Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2811(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0069/2010

Testi mressqa :

B7-0069/2010

Dibattiti :

PV 09/02/2010 - 12
CRE 09/02/2010 - 12

Votazzjonijiet :

PV 10/02/2010 - 9.12
CRE 10/02/2010 - 9.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0022

Testi adottati
PDF 332kWORD 74k
L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010 - Strasburgu
Miri ewlenin tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni CITES
P7_TA(2010)0022B7-0069/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-15-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Fawna u Flora Slavaġ f'Periklu (CITES), li se ssir f'Doha (il-Qatar) bejn it-13 u l-25 ta' Marzu 2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP 15) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Fawna u Flora Slavaġ f'Periklu (CITES) li se ssir bejn it-13 u l-25 ta' Marzu 2010 f'Doha, il-Qatar,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-2 ta" Diċembru 2009 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-objettivi għall-Konferenza tal-Partijiet tas-CITES f'Doha, bejn it-13 u l-25 ta" Marzu 2010 (O-0145/2009 – B7-0003/2010, O-0146/2009 – B7-0004/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-CITES hi l-ikbar ftehim globali eżistenti ta' konservazzjoni tal-fawna u l-flora slavaġ, għall-prevenzjoni tal-isfruttar żejjed tagħhom minħabba l-kummerċ internazzjonali, b'175 parti, inklużi s-27 Stat Membru,

B.   billi l-konsum mill-bniedem ta' riżorsi naturali, il-qerda tal-ambjenti naturali, it-tibdil fil-klima, l-isfruttament żejjed ta' speċijiet slavaġ u l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora slavaġ huma l-kawżi ewlenin tal-eżawriment tal-bijodiversità tad-dinja,

C.   billi rapporti xjentifiċi jbassru li t-tibdil fil-klima se jiggrava t-telf tal-bijodiversità u s-sitwazzjoni ta' speċijiet fil-periklu,

D.   billi s-CITES għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq ix-xjenza, u billi x-xogħol tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u l-Analiżi tar-Reġistri Kummerċjali tal-Flora u l-Fawna fil-Kummerċ (TRAFFIC) għandhom rwol importanti biex jipprovdu l-partijiet tas-CITES b'valutazzjoni dettaljata tal-proposti biex jiġu emendati l-Appendiċijiet tas-CITES,

E.   billi l-kuxjenza pubblika fil-pajjiżi konsumaturi kienet u għadha essenzjali għall-kontroll tal-kaċċa illegali u tal-kummerċ internazzjonali illegali ta' speċijiet ta' fawna u flora slavaġ f'periklu,

F.   billi l-qtugħ illegali ta" siġar jista" jinkludi l-kummerċ tal-ispeċi tal-flora elenkati mis-CITES u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam għandha tiżgura li l-problema tal-qtugħ illegali ta" siġar tiġi indirizzata b'mod effikaċi,

G.   billi l-kummerċ illegali jnaqqas serjament l-importanza tal-aġenda dinjija ta' sostenibilità ambjentali u tal-iżvilupp, kif ukoll tal-governanaza tajba u jiffaċilita t-tixrid ta' mard li jittieħed,

H.   billi l-ispeċijiet tas-CITES huma elenkati fl-Appendiċijiet tas-CITES skont l-istatus ta' konservazzjoni tagħhom u għax huma effettwati jew jistgħu jiġu effettwati mill-kummerċ; billi l-Appendiċi I tas-CITES jinkludi speċijiet f'periklu ta' estinzjoni li l-kummerċ internazzjonali tagħhom huma projbit; billi l-Appendiċi II tas-CITES jinkludi speċijiet li l-kummerċ tagħhom irid jiġi kontrollat sabiex jiġi evitat użu inkompatibbli mas-sopravivenza tagħhom; billi l-Appendiċi III tas-CITES jinkludi fih speċijiet li huma protetti f'mill-inqas pajjiż wieħed, li jkun talab lil Partijiet oħra tas-CITES għal assistenza biex jikkontrollaw il-kummerċ,

