Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istqarrija magħmula tal-President waqt il-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar il-Jemen tas-27 ta' Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar il-Jemen tal-25 ta' Jannar 2010 u tas-27 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ottubru 2009, magħmula mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-eżitu taż-żjara fil-Jemen tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf, inkluż il-Jemen, bejn it-22 u l-25 ta' Frar 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta" Settembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni globali politika, tas-sigurtà u soċjoekonomika fil-Jemen ilha sejra lura għal ħafna żmien, u dan iqajjem tħassib serju fil-komunità internazzjonali,
B. billi organizzazzjoni affiljata mal-Al Qaeda ħadet ir-responsabilità tal-attentat fallut tat-terrorista Niġerjan Umar Farouk Abdulmuttab, li stqarr li tħarreġ u tgħammar f'kamp tal-Al Qaeda fil-Jemen, biex jisplodi ajruplan fuq Detroit f'Diċembru 2009; billi kwalunkwe deterjorament ulterjuri fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Jemen jista" joffri lill-gruppi ta' terroristi u ribelli fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Al Qaeda, kenn sikur għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta' operazzjonijiet terroristiċi sussegwenti,
C. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkun aggravata aktar minħabba l-gwerra ċivili kontra l-grupp għal qawmien mill-ġdid tax-Xiti Zaidi f'Sa'dah, fit-Tramuntana tal-Jemen, kif ukoll minħabba li faqqgħet il-vjolenza mill-moviment seċessjonista fin-Nofsinhar tal-pajjiż,
D. billi t-terroriżmu diġà kien ilu għaddej għal ħafna snin qabel 9/11, kif wera l-attakk tat-12 ta' Ottubru 2000 fuq il-bastiment USS Cole mill-Al Qaeda, u billi sa mill-2007 t-terroriżmu fil-Jemen intensifika, b'ħafna attakki fuq 'pipelines', faċilitajiet taż-żejt, binjiet tal-gvern, ambaxxati (inklużi l-Ambaxxata Taljana u tal-Istati Uniti), bastimenti u turisti fil-pajjiż,
E. billi l-ġlied lokali fir-reġjun ta' Sa'dah assuma dimensjoni reġjonali meta l-forzi militari tal-Arabja Sawdija kkonfrontaw lir-ribelli fiż-żona tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi u wettqu attakki fuq il-pożizzjonijiet tar-ribelli; billi l-Gvern tal-Jemen allega li elementi Xiti esterni qegħdin jappoġġaw movimenti ribelli fit-Tramuntana tal-pajjiż,
F. billi l-ġlied bejn l-armata Jemenita u ribelli Xijti fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Sa'dah, li beda fl-2004, ħalla aktar minn 175 000 persuna spustata internament u ġġenera kriżi umanitarja fiż-żona,
G. billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi l-kriżi tal-ikel tal-2008 kellha impatt kbir fuq l-ifqar setturi tal-popolazzjoni Jemenita, filwaqt li l-kriżi finanzjarja dinjija, b'mod partikolari t-tnaqqis fid-dħul miż-żejt, kompla joħloq pressjoni mhux sostenibbli fuq il-finanzi pubbliċi, sitwazzjoni aggravata aktar minħabba l-implimentazzjoni limitata ta' riformi ekonomiċi u fiskali li ilhom biex isiru,
H. billi r-riżervi taż-żejt tal-Jemen, is-sors ta' aktar minn 75% tad-dħul tal-pajjiż, waslu biex jispiċċaw, u billi l-pajjiż għandu ftit għażliet vijabbli għal ekonomija sostenibbli meta dan iseħħ,
I. billi problema oħra sinifikanti li qed iħabbat wiċċu magħha l-Jemen hija l-iskarsezza kbira ta' ilma, li hija kkawżata minn diversi fatturi, fosthom il-fatt li l-konsum domestiku qed jikber, il-ġestjoni ħażina tal-ilma, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi u sistemi ta' tisqija li jagħtu lok għal ħafna ħela ta' ilma; billi skont l-istimi tal-gvern, 99% tal-estrazzjoni kollha tal-ilma ssir mingħajr il-liċenzja meħtieġa,
J. billi s-sitwazzjoni li nħolqot minħabba l-problema tan-nuqqas ta' ikel u ilma fil-Jemen hija kkumplikata aktar minħabba l-fatt li l-popolazzjoni hija dipendenti fuq il-"qat", pjanta li titkabbar biex tinbiegħ u li tirrikjedi ħafna tisqija, u li tant qed titkabbar li madwar 40% tar-riżorsi tal-ilma tal-Jemen qegħdin jintużaw għat-tkabbir tagħha; billi l-pajjiż issa sar importatur nett tal-ikel,
K. billi ż-żieda fil-piraterija fil-Golf ta' Aden u l-pressjoni migratorja kontinwa mill-Qarn tal-Afrika huma fatturi oħra li jolqtu l-istabilità tal-pajjiż,
L. billi l-istrett ta' Bab el Mandeb bejn il-Jemen u l-Ġibuti, li huwa wiesa' 18-il mil, għandu importanza strateġika sinifikanti, għax 3.3 miljun barmil żejt (4% taż-żejt kollu li jiġi prodott fid-dinja kuljum) jgħaddi minnu kuljum,
