Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2010 dwar il-Filippini
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Novembru 2009 magħmula mill-Presidenza tal-UE dwar il-qtil fil-provinċja tal-Maguindanao, il-Filippini, u l-istqarrija tat-2 ta' Diċembru 2009 minn Philip Alston, ir-Relatur Speċjali tan-NU dwar il-qtil ekstraġudizzjarju,
– wara li kkunsidra il-Ftehim tan-NU dwar il-Jeddijiet Ċivili u Politiċi u l-Protokoll Addizzjonali li hemm miegħu, li l-Filippini huma firmatarji tiegħu,
– wara li kkunsidra id-Dokument ta" Strateġija tal-Pajjiż 2007-2013 tal-Kummissjoni għall-Filippini,
– wara li kkunsidra il-Ftehim ta" Finanzjament għall-Programm ta" Appoġġ għall-Ġustizzja UE-Filippini, li ġie ffirmat f'Ottubru 2009 u li kien intiż biex jgħaġġel il-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-perpetraturi tal-qtil ekstraġudizzjarju,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u lokali li se jsiru fil-Filippini nhar it-Tnejn, 10 ta" Mejju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qtil u l-għibien politiku, partikolarment tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti tal-jeddijiet tal-bniedem u mexxejja reliġjużi, għadhom komuni fil-Filippini, u billi l-organizzazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem isemmu aktar minn 1000 qtil u għibien politikament motivat fid-deċennju li għadda,
B. billi l-virtwali impunità tal-perpetraturi u l-inabilità tal-gvern li jittratta b'mod effettiv il-vjolenza politikament motivata fil-pajjiż jagħmulha ferm diffiċli li dawk responsabbli jsir ħaqq minnhom minkejja l-impenji li ntrabat bihom il-gvern bħala parti mir-Reviżjoni Perijodika Universali tiegħu fl-2008,
C. billi mijiet ta" eluf ta" nies għadhom internament spostati minħabba l-kunflitt kontra l-gvern u l-Front Iżlamiku ta' Liberazzjoni Moro u l-Eżerċtu Ġdid tal-Poplu, li għadhom attivi fil-pajjiż, u minħabba l-operazzjonijiet militari kontra l-gruppijiet militari bħalma huma l-Grupp Abu Sayyaf fil-gżejjer-provinċji ta" Sulu u Basilan fil-Mindanao tal-Punent,
D. billi fit-23 ta" Novembru 2009 mitt raġel armat minn milizja lokali mmexxija mill-familja Ampatuan, li magħhom kien hemm uffiċjali tal-forza lokali tal-pulizija, ittorturaw u qatlu brutalment 57 membru ta" konvoj, inklużi l-qraba nisa ta" Esmail Mangudadatu, li wħud minnhom sfaw stuprati, avukati u 30 ġurnalist, li kienu fi triqthom biex tinkiteb il-kandidaturi ta" Mangudadatu għall-ħatra ta" gvernatur tal-provinċja f'Mindanao,
E. billi dan il-massakru, li ħalla l-akbar numru ta' ġurnalisti mejta f'inċident wieħed fi kwalunkwe post fid-dinja, wera b'mod xokkanti kemm il-Filippini nħakmu mis-sinjuri tal-gwerra, mill-korruzzjoni fost il-forzi tas-sigurtà u mill-impunità għall-aktar krimini ħorox,
F. billi fl-24 ta" Novembru 2009, il-Gvern tal-Filippini ddikjara stat ta" emerġenza fiż-żewġ provinċji kkonċernati, u b'hekk il-militar ingħata l-inkarigu li jżomm l-ordni u r-rispett għal-liġi, stieden lil esperti forensi internazzjonali jappoġġjaw l-inkjesta u, fl-4 ta" Diċembru 2009, iddikjara l-liġi marzjali f'Maguindanao għal ġimgħa, l-ewwel darba li ttieħdet deċiżjoni bħal din mill-1972 "il hawn,
G. billi din il-mossa wasslet għall-arrest tal-membri ewlenin tal-familja Ampatuan u x-xili tagħhom bi qtil multiplu u l-kixfa ta" arsenal tal-għaġen ta" armi u eluf ta" karti tal-identifikazzjoni tal-votanti moħbijin, li huma indizji ċari ta" tbagħbis fil-voti favur il-partit politiku tal-President Arroyo, Lakas-Kampi-CMD,
H. billi l-elezzjonijiet fil-Filippini fl-imgħoddi kienu mtebbgħin bil-qtil ekstraġudizzjarju frekwenti ta" opponenti politiċi mwettaq minn armati privati u milizji, ħafna minnhom armati b'armi mogħtijin mill-gvern, imqabbdin minn familji politikament influwenti,
I. billi l-fatt li matul il-kampanja elettorali tal-2007 xi 60 kandidat u fil-kampanja tal-2004 41 kandidat sfaw maqtulin qiegħed iqanqal il-biża' li se jiżdied il-għadd ta' qtil ta' attivisti politiċi aktar ma joqorbu l-elezzjonijiet ta' Mejju 2010,