I.   billi l-Prinċipat ta' Monako ppreżenta proposta sabiex it-tonn tal-pinna blu tat-tramuntana jitniżżel fl-Appendiċi I tas-CITES biex tiġi stabbilita sospensjoni interim tal-kummerċ internazzjonali fl-ispeċi,

J.   billi l-kumitat xjentifiku tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fil-laqgħa tiegħu ta' bejn il-21 u t-23 ta' Ottubru 2009, ikkalkula li l-bijomassa ta' stokk ta' riprodutturi tat-tonn tal-pinna blu tat-tramuntana hija inqas minn 15% ta' dak li kienet meta beda s-sajd, u għaldaqstant dan jikkonferma li l-ispeċi tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi elenkata fl-Appendiċi I tas-CITES,

K.   billi l-pixxiplamtu (Lamna nasus) u l-mazzola tax-xewka (Squalus acanthias) huma vulnerabbli ħafna għal sfruttament żejjed minħabba s-sajd u jdumu ħafna biex jirkupraw minħabba l-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom (jikbru bil-mod, jimmaturaw tard, kapaċità riproduttiva baxxa, lonġevità u ż-żmien twil ta" ġenerazzjoni),

L.   billi l-elenkar tal-Appendiċi II tas-CITES għal dawk l-ispeċijiet huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-kummerċ internazzjonali tal-ġejjieni jiġi fornut minn sajd immaniġġjat b'mod sostenibbli u rreġistrat b'mod preċiż li ma jagħmilx ħsara lill-istatus tal-popolazzjonijiet slavaġ li jisfrutta,

M.   billi r-Riżoluzzjoni Conf. 9.24 tas-CITES tistipula li l-ispeċijiet jikkwalifikaw għall-elenkar fl-Appendiċi I tas-CITES jekk, inter alia, dawn "huma jew jistgħu jkunu affettwati mill-kummerċ" u jekk dawn juru "tnaqqis serju fid-daqs tal-popolazzjoni fl-ambjent naturali, li ġie dedott jew ipproġettat fuq il-bażi ta' tnaqqis fiż-żona tal-ħabitat jew ta' tnaqqis fil-kwalità tal-ħabitat",

N.   billi l-orsijiet polari huma mhedda b'mod gravi bit-telf tal-ambjent naturali tagħhom minħabba t-tibdil fil-klima li qed iwassal biex jonqsu l-popolazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tal-inħawi fejn joqogħdu, u billi qed jiġu effettwati b'mod negattiv minħabba l-kummerċ ta' partijiet minn ġisimhom, li żdied mis-snin disgħin 'l hawn,

O.   billi l-Partijiet tas-CITES qablu waqt l-14-il laqgħa tagħhom (CoP 14) li m'għandux ikun hemm proposti ulterjuri għall-kummerċ fl-avorju għal perjodu ta" mill-inqas disa" snin,

P.   billi s-sejħa inizjali, fid-diskussjonijiet fil-CoP 14, kienet għal perjodu ta' mistrieħ ta' 20 sena u billi minn dak iż-żmien "l hawn kien hemm qabdiet sinifikanti ta' avorju u rapporti ta' kaċċa illegali mifruxa u f'livelli li dejjem qed jiżdiedu,

Q.   billi l-popolazzjonijiet tal-felini slavaġ fl-Asja jibqgħu mhedda mill-kaċċa illegali, id-distruzzjoni tal-ambjent naturali tagħhom u tnaqqis kbir fl-ammont tal-annimali li jieklu, u billi, minkejja talbiet ripetuti, kien hemm nuqqas ta' progress diżappuntanti f'diversi oqsma fir-rigward ta" azzjoni drastika biex jitwaqqaf it-tnaqqis fl-għadd ta' tigri u felini slavaġ oħra,

R.   billi d-Deċiżjoni 14.69 tas-CITES, adottata fil-CoP 14, talbet lill-Partijiet li għandhom operazzjonijiet intensivi ta" trobbija biex jiżguraw li t-tgħammir u t-trobbija ta' felini slavaġ Asjatiċi fl-għeluq għandu jkun maħsub biss għall-konservazzjoni, u ddikjarat li t-tigri m'għandhomx jitrabbew għall-kummerċ tal-partijiet jew tad-derivattivi tagħhom,

