Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2010 dwar it-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ("il-Ftehim Cotonou") (2009/2165(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 208 sa 211 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005, kif emendat l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE(2) (minn issa 'l quddiem, "il-Ftehim ta' Cotonou"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 95 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jipprevedi klawsola ta' reviżjoni li tippermetti li l-Ftehim jiġi adattat kull ħames snin,
– wara li kkunsidra l-ittra ta' notifika tal-Kunsill lill-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP, adottata fil-laqgħa tat-23 ta' Frar 2009 tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-2 ta' Marzu 2005 dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, li l-għan tagħha hu li tippromwovi mudell biex jittejbu t-trasparenza u l-monitoraġġ tar-riżorsi għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 90(5) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0086/2009),
A. billi l-objettivi primarji tal-Ftehim ta' Cotonou huma l-eradikazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni progressiva tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija,
B. billi sa minn meta saret l-aħħar reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou fl-2005 ġraw diversi tibdiliet fix-xena internazzjonali - bħaż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija, kriżi finanzjarja bla preċedent, konsegwenzi tal-bidla fil-klima - li għandhom l-aktar riperkussjonijiet serji fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
C. billi dawn l-iżviluppi ġodda kollha fl-ambjent dinji, jekk ma jiġux indirizzati kif jixraq, jissograw li jdgħajfu l-objettivi tal-Ftehim ta' Cotonou u jċekknu l-prospetti tal-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) sal-2015,
D. billi l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) reġjonali dgħajfu l-koeżjoni tal-Grupp tal-AKP u l-proċess kurrenti tal-integrazzjoni reġjonali; billi jeħtieġ li tinżamm l-għaqda u l-koerenza tal-Grupp tal-AKP u l-istabilità tal-istituzzjonijiet tal-AKP-KE,
E. billi t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou hija okkażjoni f'waqtha ħafna biex jiġu aġġustati d-dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tar-realtajiet li għadna kemm semmejna; billi, madankollu, ħafna minn dawn il-kwistjonijiet jissemmew ftit biss fil-mandat ta' reviżjoni tal-Ftehim,
F. billi l-oqsma magħżula għal reviżjoni min-naħa tal-UE jew tal-Grupp tal-AKP jinkludu, inter alia:
–
dimensjoni reġjonali;
–
dimensjoni politika, inkluża l-migrazzjoni u l-governanza tajba fil-qasam fiskali;
–
dimensjoni istituzzjonali;
–
il-promozzjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;
–
assistenza umanitarja u ta' emerġenza, inkluża kjarifika dwar il-proċeduri applikati f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;
–
programmar u implimentazzjoni tal-għajnuna, inkluż il-programmar tal-pakkett intra-AKP;
–
il-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-ikel bħala kwistjonijiet interrelatati (magħżula mill-Grupp tal-AKP),
G. billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona qiegħed ibiddel l-arkitettura istituzzjonali tal-UE u l-bilanċ intern tagħha mil-lat ta' teħid ta' deċiżjonijiet,
1. Iqis li t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou għandha tkun okkażjoni biex dan jiġi aġġustat fid-dawl tal-kriżijiet riċenti u attwali, inkluża l-bidla fil-klima, iż-żieda fenomenali fil-prezzijiet tal-ikel u taż-żejt, il-kriżi finanzjarja u l-faqar estrem fl-Afrika; jemmen li l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi primarji ta' dawn il-kriżijiet mhix għażla, iżda neċessità;
2. Jiddeplora l-fatt li l-Parlament Ewropew, l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA) u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati tal-AKP kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parteċipanti mhux statali, għal darba oħra, ma ġewx involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li wassal għall-identifikazzjoni ta' oqsma u artikoli tal-Ftehim ta' Cotonou li għandhom jiġu riveduti u għat-twaqqif tal-mandati ta' negozjar adottati mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP;
