Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2782(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0029/2010

Testi mressqa :

B7-0029/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/02/2010 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0018

Testi adottati
PDF 320kWORD 86k
L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010 - Strasburgu
It-traffikar tal-bnedmin
P7_TA(2010)0018B7-0029/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-prevenzjoni il-kummerċ fil-bnedmin

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, b'mod speċjali l-Artikoli 4 u 5 tagħha, li jaffermaw li l-kummerċ tal-iskjavi għandu jkun ipprojbit fil-forom kollha tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1949 dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Persuni u tal-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 7, 32, 34 u 35 tagħha, u l-Protokoll mhux obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2000 dwar il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Palermo tan-NU tal-2000 dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tal-Kummerċ fil-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 tal-organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol furzat jew obbligatorju (1930) u l-Konvenzjoni Nru 182, dwar il-projbizzjoni u l-azzjoni immedjata biex ikunu eliminati l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-ILO waqt is-sebgħa u tmenin sessjoni tagħha (1999),

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati f'Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti ta" segwitu li ġew adottati fis-Sessjoni Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Beijing +5 u Beijing +10 dwar azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri biex ikunu implimentati d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing adottati fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005 rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea tal-1997 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Artikolu 22 tal-Protokoll Addizzjonali tal-2002 li jikkonċerna t-Trapjant ta' Organi u Tessuti li Joriġinaw mill-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UNICEF dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal Vittmi tat-Traffikar (2006) u l-Gwida ta' Riferenza dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tat-Tfal Vittmi tat-Traffikar fl-Ewropa (2006),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar Azzjoni kontra l-Kummerċ fil-Bnedmin,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar is-Sitwazzjoni tal-Kriminalità Organizzata,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1611/2003 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-traffikar fl-organi fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kummerċ fil-Bnedmin adottata fl-20 ta' Settembru 2002,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi vittmi tal-kummerċ fil-Bnedmin jew li kienu soġġetti għal azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni (COM(2006)0187),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2005 bit-titolu 'Il-Ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni' (COM(2005)0514),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta" Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu" (COM(2008)0657),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA (COM(2009)0136 finali),

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta" Rotta għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa: 2006-2010 (COM(2006)0092), b'mod partikolari l-azzjoni prijoritarja intiża biex tiġi eliminata l-vjolenza u l-kummerċ imsejsin fuq il-ġeneru,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta" Stokkolma dwar zona ta" libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin,

–   wara li kkunsidra l-Dikjarazzjoni ta" Brussell ta" Ottubru 2009 dwar il-kummerċ fil-bnedmin,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Europol tal-2009 dwar il-kummerċ fil-bnedmin,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Lulju 2009 dwar il-kummerċ fit-tfal fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Globali tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) ta" Frar 2009 dwar il-Kummerċ fil-Persuni,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-6 ta" Frar 2009 tar-Relatur Speċjali tan-NU dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi tal-kummerċ fil-persuni, partikolarment in-nisa u t-tfal, u r-rakkomandazzjonijiet li fih,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan ta" Ġunju 2009 dwar il-Kummerċ fil-Persuni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar din il-kwistjoni(2),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet orali lill-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ fil-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi (O-0148/2009 – B7-0341/2009, O-0149/2009 – B7-0342/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115 (5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-kummerċ tal-persuni huwa forma moderna ta' jasar, reat serju u vjolazzjoni serja tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jirriduċi lill-persuni għal stat ta' dipendenza minħabba theddid, vjolenza u umiljazzjoni,

B.   billi t-traffikar tal-persuni hu negozju ferm profittabbli għall-kriminalità organizzata, b'possibilitajiet ta" qligħ ferm qawwi u b'riskji limitati,

C.   billi l-kummerċ jieħu ħafna forom, relatati pereżempju mal-isfruttament sesswali, ix-xogħol furzat, it-traffikar illegali fl-organi tal-bniedem, it-tallaba, l-adozzjonijiet illegali u x-xogħol domestiku,