S.   billi r-Rakkomandazzjonijiet riċenti ta' Kathmandu enfasizzaw l-importanza li jiżdied l-involviment ta' korpi internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, bħall-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation - WCO), l-Uffiċċju tan-NU dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) u s-CITES, fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-fawna u l-flora slavaġ, u talab li l-unitajiet tar-reati ambjentali ta' dawn il-korpi jiġu msaħħa għal dan l-iskop,

T.   billi d-Deċiżjonijiet 14.35 u 14.36 tas-CITES ġew adottati mill-CoP 14 (li saret f'The Hague fl-2007), u billi l-fatt li l-anonimità u l-firxa globali tal-Internet jistgħu jnaqqsu b'mod drastiku l-kapaċità tal-Partijiet tas-CITES li jiġġieldu l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora slavaġ; billi ż-żieda rapida fil-kummerċ elettroniku ta" eżemplari ta" speċi elenkati fis-CITES hija ta" theddida serja għas-sopravivenza ta" ħafna speċi; billi n-natura globali tal-Internet tagħmilha diffiċli għall-Partijiet tas-CITES biex jinfurzaw il-liġi nazzjonali u internazzjonali fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom; u billi l-kummerċ elettroniku fil-fawna u flora slavaġ u fil-prodotti tagħhom irid dejjem jitqies bħala kummerċ internazzjonali potenzjali,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-prinċipju ta' prekawzjoni bħala l-prinċipju ewlieni fid-deċiżjonijiet tagħhom kollha dwar dokumenti ta' ħidma u proposti ta' elenkar u jqisu wkoll il-prinċipju ta' min juża jħallas, l-approċċ tal-ekosistemi u l-prinċipji ta' konservazzjoni tradizzjonali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn is-CITES u konvenzjonijiet oħra relatati mal-bijodiversità ma ddgħajjifx in-natura tas-CITES bħala ftehim ta' konservazzjoni globali jew il-miżuri stretti ta' konservazzjoni tas-CITES;

3.  Jopponi bis-sħiħ l-użu tal-vot sigriet u huwa ddiżappuntat li l-Kumitat Permanenti tas-CITES ma ppreżentax proposti biex tiġi eskluża l-possibilità tal-votazzjoni sigrieta fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tas-CITES;

Tonn tal-pinna blu

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri biex jappoġġjaw l-elenkar tat-tonn tal-pinna blu (Thunnus thynnus) fl-Appendiċi I tas-CITES, jekk jiġu sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

   garanzija li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 li jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċijiet ta" fawna u flora slavaġ permezz tal-kontroll tal-kummerċ tagħhom se jkun emendat sabiex tiġi introdotta deroga ġenerali għall-kummerċ intern, li tippermetti li s-sajd tradizzjonali mal-kosta jkompli jsir;
   l-għoti ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea għall-baħħara u s-sidien tal-bastimenti milquta minn din id-deċiżjoni;
   kontrolli aktar stretti u ta' sanzjonijiet aktar ibsin biex jiġi kkumbattut ikontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kumpens finanzjarju lis-settur tas-sajd li jista" jintlaqat mill-inklużjoni potenzjali tat-tonn tal-pinna blu fl-Appendiċi I tas-CITES, sabiex titħares is-sostenibilità ekonomika tas-settur;

Klieb il-Baħar

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-proposta mressqa mill-Isvezja f'isem l-Istati Membri għall-elenkar ta' żewġ speċijiet ta' kelb il-baħar: il-pixxiplamtu (Lamna nasus) u l-mazzola tax-xewka (Squalus acanthias) fl-Appendiċi II tas-CITES; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw din il-proposta;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-elenkar tal-ħames speċijiet ta' kelb il-baħar, jiġifieri: il-kurazza rara (Sphyrna lewini), il-kurazza l-kbira (Sphyrna mokarran), il-kurazza komuni (Sphyrna zygaena,) il-kelb il-baħar il-griż (Carcharhinus plumbeus) u l-kelb il-baħar l-iskur (Carcharhinus obscurus) fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Istati Uniti tal-Amerika;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-elenkar tal-kelb il-baħar ta' denbu bit-tebgħa (Carcharhinus longimanus) fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Istati Uniti tal-Amerika;

Orsijiet Polari

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw it-trasferiment tal-Ors Polari (Ursus maritimus) mill-Appendiċi II tas-CITES għall-Appendiċi I tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Istati Uniti tal-Amerika.