3. Iħeġġeġ titjib fir-rwol li għandhom il-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' reviżjoni li għaddej bħalissa u reviżjonijiet ulterjuri sabiex titjieb il-leġittimità u s-sjieda demokratika;
4. Jenfasizza li din l-ommissjoni teffettwa t-trasparenza u l-kredibilità tal-proċess ta' reviżjoni u tkompli tbiegħed lill-popolazzjonijiet tal-UE u tal-AKP mill-gvernijiet u mill-istituzzjonijiet tagħhom;
5. Jenfasizza li huwa importanti li l-pajjiżi tal-AKP jitqiesu bħala sħab indaqs fin-negozjati mal-UE, sabiex jiġi stabbilit Ftehim ta' Sħubija ġenwin;
6. Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsolidazzjoni tad-dimensjoni politika tal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari rigward l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-UE u lill-Kunsill tal-AKP biex iqisu l-prinċipji u r-riżultati tal-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-UE u lill-Kunsill tal-AKP biex jikkonsultaw b'mod effettiv lill-parteċipanti mhux statali fix-xhur ta' qabel l-iffirmar tal-Ftehim ta' Cotonou Rivedut u biex jiżguraw li l-fehmiet tagħhom jitqiesu; jistieden lill-awtoritajiet tal-UE u tal-AKP biex iniedu dibattitu dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet AKP-UE ta' wara l-2010 u biex jinvolvu parteċipanti mhux statali fil-proċess;
9. Iqis li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari bejn il-politiki tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tal-agrikultura u tas-sajd, għandha tkun il-prinċipju gwida tal-koperazzjoni għall-iżvilupp li twettaq l-UE, u li trid tiġi ttrattata fil-Ftehim rivedut; iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari Konġunta biex tuża iktar l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou sabiex tinżamm il-konsistenza bejn il-politiki tal-UE u tal-pajjiżi tal-AKP;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou, tinnotifika b'mod sistematiku lis-Segretarjat tal-Istati tal-AKP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE dwar kwalunkwe miżura Ewropea li tista' teffettwa l-interessi tal-Istati tal-AKP; f'din il-perspettiva, jistieden lill-Kummissjoni biex tuża aħjar il-konsultazzjonijiet ta' bejn is-servizzi bejn id-Direttorati Ġenerali tagħha, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki li jistgħu jtejbu l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp;
11. Iqis li jeħtieġ, l-ewwel nett fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika għal ċerti pajjiżi biss tal-AKP, u t-tieni nett fid-dawl tal-fatt li diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-Ftehim ta' Cotonou skadew, li tiġi riveduta l-parti tal-ftehim AKP-UE li tikkonċerna ftehimiet kummerċjali sabiex ikunu inkorporati d-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti kummerċjali eżistenti kollha tal-AKP-UE (Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SPG), SPG plus, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika interim, il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi tal-Cariforum) u li jkun żgurat li jinżammu diversi prinċipji u impenji li m'għandhomx jintilfu mill-ftehim, bħal:
–
il-konsistenza bejn, fuq in-naħa l-waħda, l-oqfsa kummerċjali kollha li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-iżvilupp li jinsabu fil-qalba tal-koperazzjoni AKP-UE,
–
il-garanzija li l-pajjiżi kollha tal-AKP igawdu minn qafas kummerċjali li jkun mill-inqas ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom ta' qabel, b'mod partikulari għall-pajjiżi li mhumiex fost il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u li ma ffirmawx Ftehim ta' Sħubija Ekonomika,
–
il-garanzija li, għall-pajjiżi kollha tal-AKP, il-qafas kummerċjali l-ġdid iqis is-setturi sensittivi, partikolarment l-agrikultura ta' sussistenza, fid-definizzjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni u l-kopertura finali tal-prodotti, u li jippermetti titjib fl-aċċess tas-suq li jgawdu minnu l-pajjiżi tal-AKP, partikolarment permezz ta' reviżjoni tar-regoli ta' oriġini;
12. Jinnota li fl-ittri ta' notifika tagħhom, il-partijiet tal-Ftehim ta' Cotonou jistaqsu b'mod espliċitu li ssir reviżjoni tad-dispożizzjonijiet kummerċjali; jinnota li hemm bżonn li jiżdiedu dispożizzjonijiet ġodda f'oqsma ġodda, bħal Għajnuna għall-Kummerċ, sabiex tiġi garantita d-dimensjoni tal-iżvilupp fl-oqsma kummerċjali tal-Ftehim;
