Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0056/2010

Testi mressqa :

A7-0056/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.42
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0132

Testi adottati
PDF 228kWORD 61k
L-Erbgħa, 5 ta' Mejju 2010 - Brussell
L-agrikoltura f'żoni bi żvantaġġi naturali: evalwazzjoni speċifika
P7_TA(2010)0132A7-0056/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta“ Mejju 2010 dwar l-agrikoltura f'żoni bi żvantaġġi naturali: evalwazzjoni speċifika (2009/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artkolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f'żoni bi żvantaġġi natural” (COM(2009)0161),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, maħruġa fis-17 ta“ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0056/2010),

A.   billi aktar minn nofs iż-żona agrikola utilizzata fl-UE (54%) hija kklassifikata maż-żoni żvantaġġati (LFAs),

B.   billi kull Stat Membru jkun innomina żoni żvantaġġati, għalkemm fuq livelli differenti,

C.   billi l-inħawi muntanjużi (inklużi r-reġjuni artiċi “l fuq mit-62 parallel, li huma wkoll meqjusa bħala reġjuni muntanjużi) jammontaw għal madwar 16% taż-żona agrikola utilizzata, filwaqt li aktar minn 35% taż-żona agrikola utilizzata huwa kklassifikat bħala ”reġjuni żvantaġġati intermedji“,

D.   billi dawn ir-“reġjuni żvantaġġati intermedji” huma kklassifikati mill-Istati Membri fuq il-bażi ta“ għadd ta” kriterji differenti li, fil-fehma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri(1), jistgħu jwasslu għal trattament mhux ugwali,

E.   billi hemm biss proporzjon żgħir tal-intrapriżi f'dawn iż-żoni li jirċievu ħlasijiet ta“ kumpens u l-livell ta” dawn il-pagamenti jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri(2),

F.   billi għal żoni muntanjużi u żoni bi żvantaġġi speċifiċi, li huma definiti fl-Artikolu 50(2) u l-Artikolu 50(3)(b) rispettivament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta“ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), hemm kriterji ċari u mhux ikkontestati, b'mod li l-klassifikazzjoni ta” dawn iż-żoni la ġiet ikkritikata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lanqas ma hija affettwata mill-komunikazzjoni attwali tal-Kummissjoni,

G.   billi s-sitwazzjoni partikulari fir-reġjuni l-aktar periferiċi teħtieġ l-implimentazzjoni ta“ proċeduri speċifiċi biex tiġi indirizzata,

H.   billi l-appoġġ għal żoni żvantaġġati huwa komponent essenzjali tal-hekk imsejjaħ tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, jiġifieri tal-politika tal-iżvilupp rurali, u għaldaqstant la l-għanijiet tal-politika reġjonali u lanqas il-kwistjoni tat-tqassim mill-ġdid tal-fondi tal-EAFRD ma għandhom ikunu fil-qalba tad-dibattitu,

I.   billi, bħala riżultat tar-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għal żoni żvantaġġati u l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kategorija ta“ qabel ta” “ reġjuni żvantaġġati intermedji” tneħħiet u ż-żoni eliġibbli huma definiti bħala oqsma “milquta minn żvantaġġi naturali sinifikanti”,

J.   billi l-kriterji soċjo-ekonomiċi użati qabel ir-riforma tal-2005 minn xi Stati Membri ma jistgħux jibqgħu jintużaw bħala l-kriterji ewlenin biex jiddelimitaw żoni bi “żvantaġġi naturali”, iżda jistgħu jibqgħu jintużaw biex jiddefinixxu l-oqsma bi “żvantaġġi speċifiċi”, li huma appoġġjati skont l-Artikolu 50(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005,

K.   billi, fil-formulazzjoni tal-programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri għandhom lok sinifikanti għall-manuvra sabiex jippreżentaw sett ibbilanċjat ta“ miżuri adattati għas-sitwazzjoni reġjonali speċifika tagħhom, u billi huwa f'idejn l-Istati Membri biex jippreżentaw miżuri xierqa għaż-żoni żvantaġġati tagħhom fil-programmi tagħhom,

L.   billi t-tmien kriterji bijofiżiċi proposti jistgħu ma jkunux biżżejjed, u l-valur ta“ limitu minimu propost ta” 66% taż-żona jista“ jinstab li ma jkunx adattat, għall-każijiet kollha biex jiddeterminaw l-iżvantaġġ attwali b'mod li jirrispetta d-diversità kbira taż-żoni rurali tal-UE; billi l-wiċċ tar-raba” kkultivat, it-taħlita ta“ tipi ta” ħamrija, il-kontenut ta“ ilma fil-ħamrija u l-klima huma, fost l-oħrajn, fatturi li huma wkoll relevanti sabiex jiġi ddeterminat l-iżvantaġġ attwali f'żona partikulari,

