Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta" progress tal-2009 dwar il-Kroazja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fit-3 ta' Ottubru 2005 sabiex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapport ta' progress tal-Kroazja għall-2008(1),
– wara li kkunsidra r-rapport ta" Progress tal-Kroazja għall-2009, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-14 ta" Ottubru 2009 (SEC(2009)1333),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-10 Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Kroazja, adottati fis-26 ta' Novembru 2009 fi Strażburgu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament Ewropew li għadu kemm ġie elett huwa impenjat biex jippromwovi l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea,
B. billi s-suċċess tal-adeżjoni tal-Kroazja jagħti spinta pożittiva lill-proċess tal-integrazzjoni Ewropea fil-bqija tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u billi, għaldaqstant, il-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE tirrappreżenta inċentiv b'saħħtu għar-riformi politiċi u ekonomiċi u għat-tisħiħ tal-paċi u tal-istabilità;
C. billi l-Kroazja kompliet tagħmel progress fi kważi kull qasam minkejja d-disa' xhur ta" staġnar fin-negozjati għall-adeżjoni u fid-dawl tal-kriżi ekonomika dinjija,
D. billi n-negozjati għall-adeżjoni ħadu iktar żmien minn kif kien ippjanat minħabba t-tilwima dwar il-fruntieri mas-Slovenja u ma setax jiġi rispettat il-pjan ta" direzzjoni indikattiv tal-Kummissjoni għall-konklużjoni tan-negozjati ta' natura teknika sa tmiem l-2009,
E. billi l-ftehim milħuq fil-11 ta' Settembru 2009 bejn il-Prim Ministri tas-Slovenja u tal-Kroazja dwar il-modalitajiet biex tissolva t-tilwima tal-fruntieri ta' bejniethom ta spinta biex jinfetħu l-kapitoli li kien baqa' u biex in-negozjati għall-adeżjoni jitkomplew b'ritmu mgħaġġel,
F. billi l-ftehim ta' arbitraġġ bejn is-Slovenja u l-Kroazja, iffirmat fil-preżenza tal-Presidenza tal-UE fl-4 ta' Novembru 2009, ħejja s-sisien għas-soluzzjoni totali tat-tilwima tal-fruntieri ta' bejniethom fi klima ta' fiduċja reċiproka ladarba titlesta l-proċedura ta' ratifikazzjoni ,
G. billi n-negozjati mal-Kroazja jistgħu jiġu konklużi fl-2010 sakemm il-Kroazja tiżgura l-impenn tagħha rigward l-isforzi biex, fost affarijiet oħra, issaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika, tkompli r-riforma ġudizzjarja b'aktar riżolutezza, tiġġieled vigorożament il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, tiżgura s-sostenibilità tar-ritorn tar-rifuġjati u tikkoopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) biex tippermettilha li jkollha aċċess għad-dokumenti rikjesti għall-użu fil-proċessi għal delitti tal-gwerra,
H. billi fis-7 ta' Lulju 2009 nħatar Prim Ministru ġdid li huwa determinat li jżomm l-impenn tal-Kroazja fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE u l-programm ta' riformi tagħha inkluża r-riforma ekonomika u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; billi l-Viċi Prim Ministru inkarigat mill-politika ekonomika rriżenja; billi, barra dan, l-immunità tal-ex Ministru tad-Difiża tneħħiet bħala sinjal tal-impenn politiku tal-gvern biex jittratta kull akkuża ta' korruzzjoni b'mod trasparenti,
Osservazzjonijiet ġenerali
1. Ifaħħar lill-Kroazja għall-progress kontinwu tagħha biex tissodisfa l-kriterji li jirregolaw l-adeżjoni mal-Unjoni kif ukoll l-obbligi ta' sħubija; jinnota l-isforzi kkoordinati li għamlet il-Kroazja fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa, it-traspożizzjoni tal-acquis u t-twettiq tar-riformi;