13. Jilqa' b'sodisfazzjon it-talba li saret mill-pajjiżi tal-AKP għad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jikkonċernaw il-koperazzjoni fl-oqsma li ġejjin: il-kummerċ u l-iżvilupp, il-kummerċ u l-finanzi, il-kummerċ ġust u jinnota t-talba tagħhom dwar il-kummerċ tal-armi;
14. Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) sabiex jirrevedi l-politika tiegħu dwar ċentri finanzjarji offshore fuq il-bażi ta' kriterji aktar stretti minn dawk tal-lista tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) għad-definizzjoni ta' ġurisdizzjonijiet projbiti u sorveljati, u sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom u jipprovdi rapporti annwali dwar il-progress;
15. Iqis li bidliet strutturali fl-istruttura organizzattiva u ta' governanza tal-BEI huma meħtieġa biex ikun żgurat li jiġu sodisfatti l-obbligi tiegħu rigward l-iżvilupp fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tal-Ftehim ta' Cotonou u r-reviżjoni ta' nofs il-perjodu li qed issir bħalissa u t-tiġdid tal-mandat ta' self estern tal-BEI;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-AKP biex jinkludu l-ġlieda kontra l-abbużi ta' kenn fiskali, evażjoni tat-taxxi u l-ħarba illeċita tal-kapital bħala kwistjoni ta' prijorità fil-Ftehim ta' Cotonou; għaldaqstant jitlob li jkun hemm mekkaniżmu vinkolanti, li jġiegħel lill-korporazzjonijiet transnazzjonali kollha li jiżvelaw b'mod awtomatiku l-profitti magħmula u t-taxxi mħallsa f'kull pajjiż fejn joperaw;
17. Jistieden lin-negozjaturi biex jindirizzaw l-aspett tal-iżvilupp relatat mat-taxxa u biex jistabbilixxu sistemi ta' taxxa effettivi u vijabbli fil-pajjiżi tal-AKP, sabiex ikun żgurat sors sostenibbli ta' finanzjament għall-iżvilupp bl-objettiv li, fuq medda twila ta' żmien, dan jissostitwixxi d-dipendenza mill-għajnuna barranija; f'dan ir-rigward jistieden lin-negozjaturi sabiex jinkludu l-prinċipju tal-governanza fiskali tajba fl-Artikolu 9.3 tal-Ftehim AKP-UE dwar il-ġestjoni pubblika tajba;
18. Minħabba li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) huwa r-riżorsa finanzjarja ewlenija għall-finanzjament tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp skont il-Ftehim ta' Cotonou, jitlob li dan jiġi inkluż fil-poteri baġitarji tal-Parlament Ewropew sabiex ikun jista' jsir kontroll demokratiku aktar strett;
19. Jitlob li titħejja arkitettura finanzjarja dinjija ġdida, li jsir qbil dwarha, li tkun tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiġu rappreżentati permezz tal-organizzazzjonijiet reġjonali rispettivi tagħhom u li jindirizzaw it-tħassib leġittimu tagħhom dwar l-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq il-qagħda speċifika tagħhom;
20. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-mikrokreditu għall-faċilitazzjoni tal-investiment u l-iżvilupp tan-negozji żgħar;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-AKP biex jindirizzaw il-kawżi strutturali tal-bidla fil-klima billi jħejju evalwazzjoni awtomatika tar-riskji tal-bidla fil-klima fl-istrateġiji u l-pjanijiet għall-iżvilupp nazzjonali u fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u dawk reġjonali;
22. Jemmen li l-enerġija li tiġġedded hija vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-AKP, minħabba li għandhom riżorsi konsiderevoli ta' enerġija li tiġġedded (enerġija mix-xemx, mir-riħ, enerġija ġeo-termali u l-bijomassa); iħeġġeġ lin-negozjaturi biex jagħtu attenzjoni partikolari lit-tnaqqis tad-dipendenza tal-pajjiżi tal-AKP mill-fjuwils fossili u lit-tnaqqis tal-vulnerabilità tagħhom għal żidiet fil-prezzijiet, billi tingħata prijorità lill-enerġija li tiġġedded fil-Ftehim ta' Cotonou;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-AKP biex jippromwovu l-iżvilupp ekwitabbli u sostenibbli li jinkorpora d-dimensjoni soċjali, permezz ta' appoġġ għal forom ġodda ta' intrapriża, inklużi l-intrapriżi bla skop ta' lukru u/jew negozji stabbiliti bl-għajnuna ta' programmi ta' mikrokreditu skont prinċipji etiċi u ekonomiċi, bħal fil-mudelli soċjali tal-ekonomija tas-suq;
24. Jiddeplora l-fatt li minkejja li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-pajjiżi tal-AKP tgħix f'żoni rurali u li l-ġlieda kontra l-faqar hi għan primarju tal-Ftehim ta' Cotonou, is-settur tal-agrikultura ma jingħatax importanza fil-koperazzjoni AKP-UE;