Iljunfanti u Avorju

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrifjutaw:

   il-proposta tat-Tanzanija u taż-Żambja li l-iljunfant Afrikan (Loxondonta africana) jitniżżel mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II tas-CITES bl-għan ta' kummerċ;
   il-proposti kollha biex jitbaxxa l-livell tal-elenkar għall-iljunfanti Afrikani mill-inqas sakemm tkun tista' ssir evalwazzjoni vera tal-bejgħ ta" darba ta" Novembru 2008 mill-Botswana, in-Namibja, l-Afrika t'Isfel u ż-Żimbabwe, billi hemm evidenza dejjem tiżdied ta" kummerċ illegali u organizzat fl-Afrika kollha;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposta tal-Kenja, il-Gana, il-Liberja, il-Mali, is-Sjerra Leone, it-Togo, il-Kongo u r-Rwanda biex jinkludu annotazzjoni għall-iljunfanti Afrikani li twaqqaf kwalunkwe proposta ġejjiena ta' kummerċ fl-avorju jew li l-popolazzjonijiet tal-iljunfanti jitniżżlu fil-listi tas-CITES mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II, sa 20 sena wara d-data tal-bejgħ ta' darba tal-avorju li sar f'Novembru 2008;

12.  Iħeġġeġ lill-Partijiet tas-CITES li bbenefikaw mill-bejgħ ta' darba ta' ħażniet tal-avorju li kellu l-gvern biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Fond għall-Iljunfanti Afrikani biex jittejbu l-inizjattivi ta' infurzar u kontra l-kaċċa illegali;

13.  Iħeġġeġ konsultazzjoni usa' u aktar inklużiva mal-istati kollha li għandhom ranges tal-iljunfanti biex jikkunsdiraw azzjoni li permezz tagħha jitbaxxa l-livell tal-elenkar tal-iljunfanti Afrikani u l-bejgħ ta' darba sussegwenti;

14.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' metodi aktar sodi għall-monitoraġġ tal-kummerċ illegali fl-avorju, li jkun jinvolvi firxa wiesgħa ta' atturi;

Tigri u felini Asjatiċi

15.  Jilqa" l-proposta tal-UE għat-tisħiħ tar-Riżoluzzjoni Conf. 12.5 tas-CITES dwar il-konservazzjoni tat-tigri u l-kummerċ tagħhom u ta' speċijiet ta" felini kbar oħra fl-Appendiċi I;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-isforzi sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali fil-partijiet u d-derivattivi ta" felini kbar tal-Asja, b'enfasi li jgħinu biex itejbu l-iskambju tal-infurzar u tal-informazzjoni, b'mod partikulari billi jtejbu l-ħiliet tal-Interpol, il-UNODC, id-WCO u s-CITES li jittrattaw il-kriminalità marbuta mal-flora u l-fawna slavaġ u li jipprovdu taħriġ;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw sforzi biex tonqos id-domanda għal partijiet u derivattivi ta' felini kbar tal-Asja fost il-popolazzjoni lokali u f'pajjiżi oħra;

Speċijiet oħra

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposti li ġejjin:

   l-elenkar ta' Corallium spp. u Paracorallium spp. fl-Appendiċi II tas-CITES, imressqa mill-Isvezja f'isem l-Istati Membri;
   l-elenkar ta' Bulnesia sarmientoi fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Arġentina;
   it-trasferiment ta' Uromastyx ornata minn Appendiċi II għal Appendiċi I tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Iżrael;
   l-elenkar tal-gremxula tal-ilma bit-tikek ta" Kaiser (Neurergus kaiseri) fl-Appendiċi I tas-CITES, skont il-proposta tal-Iran;
   l-elenkar tal-ispeċijiet ta" igwana Ctenosaura bakeri, C. oedirhina u C. melanosterna fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Ħonduras;
   l-elenkar taż-żrinġijiet Agalychnis spp. fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Ħonduras u tal-Messiku;
   l-elenkar tal-igwana tal-Gwatemala Ctenosaura palearis fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Gwatemala;
   l-elenkar ta" pau rosa (Aniba rosaedora) fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Brażil;
   l-elenkar ta" Dynastes satanas fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Madagaskar;
   l-elenkar ta" Beccariophoenix madagascariensis fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Madagaskar;
   l-elenkar ta" Dypsis decaryi fl-Appendiċi II tas-CITES, bi qbil mal-proposta tal-Madagaskar;