2. Jilqa" l-fatt li reġgħu bdew in-negozjati bejn l-UE u l-Kroazja fit-2 ta' Ottubru 2009, wara iżjed minn disa' xhur ta' waqfien; iqis li n-negozjati jridu jipproċedu bla problemi bil-għan li jintemmu sa nofs l-2010, sakemm il-Kroazja tissodisfa l-parametri kollha li qed jinfetħu u jingħalqu;
3. Jinsab fiduċjuż li l-Kroazja se tilqa' u tegħleb l-isfidi konsiderevoli li fadal għal dak li għandu x'jaqsam mal-parametri stabbiliti fil-kapitoli tan-negozjati; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pajjiż qed ikompli l-isforzi tiegħu għar-riformi, partikolarment ir-riforma ġudizzjarja u fl-amministrazzjoni pubblika, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi inkluż ir-ritorn tar-rifuġjati, it-tkomplija tal-proċessi għal delitti tal-gwerra u l-aċċess għat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja għal dokumenti; iqis li l-Kroazja għandha wkoll tagħmel aktar sforzi sostanzjali għat-tlestija tar-ristrutturar tat-tarzni;
4. Jinsab imħasseb li, minkejja l-appoġġ estiż għall-adeżjoni mal-UE li jeżisti fost il-partiti politiċi, l-appoġġ pubbliku għall-adeżjoni mal-UE qiegħed jonqos; jinnota li l-istħarriġiet jissuġġerixxu li l-opinjoni pubblika Kroata turi inqas entużjażmu dwar l-UE billi jindikaw li terz biss tal-popolazzjoni tqis l-adeżjoni mal-UE bħala ħaġa ta" benefiċċju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili Kroati biex jagħtu bidu għal aktar diskussjonijiet pubbliċi dwar l-adeżjoni mal-UE u l-konsegwenzi li joħorġu minnha; jistieden lill-Gvern u s-soċjetà ċivili biex jingħaqdu ħalli jtejbu r-riformi soċjali u jimplimentaw iżjed malajr ir-riformi fl-oqsma tal-ġudikatura, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-ambjent u tal-politika ekonomika;
5. Jieħu nota tal-ħidma tal-President li se jispiċċa mill-kariga, Stjepan Mesić, u tal-elezzjoni tal-President il-ġdid, Ivo Josipović
Kriterji politiċi
6. Jilqa' l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-perjodu 2008-2011 u fit-tkomplija tal-isforzi b'impenn ċar min-naħa tal-gvern;
7. Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Kroazja f'operazzjonijiet u missjonijiet tal-Politika Ewropea tas-Sigurtà u tad-Difiża (ESDP) kif ukoll l-allinjament tagħha mad-dikjarazzjonijiet, il-pożizzjonijiet komuni u l-istqarrijiet tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà (CFSP) kull meta tkun mistiedna biex tingħaqad magħhom;
8. Jenfasizza, madankollu, li għad fadal punti dgħajfa ħafna fil-proċeduri amministrattivi kif ukoll fil-kapaċitajiet ta' ġestjoni u amministrattivi tal-istituzzjonijiet rilevanti; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni politika ġenerali lit-tisħiħ tas-servizz pubbliku; jinnota li l-proċess ta' depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għadu f'fażi bikrija u li l-qafas ġuridiku biex jiġi stabbilit servizz pubbliku professjonali u effiċjenti għadu mhux kompletat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tinħtieġ sistema salarjali ġdida u li hemm bżonn ta' iktar delega ta' responsabilitajiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet mil-livell maniġerjali għal dak tal-impjegati ċivili;
