta' Cotonou) u l-klawżoli rigward id-drittijiet tal-bniedem li qegħdin fih, b'mod partikulari l-Artikolu 9,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jobbligaw lill-Unjoni Ewropea, u lill-Istati Membri, li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezz sabiex ikunu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'livell tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali,

–   wara li kkunsidra l-attivitajiet kollha tal-UE li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u b'mod partikulari dik tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-omofobija fl-Ewropa(2), dik tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa(3), kif ukoll dik tas-26 ta' April 2007 dwar l-omofobija fl-Ewropa(4),

   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li saret f'Luwanda fit-28 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-3 ta' Diċembru 2009 dwar l-integrazzjoni kulturali u soċjali u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fil-25 ta' Settembru 2009 David Bahati, Membru tal-Parlament, ressaq l-"Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità 2009" fil-Parlament tal-Uganda,

B.   billi l-abbozz li ġie propost jipproponi li jiddaħħlu pieni eħrex, li l-omosesswalità tkun ikkriminalizzata u li l-persuni li allegatament huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali (LGBT) ikunu kkastigati bl-għomor il-ħabs jew bil-piena tal-mewt,

C.   billi l-abbozz ta' liġi jinkludi dispożizzjoni li tista' twassal għall-priġunerija sa tliet snin għal kull min, inklużi persuni eterosesswali, jonqos milli jirrapporta fi żmien 24 siegħa l-identità tal-persuni kollha li jafu li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali, jew il-persuni li jappoġġjaw id-drittijiet ta' dawk li huma lesbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali,

D.   billi l-abbozz ta' liġi jipprevedi t-tħassir mill-Uganda ta' kwalunkwe impenn internazzjonali jew reġjonali li tqis li jkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta' liġi,

E.   billi l-abbozz ta' liġi diġà ġie kkundannat mill-Kummissarju Ewropew De Gucht, mill-Gvernijiet tal-Gran Brittanja, ta' Franza u tal-Isvezja, kif ukoll mill-President Obama, mill-President u l-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti,

F.   billi l-liġi proposta ġiet iddenunzjata minn organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar id-dinja u fl-Uganda stess bħala ostaklu kbir fil-ġlieda kontra l-HIV-AIDS fil-komunità omosesswali,

G.   billi fl-Afrika l-omosesswalità hija legali fi 13-il pajjiż biss, filwaqt li hija reat li jista' jkun ikkastigat fi 38 pajjiż, u l-Mawritanja, is-Sudan u n-Niġerja tal-Punent qed jipprevedu wkoll il-piena tal-mewt għall-omosesswalità, u billi l-adozzjoni ta' tali liġi fl-Uganda tista' twassal biex tkun adottata wkoll f'pajjiżi Afrikani oħra, fejn persuni huma jew jistgħu jkunu ppersegwitati minħabba l-orjentament sesswali tagħhom,

1.  Jenfasizza li l-orjentament sesswali huwa kwistjoni li taqa' fl-ambitu tad-dritt tal-individwu għall-privatezza kif iggarantit mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni għandhom jitħeġġew, filwaqt li għandha tkun iggarantita l-libertà tal-espressjoni; f'dan il-kuntest, jikkundanna l-'Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità 2009';

2.  Jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Uganda ma japprovawx l-abbozz ta' liġi u jirrevedu l-liġijiet tagħhom sabiex l-omosesswalità tkun dekriminalizzata;

3.  Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitolbu li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem universali;

4.  Ifakkar f'dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li Stat ma jistax, permezz tal-liġi nazzjonali tiegħu, jinnega l-obbligi internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem;

5.  Huwa preokkupat ferm li donaturi internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet umanitarji jkollhom jqisu mill-ġdid jew iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom f'ċerti oqsma li kieku l-abbozz kellu jsir liġi;

