Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0121/2010

Testi mressqa :

A7-0121/2010

Dibattiti :

PV 05/05/2010 - 24
CRE 05/05/2010 - 24

Votazzjonijiet :

PV 06/05/2010 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0152

Testi adottati
PDF 286kWORD 129k
Il-Ħamis, 6 ta' Mejju 2010 - Brussell
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea
P7_TA(2010)0152A7-0121/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea (2009/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea (COM(2009)0291),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013”(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż Ewropew tal-kanċer adottati fl-10 ta' Ġunju 2008(4),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrinjar tal-kanċer(5),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-bżonn ta' strateġija komprensiva biex jiġi kkontrollat il-kanċer(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea(9),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 646/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 1996 li tadotta pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kanċer fi ħdan il-qafas għal azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika (1996 sa 2000)(10),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk(11),

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer: it-tielet verżjoni,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kanċer fid-Dinja 2008 tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Epatite Ċ(12),

–   wara li kkunsidra l-attività u l-konklużjonijiet tal-grupp ta' interess tal-partijiet kollha Membri tal-Parlament Ewropew Kontra l-Kanċer,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(13),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0121/2010),

A.   billi l-kanċer qed jikber b'mod epidemiku fid-dinja kollha minkejja l-progressi fil-mediċina,

B.   billi ċerti pajjiżi għamlu progress fit-tnaqqis tar-rati tal-kanċer bis-saħħa ta' politiki kontra t-tipjip, prevenzjoni sekondarja mtejba u trattament ta' ċerti forom ta' kanċer(14),

C.   billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-kanċer huwa waħda mill-kawżi ewlenin tal-mewt fid-dinja u jammonta għal madwar 13% tal-imwiet kollha fl-2004,

D.   billi l-kanċer kien it-tieni kawża l-iktar komuni ta' mwiet fl-2006, li wassal għal żewġt imwiet minn kull għaxra għan-nisa u tlett imwiet minn kull għaxra għall-irġiel, ekwivalenti għal madwar 3.2 miljun ċittadin fl-UE djanjostikat bil-kanċer kull sena; billi fil-biċċa l-kbira tagħhom l-imwiet ikunu kkawżati mill-kanċer tal-pulmun, mill-kanċer kolorettali u mill-kanċer tas-sider,

E.   billi, skont estimi li saru mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, wieħed minn kull tliet ċittadini Ewropej jiġi djanjostikat bil-kanċer matul ħajtu u wieħed minn kull erba' ċittadini Ewropej imut bil-marda,

F.   billi t-tbassir jissuġġerixxi li fl-2010 tliet miljun Ewropew se jiżviluppalhom il-kanċer u kważi żewġ miljuni mistennija jmutu bil-kanċer, u billi l-previzjonijiet għall-2020 jissuġġerixxu li 3.4 miljun Ewropew se jiżviluppalhom il-kanċer u iktar minn 2.1 miljun se jmutu kaġun tal-marda,

G.   billi l-aktar tipi ta' kanċer frekwenti jvarjaw bejn in-nisa u l-irġiel u n-nisa jintlaqtu l-aktar mill-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru, tal-endometriju, tat-tubu fallopjan, tal-ovari u tal-vaġina iżda sikwit ukoll mill-kanċer tal-istonku u tal-kolon; billi l-inċidenza tal-kanċer tas-sider qiegħda tikber fost in-nisa f'ħafna pajjiżi Ewropej u qiegħda taffettwa wkoll lin-nisa żgħażagħ u kull sena 275,000 mara fl-UE jaqbadha l-kanċer tas-sider,

H.   billi l-ġlieda kontra l-kanċer għandha titqies parti essenzjali mill-Istrateġija għas-Saħħa,

I.   billi madwar 30% tal-każi ta' kanċer jistgħu jiġu evitati u l-konsegwenzi tagħhom jonqsu jekk dawn jiġu skoperti u trattati fi stadju bikri u filwaqt li l-effikaċja tal-programmi nazzjonali tal-iskrinjar għan-nisa tvarja u tiddependi mill-kopertura tal-popolazzjoni femminili, mill-aċċessibilità għall-mammografija u l-kwalità tagħha, mit-trattament u minn fatturi oħra,

J.   billi l-kanċer fit-tfulija, li huwa l-iktar kawża komuni tal-mewt bil-mard fost iż-żgħar, jista' jiġi ttrattat b'suċċess sabiex tintlaħaq rata ta' sopravivenza ta' 80%,

K.   billi l-prevenzjoni tinvolvi kemm prevenzjoni primarja tal-inċidenza u kemm prevenzjoni sekondarja permezz tal-iskrinjar u tas-sejbien bikri,

L.   billi l-prevenzjoni primarja effettiva tista' tikkontribwixxi bil-kbir biex tittejjeb is-saħħa permezz ta' intervenzjonijet ibbażati fuq il-popolazzjoni u b'miżuri li jħeġġu stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa,

M.   billi l-prevenzjoni tinvolvi kemm prevenzjoni primarja tal-inċidenza, li tista' tintlaħaq billi l-popolazzjoni tkun anqas espota għal sustanzi li jikkontaminaw li jkunu marbuta mal-kanċer fl-ambjent, flimkien ma' prevenzjoni sekondarja permezz tal-iskrinjar u s-sejbien bikri,

N.   billi l-inċidenza tal-kanċer tal-għonq tal-utru (it-tieni tip ta' kanċer l-aktar komuni fin-nisa wara l-kanċer tas-sider) tista' tiġi evitata bi trattament xieraq bħat-tilqim profilattiku kontra l-vajrusis karċinoġeniċi,

O.   billi l-kanċer huwa kkawżat minn ħafna fatturi fi stadji multipli u, għalhekk, jeħtieġ paradigma ġdida għall-prevenzjoni tal-kanċer li tittratta fatturi li għandhom x'jaqsmu mal-ġenetika, mal-istil tal-ħajja, max-xogħol u mal-ambjent fuq l-istess livell b'mod li jkunu riflessi l-effetti veri tat-tagħqid ta' fatturi differenti, iktar milli bl-għoti ta' attenzjoni lil kawżi iżolati,