D.   billi l-valutazzjoni tal-Europol għall-2009 hi li l-kummerċ fin-nisa għall-isfruttament sesswali ma naqasx u l-kummerċ għax-xogħol furzat qed jiżdied,

E.   billi l-UNODC, fir-Rapport Globali dwar il-Kummerċ fil-Bnedmin, jiddokumenta li l-isfruttament sesswali kien indikat bħala l-aktar forma komuni ta" traffikar tal-bniedem, segwit mix-xogħol furzat, u nnota wkoll li 79% tal-vittmi identifikati ta" traffikar huma nisa u tfajliet,

F.   billi n-nisa li jsibu raġel għaż-żwieġ bil-posta jistgħu jinqabdu fil-morsa ta" ambjent ta" jasar, u jsiru vittmi ta" sfruttament sesswali, xogħol furzat, xogħol domestiku u forom oħra ta" kummerċ fil-bnedmin,

G.   billi t-tfal huma partikolarment vulnerabbli u għalhekk jinsabu f'riskju akbar li jsiru vittmi ta" kummerċ fil-bnedmin,

H.   billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika għandu mnejn twassal għal żieda fil-kummerċ fil-bnedmin, billi tisfrutta l-ħtieġa tal-vittmi potenzjali li jsibu impjieg deċenti u jaħarbu mill-faqar,

I.   billi l-portata u s-severità ta" din il-problema huma allarmanti:

   ir-rapport tal-2009 tal-Europol dwar il-kummerċ fil-bnedmin fl-Unjoni Ewropea jindika li din hi attività ekonomika li tħalli l-miljuni ta' ewri/dollari fis-sena;
   miċ-ċifri disponibbli, huwa raġonevoli li jkun stmat li bosta mijiet ta' eluf ta' persuni huma kkumerċati lejn l-UE jew fl-UE ta" kull sena;
   fl-2008 l-Eurojust fetħet 83 każ ta" kummerċ fil-bnedmin, żieda ta" 10% apparagun mal-2007 (71 każ),

J.   billi l-qafas legali tal-UE dwar il-kummerċ fil-bnedmin bħalissa hu msejjes l-aktar fuq dan li ġej:

   Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin, intiża li tiżgura grad minimu ta' armonizzazzjoni fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali;
   Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti,

K.   billi l-esperjenza tgħallem li dan il-qafas legali la huwa suffiċjentement effettiv u lanqas ma huwa adegwatament implimentat, u li b'konsegwenza ta' hekk l-UE għandha tieħu azzjoni isħaħ,

L.   billi f'Marzu 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal deċiżjoni qafas dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ fil-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi (2002/629/JHA, COM(2009)0136 finali), bil-għan li ssaħħaħ id-deċiżjoni qafas attwali permezz ta" sanzjonijiet aktar iebsa, protezzjoni aħjar tal-vittmi u miżuri preventivi aktar attivi,

M.   billi, minkejja l-isforzi tal-Presidenza Svediża, it-test baqa' ma ġiex addottat, u billi hemm probabbiltà li fil-futur qrib tkun preżentata proposta għal strument legali ġdid fl-ambitu tal-qafas legali tat-Trattat ta' Lisbona,

N.   billi t-Trattat ta" Lisbona se jsaħħaħ l-azzjoni tal-UE fil-qasam ġudizzjarju u tal-koperazzjoni tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, inkluża l-ġlieda kontra l-kummerċ fil-bnedmin, u l-Parlament, bħala koleġiżlatur, se jkollu rwol sħiħ x'jilgħab f'dal-kuntest,

O.   billi l-azzjoni kontra l-kummerċ fil-bnedmin ma tistax tkun limitata għall-istrumenti leġiżlattivi imma għandha wkoll tinkludi sforzi mhux legizlattivi, b'mod partikolari bil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' miżuri adottati, tal-ġbir u l-qsim ta' informazzjoni, tal-kooperazzjoni u l-bini tas-sħubija kif ukoll tal-qsim flimkien tal-aħjar prattiki,