6.  Jirrifjuta bil-qawwa kull manuvra sabiex tiddaħħal il-piena tal-mewt;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu rappreżentazzjonijiet urġenti lill-awtoritajiet tal-Uganda u, kemm-il darba l-abbozz isir liġi u jseħħu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, iqisu mill-ġdid l-involviment tagħhom mal-Uganda, anke billi jipproponu post ieħor għall-Konferenza dwar ir-Reviżjoni tal-Istatut ta' Ruma skedata għall-31 ta' Mejju 2010;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw is-sitwazzjoni f'pajjiżi terzi fir-rigward ta' esekuzzjonijiet, kriminalizzazzjoni jew diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali u jieħdu azzjoni internazzjonali komuni biex jitħeġġeġ il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi permezz ta' mezzi xierqa, fosthom il-ħidma bi sħab mal-organizzazzjonijiet non-governattivi lokali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda u lill-Ispiker tal-Parlament tal-Uganda.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 179.
(3) ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 491.
(4) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 776.


L-Azerbajġan: il-libertà tal-espressjoni
PDF 221kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Azerbajġan: il-libertà tal-espressjoni
P7_TA(2009)0120RC-B7-0266/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Azerbajġan, u b'mod partikulari, dawk tad-9 ta' Ġunju 2005(1) u tas-27 ta' Ottubru 2005(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika tal-UE iżjed effettiva għall-Kawkasu tan-Nofsinhar: mill-wegħdiet għall-azzjoni(4),

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE tat-22 ta' Jannar 2009 dwar il-libertà tal-midja fl-Azerbajġan u l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tat-12 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tal-espressjoni fl-Azerbajġan,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet tar-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja dwar is-sitwazzjoni tal-midja li dejjem qed teħżien fl-Azerbajġan, inklużi l-istqarrijiet tat-22 ta' Mejju 2007, tal-11 ta' April 2008, tas-17 ta' Lulju 2008, tat-30 ta' Diċembru 2008, tal-21 ta' April 2009, tal-10 Settembru 2009, tal-14 ta' Ottubru 2009 u tal-11 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSCE tad-9 ta' Lulju 2009 li esprimiet appoġġ sħiħ għall-ħidma tar-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja fir-rigward tal-Azerbajġan, u wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tat-12 ta' Novembru 2009 dwar il-kundanna tal-attivisti u bloggers żgħażagħ Emin Milli u Adnan Hajizade,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Azerbajġan qed jipparteċipa b'mod attiv fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) u fis-Sħubija tal-Lvant, u billi l-Azerbajġan huwa impenjat li jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma valuri ċentrali ta' dawn iż-żewġ inizjattivi,

B.   billi f'Settembru tal-2009 l-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-tliet pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u stieden lill-Kummissjoni biex tħejji abozz tad-direttivi tan-negozjati għal ftehimiet ġodda li jieħdu post il-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni attwali li ser jiskadu dalwaqt,

C.   billi d-digriet iffirmat mill-President Ilham Aliyev fit-28 ta' Diċembru 2007 ħeles 119-il priġunier, fosthom ħames ġurnalisti,

D.   billi hemm rekord iddokumentat sewwa ta' kundanni, fastidju u intimidazzjoni riċenti ta' professjonisti tal-midja fl-Azerbajġan, kif iddeskrivew dan l-aħħar ir-Rapport Ġenerali dwar ir-Rispett għal-Libertà tal-Midja lill-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u r-rapporti tal-Amnesty International u tar-Reporters sans Frontières,

E.   billi minkejja l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'dawn l-aħħar snin il-klima tal-midja marret għall-agħar, bl-għeluq temporanju ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni indipendenti u ta' organizzazzjonijiet tax-xandara tar-radju, l-iżgumbrament mill-uffiċċji ta' xandara li jaħdmu ma' ġurnali ewlenin tal-oppożizzjoni u l-għadd kbir ta' kawżi fil-qorti kontra membri tal-midja u l-attakki fiżiċi fuq ġurnalisti li kkawżaw sens wiesa' ta' biża' u awtoċensura fost il-ġurnalisti; billi f'Diċembru 2008, il-BCC, ir-Radio Free Europe / Radio Liberty u mezzi tal-midja barranin oħrajn ma tħallewx ixandru fuq frekwenzi tar-radju FM,