M. billi sa mill-2004 l-UE tat aktar minn EUR 144 miljun f'għajnuna lill-Jemen, li l-akbar parti minnhom marru għall-iżvilupp, u implimentat programmi biex tappoġġa lill-pulizija u lill-gwardja tal-kosta tal-Jemen,
N. billi wara l-attentat fallut fuq l-ajruplan f'Detroit, il-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti ħabbru li se jżidu b'mod sostanzjali l-għajnuna militari u għall-iżvilupp lill-Jemen u se jimpenjaw ruħhom ukoll biex flimkien jiffinanzjaw unità speċifika antiterroristika tal-pulizija Jemenita, kif ukoll jappoġġaw il-gwardja tal-kosta tal-Jemen,
O. billi l-elezzjonijiet parlamentari, li kienu se jsiru f'April 2009, ġew posposti għall-2011 biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi essenzjali tas-sistema elettorali; billi s'issa ma ttieħdu ebda passi konkreti lejn dan il-għan,
P. billi għad baqa' tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura; billi kien hemm każijiet li jinvolvu l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-sitwazzjoni tan-nisa hi partikolarment diffiċli, filwaqt li l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni qed jonqos u jeżisti nuqqas ta' parteċipazzjoni politika attiva,
Q. billi sitt ċittadini Ewropej - ħames Ġermaniżi u wieħed Britanniku - għadhom qed jinżammu ostaġġi wara li ġew maħtufa f'Ġunju 2009, filwaqt li tliet persuni oħra minn dak il-grupp instabu mejtin immedjatament wara li gew maħtufa,
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-problemi tas-sigurtà, politiċi u soċjoekonomiċi fil-Jemen, li ilhom jeżistu u kull ma jmorru qegħdin imorru għall-agħar; jitlob li jsiru sforzi kbar mill-komunità internazzjonali sabiex ikun evitat li tikber il-kriżi attwali u sabiex nersqu lejn l-għan ta' Jemen magħqud, stabbli u demokratiku;
2. Jilqa' r-riżultat tal-laqgħa internazzjonali dwar il-Jemen li saret f'Londra fis-27 ta' Jannar 2010, inkluża l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf li se jorganizza laqgħa għall-pajjiżi tal-Golf u pajjiżi sħab oħra tal-Yemen f'Riyadh fit-22 u t-23 ta' Frar 2010, u l-impenn tal-Gvern tal-Jemen li jkompli bl-aġenda ta' riforma tiegħu u jibda diskussjoni dwar programm tal-FMI; jilqa', barra minn hekk, l-impenn tal-komunità internazzjonali li tappoġġa lill-Gvern tal-Jemen fil-ġlieda kontra l-Al Qaeda u forom oħra ta' terroriżmu, filwaqt li jtenni l-appoġġ tiegħu għal Jemen magħqud u r-rispett tas-sovranità u tal-indipendenza tal-pajjiż;
3. Huwa konvint li l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Jemen tista' tinkiseb biss permezz ta' riformi politiċi u soċjoekonomiċi; għalhekk, jistieden lill-Gvern tal-Jemen jonora l-impenji li għamel mal-komunità internazzjonali u jħaffef il-proċess ta' riforma nazzjonali, politika u ekonomika bil-għan li tissaħħaħ id-demokrazija u li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies;
4. Jilqa' u jappoġġa l-kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Gvern tal-Jemen, speċjalment fl-oqsma tal-iżvilupp, il-pulizija, il-ġustizzja, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar, is-sikurezza marittima, il-kontroterroriżmu u l-bini tal-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsaħħu aktar ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Jemen u jeżaminaw l-aktar modi effikaċi li bihom l-UE tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u politika fil-pajjiż;
5. Itenni t-talba tiegħu għal waqfien mill-ġlied immedjat f'Sa'dah u għall-waqfien mill-vjolenza fin-Nofsinhar tal-Jemen u jesprimi l-opinjoni tiegħu li soluzzjoni politika komprensiva biss tista" tikseb paċi dejjiema; ileħħen tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fit-Tramuntana tal-Jemen; jistieden lill-partijiet kollha jissodisfaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali biex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili fiż-żona u jippermettu li l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tasal fiż-żoni konċernati;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Jemen biex ma jagħmel ebda diskriminazzjoni kontra kwalunkwe grupp etniku jew reliġjuż fil-pajjiż, u jqis l-interess komuni taċ-ċittadini kollha tiegħu fil-politiki tiegħu; jisħaq li azzjonijiet u miżuri kontra t-terroriżmu m'għandhomx jintużaw ħażin għal skopijiet politiċi, speċjalment kontra l-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Al Qaeda ilha preżenti fil-Jemen u li l-preżenza tagħha qiegħda dejjem tikber, u jenfasizza li n-nuqqas ta' azzjonijiet konkreti jista" jwassal għal erożjoni ulterjuri tal-awtorità tal-gvern ċentrali u għal destabbilizzazzjoni fil-Jemen u l-viċinat tiegħu tal-livell li deher fis-Somalja, u dan min-naħa tiegħu se jipprovdi opportunitajiet għal estremisti ggwidati jew imnebbħa mill-Al Qaeda sabiex jerġgħu jingħaqdu, jorganizzaw, jitħarrġu u jniedu operazzjonijiet ta' terroriżmu fit-territorju tal-Jemen jew barra minnu;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex itejbu l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari billi jiżguraw il-libertà tal-midja, id-dritt għal proċess ġust u t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel;