J. billi l-qtil brutali f'Maguindanao jirrappreżenta pass lura serju għall-paċi u d-demokrazija fil-Filippini u se jkompli jikkomplika t-taħditiet ta" paċi bejn il-Gvern tal-Filippini u l-Front Iżlamiku ta" Liberazzjoni Moro li reġa' beda l-attività tiegħu fit-8 ta' Diċembru 2009 fi Kuala Lampur, bl-għajnuna tal-Gvern tal-Malażja,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-massakru ta" Maguindanao tat-23 ta" Novembru 2009 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-mejtin;
2. Jilqa" r-respons tal-Gvern tal-Filippini għall-massakru, filwaqt li jiddeplora d-dewmien inizjali, u jisħaq li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għandhom ikunu komprensivi u indipendenti u li għandhom ikunu segwiti bi prokeskuzzjonijiet effettivi, inkluż tal-membri tal-forzi tas-sigurtà ssuspettati b'involviment;
3. Huwa mħasseb ħafna li r-rabtiet personali li l-membri tal-amministrazzjoni għandhom mal-familja Ampatuan jistgħu jxekklu aktar milli jgħinu ħalli jkun hemm investigazzjoni imparzjali tal-qtil u jitlob li l-familja Ampatuan tkun interrogata mill-Bureau Nazzjonali tal-Investazzjonijiet;
4. Jitlob li jittieħdu miżuri urġenti ħalli jitħarsu x-xhieda, l-imħallfin, l-avukati u l-prosekuturi kollha involuti fil-investigazzjoni u fil-proċedimenti ġudizzjarji;
5. Jitlob lill-pajjiżi donaturi joffru assistenza forensi, investigattiva u legali u jappoġġjaw lid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Filippini;
6. Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jieħu passi deċiżivi biex itemm il-qtil u l-għibien ekstraġudizzjarju, u li jagħmel dawl fuq il-każijiet l-oħrajn kollha li għadhom mhux riżolti, inkluż dak ta' Jonas Burgos, li għab f'April 2007; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Għibien Forzat;
7. Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jieħu azzjoni deċiżiva ħalli minnufih jieqaf kull finanzjament privat u lokali tal-gruppi awżiljarji tal-pulizija u l-militar u jkun hemm l-iżbandament tal-forzi paramilitari u l-milizji lokali; jilqa" d-deċiżjoni tal-President Arroyo tad-9 ta" Diċembru 2009 dwar din il-kwestjoni u jitlob lis-Sa Arroyo tirrevoka l-Ordni Eżekuttiv 546;
8. Jilqa", f'dan is-sens, il-projbizzjoni dwar l-armi maħruġa mill-Kummissjoni dwar l-Elezzjonijiet bi tħejjija għall-votazzjoni tal-10 ta' Mejju 2010;
9. Jilqa" l-iffirmar f'Ottubru 2009 tal-Ftehim ta" Finanzjament għall-Programm ta" Appoġġ għall-Ġustizzja UE-Filippini (EPJUST), li jalloka €3.9 m b'appoġġ, assistenza u taħriġ fit-tisħiħ tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u jappoġġja x-xogħol tal-Kummissjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem u tal-gruppijiet tas-soċjetà ċivili; jistenna b'ħeġġa r-rapporti dwar il-ħidma tas-sistema ta" monitoraġġ li se titwaqqaf taħt l-EPJUST u se tkun responsabbli biex jinżamm rendikont tal-progress li n-nazzjon tagħmel fit-taqbida kontra l-qtil ekstraġudizzjarju u l-abbużi relatati;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu li d-dikjarazzjoni ta" stat ta" emerġenza min-naħa tal-President, imżewġa mal-għoti ta" poteri akbar lill-forzi armati, li fl-imgħoddi kienu implikati f'għadd ta" qtil ekstraġudizzjarju, ma humiex se jipprevjenu jew inaqqsu l-vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet fil-provinċja ta' Mindanao;
11. Jitlob lill-Gvern tal-Filippini jkattar l-isforzi biex jiġu eliminati episodiji ta' vjolenza politika bil-għan li jkun imħares il-futur tad-demokrazija fil-Filippini; jitlob, b'mod partikolari lill-awtoritajiet, jistabilixxu task force ta' livell għoli b'appoġġ politiku wiesa' ħalli b'mod urġenti jiġu implimentati miżuri ħalli tkun prevjenuta l-vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet fix-xhur qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju u ħalli jittieħdu passi intiżi għall-protezzjoni tal-mezzi tax-xandir u tal-libertà tal-espressjoni b'mod ġenerali;
12. Jilqa" d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tippermetti l-parteċipazzjoni ta" Ang Ladlad fl-elezzjonijiet ta" Mejju, liema deċiżjoni tirrovexxja r-rifjut inizjali fuq "bażijiet morali" mill-Kummissjoni għall-Elezzjonijiet (COMLEC);
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Filippini, llill-Kummissarju Għoli tan-NU għal-Jeddijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.