1.  Jenfasizza l-importanza ta“ ħlas ta” kumpens xieraq għaż-żoni żvantaġġati bħala għodda indispensabbli biex tiġi żgurata l-provvista ta“ prodotti pubbliċi ta” kwalità għolja bħas-salvagwardja tal-ġestjoni tal-art u l-pajsaġġ ikkultivat f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza li ż-żoni żvantaġġati, b'mod partikolari, spiss għandhom valur għoli f'termini tal-pajsaġġ ikkultivat, tal-ħarsien tal-bijodiversità u tal-benefiċċji ambjentali, kif ukoll tal-impjieg rurali u tal-ħajja tal-komunitajiet rurali;

2.  Jirrikonoxxi li minħabba l-pożizzjoni unika tagħhom, iż-żoni żvantaġġati għandhom rwol importanti fir-rigward ta“ benefiċċji ambjentali u fil-ħarsien tal-pajsaġġ, u jenfasizza li l-ħlasijiet fl-ambitu ta” din il-miżura għandu jkollhom l-objettiv li jintlaħaq dan il-għan;

3.  Jenfasizza li l-Artikolu 158 tat-TEC dwar il-politika ta“ koeżjoni, kif emendat mit-Trattat ta” Lisbona, jagħti attenzjoni partikulari lir-reġjuni bi żvantaġġi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal strateġija komprensiva biex telimina d-differenzi bejn l-Istati Membri fil-mod ta“ kif jieħdu ħsieb ta” dawn iż-żoni, u biex tippromwovi strateġija integrata li tqis il-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali speċifiċi;

4.  Jenfasizza li l-appoġġ għal żoni bi żvantaġġi naturali huwa mmirat b'mod partikolari biex jiggarantixxi li forma effiċjenti u multifunzjonali tal-agrikultura tiġi ppreservata b'mod wiesa“ u permanenti, u b'hekk il-kampanja titħares bħala żona ekonomika vitali u post fejn wieħed jista” jgħix;

5.  Jenfasizza l-bżonn li dawn iż-żoni żvantaġġati jiġu kkoltivati mhux biss bil-għan li jipproduċu l-ikel nutrittiv, iżda wkoll bħala kontribut għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali, għal livell imtejjeb ta“ għajxien u għall-istabilità demografika u soċjali f'dawn iż-żoni;

6.  F'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ukoll l-implikazzjonijiet soċjali tal-klassifikazzjoni l-ġdida għal żoni bi żvantaġġi naturali;

7.  Jirrimarka li, b'kuntrast mal-miżuri agro-ambjentali, il-pagamenti ta“ kumpens għaż-żoni żvantaġġati ma għandhomx ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi addizzjonali rigward il-metodu tal-koltivazzjoni tal-art; ifakkar li l-iskema taż-żoni l-aktar żvantaġġati għandha bi prinċipju toffri kumpens lill-bdiewa li jridu wkoll jimmaniġġjaw l-art u li jaħmdu bi żvantaġġi naturali sinifikanti li għalihom is-suq ma jikkumpensax;

8.  Jenfasizza, madankollu, li l-ħlasijiet għaż-żoni l-anqas żvantaġġati jridu jkunu marbuta mat-tħaddim attiv tal-art, jiġifieri l-produzzjoni tal-ikel jew attivitajiet relatati mill-qrib mal-produzzjoni tal-ikel;

9.  Huwa tal-fehma li t-tmien kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni jistgħu, bi prinċipju, ikunu adattati biex jiddelimitaw żoni bi żvantaġġi naturali; jenfasizza, madankollu, li l-kriterji ma jistgħux jintużaw fil-każijiet kollha sabiex, b'mod oġġettiv, jiġu ddelimitati ż-żoni bi żvantaġġi naturali;

10.  Jirrikonoxxi, madankollu, li kriterji stretti u purament bijofiżiċi jistgħu ma jkunux adattati għaż-żoni kollha tal-Ewropa, u jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux mixtieqa f'termini taż-żoni li jikkwalifikaw; għaldaqstant jirrakkomanda li jiġu studjati mill-ġdid, fuq bażi purament oġġettiva, il-kriterji soċjoekonomiċi bħall-bogħod mis-swieq, in-nuqqas ta“ servizzi u d-depopolazzjoni;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis il-pożizzjonijiet kollha espressi waqt il-konsultazzjoni mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-organizzazzjonijiet tal-biedja, fir-rigward tad-definizzjoni ta“ żoni bi żvantaġġi naturali;