P.   billi l-fatturi ambjentali ma jinkludux biss duħħan ambjentali mit-tabakk, radjazzjoni u esponiment eċċessiv għall-UV iżda wkoll esponiment għal sustanzi kimiċi li jikkontaminaw fl-ikel, fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma minħabba, inter alia, proċessi industrijali, prattiki agrikoli jew il-kontenut ta' tali sustanzi, pereżempju, fil-prodotti tal-kostruzzjoni u fil-prodotti għall-konsum,

Q.   billi prinċipalment din il-marda hija kkawżata minn esponiment individwali għal aġenti karċinoġeniċi li dak li jkun jiġbed man-nifs, jiekol jew jixrob, jew minn esponiment għal aġenti karċinoġeniċ li jkun espost għalihom fl-ambjent personali jew professjonali tiegħu; billi ċerti vizzji, bħall-użu tat-tabakk, tendenzi ripetuti fid-dieta u fl-attivitajiet fiżiċi – kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ambjent – għandhom irwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kanċer,

R.   billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, tal-inqas 10% tal-imwiet annwali kkawżati mill-kanċer ikunu kkaġunati b'mod dirett minn esponiment għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol; billi tali esponiment jista' jiġi evitat jekk il-karċinoġeni jiġu sostitwiti b'sustanzi inqas perikolużi,

S.   billi r-rata mgħaġġla fiż-żieda ta' ċerti kanċers, bħal pereżempju l-kanċer tat-testikoli u l-Limfoma Non-Hodgkins, u ż-żieda fl-Ewropa ta' 1% kull sena f'dawn l-aħħar 20 sena ta' kanċers fit-tfulija, skont id-WHO, juri li bilfors hemm involuti fatturi ambjentali,

T.   billi l-prevenzjoni sekondarja effettiva maħsuba għas-sejbien bikri tal-marda tista' tikkontribwixxi wkoll biex tittejjeb il-prevenzjoni tas-saħħa u tista' tikkontribwixxi bil-kbir biex tittejjeb is-saħħa; billi tbassar li permezz tal-implimentazzjoni ta' kopertura demografika ta' 100 % fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer ċervikali, jistgħu jiġu salvati madwar 94 % ta' snin ta' ħajja mitlufa u, għal kull 152 pap smear test li jsir, tista' tinkiseb sena waħda ta' ħajja,

U.   billi l-kimiċi li jħawdu s-sistema endokrinali jista' jkollhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-kanċer, pereżempju fil-każ tal-kanċer tas-sider jew tat-testikoli, u għalhekk dawn jeħtieġu azzjoni speċifika,

V.   billi s-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar għas-sostenibilità tagħhom għaż-żmien twil u l-ewwel fosthom huwa l-impatt li se jkollha l-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ fuq ir-rekwiżiti tal-forza tax-xogħol u fuq l-infiq globali fuq il-kura tas-saħħa; barra dan, għalkemm it-teknoloġiji l-ġodda jġibu benefiċċji sostanzjali, dawn jeħtieġu persunal imħarreġ b'mod adegwat u possibbilment żieda fl-infiq,

W.   billi l-inċidenza ta' ċerti kanċers bħall-kanċer tal-għonq tal-utru hija ogħla b'mod sinifikanti f'ċerti popolazzjonijiet migranti ta' nisa, u għalhekk jeħtieġ jiġi garantit li l-prevenzjoni u l-programmi tas-sejbien bikri tal-marda jkunu ffukati fuq dawn il-gruppi b'riskju għoli u disponibbli għalihom,

X.   billi l-fatt li l-popolazzjoni fl-Unjoni qed tixjieħ huwa wieħed mill-kawżi taż-żieda fil-piż tal-kanċer madwar l-Unjoni, u billi ż-żieda fl-inċidenza tal-kanċer se toħloq pressjoni addizzjonali fuq il-finanzi pubbliċi u fuq il-produttività tal-ekonomija tas-settur privat u għalhekk titjib fl-indikaturi tas-saħħa li jirrigwardaw il-kanċer se jikkontribwixxu wkoll għat-titjib fl-indikaturi ekonomiċi fuq medda twila ta' żmien,

Y.   billi l-prevalenza tal-kanċer hija korelatata maż-żieda fl-età u hija marbuta mill-qrib max-xjuħija, huwa l-każ ukoll li iżjed ma l-popolazzjoni tixjieħ, iżjed se tiżdied ukoll l-inċidenza inġenerali tal-kanċer; din ix-xejra se tidher l-aktar fost nisa iktar anzjani, minħabba li n-nisa għandhom jgħixu iktar mill-irġiel, u għalhekk jeħtieġ li jiġi garantit li l-prevenzjoni u l-programmi tas-sejbien bikri ma jkunux disponibbli biss għal nisa ta' età medja izda anke għal nisa anzjani kif ukoll għal dawk l-aktar anzjani fost l-anzjani,

Z.   billi fit-Trattat ta' Lisbona tapplika l-kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fi kwistjonjiet ta' sigurtà komuni fis-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali,

AA.   billi r-rati tal-mewt bil-kanċer fl-Istati l-Membri l-ġodda huma ogħla minn dawk tal-UE-15,

AB.   billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa stmat li mill-inqas terz tal-każi kollha tal-kanċer jista' jiġi evitat u li l-prevenzjoni toffri l-iżjed strateġija effettiva għal żmien twil f'termini ta' spiża fuq il-kontroll tal-kanċer, u billi ġie stmat li l-kanċer jista' jiġi evitat billi jiġu mibdula jew evitati fatturi ewlenin ta' riskju bħat-tipjip, il-ħxuna żejda, in-nuqqas ta' konsum ta' frott u ta' ħxejjex, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol, aġenti li jxerrdu l-infezzjonijiet u l-esponiment għal ċerti sustanzi kimiċi u r-radjazzjoni jonizzanti,