19.  Jilqa" b'sodisfazzjon u jappoġġa l-proposti ta" elenkar tal-pjanti u tal-ispeċijiet ta" żerriegħa tal-pjanti kif imressqa mill-Madagaskar;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jopponu l-proposti li ġejjin:

   it-tħassir tal-linċi żgħir (Lynx rufus) mill-Appendiċi II tas-CITES;
   it-trasferiment tal-kukkudrill ta" Morelet (Crocodylus moreletti) mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II tas-CITES (proposta mill-Beliże u l-Messiku);
   it-trasferiment tal-popolazzjoni Eġizzjana tal-kukkudrill tan-Nil (Crocodylus niloticus) mill-Appendiċi I għall-Appendiċi II tas-CITES (proposta mill-Eġittu);

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċħdu l-proposta tal-Istati Uniti u tal-Messiku biex it-tengħuda tal-irdumijiet (Euphorbia misera) titneħħa mill-Appendiċi II tas-CITES;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni internazzjonali fl-implimentazzjoni tas-CITES;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-inklużjoni ta" lingwaġġ addizzjonali aktar qawwi, propost mill-Ġermanja, f'Dok. 32 tal-CoP 15 (Il-Kummerċ Elettroniku ta" Eżemplari ta" Speċi Elenkati fis-CITES) u biex jappoġġjaw il-proposta riveduta;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposti tas-Segretarjat għal parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta" objettivi ta" bijodiversità wara l-2010, is-Sħubija ta" Indikaturi ta" Bijodiversità (BIP) tal-2010 u l-Pjattaforma Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), inkluż b'relazzjoni mat-tibdil fil-klima (CoP 15 Dok. 10.1);

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposta Dok. 10.4 tal-CoP 15 tal-President tal-Kumitat dwar il-Pjanti għal kollaborazzjoni ulterjuri mal-Istrateġija Globali għall-Konservazzjoni tal-Pjanti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD);

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw azzjoni ulterjuri biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-antilopi Tibetani bi qbil mal-proposta tas-Segretarjat Dok. 46 tal-CoP 15;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposta tas-Segretarjat Dok. 47 tal-CoP 15, bl-intenzjoni li l-istati fejn jinsabu l-antilopi saiga (Saiga tatarica tatarica) jikkonformaw, biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni kif suppost tal-Pjan ta" Azzjoni dwar is-Saiga u l-konformità mad-deċiżjonijiet relevanti. Qed jiġi propost ukoll li l-Partijiet tas-CITES jinkuraġġixxu lill-industriji li jikkunsmaw il-qarn tas-saiga biex jikkontribwixxu għal attivitajiet ta" konservazzjoni fuq il-post immirati biex jiġu riġenerati l-popolazzjonijiet tal-annimali slavaġ;

28.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw azzjoni ulterjuri biex jiġi miġġieled il-kummerċ illegali tax-xadini kbar bla denb, bi qbil mal-proposti tas-Segretarjat kif stipulati fid-Dok. 42 tal-CoP 15;

29.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi fi ħdan is-CITES biex jiġi indirizzat is-sajd illegali, mhux regolat u mhux irrappurtat ta" Cheilinus undulates;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Unjoni Ewropea hija wieħed mill-ikbar swieq għall-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora slavaġ u li l-konformità tvarja bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ ta' fawna u flora slavaġ;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-firmatarji tas-CITES u lis-Segretarjat tas-CITES.

Avviż legali - Politika tal-privatezza