F.   billi fit-8 ta' Lulju 2009 l-bloggers Emin Milli u Adnan Hajizade ġew arrestati wara li kienu attakkati minn żewġ irġiel f'ristorant fil-kapitali Baku, fejn skont ix-xhieda intervistati mill-Amnesty International, huma kienu aggrediti meta kienu qegħdin jieklu flimkien ma' attivisti oħrajn;

G.   billi ż-żewġ bloggers kienu użaw għoddod ta' netwerking fuq l-internet, bħal Facebook, YouTube u Twitter biex ixandru informazzjoni dwar is-sitwazzjoni politika fl-Azerbajġan u biex jikkritikaw lill-gvern tal-pajjiż; billi fil-11 ta' Novembru 2009, il-qorti reġjonali ta' Sabail f'Baku kkundannat lil Emin Milli u lil Adnan Hajizade sentejn u nofs u sentejn ħabs rispettivament fuq akkużi ta' ħuliganiżmu u offiżi minuri fuq il-persuna;

H.   billi jidher li l-akkużi kontra ż-żewġ attivisti kienu politikament immotivati,

1.  Jiddeplora s-sentenzi ta' ħabs ħorox li ngħataw lill-bloggers Emin Milli u Adnan Hajizada fil-11 ta' Novembru 2009 fuq akkużi tabilħaqq improbabbli u fi proċess mhux ġust; isejjaħ għall-ħelsien immedjat tas-Sur Milli u tas-Sur Hajizada u għal proċess ġdid, kompletament miftuħ u ġust li għandu jsir abbażi ta' investigazzjoni imparzjali mill-pulizija u jkun konformi mal-istandards internazzjonali rilevanti kollha;

2.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li s-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja fl-Azerbajġan qiegħda dejjem teħżien, u jikkundanna l-prattika tal-arrest, il-persekuzzjoni u l-kundanna tal-ġurnalisti tal-oppożizzjoni abbażi ta' diversi akkużi kriminali f'każi bħal dak ta' Eynulla Fatullayev, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jeħilsu minnufih lill-ġurnalisti maqfula l-ħabs;

3.  Ifakkar fl-istqarrija ta' Marzu 2005 mill-President Ilham Aliyev li tistqarr li d-drittijiet ta' kull ġurnalist huma protetti u li dawn għandhom ikunu mħarsa mill-istat;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet biex jittrattaw in-nuqqas ta' stħarriġ mill-pulizija tal-każi ta' vjolenza u fastidju kontra ġurnalisti u tal-fatt li sa issa ħafna reati baqgħu ma ġewx ikkastigati; jenfasizza li s-sikurezza tal-impjegati tal-midja għandha tittejjeb b'mod urġenti; jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi fid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar l-inġurja u l-malafama, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu joħolqu xkiel fl-eżerċitar tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u jistgħu jwasslu wkoll għall-awtoċensura, u għaldaqstant isejjaħ għall-adozzjoni ta' dawn l-emendi;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jagħtu attenzjoni speċjali lis-sikurezza u lil-libertà tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, partikularment dawk involuti f'organizzazzjonijiet mhux governattivi taż-żgħażagħ kif ukoll il-ġurnalisti u l-midja; biex jieħdu passi immedjati biex iħallu lill-individwi jieħdu sehem f'attivitajiet paċifiċi u demokratiċi; biex iħallu l-organizzazzjoni ta' dal-attivitajiet issir b'mod ħieles u bla ndħil mill-gvern; u biex jipproteġu lill-ġurnalisti wara l-mewġa riċenti ta' vjolenza kontra r-rappreżentanti tal-midja;