AC.   billi n-nutrizzjoni fqira, in-nuqqas ta' attività fiżika, l-obeżità, it-tabakk u l-alkoħol huma fatturi ta' riskju komuni għal mard kroniku ieħor, bħas-CVD, id-dijabete tat-tip 2 u mard respiratorju, u għalhekk il-programmi ta' prevenzjoni tal-kanċer għandhom isiru fil-kuntest ta' programm integrat ta' prevenzjoni tal-mard kroniku,

AD.   billi sa mill-1987 l-esperti żviluppaw il-Kodiċi Ewoprew Kontra l-Kanċer bħala strument ibbażat fuq l-evidenza biex tiġi trattata l-prevenzjoni,

AE.   billi d-differenzi sorprendenti u inaċċettabbli fil-kwalità tal-faċilitajiet tat-trattament tal-kanċer, tal-programmi tal-iskrinjar, tal-linji gwida tal-aħjar prassi bbażati fuq l-evidenza, tal-faċilitajiet tar-radjoterapija, u l-aċċess għal mediċini kontra l-kanċer huma fost il-kawżi tad-differenzi kbar fl-ilħuq tar-rata ta' sopravivenza ta' ħames snin f'ħafna każi ta' kanċer madwar l-Ewropa,

AF.   billi l-inugwaljanza tas-saħħa għadha mifruxa fl-Unjoni Ewropea, u billi l-komunitajiet żvantaġġati – minħabba li għandhom aċċess limitat għar-riżorsi, għall-informazzjoni u għas-servizzi – jiffaċċaw riskji ikbar ta' problemi ta' saħħa minn dawk li għandhom pożizzjoni soċjoekonomika ogħla,

AG.   billi l-kanċer jista' jitnaqqas u jiġi kkontrollat bl-implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq l-evidenza għas-sejbien bikri u għat-trattament ta' pazjenti bil-kanċer,

AH.   billi huwa stmat li 25% mill-imwiet bil-kanċer fl-Unjoni huma kkawżati mit-tipjip; billi t-tipjip jikkawża bejn 80% u 90% tal-imwiet bil-kanċer tal-pulmun madwar id-dinja, u billi qed jiżdied l-għadd ta' tfajliet li jibdew ipejpu, bir-riżultat li fil-ġejjieni jiżdied ir-riskju tal- kanċer tal-pulmun fin-nisa,

AI.   billi fl-aħħar 20 sena l-inċidenza tal-kanċer tal-fwied żdiedet b'iktar mid-doppju u fl-2006 kien hemm 50,300 każ ġdid ta' kanċer fl-UE-27 u 45,771 persuna mietu bil-marda, u billi, barra l-piż żejjed u l-konsum tal-alkoħol, minn 75% sa 80% tal-każi tal-kanċer tal-fwied primarju huma kkawżati minn infezzjonijiet persistenti b'epatite virali (B jew Ċ),

AJ.   billi ġie stabbilit fis-sod li l-istil tal-ħajja, b'mod partikulari d-drawwiet alimentari, jinfluwenza l-iżvilupp tat-tumuri u għalhekk iż-żamma ta' stat ta' alimentazzjoni ħażina tikkontribwixxi għas-sopravivenza (għall-inqas għal ċerti tipi ta' tumuri) u għall-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer,

AK.   billi ċerti kanċers jistgħu jiġu evitati u s-saħħa tista' tittejjeb b'mod ġenerali billi jiġu adottati stili ta' ħajja iżjed tajbin għas-saħħa, u billi l-kanċers jistgħu jitfejqu jew il-prospetti tal-fejqan jistgħu jiżdiedu bil-kbir jekk dawn jinstabu fi stadju bikri,

AL.   billi l-kanċer huwa marbut ukoll mill-qrib mal-istejtus ekonomiku u soċjali, u billi l-ogħla fatturi tar- riskju tal-kanċer jinsabu fil-gruppi li għandhom l-iżjed livelli baxxi ta' edukazzjoni. Barra minn hekk, pazjenti li jinsabu fil-klassijiet soċjoekonomiċi l-aktar baxxi għandhom, b'mod konsistenti, l-aktar rati baxxi ta' sopravivenza mill-pazjenti li jinsabu fi klassijiet ogħla,

AM.   billi programm nazzjonali tal-kontroll tal-kanċer li jkun imfassal tajjeb u ġestit sewwa jnaqqas l-inċidenza u l-mortalità bil-kanċer, f'xi każi b'iktar minn 70%, u jtejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer, minkejja l-limiti fir-riżorsi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż,

AN.   billi hemm differenzi kbir fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-kwalità tal-pjanijiet tal-kontroll tal-kanċer,

AO.   billi l-implimentazzjoni fil-pajjiż ta' programmi effettivi ta' skrinjar ibbażati fuq il-poplazzjoni – immexxija skont il-linji gwida Ewropej jekk dawn diġà jkunu jeżistu – ittejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità u l-aċċessibilità tal-iskrinjar, id-dijanjosi u s-servizzi terapewtiċi tal-kanċer għall-popolazzjoni u, b'hekk, jittejjeb ukoll il-kontroll tal-kanċer,

AP.   billi fil-mument hemm differenzi kwalitattivi kunsiderevoli fl-UE fir-rigward tal-iskrinjar tal-kanċer, tas-sejbien bikri u tas-segwitu; billi dawn id-differenzi huma marbuta b'mod partikulari mal-applikazzjoni ta' proċeduri bil-għan ta' sejbien bikri, metodu maħsub biex inaqqas l-impatt tal-marda, u li l-ispiża tiegħu tista' tiġi kkalkulata u tkun effiċjenti apparagun man-nefqa,