P.   billi hu kruċjali li jkunu involuti mill-bidu u f'kull stadju l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dal-qasam: mill-identifikazzjoni sal-għoti tal-assistenza lill-vittmi, inkluż fil-proċess leġiżlattiv,

Q.   billi attwalment m'hemm l-ebda data preċiża dwar dan il-fenomenu u ċ-ċifri disponibbli jidhru li jissottovalutaw l-ambitu veru tiegħu, peress li dan hu għamla ta' reat li jiġi pperpetrat fil-moħbi u ħafna drabi ma jinqabadx jew jisfa identifikat ħażin; billi jeħtieġ li jkun hemm aktar riċerka dwar kif iseħħ il-kummerċ, min iwettqu, kif id-domanda taffettwa l-fornitura ta" servizzi mill-vittmi u min huma l-vittmi u għaliex, u dwar mezzi biex tkun skoraġġita d-domanda; u billi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u pajjiżi terzi jeħtieġ li jitjiebu fi-kwalità,

R.   billi l-azzjoni futura jeħtieġ li tibda permezz ta" approċċ integrat li jlaqqa" l-prevenzjoni u t-trażżin kif ukoll il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza lill-vittmi, u jinkludi kooperazzjoni imsaħħa fost kulmin hu involut,

S.   billi jekk titnaqqas id-domanda tax-xerrejja potenzjali ta" servizzi u prodotti forniti mill-vittmi tal-kummerċ fil-bnedmin, tkun qed jitnaqqsu wkoll il-profitti mill-kummerċ fil-bnedmin, u b'hekk tonqos ukoll il-provvista ta" dawn is-servizzi u l-prodotti tonqos,

T.   billi l-integrazzjoni soċjali tal-vittmi potenzjali għandha effett preventiv indirett, li jgħin ħalli ma jibqgħux jiġu rivittimizzati jew ma jsirux huma stess kummerċjanti potenzjali,

U.   billi l-koperazzjoni u s-sħubija bejn l-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, in-NU u pajjiżi terzi – b'mod partikolari mal-pajjiżi oriġinarji tal-persuni vittmi tal-kummerċ u mal-Istati Uniti, bħala pajjiż solitament magħruf bħala pajjiż destinatarju – huma kruċjali sabiex ikunu protetti d-drittijiet fundamentali u jkun miġġieled b'mod effettiv il-kummerċ,

V.   billi, fit-twaqqif u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-politiki u l-miżuri marbutin mal-kummerċ fil-bnedmin għandha tingħata attenzjoni għalbiex ikun żgurat li tali eżitu ma jkunx diskriminatorju fuq bażi ta' nazzjonalità, razza, kulur tal-ġilda, ġeneru, reliġjon, fehmiet politiċi jew oħrajn, estrazzjoni soċjali jew status oħra,

Aspetti ġenerali

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:

   jiżviluppaw azzjoni kontra l-kummerċ fil-bnedmin billi jużaw approċċ olistiku bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kummerċ, il-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi;
   jadottaw approċċ iffukat fuq il-vittma, li jfisser li kull tip ta" vittma potenzjali għandha tkun identifikata, immirata u protetta, b'attenzjoni speċjali mogħtija lit-tfal u gruppi oħra li jinsabu f'riskju;
   jistabbilixxu, taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju għall-Ġustizzja u d-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, koordinatur tal-UE kontra l-kummerċ sabiex jikkoordina l-azzjoni u l-politiki tal-UE f'dan il-qasam – inklużi l-attivitajiet tan-netwerk tar-relaturi nazzjonali – u jgħaddi rapport kemm lill-Parlament Ewropew u kemm lill-Kumitat Permanenti għall-Koperazzjoni Operattiva dwar is-Sigurtà Interna (COSI);
   jiżguraw li l-ġlieda kontra l-kummerċ fil-bnedmin tibqa" prijorità importanti fuq l-aġenda tagħhom matul żminijiet ta" kriżi ekonomika u finanzjarja pereżempju meta jippreparaw il-pjanijiet ta" rkupru;
   jiżguraw li l-politiki dwar it-traffikar fil-bnedmin ikopru l-aspetti marbutin mal-affarijiet soċjali u l-inklużjoni soċjali, u jinsistu fuq programmi xierqa u metodi effettivi għalbiex tkun żgurata r-riabilitazzjoni soċjali tal-vittmi, inklużi miżuri marbutin mas-suq tax-xogħol u mas-sistema tas-sigurtà soċjali;
   jagħtu d-debita attenzjoni għad-dimensjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-kummerċ fil-bnedmin u għad-dimensjoni tal-politiki tal-immigrazzjoni, tal-ażil u tar-reintegrazzjoni;
   iħaddmu kampanji ta" informazzjoni fis-sistema edukattiva u skolastika fil-pajjiżi oriġinarji, ta" tranżitu u destinatarji għall-kummerċ;
   ipoġġu l-aħjar interessi tat-tfal bħala konsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha kontra l-kummerċ, bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
   jindirizzaw il-politiki, l-istrateġiji u l-miżuri kollha dwar il-kummerċ minn perspettiva tal-generu;
   isaħħu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
   jistabilixxu u jsaħħu koperazzjoni kontinwa mal-NGOs li jaħdmu f'dan il-qasam;
   jistabbilixxu pjattaforma permanenti fil-livell tal-UE li tiġbor l-isforzi tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-istituti, il-pulizija, is-servizzi tad-dwana, l-uffiċjali tal-akkwist u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-UE f'livell reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri, kif ukoll fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs;

2.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar l-Azzjoni kontra l-Kummerċ fil-Bnedmin;

Ġbir ta" informazzjoni

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni – sabiex jiksbu l-akbar informazzjoni possibbli, sabiex jieħdu azzjoni minħabba:

   il-pubblikazzjoni ta" kull sena ta" rapport konġunt mill-Eurojust, il-Europol u l-Frontex, li jkun ippreżentat lill-PE u lill-parlamenti nazzjonali kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. Dan ir-rapport konġunt, li l-preżentazzjoni tiegħu għandha tkun segwita minn smigħ pubbliku mal-NGOs u s-soċjetà ċivili ħalli jkun jistgħu jżidu miegħu l-għarfien espert tagħhom, għandu jippromwovi l-ħidma favur komprensjoni aħjar tas-segwenti:
   il-kawża fundamentali;
   il-fatturi fil-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni li jiffaċilitaw il-kummerċ fil-bnedmin;
   ix-xejriet attwali fir-rigward tal-vittmi, tal-kummerċjanti u tan-netwerks kriminali u tal-modus operandi tagħhom;
   ir-rotot użati, iċ-ċirkostanzi lokali fil-pajjiżi destinatarji li jwasslu għall-użu tas-servizzi reżi mill-bnedmin ikkumerċjati, u l-forom differenti tal-isfruttament (l-isfruttament sesswali, l-isfruttament lavorattiv, it-traffikar fl-organi, il-kummerċ fit-tfal, inkluż għall-iskop ta" sfruttament minn min jagħmel reati marbutin mal-ivvjaġġar għas-sess, il-produzzjoni ta" xbihat sesswali abbużivi tat-tfal, u forom oħrajn ta" sfruttament li jmissu mal-kummerċ fil-bnedmin imma ma jidħlux espliċitament fid-definizzjoni tal-istess, bħalma hu t-tlib u l-kriminalità żgħira);
   l-iżvilupp ta" mudell komuni tal-UE għall-ġbir u t-tqabbil ta" data relatata mal-aspetti kollha ta" kummerċ fil-bnedmin, inklużi l-età u l-ġeneru, biex jintuża fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi terzi, filwaqt li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni relevanti dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġett tad-data;
   it-twaqqif, b'konformità mal-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ta" sistema ta" valutazzjoni ta" kull sena li tkun obbjettiva u imparzjali b'attenzjoni speċifika għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ fil-bnedmin, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ikun infurmati b'mod sħiħ;
   il-valutazzjoni tal-informazzjoni u tal-kampanji ta" sensibilizzazzjoni li jitmexxew u jkunu żviluppati kemm fl-Istati Membri u kemm fil-pajjiżi terzi;