9. Jinnota li, minkejja li teżisti r-rieda politika għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha u li l-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni huwa stabbilit, din tal-aħħar għadha mifruxa u l-kapaċitajiet amministrattivi tal-entitajiet statali, fosthom il-pulizija u l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġijiet, għadhom mhux biżżejjed; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jindirizzaw il-każijiet ta' korruzzjoni billi dawn jinvolvu kważi l-oqsma kollha tas-soċjetà, tal-ekonomija u tal-gvern, inkluża rabta bejn istituzzjonijiet li joperaw primarjament fl-oqsma tal-assistenza sanitarja, tas-sistema ġudizzjarja, tal-gvern lokali tal-ippjanar urban u s-settur tal-kostruzzjoni u tan-negozju; jinsab imħasseb partikolarment dwar il-każijiet ta' influwenza politika mhux xierqa fis-sistema ġudizzjarja; jinnota bi pjaċir li l-Prim Ministru u l-gvern saħħew l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'kumpaniji ta' proprjetà statali, iżda jqis li għandhom isiru iktar sforzi għall-promozzjoni ta' kultura ta' responsabilità politika fir-rigward tal-korruzzjoni tal-politiċi;
10. Jilqa' l-bidliet leġiżlattivi u istituzzjonali sinifikanti introdotti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jinsab sodisfatt bil-miżuri ġodda kontra l-mafja li jqawwu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà; jesprimi sodisfazzjon partikolari dwar il-kooperazzjoni tajba ħafna mal-awtoritajiet Bosnijaċi u Serbi inkarigati mill-infurzar tal-liġi;
11. Jinsab kuntent bil-miżuri leġiżlattivi u bl-azzjonijiet għall-bini tal-istituzzjonijiet meħuda fil-qasam kruċjali tar-riforma ġudizzjarja u jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fl-effiċjenza u fit-trasparenza fi ħdan il-ġudikatura kif ukoll it-tnaqqis tal-għadd ta' kawżi pendenti;
12. Jiġbed, madankollu, l-attenzjoni lejn il-fatt li, minkejja l-progress li sar, huma meħtieġa aktar interventi inċiżivi biex tiġi riformata s-sistema ġudizzjarja li għadha tħabbat wiċċha, fost affarijiet oħra, ma' akkumulu mdaqqas ta' kawżi pendenti u tul ta' żmien eċċessiv ta' proċedimenti tal-qrati; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għad fadal xogħol sinifikanti xi jsir f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-ħolqien ta' proċedura ta' selezzjoni iktar trasparenti għall-imħallfin u għall-prosekuturi u infurzar iktar effiċjenti tas-sentenzi tal-qrati; iqis li aktar sforzi huma meħtieġa biex jintlaqgħu dawn l-isfidi, bil-għan ukoll li jiġi evitat li tmajna l-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tal-ġudikatura u tal-istat tad-dritt; jappoġġa l-inizjattivi leġiżlattivi tal-Ministeru tal-Ġustizzja mmirati lejn it-titjib tal-ħatra, is-selezzjoni u l-promozzjoni tal-imħallfin skont il-kwalifika u l-mertu;
13. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni li għamel il-Prosekutur tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-3 ta' Diċembru 2009 u jħeġġeġ lill-Kroazja biex tikkoopera bis-sħiħ ma" dan it-Tribunal; jenfasizza li, fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Prosekutur, filwaqt li rrikonoxxa li l-Kroazja kompliet twieġeb b'mod adegwat għall-maġġoranza tat-talbiet għal assistenza mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, tenna li preokkupazzjoni waħda baqgħet mhux solvuta, jiġifieri l-progress fit-tfittxija tad-dokumenti militari ewlenin neqsin relatati mal-Operazzjoni Storm fl-1995, li għandhom jintużaw fil-proċessi kontra xi ġenerali; jixtieq kull suċċess lit-Task Force bejn l-Aġenziji li għadu kif inħoloq, li hu magħmul minn rappreżentanti ta' istituzzjonijiet u aġenziji statali varji, fit-twettiq ta' dawn l-investigazzjonijiet; hu tal-fehma li, jekk meħtieġa, terza parti tista' tagħti iktar spinta lill-investigazzjonijiet; jistieden lill-Kunsill biex jiddeċiedi malajr kemm jista" jkun dwar il-ftuħ tal-Kapitolu 23 dar il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali; iħeġġeġ lill-Kroazja biex issolvi l-kwistjoni tal-impunità ta' dawk li jkunu responsabbli għad-delitti tal-gwerra u biex isir progress ulterjuri fit-twaqqif tal-imparzjalità waqt il-proċessi fil-pajjiż għad-delitti tal-gwerra;
14. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kroazja qiegħda tkompli tagħmel progress f'dak li għandu x'jaqsam mal-prosekuzzjoni bbilanċjata u ekwa tad-delitti tal-gwerra u li matul is-sena saru bosta akkużi u proċessi ta' ċittadini Kroati akkużati li kkommettew delitti tal-gwerra; jilqa' l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-delitti tal-gwerra maħruġa mill-Prosekutur Statali Kap lill-uffiċċji kollha, maħsuba biex jiggarantixxu prassi uniformi indipendentement mill-oriġini nazzjonali tas-suspettat; jinnota, madankollu, li bosta imputati pproċessati matul is-sena għal delitti tal-gwerra ġew ipproċessati in absentia u għad hemm tħassib inkluż fir-rigward tat-tmexxija tal-proċedimenti fil-kawżi individwali; jisħaq fuq każ li fih kriminal tal-gwerra famuż li nstab ħati, li huwa wkoll membru tal-Parlament Kroat, irnexxielu jaħrab u jsib refuġju f'wieħed mill-pajjiżi ġirien;
15. Jinnota li r-radd lura ta' proprjetà maqbuda matul it-Tieni Gwerra Dinjija u taħt ir-reġim Komunista baqa" problema filwaqt li jirrikonoxxi li sar progress biex il-proprjetajiet privati okkupati jinraddu lura lis-sidien leġittimi tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-art agrikola okkupata;
16. Jinsab sodisfatt bis-sitwazzjoni tal-libertà tal-istampa iżda jinnota wkoll li xi influwenza politika u kummerċjali għadha qed tiġi eżerċitata fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati biex jieħdu miżuri inċiżivi kontra t-theddid lill-ġurnalisti li jittrattaw każijiet ta' delitti tal-gwerra, korruzzjoni u kriminalità organizzata, billi kien hemm episodji ta' intimidazzjoni ta' ġurnalisti;
17. Jinsab kuntent li l-frekwenza u l-gravità tal-inċidenti vjolenti kontra s-Serbi etniċi naqsu, li tjiebu l-investigazzjonijiet tal-pulizija u li l-proċess ta" rikonċiljazzjoni bejn il-Kroati etniċi u s-Serbi etniċi qed ikollu suċċess; jilqa' l-fatt li l-modifiki proposti tal-Kostituzzjoni huma mistennija li jirrikonoxxu l-gruppi minoritarji kollha fil-Kroazja u li sar titjib f'dawk li huma d-drittijiet tal-minoranzi fil-qasam tal-edukazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon il-progress li nkiseb fl-edukazzjoni inklussiva tar-Roma; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Kroati biex ikomplu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma u s-Serbi etniċi, primarjament fis-sistema ġudizzjarja, l-aċċess għall-impjiegi kif ukoll għad-djar; iħeġġeġ iktar lill-Kroazja biex tkompli taġixxi fi spirtu ta' tolleranza u biex tieħu miżuri xierqa biex tipproteġi lil dawk li aktarx għadhom suġġetti għal theddid jew għal atti ta' intimidazzjoni;
18. Iħeġġeġ lill-Kroazja biex tkompli l-isforzi tagħha biex tippromwovi d-diversità kulturali;