AQ.   billi r-reġistri nazzjonali tal-kanċer fl-Istati Membri kollha huma essenzjali biex tiġi pprovduta data komparabbli dwar il-kanċer,

AR.   billi l-kooperazzjoni interistituzzjonali tista' ttejjeb l-effettività tal-isforzi konġunti tagħna,

AS.   billi l-onkoloġija mhix rikonoxxuta bħala speċjalità medika fl-Istati Membri kollha, u billi trid tiġi provduta edukazzjoni medika kontinwa,

AT.   billi l-moviment liberu tal-persuni u l-moviment liberu tal-ħaddiema huma garantiti mil-liġi Komunitarja u, bħala prinċipju, il-libertà tal-istabbiliment tgħin tiżgura li l-professjonisti tas-saħħa jkunu jistgħu jmorru fejn ikun hemm bżonnhom l-iżjed, filwaqt li l-pazjenti jibbenefikaw direttament u jiġu evitati d-diffikultajiet prinċipali inerenti fil-moviment tal-pazjenti bejn il-fruntieri,

AU.   billi s-saħħa fiżika u s-saħħa mentali huma marbutin u interkonnessi mill-qrib, u din il-konnesjoni fuq żewġ livelli tiġi injorata wisq ta' spiss fil-kura ta' min isofri mill-kanċer u ta' utenti oħra tas-servizz,

AV.   billi l-kumplessità tal-kanċer tirrikjedi titjib fil-komunikazzjoni bejn il-bosta professjonisti varjati tal-kura tas-saħħa involuti fit-trattament tal-pazjenti bil-kanċer, u billi l-kura psikosoċjali u s-saħħa mentali tal-pazjenti bil-kanċer jistgħu jtejbu t-tul tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja tagħhom,

AW.   billi l-pazjenti bil-kanċer bħalissa għandhom aċċess mhux ugwali għal informazzjoni medika u jeħtieġu b'mod urġenti iktar informazzjoni f'kull stadju tal-marda tagħhom,

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jittrattaw il-kanċer, billi tipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u fil-kontroll tal-kanċer u billi jiġu involuti l-partijiet interessati rilevanti madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv;

2.  Jargumenta li azzjoni b'saħħita dwar il-kanċer fuq livell Ewropew għandha l-potenzjal li tistabbilixxi qafas għal azzjoni koordinata fil-livell tal-Istati Membri, reġjonali u lokali. Is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għandha tikkumplimenta u tibni fuq il-ħidma li qed isir bħalissa mill-Istituzzjonijiet Ewropej fil-qasam tas-saħħa, u għandha tfittex li tifforma sħubiji ma' servizzi u setturi oħra sabiex tiżgura approċċ komprensiv fil-prevenzjoni u fil-kura tal-kanċer;

3.  Jirrikonoxxi li, skont l-Artikolu 168 tat-Trattat FUE, l-azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' saħħa huma primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri, iżda jenfasizza l-importanza li jitfassal pjan direzzjonali Komunitarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni konġunta permezz ta' approċċ trażversali billi jdaħħlu l-qasam mediku f'oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka u l-kwistjonijiet soċjali;

4.  Jisħaq li għandha tiġi stabbilita koperazzjoni eqreb mal-partijiet interessati, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fil-livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, għal sħubija rappreżentattiva u effettiva. Is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għandha tlaqqa' lil dawk il-partijiet li jkollhom interess ġenwin li jtejbu r-riżultati fis-saħħa. Ma għandux jingħata mertu baxx lill-potenzjal ta' dan il-forum għall-kontribut fl-iżvilupp u fit-tixrid ta' linji gwida tal-aqwa prattiki. Is-Sħubija għandha tistabbilixxi wkoll mezzi ta' komunikazzjoni ma' fora oħra, bħall-Forum dwar il-Politika dwar is-Saħħa tal-UE, biex tiżgura li l-ħidma kontra l-kanċer tqis kif mistħoqq il-kwistjonijiet l-oħra bħall-inugwaljanzi fis-saħħa, id-determinanti tas-saħħa u r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa, li kollha kemm huma għandhom impatt ċar fuq il-prevalenza u l-kura tal-kanċer;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jikkooperaw mal-Parlament Ewropew fi sħubija interistituzzjonali li tkun ikkoordinata tajjeb sabiex jitnaqqas il-piż tal-kanċer, billi jużaw il-bażi legali stabbilita fit-Trattat ta' Lisbona li tipproteġi s-saħħa pubblika u tevita l-mard. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għandhom iqisu l-bosta strutturi formali u informali li hemm fis-seħħ ħalli jikkonsultaw mal-Membri tal-Parlament Ewropew;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika n-natura tal-finanzjament u s-sorsi tiegħu għas-Sħubija Ewropea għal Azzjoni Kontra l-Kanċer;

7.  Jisħaq li strateġija kompensiva dwar il-kanċer u timijiet multidixxiplinari jistgħu jiżguraw kura iktar effettiva għall-pazjenti bil-kanċer, u jsostni li l-kura integrata tal-kanċer, li tqis b'mod xieraq l-benessri u l-appoġġ psikosoċjali u mentali, hija parti vitali mill-kura u għandha titħeġġeġ ukoll;

8.  Jenfasizza li jeħtieġ tittieħed azzjoni speċjali għal kanċers rari u inqas komuni, bil-għan li tiġi aċċellerata d-dijanjosi u l-għarfien espert isir aktar disponibbli f'ċentri ta' eċċellenza;

9.  Jinnota li skont it-Trattat ta' Lisbona l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, jistgħu jadottaw ukoll miżuri inċentivi mfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem;