25. Jistieden lill-Kummissjoni, meta timplimenta l-politika tal-iżvilupp tal-UE, biex tindirizza it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel b'mod konsistenti u koerenti, sabiex tagħti aktar importanza lis-sigurtà tal-ikel fid-djalogi dwar il-politiki nazzjonali u reġjonali ta" żvilupp, u sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta" swieq agrikoli reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
26. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-AKP u lill-Kummissjoni biex jiffukaw fuq l-iżvilupp fl-agrikultura biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel u jitlob li l-agrikultura u l-iżvilupp rurali jsiru kwistjonijiet prijoritarji fil-Ftehim u fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u dawk reġjonali; jenfasizza li l-bdiewa tal-AKP jeħtieġu appoġġ u pagi deċenti biex jipproduċu għas-swieq lokali u li jeħtieġu infrastrutturi li jistgħu jirfdu l-kummerċ u ċ-ċaqliq tal-prodotti;
27. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsulta b'mod regolari u tinvolvi b'mod effettiv lill-organizzazzjonijiet tan-nisa u tal-konsumaturi fil-politika agrikola; iqis li l-assoċjazzjonijiet tan-nisa għandhom jiġu involuti b'mod attiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fid-dawl tar-rwol ta' pern li għandhom fis-soċjetà;
28. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-akkwist attwali ta' art agrikulturali (partikolarment fl-Afrika) minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, li, jekk ma jsirx sew, jipperikola s-sigurtà tal-ikel fuq livell lokali u jwassal għal konsegwenzi serji u b'firxa kbira fl-istati tal-AKP;
29. Iħeġġeġ lin-negozjaturi biex jevitaw l-impatti negattivi tal-akkwist ta' art agrikola (bħall-esproprjazzjoni ta' bdiewa żgħar u l-użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma) billi jirrikonoxxu d-dritttal-poplu li jkun sid tal-art agrikola tar-riżorsi naturali vitali oħra u billi jadottaw principji gwida f'dan is-sens;
30. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-AKP biex jistabbilixxu politiki bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp ekonomiku sod u x-xogħol deċenti, sabiex jikkumbattu l-ħarba tal-imħuħ u jippermettu lill-pajjiżi tal-AKP li jużaw lill-ħaddiema mħarrġa tagħhom għall-iżvilupp tagħhom stess;
31. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-AKP biex fl-Artikolu 13 tal-Ftehim AKP-UE dwar il-migrazzjoni, jinkludu l-prinċipju tal-migrazzjoni ċirkulari u l-faċilitazzjoni tagħha permezz tal-għoti ta' viżi ċirkulari; jenfasizza li l-artikolu msemmi jinsisti dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u dwar it-trattament indaqs ta' ċittadini tal-pajjiżi AKP, iżda li l-ambitu ta' dawn il-prinċipji jinsab serjament ipperikolat minħabba l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni konklużi mal-pajjiżi ta' tranżitu f'kuntest fejn l-Ewropa testernalizza l-ġestjoni tal-migrazzjoni, ftehimiet li ma jiggarantixxux li d-drittijiet tal-migranti jiġu rispettati u li jistgħu jwasslu għal "kaskata" ta' riammissjonijiet li jipperikolaw is-sigurtà u l-ħajja tagħhom;
32. Jitlob lin-negozjaturi biex isaħħu l-prinċipju tal-klawsoli mhux negozzjabbli tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sanzjonijiet fuq min jonqos li jirrispetta dawn il-klawsoli, inter alia fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali u dik fuq nies li għandhom l-HIV/AIDS;
33. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd limitat ta' faċilitajiet eżistenti li jistgħu joffru kura medika speċjalizzata, minkejja l-għadd dejjem jikber kemm ta' emerġenzi u kemm ta' mard kroniku li jolqot lin-nies; jenfasizza li l-infrastruttura medika u s-sistemi tas-saħħa pubblika jeħtieġ li jingħataw spinta permezz ta' strateġiji ta' żvilupp;
34. Ifakkar li l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa pubblika tal-AKP li jipprovdu assistenza tas-saħħa lill-popolazzjoni u lil vittmi li jkunu qed jirkupraw wara kriżi umanitarja, kunflitt jew perjodu ta' wara kunflitt, jew diżastri naturali, hi wieħed mid-doveri prinċipali tagħhom u ta' tħassib permanenti u immedjat u għandha tiġi promossa permezz tal-koperazzjoni AKP-UE;