12.  B'mod partikulari, it-tidħil ta“ kriterju ġeografiku definit bħala ”iżolament“ jindirizza l-iżvantaġġ naturali speċifiku li jirriżulta mid-distanza mis-swieq, mill-bogħod, u mill-aċċess limitat għas-servizzi;

13.  Iqis li jinħtieġ li tiġi rriveduta d-definizzjoni tal-kriterju tal-“kontenut ta” ilma fil-ħamrija“ sabiex jitqiesu l-kundizzjonijiet agroklimatiċi differenti li hemm fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni;

14.  Sabiex jiġu rikonoxxuti l-limitazzjonijiet tat-tipi ta“ ħamrija mxarrba u li ma jinħadmux, l-inklużjoni ta” kriterju ta“ ”jiem ta“ kapaċità tal-art” tippermetti li titqies l-interazzjoni bejn it-tipi ta“ ħamrija u l-klima (pereżempju biex jiġu riflessi b'mod adegwat id-diffikultajiet tal-klima marittima);

15.  Jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tkompli bl-isforzi tagħha ta“ riċerka u ta” analiżi bil-ħsieb li potenzjalment iddaħħal aktar kriterji fl-iskema l-ġdida ta“ għajnuna għaż-żoni l-aktar żvantaġġati sabiex tadatta aktar il-proposti tagħha għad-diffikultajiet prattiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa u tfassal sett ta” kriterji b'saħħithom li jibqgħu utli għal żmien fit-tul;

16.  Jenfasizza, madankollu, li sabiex japplikaw dawn il-kriterji u jiġu stabbiliti valuri ta“ limitu minimu realistiċi fil-prattika, jeħtieġ li d-data bijofiżika meħtieġa tkun disponibbli għall-Istati Membri u għar-reġjuni bi grad suffiċjenti ta” preċiżjoni fir-rigward tal-ambjent naturali; jappoġġja, għalhekk, l-ittestjar tal-applikazzjoni prattika tal-kriterji proposti introdotti mill-Kummissjoni; jitlob li l-mapep dettaljati li għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri jintużaw, jekk ikun meħtieġ, biex jadattaw il-valuri limitu tal-kriterji, filwaqt li jiddefinixxu ż-żoni bi żvantaġġi naturali, u l-valur ta“ limitu minimu propost ta” 66% fil-livell nazzjonali u reġjonali (għar-realtajiet f'termini tal-ambjent naturali);

17.  Jenfasizza, b'mod partikulari, li sabiex jiġu indirizzati b'mod prattiku l-interazzjonijiet bejn il-ħafna fatturi influwenti, jista“ jkun neċessarju l-użu kumulattiv tal-kriterji adottati; li jkun jista” jippermetti “l dawk iż-żoni żvantaġġati li jakkumulaw żewġ żvantaġġi naturali ta” daqs żgħir jew medju, li jiġu klassifikati bħala żoni l-aktar żvantaġġati wkoll meta l-kriterji individwali ma jikkwalifikawhomx għal dik il-klassifikazzjoni;

18.  Jenfasizza li l-opinjoni finali dwar l-unità bażika magħżula għat-territorju, il-kriterji u l-valuri ta“ limitu minimu proposti mill-Kummissjoni tista” tingħata biss meta jkunu disponibbli l-mapep dettaljati mfassla mill-Istati Membri; jisħaq li, fin-nuqqas ta“ riżultati ta” simulazzjoni ta“ dan it-tip, il-livell minimu ta” 66% propost kif ukoll il-livelli minimi li jiddefinixxu l-kriterji nfushom għandhom jitqiesu b'attenzjoni konsiderevoli u jistgħu jiġu biss adattati b'mod oġġettiv u adegwat ladarba jkunu disponibbli l-mapep nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex teżamina fil-pront ir-riżultati tas-simulazzjoni u, abbażi ta“ dan, tfassal mingħajr dewmien komunikazzjoni ddettaljata dwar id-delimitazzjoni taż-żoni bi żvantaġġi naturali;