10.  Iqis li s-suċċess tas-sħubija, meta jitqies li mhux ser ikun hemm finanzjament supplimentari sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali (2013), jiddependi mill-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet integrati dwar il-kanċer kemm jista' jkun malajr, peress li dawn huma fatturi prinċipali fl-ilħiq tal-għan ambizzjuż għal żmien twil tas-Sħubija li l-piż tal-kanċer jitnaqqas bi 15% sal-2020;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tibni fuq is-sejbiet tas-Sħubija tal-Kanċer fir-rigward tal-pjanijiet tal-kontroll tal-kanċer u tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pjanijiet ta' Kontroll tal-Kanċer; jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja b'mod indipendenti fuq bażi annwali l-implimentazzjoni u l-progress tar-rakkomandazzjoni adottata;

13.  Jenfasizza li l-prevenzjoni hija r-reazzjoni l-iktar effettiva f'termini ta' spiża, peress li terz tal-kanċers jistgħu jiġu evitati, u jħeġġeġ li jiġu investiti b'mod sistematiku u strateġiku iktar riżorsi fil-prevenzjoni primarja kif ukoll f'dik sekondarja; jenfasizza l-importanza li jinżammu l-investimenti fis-saħħa, b'mod partikulari permezz ta' azzjonijiet preventivi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għandhom jikkunsidraw aktar azzjoni sabiex jiżguraw ambjent li jtejjeb is-saħħa, inkluża ħidma fuq l-użu tat-tabakk, in-nutrizzjoni u l-alkoħol u d-dispożizzjonijiet li jtejbu l-opportunitajiet ta' attività fiżika;

14.  Jistieden lis-Sħubija tiżgura li l-azzjonijiet kollha tal-grupp “Il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni” u “Riċerka” jinkludu komponent dwar il-fatturi ambjentali, bil-fatturi ambjentali definiti li ma jinkludux biss id-duħħan ambjentali mit-tabakk, ir-radjazzjoni u l-esponiment eċċessiv għall-UV, iżda wkoll il-kimiki perikolużi fl-ambjent ta' barra u ta' ġewwa li n-nies huma esposti għalihom, inklużi l-perturbaturi tas-sistema endokrinali;

15.  Iqis li t-trattament ta' “fatturi ta' riskju” tal-kanċer huwa fundamentali għall-prevenzjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrattaw dan bħala prijorità;

16.  Jenfasizza l-fatt li hemm il-ħtieġa dejjem tikber li niffokaw fuq il-kwalità tal-ħajja għal għadd dejjem jikber ta' pazjenti bil-kanċer kroniku li minkejja li l-marda tagħhom ma tistax titfejjaq tista' tiġi stabbilizzata għal numru ta' snin;

17.  Jisħaq li l-azzjonijiet maħsuba biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-piż tal-kanċer għandhom jinkludu l-promozzjoni mmirata ta' programmi ta' saħħa, edukazzjoni pubblika u prevenzjoni kif ukoll il-ġbir ta' data minn reġistri nazzjonali dwar il-kanċer ibbażata fuq il-popolazzjoni u data tar-reġistri dwar il-kanċer li tkun kompluta u preċiża;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi “l dawk l-Istati Membri li għandhom rati għolja ta' mwiet bil-kanċer biex jirriformaw ir-reġistri nazzjonali tagħhom dwar il-kanċer, sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-data meħtieġa għat-tfassil ta' politiki li jkunu aktar infurmati u aktar iffukati;

19.  Iħeġġeġ biex, barra l-promozzjoni tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-piż żejjed u l-konsum tal-alkoħol, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jista' jiżviluppa f'kanċer, pereżempju l-prevenzjoni primarja u sekondarja tal-epatite virali u l-kura tagħha fejn ikun xieraq, għandhom jiġu trattati mis-Sħubija tal-Kanċer u f'inizjattivi ġejjiena tal-UE, bħal rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer;

20.  Jenfasizza li r-rwol tal-iskrinjar huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fi programmi tal-iskrinjar tal-kanċer u jqis li dawn l-inizjattivi jkunu l-aktar effiċjenti meta jkunu disponibbli għall-firxa l-aktar wiesgħa ta' nies u fuq bażi regolari;

21.  Jisħaq li għandhom jiġu żviluppati riċerki integrati (bażiċi u kliniċi) dwar l-użu tal-alimentazzjoni fil-prevenzjoni tal-kanċer jew fit-trattament tal-alimentazzjoni ħażina assoċjata mal-kanċer kif ukoll linji gwida vvalidati u aċċettati b'mod wiesa' dwar l-appoġġ alimentari għall-pazjenti bil-kanċer; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament biex tiġi żviluppata u vvaliditata riċerka integrata (bażika u klinika) dwar l-użu tan-nutrizzjoni fil-prevenzjoni tal-kanċer u t-trattament ta' alimentazzjoni ħażina marbuta mal-kanċer, kif ukoll għall-iżvilupp ta' linji gwida li huma aċettati b'mod ġenerali dwar appoġġ nutrittiv għall-pazjenti bil-kanċer għal professjonisti soċjali u tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, u jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida;

22.  Jisħaq li jeħtieġ li l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer jiġi rivedut u promoss b'mod iktar wiesa' u b'iktar saħħa fl-UE-27, u li għandhom jiġu diretti sforzi partikulari lejn l-Istati Membri l-ġodda skont is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu obbligu legali biex jiddikjaraw il-każi tal-kanċer, billi jużaw terminoloġija Ewropea standardizzata, bil-għan li jipprovdu mezzi li jevalwaw il-prevenzjoni, l-iskrinjar, u l-programmi tal-kura, ir-rati ta' sopravivenza, u l-kumparabilità tad-data bejn Stat Membru u ieħor u biex, fuq il-bażi tas-sejbiet, jipproduċu informazzjoni maħsuba għall-pubbliku ġenerali;