19. Jilqa' l-progress globali miksub fil-qasam tar-ritorn ta' rifuġjati u jisħaq fuq l-importanza estrema tar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tar-refuġjati, inklużi r-rikostruzzjoni u r-ripussess tad-djar, l-implimentazzjoni impenjattiva tal-programmi tad-djar għal dawk li kellhom id-drittijiet tal-kerrej u l-passi li jridu jittieħdu biex tissolva l-kwistjoni tal-validazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni; jinnota l-fatt li l-implimentazzjoni tal-programm tad-djar tal-2009 tal-Kroazja għadu fi stadju bikri minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika globali u r-restrizzjonijiet tal-baġit, u li l-programm se jkollu bżonn ikompli fl-2010 u probabilment anki wara, u jeħtieġ impenn kontinwu min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti; jisħaq fuq l-importanza estrema li jinħolqu kundizzjonijiet għas-sostenibilità fl-oqsma tar-ritorn; jistieden lill-Gvern Kroat biex jallinja l-politiki tal-immigrazzjoni u tal-ażil tiegħu mal-istandards tal-UE;
20. Jitlob lill-Gvern biex jipprovdi taħriġ għall-ġudikatura dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (GEL) u l-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni; jinnota li s'issa, l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ġuridiċi ma kienet ibbażata fuq waħda minn dawn il-liġijiet; jilqa" l-ħatra ta" mara bħala prim ministru, u fl-istess ħin jitlob li jkun hemm promozzjoni iżjed attiva tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, filwaqt li jinnota li l-proporzjon ta' nisa naqas fil-korpi kollha tal-gvern lokali fl-elezzjonijiet lokali ta' din is-sena (pereżempju, l-għadd ta' nisa "zupans" naqas minn tlieta għal waħda); jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu appoġġjati l-vittmi tal-vjolenza fil-familji; Jinnota l-progress li sar fil-Kroazja fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda u jħeġġeġ lill-gvern biex jagħmel iktar sforzi biex jiżgura li jkun hemm qafas legali xieraq fis-seħħ, kif ukoll biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi fir-rigward tas-sessi, inkluża investigazzjoni dettaljata tar-reati ta' mibegħda u t-theddid;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżentiment għall-minoranza tal-LGBT fil-Kroazja, li dan l-aħħar deher b'mod ċar fl-attakki omofobiċi fuq il-parteċipanti tal-parata tal-'Gay Pride' f'Żagreb; iħeġġeġ l-awtoritajiet Kroati biex jikkundannaw u jipproċessaw il-mibegħda politika u l-vjolenza kontra kwalunkwe minoranza; jistieden lill-gvern Kroat biex jimplimenta u jinfurza l-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni;
22. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fir-rigward tal-persuni b'diżabilità, partikolarment billi jimtlew il-lakuni eżistenti fil-leġiżlazzjoni, it-tfassil ta' politiki u tas-servizzi offruti lill-persuni b'diżabilità, speċjalment dawk li jbatu minn diżabilitajiet mentali;
Kriterji ekonomiċi
23. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kroazja qiegħda tirkupra bil-mod mill-kriżi ekonomika u li t-tbassir ekonomiku relatat magħha huwa relattivament pożittiv minkejja ż-żieda fil-qgħad; jinnota li nżammet l-istabilità makroekonomika, li llum qed jitbassar żbilanċ iżgħar fil-kont kurrenti, li naqsu l-iżbilanċi esterni u li s-settur bankarju baqa' sod; jinnota wkoll li l-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE għenet lill-investituri jibqgħu fiduċjużi fl-ekonomija Kroata u, fil-perjodu turbolenti riċenti, serviet ta' appoġġ għall-politiki ekonomiċi;
24. Jistieden lill-Gvern, madankollu, biex jindirizza d-dgħufijiet strutturali eżistenti fl-ekonomija, li jeħtieġu riformi strutturali aktar profondi u rapidi bħala prekundizzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istat biex inaqqas l-irwol ridistributtiv qawwi tiegħu u jkompli jillimita l-intervent statali fl-ekonomija, biex jistimola l-impjiegi billi jagħti ħajja mill-ġdid lis-suq tax-xogħol pjuttost riġidu, biex jneħħi l-ostakli amministrattivi għall-impriżi u biex inaqqas s-sussidji għall-industriji li qed jirreġistraw telf;