19.  Jenfasizza li meta titfassal il-mappa finali taż-żoni żvantaġġati intermedji, il-kriterji nazzjonali oġġettivi għandhom jitqiesu wkoll sabiex ikun jista“ jsir adattament tad-definizzjoni taż-żoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi differenti f'kull pajjiż; iqis li dan l-adattament għandu jitwettaq b'mod trasparenti;

20.  Iqis li l-irfinar volontarju u nazzjonali tal-kriterji għall-appoġġ għal żoni bi żvantaġġi naturali huwa meħtieġ sabiex ikun hemm il-possibilità ta“ rispons xieraq għal sitwazzjonijiet ġeografiċi partikolari fejn l-iżvantaġġi naturali ġew ikkumpensati permezz ta” intervent uman; jenfasizza, madankollu, li fejn il-kwalità tal-art tkun tjiebet, il-piż tal-ispejjeż għoljin ta“ investiment u l-ispejjeż rikorrenti u assoċjati ta” manteniment, bħall-iskular tal-ilma u t-tisqija, iridu jitqiesu wkoll; jipproponi li d-data dwar il-farms (pereżempju d-dħul u l-produttività tal-art) tintuża fost l-oħrajn għal dan il-għan; jenfasizza, madankollu, li d-deċiżjoni dwar il-kriterji li għandhom jintużaw għall-irfinar għandha tkun tal-Istati Membri, minħabba li ħafna Stati Membri diġà żviluppaw sistema adegwata u adatta ta“ differenzjazzjoni li għandha tinżamm;

21.  Iqis li l-kriterji ġodda jistgħu jeskludu ċerti żoni bi żvantaġġi naturali li huma attwalment eliġibbli; jinnota li fażi xierqa ta“ phasing-out għandha tkun definita, sabiex tippermetti lir-reġjuni kkonċernati jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida;

22.  Jenfasizza li ż-żoni li għelbu l-iżvantaġġi naturali tal-art permezz ta“ tekniki tal-biedja m'għandhomx jitneħħew b'mod definittiv, speċjalment jekk għad għandhom dħul agrikolu baxx jew ftit li xejn alternattivi ta” produzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm tranżizzjoni mingħajr problemi għal dawk iż-żoni;

23.  Jitlob li l-proċeduri tekniċi maħsuba biex jikkumpensaw għal żvantaġġi naturali mhux biss iqisu l-vantaġġi fuq perjodu ta“ żmien qasir iżda li jkunu suġġetti wkoll għal Evalwazzjoni ta” Impatt Sostenibbli;

24.  Jenfasizza r-responsabilità tal-Istati Membri rigward l-għażla oġġettiva taż-żoni bi żvantaġġi naturali u t-tfassil ta“ programmi bbilanċjati għall-iżvilupp rurali; jenfasizza l-ħtieġa ta” sħubija mal-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dan il-proċess; jenfasizza fl-istess waqt il-ħtieġa tan-notifika u l-approvazzjoni ta“ dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali jew reġjonali mill-Kummissjoni;

25.  Jenfasizza li r-riforma li tikkonċerna ż-żoni bi żvantaġġi naturali tagħmel parti essenzjali mill-iżvilupp fil-ġejjieni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fi żmien sena, tfassal test leġiżlattiv separat dwar il-biedja f'żoni bi żvantaġġi naturali;

27.  Jappella biex ir-reviżjoni tal-iskema tal-LFAs titwettaq flimkien mad-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koerenza fit-tfassil tas-sistemi ġodda ta“ appoġġ għall-bdiewa, speċjalment fir-rigward tas-sistema l-ġdida ta” Pagament Uniku għall-Farms;

28.  Huwa konxju tal-implikazzjonijiet li l-eżerċizzju biex jiddefinixxi mill-ġdid iż-żoni żvantaġġati intermedji jista“ jkollu għat-tfassil fil-ġejjieni tal-għajnuna tal-PAK; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-pożizzjonijiet kollha espressi waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-komunitajiet tal-biedja kkonċernati;

29.  Jitlob għall-ħarsien tal-baġit Ewropew għall-iżvilupp rurali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw il-possibilitajiet kollha ta“ kofinanzjament għall-LFAs, bħala waħda mill-iskemi ta” żvilupp rurali l-aktar effettivi u importanti;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) Qorti Ewropea ral-Awdituri. Rapport Speċjali Nru 4/2003, ĠU C 151, 27.06.2003.
(2) minn 16 EUR/ha fi Spanja sa 250 EUR/ha f'Malta.

Avviż legali - Politika tal-privatezza