24.  Jisħaq li l-kanċer jista' jitnaqqas u jitrażżan bl-implimentazzjoni ta' strateġiji bbażati fuq l-evidenza għas-sejbien bikri u għall-kura tal-pazjenti bil-kanċer, inkluża informazzjoni xierqa biex ikun żgurat li titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-iskrinjar għal dawk li għandhom jibbenefikaw minnu; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw jekk l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider għal nisa taħt il-50 sena u għal nisa ikbar minn 69 sena għandux funzjoni utli u jitlob lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza din l-informazzjoni;

25.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li l-istandards mifthiema dwar il-kura ta' kwalità tal-kanċers fit-tfulija jinxterdu u jiġu applikati fl-UE-27;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jaħdmu aktar ħalli jqajmu kuxjenza dwar il-kanċers speċifiċi għal kull ġeneru, sabiex iżidu l-livelli ta' prevenzjoni u jħeġġu l-iskrinjar għal dan il-mard;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi fondi biex jiġu żviluppati iktar testijiet ibbażati fuq id-demm u l-awrina (testijiet bijomarker) fi ħdan is-seba' Programm Qafas għar-Riċerka, filwaqt li tiftakar li dawn il-proċeduri ta' dijanjosi bikrija huma għodod promettenti fis-sejbien ta' tipi differenti ta' kanċer (kanċer tal-prostata, tal-kolon, tal-ovarju, tal-fwied u tal-bużżieqa tal-awrina);

28.  Iqis li l-fondi allokati fil-kuntest tas-7 programm qafas għall-ġlieda kontra l-kanċer għandhom jintużaw b'mod aktar effikaċi, partikolarment permezz ta' koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi ċentri ta' riċerka dwar il-kanċer fl-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq bis-sħiħ ir-rwol tagħha ta' appoġġ billi tistabbilixxi azzjonijiet konġunti ta' riċerka;

30.  Jitlob li jiżdied l-appoġġ għar-riċerka fil-prevenzjoni tal-kanċer, inkluża r-riċerka dwar l-effetti ta' kimiċi li jagħmlu l-ħsara u ta' kontaminaturi ambjentali, l-alimentazzjoni, l-istil tal-ħajja, il-fatturi ġenetiċi, u r-relazzjoni bejn dawn kollha, u jitlob li jiġu investigati r-rabtiet bejn il-kanċer u l-fatturi potenzjali ta' riskju bħat-tabakk, l-alkoħol u l-ormoni farmaċewtiċi u sintetiċi li hemm fl-ambjent;

31.  Jinnota li l-Gvern Ċek għadu ma rratifikax il-Konvezjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005, u għalhekk iħeġġu jagħmel dan;

32.  Jitlob li r-riċerka permezz tal-bijomonitoraġġ tagħti attenzjoni partikulari lill-aktar sorsi importanti ta' esponiment għal sustanzi karċinoġeniċi, b'mod partikulari t-traffiku, l-emissjonijiet mill-industrija, il-kwalità tal-arja fi bliet kbar, u l-emissjonijiet u l-ilmijiet tal-wiċċ fil-viċinanzi ta' postijiet fejn jintrema l-iskart;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li tittieħed azzjoni aktar immedjata skont l-Istrateġija Komunitarja dwar il-Perturbaturi Endokrini;

34.  Jenfasizza li s-sejbiet tar-riċerka għandhom jiġu tradotti f'azzjoni konkreta kemm jista' jkun malajr, u li r-riċerka li għaddejja bħalissa ma għandhiex tintuża biex tittardja l-azzjoni kontra fatturi magħrufa jew suspettużi li jikkawżaw jew jippromwovu l-inċidenza tal-kanċer;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki biex jappoġġaw il-prinċipji inkorporati fl-Istrateġija Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa li ġiet imnedija fl-2004;

36.  Iqis li jeħtieġ issir aktar riċerka dwar il-konnessjoni bejn il-kanċer u l-ġeneru kif ukoll riċerka speċifika, iżda mhux frammentata, dwar l-impatt tal-ambjent tax-xogħol fuq it-tipi ta' kanċer li jolqtu lin-nisa;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi b'kull mezz possibbli l-prinċipju tal-prevenzjoni kemm fil-prattiki tal-mediċina u kemm fi stili ta' ħajja aktar sani, u biex tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu aktar mir-riżorsi tagħhom fil-prevenzjoni, kemm dik primarja (jiġifieri l-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi li jikkawżaw jew jippromwovu l-inċidenza tal-kanċer bħall-esponiment għal sustanzi ambjentali niġġiesa) u kemm dik sekondarja permezz tal-iskrinjar u tas-sejbien bikri;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi ta' riċerka fuq skala kbira biex jiġu żviluppati alternattivi għal sustanzi li jagħmlu ħafna ħsara u li mhumiex karċinoġeni. L-innovazzjoni għandha tiġi mħeġġa u għandha twassal għall-qerda gradwali tas-sustanzi kollha li jagħmlu ħsara li jakkumulaw fil-ġisem tal-bniedem jew fl-ambjent, li jikkawżaw il-kanċer jew effetti mutaġeniċi. Fil-ġejjieni, dawk is-sustanzi għandhom jiġu sostitwiti fis-suq;

39.  Iqis li għandha ssir riċerka iktar bir-reqqa dwar proċeduri u tekniċi ta' sejbien bikri qabel ma jiġu applikati b'mod wiesa' sabiex jiġi garantit li l-użu u l-applikazzjoni tagħhom jkunu siguri u bbażati fuq l-evidenza; għalhekk, jeħtieġ li din ir-riċerka twassal għal rakkomandazzjonijiet u linji gwida li ma jkunux ambigwi u bbażati fuq l-evidenza;