Assunzjoni tal-obbligi ta' sħubija mal-UE
25. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kroazja tejbet il-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi ta' sħubija mal-UE, b'livell tajjeb ta' allinjament mal-acquis communautaire fil-maġġoranza tas-setturi; iħeġġeġ, madankollu, lill-awtoritajiet Kroati biex ikomplu jsaħħu l-istrutturi amministrattivi u l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni korretta tal-acquis, sabiex il-pajjiż ikun jista' jieħu vantaġġ massimu mis-sħubija mal-UE wara l-adeżjoni;
26. Iħeġġeġ lill-Kroazja biex tkompli bil-privatizzazzjoni, biex tlesti l-programm tal-privatizzazzjoni tal-impriżi ż-żgħar, inkluż fis-settur tat-turiżmu, biex tipproċedi bir-ristrutturar fis-setturi sensittivi bħall-agrikoltura, u biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-infrastruttura fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;
27. Jinnota l-progress miksub, fost affarijiet oħra, fir-rigward tal-appalt tat-tarzni f'diffikultà filwaqt li jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jibqgħu jagħmlu l-isforzi meħtieġa sabiex ilestu r-ristrutturar tal-industrija tat-tarzni;
28. Jinsab sodisfatt li ġiet stabbilita l-istruttura istituzzjonali neċessarja fil-qasam tal-akkwist pubbliku biex b'hekk il-ġestjoni tal-politika tal-akkwist pubbliku ssir iktar koerenti u kkoordinata; iħeġġeġ, madankollu, lill-awtoritajiet Kroati biex ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tal-entitajiet li jappaltaw sabiex japplikaw il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku b'mod effiċjenti u trasparenti u biex jitnaqqas konsiderevolment ir-riskju tal-irregolaritajiet, fosthom il-frodi, peress l-proċeduri ta' akkwist pubbliku jibqgħu sors ta' korruzzjoni kbir; jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jieħdu passi biex itejbu l-iskrutinju tat-tħejjija u tal-eżekuzzjoni proprja tal-kuntratti;
29. Jinnota b'sodisfazzjon il-progress ġeneralment tajjeb miksub fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, partikolarment fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-kontroll finanzjarju intern, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jsir aktar progress fil-qasam tal-verifika esterna billi, fost affarijiet oħra, jissaħħaħ il-qafas ġuridiku meħtieġ għall-indipendenza tal-Uffiċċju Statali tal-Verifika; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-trasparenza tal-finanzi pubbliċi hija ta' importanza kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għat-titjib tal-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi, peress li din tiffaċilita l-kontroll fuq l-awtoritajiet pubbliċi li, min-naħa tiegħu, għandu impatt pożittiv fuq ir-responsabilità tagħhom fil-konfront taċ-ċittadini;
30. Jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-komponenti IPA (Strument ta' Assistenza għal qabel l-Adeżjoni) li jippreparaw lill-pajjiż biex jamministraw il-Fondi Strutturali; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Kroati biex iżidu sostanzjalment il-kapaċitajiet amministrattivi fl-istrutturi tal-IPA eżistenti biex b'hekk jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji u operattivi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u jiggarantixxu l-kapaċità tagħha li tassorbi l-fondi, partikolarment permezz tal-programmazzjoni tal-Qafas Strateġiku Nazzjonali ta' Referenza u tal-Programmi Operattivi għall-Fondi Strutturali;