9. Jenfasizza l-importanza ta' ġudikatura indipendenti mgħammra bir-riżorsi u l-kompetenza biex tindirizza r-responsabilità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-arresti arbitrarji u t-tortura; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen biex jiggarantixxi li l-aġenziji umanitarji imparzjali jkollhom aċċess għall-postijiet kollha ta' detenzjoni fil-Jemen u jwaqqaf l-użu ta' siti ta' detenzjoni privati jew mhux awtorizzati;
10. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha fil-Jemen biex jegħlbu l-imblokk attwali tan-negozjati dwar riformi politiċi essenzjali; jenfasizza l-importanza li jsiru l-elezzjonijiet fl-2011 u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex titjieb is-sistema elettorali u tissaħħaħ id-demokrazija, b'mod partikolari billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE wara l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali demokratiċi tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, jissorveljaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali u tal-liġi elettorali li ħolqot il-posponiment tal-elezzjonijiet parlamentari;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u, meta dan jitwaqqaf, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex minnufih jimplimentaw approċċ koordinat u komprensiv tal-UE għall-Jemen, sabiex jiġi evitat l-irduppjar u r-ripetizzjoni tal-assistenza u tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri; jindika li l-koordinament tal-UE hi vitali biex jinkiseb koordinament tad-donaturi globali fil-Jemen, li hija nieqsa ħafna;
12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu, b'kooperazzjoni ma' atturi internazzjonali oħra, aktar assistenza għall-iżvilupp lill-Jemen bil-għan li tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni politika u li jittejbu s-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fil-pajjiż; jitlob, b'mod partikolari, li jitqiesu miżuri ta' assistenza eċċezzjonali fil-kuntest tal-Istrument ta' Stabbiltà u programm speċifiku sabiex tittejjeb l-edukazzjoni fl-ambitu tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; jilqa' l-fatt li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf lest li jiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Jemen; jistieden lill-Gvern tal-Jemen biex jiżgura, b'kooperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, tisħiħ fl-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinament, tqassim u implimentazzjoni;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżguraw li l-għajnuna mogħtija mill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, tintuża biex tappoġġa proġetti li jgawdu minnhom direttament l-akbar għadd ta' persuni possibbli, u li l-effikaċja tagħhom tkun tista' tiġi evalwata fuq il-post; jilqa", f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta" delegazzjoni sħiħa tal-UE f'Sana'a;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw programm speċjali ta' assistenza għall-Jemen, li jkun jinkludi taħriġ għall-uffiċjali Jemeniti li jkun ibbażat fuq l-esperjenzi tal-EUJUST LEX u l-istazzjonar ta' persuni li jagħtu taħriġ fl-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali tal-Jemen, b'mod li jsaħħaħ jew jikkumplimenta sforzi internazzjonali oħra;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jassistu lill-Istati Uniti u lill-Jemen fir-rimpatriju u fis-sistemazzjoni mill-ġdid ta' ċittadini Jemeniti miżmuma mingħajr akkuża fi Guantánamo, fosthom l-40 Jemenit li l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti diġà tat l-awtorizzazzjoni biex jiġu liberati;
16. Jistieden lill-awtoritajiet Jemeniti biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-ħelsien tas-sitt ostaġġi Ewropej li qed jinżammu fit-territorju tal-Jemen;
17. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżżommu informat b'mod sħiħ u immedjat waqt l-istadji kollha tal-proċedura dwar l-iżviluppi u n-negozjati kollha, kif jipprevedi l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.