40.  Iqis li l-finanzjament li hemm disponibbli bħalissa għall-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE mhuwiex biżżejjed biex jipproduċi r-riċerka u l-koordinazzjoni meħtieġa u biex jipprovdi informazzjoni preventiva diċenti għaċ-ċittadini tal-UE;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ddaħħalfil-perspettivi finanzjarji fondi biex tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kanċer;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni skont l-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer li jittratta l-fatturi determinanti kollha tas-saħħa li huma relevanti għall-kanċer, inklużi dawk ambjentali;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jlaqqgħu flimkien firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bil-għan li jiġi prevenut il-kanċer billi jnaqqsu l-esponiment għall-kaċinoġeni fuq ix-xogħol u fl-ambjent u sustanzi oħra li jipproduċu l-kanċer u billi jippromwovu stili ta' ħajja sani, u mhux bl-inqas billi jenfasizzaw il-fatturi ewlenin tar-riskju bħat-tabakk, l-alkoħol, l-obeżità, id-dieta fqira, in-nuqqas ta' eżerċizzju, u l-esponiment għax-xemx, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox jiffukaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ;

44.  Jitlob għall-ħtieġa li jiġu ttrattati l-problemi marbuta mas-saħħa ambjentali li għandhom impatt fuq l-iżvilupp ta' tipi speċifiċi ta' kanċer f'konformità ma' dak li ġie definit mill-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010, jiġifieri permezz tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa nazzjonali sussegwenti u permezz tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultati miksuba matul il-proċess, sabiex jiġi żgurat li r-riżultati miksuba f'kull pajjiż ikunu jistgħu jgħinu biex jiġi promoss l-intervent Ewropew f'dan il-qasam;

45.  Jenfasizza li kura ottima tal-pazjent tirrikjedi strateġija multidixxiplinarja, li r-rwol tal-onkoloġist mediku ta' interlokutur tal-pazjent huwa ċentrali u li l-edukazzjoni, kriterji ċari u linji gwida huma meħtieġa sabiex tkun żgurata l-kwalifikazzjoni ottima tat-tobba li jużaw id-drogi għat-trattament tal-kanċer;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Sħubija jirrevedu r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrinjar tal-kanċer fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi l-aktar riċenti sabiex jipprovdu inkuraġġiment għal programmi Ewropej ta' akkreditament/ċertifikazzjoni fil-qasam tal-iskrinjar, tad-dijanjosi u tal-kura tal-kanċer, li għandhom jitfasslu fuq bażi tal-linji gwida Ewropej dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, filwaqt li jiftakru li tali programmi jistgħu jservu wkoll ta' eżempju għal oqsma oħra tal-kura tas-saħħa;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kampanji ta' informazzjoni dwar l-iskrinjar tal-kanċer maħsuba għall-pubbliku ġenerali u għall-fornituri kollha tal-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prassi dwar l-użu ta' miżuri preventivi jew ta' sejbien bikri, bħall-integrazzjoni effettiva f'termini ta' spiża tal-ittestjar xieraq għall-virus uman tal-papilloma (HPV) għall-iskrinjar tal-kanċer tal-għonq tal-utru u t-tilqim kontra l-HPV li jipproteġi lit-tfajliet mill-kanċer tal-għonq tal-utru, u jitlob lis-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer teżamina l-ħtieġa li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tiġi aġġornata dwar l-iskrinjar tal-kanċer biex din tqis l-evidenza fir-rigward tal-iskrinjar effettiv tal-kanċer tal-prostata fl-irġiel;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) li diġà jeżisti billi żżid il-mard li ma jittiħidx fil-mandat tiegħu u billi tużah bħala kwartieri ġenerali tal-UE għar-riċerka dwar il-kanċer, fejn id-data kollha li diġà nġabret f'kull Stat Membru tkun tista' tinġabar u tiġi analizzata sabiex tipprovdi lix-xjentisti u lit-tobba l-aħjar prattiki u għarfien akbar tal-marda;

49.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 u l-proposta biex jitnaqqas il-piż tal-marda tal-kanċer billi jiġi introdott l-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-kolon għal mija fil-mija tal-popolazzjoni sal-2013, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ dawn il-linji gwida;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji karta għall-protezzjoni tad-drittjiet tal-pazjenti bil-kanċer u tal-persuni b'mard kroniku fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li l-kumpaniji jintalbu jippermettu lill-pazjenti ikomplu jaħdmu matul il-kura tagħhom u jmorru lura x-xogħol wara tmiem il-kura;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), u jaġġornaw il-lista ta' sustanzi li jikkawżaw tħassib kbir li tkopri wkoll il-karċinoġeni;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-ħidma tagħha fis-Sħubija tħeġġeġ u tappoġġja inizjattivi ta' appoġġ li jfittxu li jipprevjenu l-importazzjoni ta' oġġetti li jkun fihom kimiċi li jipproduċu l-kanċer, u biex tieħu miżuri għall-Ewropa kollha bil-għan li tintensifika l-kontrolli ħalli jiġu identifikati dawn il-kimiċi, inklużi l-pestiċidi, li jistgħu jkunu preżenti fl-oġġetti tal-ikel;

53.  Jinnota li l-kura li ttaffi l-uġigħ tal-pazjenti bil-kanċer li huma morda b'mod terminali tvarja fil-kwalità bejn l-Istati Membri, u li din tista' tibbenefika minn skambju ta' prassi tajba, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-kura li ttaffi l-uġigħ u biex jistabbilixxu linji gwida dwar l-użu tagħha;

54.  Jenfasizza li għandhom isiru iktar sforzi fil-programmi psikosoċjali u ta' rijabilitazzjoni tax-xogħol għall-pazjenti bil-kanċer li jkunu jinkludu sensiela wiesgħa ta' attivitajiet maħsuba biex jipprovdu l-informazzjoni, il-konsulenza, l-għoti ta' pariri dwar bidliet possibbli fl-istil tal-ħajja u fl-imġiba, l-appoġġ psikoloġiku u l-għajuna fi kwistjonijiet tal-benessri soċjali; jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa mentali ta' nies morda bil-kanċer;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-istħarriġ permezz tal-bijomonitoraġġ tal-bniedem mifrux mal-Ewropa kollha jirċievi l-finanzjament meħtieġ sabiex l-karċinoġeni u sustanzi oħra li jipproduċu l-kanċer ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati ħalli titkejjel l-effettività tal-politika;