Prevenzjoni

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni suġġerita dwar il-prevenzjoni li hemm fil-proposta tal-Kummissjoni u jistieden li tittieħed aktar azzjoni;

5.  Jenfasizza li miżuri oħra leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, inklużi miżuri edukattivi, soċjali, kulturali u amministrattivi, kif ukoll kampanji ta" sensibilizzazzjoni immirati għall-pubbliku ġenerali, għandhom ikunu adottati u msaħħa mill-Istati Membri sabiex titnaqqas id-domanda għal servizzi li jitwettqu minn persuni vittmi ta" kummerċjanti;

6.  Jistieden li jkun hemm kampanji massiċċi ta" informazzjoni u ta" sensibilizzazzjoni, li jitmexxew u jkunu żviluppati kemm fl-Istati Membri u kemm fil-pajjiżi terzi li jintwera li huma post tat-tluq jew ta" stop-over għall-kummerċ, maħsuba biex jilħqu kemm lill-vittmi potenzjali tal-kummerċ u kemm lix-xerrejja potenzjali ta' servizzi minn persuni vittmi tal-kummerċjanti;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi ta" sensibilizzazzjoni – maħsuba biex jiġbdu l-attenzjoni tat-tfal dwar nasbiet li jistgħu faċilment iwasslu għall-kummerċ f'pajjiżi tal-oriġini, ta" tranżitu u ta" destinazzjoni;

Prosekuzzjoni

8.  Jitlob jkun adottat malajr kemm jista" jkun qafas legali eżawrijenti u komprensiv, inklużi politiki kontra l-kriminalità permezz tal-internet marbuta mal-kummerċ;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-elementi li ġejjin meta jfasslu kwalunkwe proposta futura għal strument leġiżlattiv f'dan il-qasam:

   a. l-ebusija tal-pieni u tas-sanzjonijiet għal dawk – inklużi persuni legali – li jagħmlu profitt mill-kummerċ fil-bnedmin għandha tirrifletti l-gravità tar-reat u jkollha effett diswassiv, filwaqt li l-kummerċ fit-tfal għandu jkun ikkastigat b'mod partikolarment sever;
   b. azzjoni addizzjonali li għandha tiffoka fuq il-protezzjoni tal-vittmi – b'kunsiderazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni tat-tfal u tan-nisa – billi, inter alia, ikun żgurat li l-assistenza għall-vittmi tkun inkondizzjonata, li l-kunsens tal-vittma sfruttata ikun dejjem irrilevanti u li l-vittmi jkunu intitolati għall-assistenza irrispettivament mir-rieda tagħhom li jikkooperaw fi proċedimenti kriminali;
   c. aktar prevenzjoni u azzjoni tista" wkoll tiffoka fuq l-utenti tas-servizzi ta" persuni vittmi tal-kummerċjanti;
   d. għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-ħtieġa li tkun provduta ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali għar-reati marbutin mal-kummerċ, fir-rigward kemm ta" nazzjonali kif ukoll ta" residenti tal-UE;
   e. kull dispożizzjoni dwar ġurisdizzjoni għandha tkun ikkoordinata fl-abbozz tad-deċiżjoni qafas dwar il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali;