35. Jesprimi tħassib li r-reġjonalizzazzjoni ikbar tar-relazzjonijiet AKP-UE tista' tirrappreżenta theddida għall-koerenza u s-saħħa tal-Grupp AKP u tista' xxekkel il-funzjonament tal-istituzzjonijiet konġunti tal-AKP-UE taħt il-Ftehim tal-Cotonou;
36. Jikkunsidra li t-tieni reviżjoni għandha taġġorna wkoll it-test tal-Ftehim biex l-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika jiġu riflessi b'mod espliċitu (pereżempju l-Kunsilli Konġunti tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, il-Kumitati għall-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Kumitati Parlamentari) u biex jiġu żgurati sinerġiji u kumplimentarjetà mal-istituzzjonijiet tal-Cotonou;
37. Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tal-Ftehim ta' Cotonou, inkorporata fl-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA) AKP-UE; jesprimi l-impenn sod tiegħu li l-Assemblea Parlamentari Konġunta twettaq ir-rwol sħiħ tagħha li tiżgura parteċipazzjoni parlamentari fl-azzjonijiet u fil-proċessi tal-Ftehim ta' Cotonou; jenfasizza l-oppożizzjoni implakabbli tiegħu għal kull tentattiv li jitnaqqas ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, b'mod partikulari bi proposti li jolqtu l-metodi ta' ħidma u l-frekwenza tal-laqgħat tagħha, li għandhom jitħallew f'idejn l-Assemblea Parlamentari Konġunta;
38. Jitlob, bl-għan li tissaħħaħ in-natura parlamentari, rappreżentattiva u demokratika tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, li fil-ġejjieni l-pajjiżi kollha tal-AKP jiġu rappreżentati b'mod effettiv fi ħdan l-Assemblea permezz ta' membri parlamentari, u mhux minn rappreżentanti tal-gvernijiet bħalma jiġri xi drabi, u għaldaqstant li jiġi rivedut f'dan is-sens l-Artikolu 17 tal-Ftehim AKP-UE;
39. Jemmen bis-sħiħ fis-sehem ewlieni li jista' jkollhom il-parlamenti nazzjonali tal-AKP f'azzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni; jitlob li r-reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou tagħti rikonoxximent formali lil dawn il-parlamenti bħala parteċipanti fil-koperazzjoni ffinanzjata mill-EDF;
40. Jitlob għat-tisħiħ u t-titjib tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, u jinsisti li jsiru dispożizzjonijiet fil-Ftehim ta' Cotonou li jippermettu lill-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-parlamenti tal-AKP li jagħmlu skrutinju tad-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u dawk reġjonali, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika AKP-KE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jitlob li tinħoloq sinerġija ġenwina bejn, fuq in-naħa l-waħda, il-kumitati parlamentari l-ġodda li nħolqu permezz tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u, fuq in-naħa l-oħra, l-Assemblea Parlamentari Konġunta;
41. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sinerġiji ġejjiena bejn il-Kumitati Parlamentari li ġew stabbiliti mill-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u l-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE, permezz ta' preżentazzjonijiet mill-President u r-Rapporteurs kif ukoll parteċipazzjoni mill-membri tal-Kumitati Parlamentari tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika fl-Assemblea Parlamentari Konġunta u l-organizzazzjoni ta' laqgħat paralleli meta jkun possibbli, eċċ., li kollha jżidu mal-għarfien espert tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u jagħtu lok għal tisħiħ fl-iskambji u l-koperazzjoni;
42. Ifakkar mill-ġdid li l-ħolqien tal-Kumitati Parlamentari stabbiliti mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika sar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew biex jiżgura involviment adegwat min-naħa tal-Membri tal-Parlament speċjalizzati fil-kwistjonijiet tal-kummerċ u l-iżvilupp fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kumplessi tal-kummerċ tekniku;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati tal-AKP biex iżommu mad-definizzjoni tal-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp (Development Assistance Committee - DAC) tal-OECD ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance - ODA) waqt il-preparazzjoni ta' dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u reġjonali li għandhom jiġu ffinanzjati mill-għaxar EDF;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-AKP.