56.  Iqis li s-sħubija jrid ikollha l-għan li tintegra b'mod effikaċi l-inizjattivi li diġà jeżistu fil-koordinazzjoni tar-riċerka dwar il-kanċer u li tinkuraġġixxi aktar is-sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jiġu stimulati r-riċerka u d-dijanjożi bikrija, l-aktar fil-qasam tal-immaġni medika;

57.  Iqis li l-istruttura proposta hija difettuża minħabba li ma fihiex definizzjoni ċara tal-objettivi speċifiċi ta' azzjoni, bħal kif tista' tinkiseb l-integrazzjoni tal-pjanijiet tal-Istati Membri kollha fil-ġlieda kontra l-kanċer sal-2013, u jistieden lill-Kummissjoni tirranġa dan in-nuqqas ta' koerenza;

58.  Jitlob li jiġi allokat aktar finanzjament għall-programmi tal-politika reġjonali u tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex iċ-ċittadini jiġu edukati u informati dwar il-protezzjoni mill-kanċer u l-prevenzjoni tiegħu;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun tinkludi inċentivi għall-industrija u r-riċerkaturi biex tkun tista' ssir riċerka kontinwa bil-għan li jiżviluppaw mediċini u trattamenti ġodda bbażati fuq l-evidenza sabiex jissieltu u jrażżnu l-kanċer;

60.  Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettiq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (id-Direttiva rigward il-Provi Kliniċi)(15) bil-għan li tħeġġeġ sforz akbar fir-riċerka dwar il-kanċer, li tiffoka b'mod partikulari fuq l-iskrinjar, inkluż is-sejbien bikri, mingħajr madankollu, ma tinjora l-impatt tan-nefqa li tirriżulta għas-settur li mhux kummerċjali, u biex titjieb l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti u l-pubbliku ġenerali dwar provi kliniċi li għaddejjin jew li diġà saru b'suċċess;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi inċentivi għar-riċerkaturi u l-industrija biex jiżviluppaw approċċi nutrittivi u oħrajn ibbażati fuq prodotti naturali għall-prevenzjoni tal-kanċer, ivvaliditati permezz ta' riċerka nutriġenomika u epiġenetika;

62.  Jinsisti, bl-istess mod, fuq l-urġenza li tiddaħħal privattiva Komunitarja;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' netwerks tal-professjonisti tas-saħħa, tipprevedi t-tixrid tal-aħjar prassi fit-trattament u l-kura, bil-għan li tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-aħjar kura disponibbli;

64.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jsaħħu inizjattivi li jipprovdu appoġġ għall-persuni milquta direttament jew indirettament mill-kanċer, b'mod partikulari permezz tal-bidu u l-iżvilupp tal-kura u l-appoġġ psikoloġiċi fl-UE għas-superstiti tal-kanċer;

65.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw kull mezz meħtieġ biex jipproduċu linji gwida għal definizzjoni komuni ta' diżabilità li tkopri persuni li jsofru minn mard kroniku jew mill-kanċer u, fl-istess ħin, jiżguraw li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jieħdu l-passi meħtieġa mingħajr dewmien ħalli jinkludu persuni fil-kategoriji msemmijin hawn fuq fid-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom tad-diżabilità;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-mediċini tal-kanċer, inklużi trattamenti għall-kanċers rari u inqas komuni, ikunu disponibbli b'mod uniformi għall-pazjenti kollha li jkollhom bżonnhom fl-Istati Membri kollha; u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika u kkoordinata sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għat-trattament u l-kura tal-kanċer, inklużi l-mediċini l-ġodda “maħsuba” għall-kanċer li tqiegħdu riċentement fis-suq;

67.  Jistenna li l-Istati Membri jadottaw politiki aħjar ta' informazzjoni dwar l-importanza tal-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-musrana l-ħoxna, bil-għan li jiżdiedu r-rati tal-aċċettazzjoni u tal-parteċipazzjoni fost il-gruppi kollha mmirati tal-popolazzjoni, b'attenzjoni partikulari fuq l-inklużjoni tal-gruppi minoritarji u tal-gruppi li għandhom żvantaġġi soċjoekonomiċi;

68.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-objettivi stipulati fl-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer huma għal żmien twil, u għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġaw is-sostenibilità u l-vijabilità ta' għaxar snin tas-Sħubija tal-Kanċer f'baġit ġejjieni għas-saħħa tal-Komunità; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, tissorvelja u tirrapporta fuq bażi annwali dwar il-progress u l-effettività fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mis-Sħubija Ewropea;

69.  Jikkunsidra li implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward ta' sustanzi li jikkawżaw jew jippromwovu l-kanċer hija ta' importanza kruċjali fl-azzjoni kontra l-kanċer; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-saħħa tal-ħaddiem u tikkontribwixxi malajr u b'mod determinanti favur l-istabbiliment ta' lista komprensiva ta' sustanzi kandidati li jikkawżaw tħassib kbir bħala tarġa li twassal għal deċiżjonijiet li jittieħdu malajr dwar sustanzi CMR fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet skont ir-REACH;

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
(2) Testi adotatti, P6_TA(2008)0477.
(3) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(4) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tnaqqis tal-Piż tal-Kanċer, l-2876 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Lussemburgu, 10 ta' Ġunju 2008.
(5) ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.
(6) ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 160.
(7) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 11.
(8) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p.273.
(9) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 611.
(10) ĠU L 95, 16.4.1996, p. 9.
(11) ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8.
(12) ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 247.
(13) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(14) Jemal A, Ward E, Thun M (2010) Declining Death Rates Reflect Progress against Cancer. PLoS ONE 5(3): e9584. doi:10.1371/journal.pone.0009584.
(15) ĠU L 121, 1.5.2001, p. 34.

Avviż legali - Politika tal-privatezza