Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-abbozz ta' protokoll li jemenda l-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-kumplament tal-leġiżlatura 2009-2014 : opinjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 48(3) tat-Trattat UE) (17196/2009 – C7-0001/2010 – 2009/0813(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kunsill Ewropew indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2009 rigward l-emendi tal-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji (17196/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0001/2010),
– wara li kkunsidra l-Protokoll nru 36 dwar id-dispożizzjonijet transitorji li huwa anness mat-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14(2) u (3) tat-Trattat UE,
– wara li kkunsidra l-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar il-ħatra tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett (minn hawn “il quddiem imsejjaħ ”Att tal-1976“),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 kif ukoll tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11(4) u 74a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0115/2010),
A. billi, l-Artikolu 14(2) tat-Trattat tal-UE, hekk kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi li l-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'unanimità, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bl-approvazzjoni tiegħu, deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,
B. billi, bil-għan tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u skont il-Protokoll Nru 36 li jinstab anness ma' dan it-trattat, il-Parlament Ewropew fil-11 ta' Ottubru 2007, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq li toħroġ mir-rapport Lamassoure-Severin, ippreżenta abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi d-distrubzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew,
C. billi, meta ġie ffirmat it-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill Ewropew ma kienx adotta deċiżjoni formali dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew iżda kien qabel mal-proposta stabbilita fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, wara li l-għadd ta' MEPs żdied għal 751 minflok is-750 li kien previst bil-bidu,
D. billi, skont il-ftehim milħuq b'dan il-mod fil-Kunsill Ewropew, l-għadd totali ta' Membri żdied bi 15 meta mqabbel mat-Trattat ta' Nizza (minn 736 għal 751), fejn 18-il siġġu addizzjonali tqassmu bejn it-12-il Stat Membru, filwaqt li l-Ġermanja ġiet allokata 3 siġġijiet anqas b'konformità mal-għadd massimu stabbilit fit-Trattat tal-UE,
E. billi t-Trattat ta' Lisbona ma kien għadu ma daħalx fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, dawn saru skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Nizza, u billi l-Parlament Ewropew attwalment jgħodd 736 Membru,
F. billi, peress li t-Trattat ta' Lisbona sa fl-aħħar daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, it-18-il Membru addizzjonali mit-12-il Stat Membru kkonċernat għandhom b'mod leġittimu jkunu jistgħu jokkupaw is-siġġu tagħhom mill-aktar fis, biex b'hekk l-Istati Membri li ħatruhom ikunu f'qagħda li jgawdu r-rappreżentanza li huma intitolati għaliha,
G. billi, skont l-Artikolu 5 tal-Att tal-1976 rigward il-ħatra tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, mhuwiex possibbli li jiġi interrott il-mandat ta' Membru matul leġiżlatura, u għaldaqstant l-għadd ta' Membri tad-delegazzjoni Ġermaniża tal-Parlament Ewropew ma jistax jitnaqqas bi tlieta,
H. billi kważi l-Istati Membri kollha nnominaw lill-MEPs tagħhom b'mod konformi mas-sistemi elettorali tagħhom u skont il-limiti stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009,
I. billi l-wasla ta' 18-il Membru addizzjonali matul il-leġiżlatura 2009-2014 konsegwentement se ġġib l-għadd ta' Membri Parlamentari għal total ta' 754 , u billi l-fatt li din iċ-ċifra taqbeż iċ-ċifra ta' 751 prevista fit-Trattat ta' Lisbona joħloq il-ħtieġa li ssir emenda fil-liġi primarja,
J. billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 diġà jipprevedu l-adozzjoni ta' miżuri transitorji li għandhom l-għan li jippermettu l-wasla tal-Membri addizzjonali matul il-leġiżlatura attwali, u billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 ffissaw il-kundizzjonijiet li għandhom jirregolaw iż-żieda temporanja tal-għadd tal-Membri Parlamentari Ewropej,
K. billi l-Parlament Ewropew min-naħa tiegħu emenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu fil-25 ta' Novembru 2009 b'mod li jippermetti l-wasla ta' Membri addizzjonali bħala osservaturi sakemm jidħlu fis-seħħ il-miżuri li jippermettulhom jokkupaw is-siġġu tagħhom,
L. billi waħda mill-innovazzjonijiet kostituzzjonali l-aktar importanti li hemm fit-Trattat ta' Lisbona hi li l-Konvenzjoni tiddaħħal bħala parti ewlenija mill-proċedura ordinarja għar-reviżjoni tat-Trattati,
1. Iqis li l-emenda proposta tal-Protokoll nru 36 mitluba mill-Kunsill Ewropew hija riżultat dirett tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona u għalhekk tikkostitwixxi soluzzjoni tranżitorja li tippermetti lill-Istati Membri kollha li qed jibbenefikaw minn siġġijiet addizzjonali li jinnominaw lill-Membri kkonċernati; jaqbel li 18-il MEP addizzjonali għandhom jinħatru għall-Parlament għall-bqija tal-leġiżlatura 2009-2014; jisħaq li madankollu t-18-il membru għandhom jibdew jokkupaw is-siġġu tagħhom fil-Parlament fl-istess waqt biex ma joħolqux żbilanċ bejn in-nazzjonalitajiet irrappreżentati fil-Parlament; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex mill-aktar fis ilestu l-proċeduri elettorali tagħhom b'mod pragmatiku;
2. Jiddispjaċih li l-Kunsill ma adottax fil-mument propiżju l-miżuri li kellhom jagħtu l-awtorizzazzjoni lill-Membri addizzjonali biex jokkupaw is-siġġu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u li waħda mis-soluzzjonijiet possibbli fl-emenda mitluba mhijiex konformi mal-ispirtu tal-Att tal-1976 li jesiġi li l-Membri Ewropej jinħatru b'mod dirett, u mhux b'mod indirett permezz ta' elezzjoni fil-Parlament Nazzjonali;
3. Jaqbel madankollu li tissejjaħ Konferenza Intergovernattiva, kemm-il darba din tkun ristretta biss għas-suġġett speċifiku tal-adozzjoni ta' miżuri transitorji li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-bqija tal-leġiżlatura 2009-2010, u wkoll kemm-il darba dawn il-miżuri transitorji jkollhom natura eċċezzjonali marbuta maċ-ċirkustanzi partikulari tar-ratifikazzjoni tat-trattat ta' Lisbona u dawn ma jkunu jikkostitwixxu fl-ebda każ preċedent għall-ġejjieni;
4. Ifakkar li, matul l-intervall bejn l-approvazzjoni tal-emenda tal-Protokoll nru 36 u bid-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Membri addizzjonali għandhom, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-possibilità li jkollhom siġġu bħala osservaturi;
5. Ifakkar barra minn hekk li deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għandha fi kwalunkwe każ tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fil-mument propizju qabel tmiem il-leġiżlatura attwali, u li l-Parlament għandu jressaq inizjattiva f'dan ir-rigward skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat UE;
6. Jinnotifika lill-Kunsill Ewropew li fi żmien qasir biħsiebu jfassal proposti biex jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tiegħu b'vot dirett universali skont proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha u skont il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, u li l-Parlament se jibda din ir-riforma elettorali skont l-Artikolu 48(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinsisti wkoll li tissejjaħ Konvenzjoni ddedikata għar-riforma tal-Parlament Ewropew biex tħejji r-reviżjoni tat-Trattati;
7. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex jaġixxu u jżommu l-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea li ilha stabbilita u li biha l-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti b'vot dirett universali f'votazzjoni ħielsa u sigrieta;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.