31. Jistieden lill-awtoritajiet Kroati biex jiżviluppaw proġetti ta' kooperazzjoni transkonfinali mfassla biex ikun hemm koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u biex jgħollu l-livell ta' għajxien tan-nies li jkunu qed jgħixu f'reġjuni mal-fruntieri;
32. Jinsab sodisfatt bil-kisbiet u l-progress li saru fil-qasam tal-ambjent, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità tal-arja, mat-tibdil fil-klima, mal-kontroll tat-tniġġis industrijali u mal-ġestjoni tar-riskji; iħeġġeġ lill-Kroazja biex issaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi tagħha fil-livell nazzjonali u lokali; jappella mhux biss għal traspożizzjoni formali iżda wkoll għall-applikazzjoni korretta tal-acquis tal-UE fir-rigward tal-ħarsien tan-natura u l-ġestjoni tal-ilma;
33. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi promoss investiment fl-infrastruttura tal-enerġija sabiex jitjiebu s-sigurtà u d-diversità tal-provvista u tal-effiċjenza enerġetiċi; jisħaq fuq il-potenzjal kbir tal-pajjiż fir-rigward tas-sorsi li jiġġeddu u, b'mod partikolari, l-enerġija solari, u f'dan ir-rigward jitlob lill-awtoritajiet Kroati biex idaħħlu leġiżlazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tas-suq għall-enerġija li tiġġedded;
Kooperazzjoni reġjonali
34. Iħeġġeġ lill-Kroazja biex tkompli l-isforzi biex tikseb u żżomm relazzjonijiet tajba mal-ġirien, biex tibqa' promotur importanti u proattiv tal-kooperazzjoni reġjonali fil-livelli kollha u tiex ikollha rwol pożittiv fir-reġjun; iħeġġeġ, madankollu, lill-Gvern Kroat u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien biex jintensifikaw id-djalogu bejniethom bil-għan li jsibu soluzzjonijiet definittivi għal għadd ta' kwistjonijiet bilaterali pendenti, partikolarment fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-fruntieri, tal-persuni nieqsa, tar-radd lura ta' proprjetà u tar-rifuġjati kif ukoll tal-estradizzjoni ta' ċittadini f'każijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
35. Jiftakar fil-ftehim ta' arbitraġġ milħuq bejn il-Prim Ministri tas-Slovenja u tal-Kroazja bil-għan li tissolva t-tilwima tal-fruntieri ta' bejniethom; jilqa' r-ratifika tal-ftehim min-naħa tal-Parlament Kroat u jittama li l-Parlament Sloven jagħmel l-istess fil-futur kemm jista' jkun qarib; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi lista ta' membri tat-tribunal ta' arbitraġġ, magħmul esklussivament minn professjonisti bi kwalifiki għolja li ġejjin mill-kamp ġuridiku u, sa kemm ikun possibbli, b'esperjenza fl-arbitraġġ;
36. Jitlob lill-gvern Kroat u lill-forzi politiċi Kroati kollha biex jaġixxu b'mod kostruttiv sabiex isaħħu s-sovranità Bosnjakka u biex jiffaċilitaw il-proċess ta' riforma kostituzzjonali li għaddej;
37. Jistieden lill-gvern Kroat biex jerġa' jikkunsidra l-politika tiegħu dwar iċ-ċittadinanza doppja, speċjalment fir-rigward taċ-ċittadini Kroati b'residenza permanenti fil-Bosnja-Ħerzegovina; jistieden lill-Gvern Kroat biex isib soluzzjoni ġusta u sostenibbli għal dawn iċ-ċittadini;
38. Jenfasizza l-ħtieġa, konformement ma' prijorità ewlenija tas-Sħubija għall-Adeżjoni, li jiżdiedu l-isforzi biex jissolvew il-kwistjonijiet pendenti kollha li jirrigwardaw il-fruntieri tal-Kroazja mal-pajjiżi ġirien; jilqa", f'dan ir-rigward, il-progress li sar fin-negozjati mal-Montenegro u jħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Kroazja, tas-Serbja u tal-Bosnja-Ħerzegovina biex ikomplu t-taħdidiet bilaterali tagħhom dwar id-delimitazzjoni tal-fruntieri;
o o o
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kroazja.