6.  Jikkundanna s-serje ta' żviluppi negattivi fir-rigward tal-midja u ta' ġurnalisti individwali fl-Azerbajġan li ġew elenkati fir-Rapport Ġenerali dwar ir-Rispett għal-Libertà tal-Midja li tħejja dan l-aħħar mill-Kumitat għall-Kultura, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota l-aħħar rapport regolari tar-Rappreżentant tal-OSCE għall-Libertà tal-Midja lill-Kunsill tal-OSCE, kif ukoll it-tħassib profond mistqarr minn NGOs internazzjonali bħall-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, ir-Reporters Without Borders, l-International Pen u l-Human Rights Watch;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan li ma jġeddux il-liċenzji tar-radju FM ta' għadd ta' xandara internazzjonali, fosthom il-BBC World Service, il-Voice of America and r-Radio Free Europe/Radio Liberty; jirrimarka li l-waqfien mix-xandir ta' dawn l-istazzjonijiet fuq il-frekwenzi FM sikket sorsi importanti, oġġettivi, prezzjużi u indipendenti ta' informazzjoni ta' kwalità għas-servizz pubbliku u rristrinġa l-pluraliżmu tax-xandir tal-Azerbajġan;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex juru progress suffiċjenti fl-issodisfar tal-kundizzjonijiet tat-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali kif stipulati fid-Dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Marzu 2009 dwar is-Sħubija tal-Lvant, b'mod speċjali fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan, fosthom iż-żewġ laqgħat li saru fl-2009 mill-Kummissjoni tal-Istat tal-Azerbajġan għall-Integrazzjoni Ewropea, biex jistħarrġu mekkaniżmi ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex isaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż, u jistieden lill-UE u lill-Azerbajġan biex itejbu d-djalogu tagħhom dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Azerbajġan fir-reviżjoni tal-Azerbajġan fis-sitt laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar ir-Reviżjoni Perijodika Universali (UPR) li saret fis-6 ta' Frar 2009, u jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-UPR, inkluż billi jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, jiddikriminalizza l-inġurja u l-malafama ħalli jneħħi pressjonijiet mhux meħtieġa minn fuq il-ġurnalisti; jiżgura li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jkunu rrispettati bis-sħiħ; jipproteġi l-aċċess għall-midja tax-xandir; jinvestiga u jipproċedi fil-qorti kontra min jikkommetti reati u jagħti fastidju lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jimplimenta b'mod effettiv id-dritt tal-assemblea paċifika u tal-libertà tal-assoċjazzjoni; itejjeb il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet; u jipproteġi d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli bħall-minoranzi, il-migranti, dawk li jfittxu ażil u l-persuni spostati internament;

11.  Jistenna b'ħerqa l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Gvern tal-Azerbajġan "Appoġġ għar-Riformi fil-Ġustizzja fl-Azerbajġan", li hu maħsub biex itejjeb l-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikulari fir-rigward tat-twaqqif u t-tħaddim tal-Akkademja tal-Ġustizzja u tad-dipartimenti reġjonali tal-ġustizzja, u fir-rigward tar-riformi tas-sistema penitenzjarja b'mod konformi mal-istandards internazzjonali;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan biex jiggarantixxu li l-elezzjonijiet lokali tat-23 ta' Diċembru 2009 jkunu ħielsa, ġusti u konformi mal-istandards internazzjonali, u jirrikonoxxi l-importanza tal-proċess elettorali fil-proċess tal-bini tal-istat permezz tat-tkomplija tar-riformi demokratiċi f'livell lokali, tat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u tas-sistema politika ġenerali;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tas-sottokumitati ġodda tal-Kumitat ta' Koperazzjoni UE-Azerbajġan, li għandu jsaħħaħ il-qafas istituzzjonali li għandu jippermetti li jkun hemm diskussjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, il-kultura, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika awdjoviżiva, ix-xjenza u t-teknoloġija;

14.  Jistieden lill-Azerbajġan biex iġedded l-isforzi tiegħu ħalli jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni ENP, u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tgħin lill-Azerbajġan f'din il-ħidma;

15.  Jistieden lill-President tar-Repubblika tal-Azerbajġan biex jissorvelja l-ħidma tal-istrutturi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tal-istat ta' pajjiżu, b'mod speċjali fir-rigward tal-midja u ta' kwistjonijiet oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li l-ħidma u l-istil tagħhom qegħdin ibiegħdu lill-Azerbajġan b'mod konxju mill-UE;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-President u lill-Parlament tal-Azerbajġan.

(1) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 569.
(2) ĠU C 272 E, 9.11.2006, p. 567.
(3) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.
(4) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 53.

Avviż legali - Politika tal-privatezza