10.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali – ladarba l-leġiżlazzjoni ma jkollha l-ebda effett jekk kemm-il darba ma tkunx implimentata korrettement – sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ fil-bnedmin f'livell nazzjonali u malajr kemm jista" jkun jirratifikaw u jimplimentaw strumenti legali oħra relatati ma" dan il-qasam;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni f'livell operattiv bejn il-korpi tal-UE bħall-Eurojust u l-Europol;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżultati pożittivi miksubin mit-timijiet konġunti ta' investigazzjoni u jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu akbar minn din l-għodda;

13.  Jisħaq dwar l-importanza tal-għoti tal-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi tal-kummerċ , u barra minn hekk, jitlob lill-Frontex u lill-agenziji nazzjonali tal-kontroll tal-fruntieri li fl-attivitajiet tagħhom jiddefinixxu prattiki komuni biex ikunu jistgħu jkabbru l-kuxjenza tal-persunal tagħhom dwar il-kwistjoni tal-kummerċ fil-bnedmin u biex jidentifikaw il-vittmi tal-kummerċ u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

14.  Jitlob, ladarba r-respressjoni ma tistax tkun limitata għall-konfini tal-UE, li jiġu konklużi ftehimiet komprensivi – inklużi d-dispożizzjonijiet għall-jeddijiet fundamentali – ma" pajjiżi terzi u li tissawwar kooperazzjoni, soġġetta dejjem għal regoli stretti, ma' dawk il-pajjiżi;

Protezzjoni, appoġġ u għajnuna lill-vittmi

15.  Jitlob li l-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi jsiru prijorità fl-azzjonijiet kollha tal-UE f'dan il-qasam, u li l-vittmi jirċievu l-għajnuna kollha possibbli sa mill-ewwel mument li jkunu identifikati bħala tali, liema għajnuna tkun tinkludi wkoll dan li ġej:

   aċċess għal tal-anqas permess temporanju ta" residenza irrispettivament mill-volontà tagħhom li jikkooperaw fi proċedimenti kriminali u aċċess semplifikat għas-suq tax-xogħol, inkluż l-għoti ta" taħriġ u forom oħrajn ta" titjib il-ħiliet bħala minimu fuq il-bażi tad-Direttiva Nru 2004/81/KE;
   aċċess għal akkommodazzjoni sigura xierqa u servizzi adegwati ta' appoġġ speċjalizzat, inklużi l-għoti ta' ħlas għall-ikel/għas-sussistenza, aċċess għall-kura medika ta' emerġenza, aċċess għal servizzi ta' għajnuna psikoloġika, ta' traduzzjoni u interpretar, fejn dan ikun f'loku, għajnuna biex jikkuntattjaw lil qrabathom u ħbiebhom, u aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal
   politika semplifikata ta" riunifikazzjoni tal-familji għall-vittmi, partikolarment fejn dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tagħhom;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-vittmi partikularment vulnerabbli bħalma huma t-tfal u n-nisa, u jitlob li jkun hemm assistenza u programmi apposta għalihom;

17.  Jisħaq li l-vittma tal-kummerċ għandhom jirċievu l-akbar protezzjoni, appoġġ u assistenza possibbli, inkluż fejn ikunu ġew ikkumerċjati barra mill-UE u mhux fiha;

18.  Jitlob li l-vittmi jingħataw għajnuna professjonali, inkluża l-assistenza legali b'xejn (li hija essenzjali għalbiex ikunu jistgħu jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta" koerċiżżjoni li jistgħu jsibu ruħhom fihom), u dan meta jitqies li ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji u b'hekk ma jkunux jistgħu jħallsu għal tali assistenza;

o
o   o

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2006 dwar strateġiji ta' prevenzjoni kontra l-kummerċ fin-nisa u t-tfal li jkunu vulnerabbli għall-isfruttament sesswali; Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni (2006/2078(INI)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza