Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – Ġlieda kontra l-frodi - Rapport Annwali 2008 (2009/2167(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-15 ta' Lulju 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport annwali 2008” (COM (2009)0372), inkluż l-annessi (SEC (2009)1002 u SEC (2009)1003) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-OLAF għall-2008(1), u t-tieni rapport tal-OLAF tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, kif ukoll il-linji gwida li jissostitwixxu l-OLAF Vademecum,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF għall-perjodu bejn Ġunju 2008 sa Mejju 2009(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza l-OLAF għall-perjodu bejn Ġunju 2007 u Mejju 2008(3),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu – Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – il-Programm ta' Stokkolma(5), b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 319(3) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),
– wara li kkunsidra r-Regoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0100/2010),
Konsiderazzjonijiet ġenerali: l-ammont ta' irregolaritajiet li ġew notifikati
1. Jinnota li l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet, safejn ġew identifikati, niżel minn EUR 1 024 miljun fl-2007 għal EUR 783.2 miljun fl-2008, bi tnaqqis li laqat kull qasam ta' nfiq ħlief tal-infiq dirett u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni, b'mod partikolari:
-
Riżorsi proprji: EUR 351 miljun (12.5% anqas mill-2007),
-
Nefqa agrikola: EUR 102.3 miljun (34 % anqas mill-2007),
-
Azzjonijiet strutturali: EUR 585.2 miljun (27% anqas mill-2007),
-
Fondi ta' qabel l-adeżjoni: EUR 61 miljun (90.6% aktar mill-2007),
-
Spejjeż diretti: EUR 34.7 miljun (5.15% aktar mill-2007);
2. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża informazzjoni dwar l-irregolaritajiet biex tiċċara l-proporzjon tar-riżorsi totali fl-oqsma ta' nfiq varji u fl-Istati Membri varji milquta minn żbalji u każijiet ta' suspett ta' frodi;
3. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni huwa dover importanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri kollha, li għandhom jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-fenomeni b'mod effikaċi sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-kontribwenti kif ukoll tiġi affrontata l-kriminalità organizzata, li skont indikaturi nazzjonali, qed iżżid il-kapaċità tagħha ta' kollużjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet, b'mod partikulari permezz ta' frodi fil-baġit tal-Komunità;
4. Jiddispjaċih dwar il-fatt li ammont kbir ta' fondi tal-UE għadu qiegħed jitqassam ħażin, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa għall-irkupru ta' dawn il-fondi;
Riżorsi proprji
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-ammont stmat ta' irregolaritajiet kien 12.5% inqas minn dak fl-2007; jinnota, madankollu, li bħas-snin preċedenti l-ogħla numru ta' irregolaritajiet kien irreġistrat għal settijiet tat-televiżjoni u ta' moniters u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tħares partikolarment mill-qrib dawn il-prodotti u tieħu l-passi meħtieġa biex tirkupra r-riżorsi proprji jew l-imgħaxijiet dovuti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex trawwem bilanċ xieraq bejn il-kontrolli fiżiċi fuq l-importazzjoni u fuq il-verifiki wara tneħħija tal-operaturi; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu statistika aħjar f'dan il-qasam;
6. Iqis li huwa essenzjali li tiġi ppromulgata leġiżlazzjoni effettiva biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra prattiki fiskali li jagħmlu l-ħsara u jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2009)0029) sottomessa mill-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri jirrifjutaw li jgħaddu informazzjoni speċifika jew li jagħmlu inkjesta amministrattiva li għandha tkun sorveljata mill-qrib u għall-Parlament li għandu jingħata informazzjoni ċara u komprensiva dwar każijiet kollha bħal dawn;
7. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tar-regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2009)0427); jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jsiru iktar responsabbli f'dan ir-rigward, billi jibdew mill-kwalità tal-informazzjoni li tiddaħħal fid-databases; jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika kemm l-informazzjoni hija eżatta u biex tiżgura li l-ammonti kollha pagabbli tal-VAT jinġabru;
8. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni komprensiva li tippermetti li jsir paragun bejn l-ispejjeż li ntefqu mill-Istati Membri fil-ġbir tar-riżorsi tradizzjonali proprji u l-ammont miżmum biex ikopri dawk l-ispejjeż tal-ġbir;
Nefqa Agrikola
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-ammont stmat li kien milqut minn irregolaritajiet kien 34% inqas minn dak fl-2007; jenfasizza li n-numru relattivament żgħir ta' irregolaritajiet jidher li ġej prinċipalment mil-limitu ogħla tan-notifika obbligatorja (ta' EUR 10 000) introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom imħallsa ħażin b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u mal-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam(7);
10. Jenfasizza l-importanza li jigu ssodisfati r-rekwiżiti tar-rappurtar ta' irregolaritajiet u jiddeplora n-nuqqasijiet reġistrati fir-rigward tal-Awstrija, tal-Isvezja, tas-Slovakkja u tal-Ungerija;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-Regolament (KE) Nru 1975/2006(8) li jistabbilixxi regoli ġodda ta' kontroll għall-miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp rurali bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-benefiċjarji jissodisfaw l-obbligi tagħhom;
12. Jappoġġa l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (punt 5.2 tar-rapport annwali tagħha msemmi hawn fuq) li s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u ta' Kontroll (IACS) hija effettiva għax tillimita r-riskju ta' żbalji u l-ispejjeż irregolari jekk tkun użata sew u jekk data ta' min joqgħod fuqha tiddaħħal fis-sistema kif suppost; jiddeplora n-nuqqasijiet kbar li ġew identifikati fis-sistemi użati mir-Renju Unit (l-Iskozja), mill-Bulgarija u mur-Rumanija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni soda jekk dawn il-problemi jippersistu;
Azzjonijiet strutturali
13. Jilqa' l-fatt li l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet, stmat mill-Kummissjoni, kien 27% anqas meta mqabbel mal-2007; jinnota, fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, li r-rata ta' żbalji kkwotata fil-qasam tal-politika tal-koeżjoni fid-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni (DAS) tal-2008 tal-Qorti tal-Awdituri għadha “l fuq minn 5%; huwa mħasseb dawr il-fatt li l-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit u Spanja rrapportaw l-akbar ammont ta' irregolaritajiet; japprezza, fl-istess ħin, il-kollaborazzjoni tajba stabbilita minn uħud minn dawn l-Istati Membri mal-Kummissjoni biex isolvu l-problemi u jittama li l-oħrajn se jikkollaboraw bl-istess mod; ifakkar li, kif enfasizzat il-Qorti tal-Awdituri, il-miżuri strutturali huma l-kapitolu ta' nfiq suġġett għall-aktar regolamentazzjoni stretta u għall-aktar proċeduri ta' ġestjoni kumplessi fil-baġit tal-Unjoni u li, kif innutat il-Kummissjoni, volum għoli ta' irregolaritajiet finanzjarji fi Stat Membru mhux neċessarjament jimplika numru ta' żbalji u frodi ogħla meta mqabbel ma' Stati oħra iżda jista” jkun ir-riżultat ta' kontrolli aktar bir-reqqa u stretti; ifakkar ukoll li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-Baġit 2008 ma jqisx il-programmazzjoni 2007-2013 li matulha ddaħħlu sistemi ġodda ta' ġestjoni u kontroll tal-infiq; jinnota l-inċidenza għolja ta' żbalji marbuta ma' nfiq ineliġibbli u ma' ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u għaldaqstant iqis bħala xieraq li l-Kummissjoni tintroduċi linji gwida preventivi maħsuba għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet lokali biex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tar-regoli u jkun evitat li l-infiq irrifjutat mill-Kummissjoni bħala ineliġibbli jiġi sostitwit mill-awtoritajiet ta' ġestjoni bi nfiq ġdid ineliġibbli;
14. Jenfasizza li d-dewmien fl-approvazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-programmi 2007-2013 setgħu għamluha aktar diffiċli biex jinstabu żbalji u frodi possibbli fl-infiq marbut ma' ħlas minn qabel; iqis barra minn hekk li d-dewmien li jirriżulta fl-infiq għal ħlasijiet interim jista' jagħti lok għal żieda qawwija fl-infiq qabel tasal l-iskadenza tad-diżimpenn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tirrevedi r-regoli ta' diżimpenn bil-ħsieb li titjieb il-kwalità tal-infiq u jkun żgurat li l-miri kwantitattivi jintlaħqu;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar minn xi Stati Membri fl-armonizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' notifika tal-irregolaritajiet bis-saħħa ta' użu akbar tas-sistema AFIS; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma introduċewx sistemi elettroniċi ta' rappurtar biex jagħmlu dan kemm jista' jkun malajr, fid-dawl tar-riżultati tajbin li ntlaħqu sal-lum f'termini ta' kwalità tad-data u r-rispett tal-iskadenzi għar-rappurtar;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu informazzjoni sħiħa u aktar affidabbli lill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 2000-2006; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkun soda fil-ħtieġa tagħha li l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni komprensiva u biex japplikaw ir-regoli ta' korrezzjoni finanzjarja b'mod metikoluż b'konnessjoni ma' programmi operattivi;
17. Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-Kummissjoni ta' strateġija konġunta ta' prevenzjoni tal-frodi għall-miżuri strutturali, li kienet abbozzata b'kooperazzjoni mal-OLAF u jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni aktar effikaċi mal-awtoritajiet reġjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti;
Fondi ta' qabel l-adeżjoni
18. Jiddeplora l-fatt li l-ammont stmat ta' irregolaritajiet rapportati mill-UE 10 żdied bi 8%, filwaqt li għall-UE 2 żdied b“152%, filwaqt li l-ammonti rkuprati naqsu bi 15.6% meta mqabbla mal-2007; jistieden partikolarment lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex: isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, jeliminaw il-kunflitti ta' interess eżistenti jew potenzjali fil-ġestjoni tal-fondi, itejbu s-sorveljanza u t-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali kif ukoll jadottaw malajr il-miżuri prekawzjonarji, korrettivi u/jew dixxiplinari, li għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni; jirrikonoxxi u jappoġġa l-passi meħuda mill-Bulgarija u mir-Rumanija biex itejbu l-ġestjoni maqsuma u l-istandards tal-kontroll finanzjarju bħala rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi xierqa biex tnaqqas ir-riskji ġġenerati mill-ambjent li jinbidel ħafna li fih jopera d-DĠ ELARG, bil-ħsieb li jiġi żgurat ippjanar pluriennali effikaċi tal-operazzjonijiet ta' verifika interna; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tadotta fil-pront politika speċifika għall-kontrolli ex-post skont l-arranġamenti ta' ġestjoni ċentralizzata, mill-esperjenza li kisbet fl-2008 filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat il-valur għall-flus;
20. Jenfasizza li l-miri strateġiċi tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni għandhom jiġu definiti ulterjorment kif imsemmi fir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-fondi ta' qabel l-adeżjoni għat-Turkija, biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni ta' proġetti mwettqa fir-rigward tal-miri ġenerali; iqis li l-objettivi u r-riżultati għandhom jiġu kkomunikati b'mod trasparenti;
21. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli b'inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti; jenfasizza li huwa meħtieġ li jitjieb il-mekkaniżmu għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti u t-twettiq tal-attivitajiet u r-riżultati tagħhom; iqis li għandu jkun żgurat li l-eżitu tal-proġetti (ir-riżultati u l-impatti) jiġu rrapportati fit-tmiem ta' kull proġett kif ukoll f'intervalli xierqa sabiex jiġi pprovdut tagħrif dwar il-prestazzjoni li jgħin it-tfassil tal-pjanifikazzjoni futura;
Nefqa diretta
22. Jirrimarka li l-għajnuna esterna hija settur li huwa dejjem aktar effettwat mill-irregolaritajiet u mill-frodi;
23. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni għall-problema ta' finanzjament doppju ta' proġetti;
24. Jenfasizza li, matul l-aħħar ħames snin, il-kontribut tal-Unjoni Ewropea lin-Nazzjonijiet Uniti ammonta għal aktar minn EUR 1 biljun fis-sena; itenni għalhekk il-ħtieġa li jissaħħaħ il-mandat tal-OLAF fl-ambitu internazzjonali u li l-Uffiċċju jiġi pprovdut bl-istrumenti legali kollha meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu ta' kontroll fuq dan l-infiq dirett li qed jiżdied; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna lill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni;
Qafas ta' kontroll intern integrat
25. Jilqa' l-fatt li bil-Komunikazzjoni relatata mar-riskju tollerabbli (COM(2008)0866) il-Kummissjoni ħejjiet il-bażi għal dibattitu dwar il-kwistjoni u jistidinha tkompli tipprovdi aktar informazzjoni f'dan ir-rigward; huwa tal-opinjoni li tiffissa limiti ta' żbalji tollerabbli differenti għal kull settur, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiki u tar-regolamenti rispettivi; iħeġġiġha, fl-istess ħin, biex tqis elementi oħra meħtieġa għal ġestjoni finanzjarja aħjar tal-fondi tal-Unjoni Ewropea (eż. bit-titjib tal-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll li jkunu orjentati lejn il-kwalità tal-infiq, bis-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti);
26. Huwa tal-fehma li s-sommarji annwali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Istati Membri għandu jkollhom bażi legali aktar soda minn dik li hemm bħalissa (l-Artikolu 53b(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (Regolament Finanzjarju)); jistieden, għalhekk, b'rabta mar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, biex dawn is-sommarji jipprovdu analiżi kwalitattiva eżawrjenti tas-sejbiet tal-verifiki mwettqa minn kull Stat Membru; iqis, barra minn hekk, li huwa importanti li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-“kuntratti ta' fiduċja” tal-Fondi Strutturali mal-Istati Membri u, fl-istess ħin, tiżgura garanziji addizzjonali fir-rigward ta' sistemi nazzjonali ta' kontroll billi jissawru rabtiet eqreb mal-Istituzzjonijiet indipendenti ta' Verifika Suprema;
Żieda fit-trasparenza u ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u r-reati finanzjarji
27. Jinnota li l-qasam tal-akkwist pubbliku huwa dak l-aktar espost għar-riskji ta' ġestjoni irregolari, frodi u korruzzjoni u dawn il-prattiki illegali jgħawġu s-suq, jikkawżaw żieda fil-prezzijiet u fit-tariffi li jħallsu l-konsumaturi għax-xiri ta' oġġetti u servizzi u jxerrdu l-isfiduċja lejn l-Unjoni Ewropea; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw b'attenzjoni r-regoli attwali għall-akkwist pubbliku u biex jiżviluppaw proposti ta' titjib; jagħraf ukoll il-progress li sar b'risq aktar trasparenza dwar il-benefiċjarji tal-fondi Ewropej u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema li tippermetti l-pubblikazzjoni tal-listi tal-benefiċjarji fuq l-istess sit tal-internet, indipendentement mill-awtorità ta' ġestjoni involuta u b'informazzjoni ċara u komparabbli fornuta mill-Istati Membri kollha f'għall-inqas waħda mil-lingwi ta' ħidma tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tintervjeni biex tiggarantixxi li l-Istati Membri kollha jipprovdu informazzjoni affidabbli u omoġenja dwar il-benefiċjarji ta' fondi Ewropej li għandhom jiddaħħlu fis-Sistema tal-Ewwel Twissija u fis-Central Exclusion Database;
28. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda diskussjonijiet u konsultazzjonijiet kemm jista' jkun malajr mal-partijiet interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, dwar l-aspetti kollha relatati mal-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew għall-ġlieda kontra reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 86 tat-TFUE, u biex titħaffef l-adozzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa biex dan l-uffiċċju jiġi stabbilit;
29. Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill biex tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet kontra l-frodi fl-iqsar żmien possibbli ma' Andorra, Monako u San Marino u biex tinnegozja ftehim ġdid li jkompli fl-istess triq mal-Isvizzera;
30. Jenfasizza li l-protezzjoni attiva tal-interessi finanzjarji tal-UE teħtieġ tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka 2000 u l-Protokoll tagħha dwar it-tranżazzjonijiet bankarji, id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar ordnijiet ta' konfiska (2006/783/ĠAI)(9) kif ukoll id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar Sanzjonijiet Finanzjarji (2005/214/ĠAI)(10);
31. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa proposta dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-iskwalifiki, b'mod partikolari għall-professjonijiet fil-qasam finanzjarju, bħall-esklużjoni ta' dawk li wettqu frodi milli jkollhom il-kariga ta' kapijiet eżekuttivi;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa valutazzjoni tal-impatt u proposta biex testendi l-acquis tal-UE għal definizzjonijiet komuni tar-reati fil-qasam tal-kriminalità ekonomika u finanzjarja;
33. Iqis li biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li titwaqqaf l-evażjoni fiskali u l-attivitajiet illegali li jgħaddu minn offshore havens; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tipprojbixxi lil dawk il-kumpaniji li joperaw permezz ta' offshore havens milli jagħmlu ftehimiet ta' negozju ma' kumpaniji residenti fl-Unjoni Ewropea jekk il-lokalizzazzjoni offshore iddewwem unilateralment l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Unjoni;
34. Jinnota li skont l-Eurobarometer 2009, 78% taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li l-korruzzjoni hija ta' tħassib kbir f'pajjiżhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintrabtu u jiggarantixxu r-riżorsi meħtieġa biex l-infiq ta' fondi Ewropej ma jkunx suġġett għal korruzzjoni, biex iħaffu l-qbid tal-beni kriminali involuti fit-twettiq ta' frodi, l-evażjoni fiskali, il-ħasil ta' flus u reati relatati, u biex japplikaw regoli ċari u trasparenti fir-rigward ta' personalitajiet esposti politikament, skont l-indikazzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar il-ħasil ta' flus (Direttiva 2005/60/KE)(11); jistiedem lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mill-aktar fis possibbli indikaturi biex tikkwantifika l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-akkwist pubbliku, skont kif stabbilit bil-Programm ta' Stokkolma; jappella għal kollaborazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Uffiċċji tal-Irkupru ta' Assi sabiex il-qbid tal-beni jsir iktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tassumi inizjattivi immedjati biex tippromwovi governanza tajba fil-qasam fiskali, partikolarment fir-rigward tal-problema tar-rifuġji fiskali (tax havens), hekk kif stabbilit bir-Riżoluzzjoni adottata mill-Parlament f'dan il-qasam fl-10 ta' Frar 2010(12);
Il-ħidma tal-OLAF
35. Jirrikonoxxi u jappoġġa l-ħidma tal-OLAF u l-bżonn li tkun żgurata l-indipendenza operattiva fit-twettiq ta' ħidmietu, li jqis li għandu rwol essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u, b'hekk taċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll rwol ewlieni biex jipproteġi r-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej; iqis, għalhekk, li għandha titfassal strateġija tar-riżorsi umani li tiżgura li l-livell għoli kwalitattiv attwali tal-persunal jinżamm;
36. Huwa tal-opinjoni li l-OLAF għandu joqgħod b'mod aktar estensiv fuq il-ħidma mwettqa mis-servizzi ta' verifika interna tal-Kummissjoni meta tibda l-investigazzjonijiet, aktar milli joqgħod fuq informazzjoni pprovduta prinċipalment mill-uffiċjali jew mill-Istati Membri; iqis li huwa daqstant importanti li jiġi sorveljat jekk u kif is-servizz ta' verifika interna tal-Kummissjoni iqisx ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; jistieden, għaldaqstant, lill-OLAF biex jipprovdi statistika rilevanti fir-rapporti annwali futuri tiegħu;
37. Iqis li x-xogħol tal-OLAF jista' jsir saħansitra aktar effikaċi billi jiġi żgurat ippjanar bir-reqqa u dettaljat tal-investigazzjonijiet, permezz tal-adozzjoni ad hoc ta' regolament proċedurali bħala gwida vinkolanti, bil-promozzjoni tal-objettivi SMART u l-indikaturi RACER għall-investigazzjonijiet infushom, bit-titjib fil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' data bejn l-OLAF u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali mill-bidu tal-proċess investigattiv u bl-applikazzjoni rapida ta' politika ta' “ħidmiet ċentrali”, kif ukoll bi proċeduri ta' segwitu matul il-fażi inizjali tal-investigazzjonijiet mill-OLAF, fejn każijiet ta' frodi fuq skala żgħira jiġu mmaniġġjati minn entitajiet oħra; jistieden lill-OLAF għalhekk biex jippreżenta fir-rapport li jmiss tiegħu l-progress li sar f'dan ir-rigward u jindika kif dan tqies fil-manwal operattiv tal-OLAF li għandu jiġu ppubblikat fil-futur qrib;
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod attiv tinkludi l-OLAF fin-negozjar tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni li jittrattaw il-ġlieda kontra l-frodi u l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mat-taxxa;
Ir-relazzjoni tal-OLAF mal-Europol u mal-Eurojust
39. Jilqa' l-arranġamenti prattiċi għal koordinazzjoni eqreb u għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi finanzjarji li ġew miftiehma bejn l-OLAF u l-Eurojust;
40. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-Europol; jinnota li, bl-għaqda tar-riżorsi analitiċi tal-Europol u l-esperjenza operattiva tal-OLAF, jista' jingħata servizz effiċjenti lill-Istati Membri u tista' tiġi evitata d-duplikazzjoni; jistieden lill-OLAF biex jispjega, fir-rapport annwali tiegħu li jmiss, l-implikazzjonijiet prattiċi tal-bidla fl-istatus tal-Europol fl-1 ta' Jannar 2010;
Il-kooperazzjoni tal-OLAF mal-Istati Membri
41. Jiddeplora n-nuqqasijiet li jidhru fl-Anness I tar-rapport annwali 2008 (L-implimentazzjoni tal-Artikolu 280 tat-Trattat mill-Istati Membri fl-2008 – SEC(2009)1002) rigward kemm il-mod li bih l-Istati Membri jirrispondu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u t-tipi ta' mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni, li jonqsu li jattiraw tweġibiet kwantifikabbli, jew li l-Istati Membri jistgħu faċilment jevitaw; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tqis it-tibdiliet li jistgħu jsiru lill-kwestjonarju flimkien mal-Awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex dan l-eżerċizzju jkun kemm effiċjenti kif ukoll effikaċi;
42. Jistieden lill-OLAF biex jippreżenta, fir-rapport tiegħu li jmiss, analiżi dettaljata tal-istrateġiji u tal-miżuri implimentati minn kull Stat Membru fil-ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni u identifikazzjoni tal-irregolaritajiet fin-nefqa tal-fondi Ewropej, inklużi l-irregolaritajiet dovuti għall-korruzzjoni; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-fondi agrikoli u strutturali; iqis li r-rapport, komplut b“27 skeda tal-pajjiż, għandu janalizza l-approċċ segwit minn kull Stat mill-awtoritajiet ġudizzjarji u investigattivi u l-kwalità u l-kwantità tal-kontrolli mwettqa, kif ukoll l-istatistika u r-raġunijiet relatati mal-każijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali ma tawx segwitu għar-rappurtar tal-OLAF; iqis, barra minn hekk, li r-rapport għandu jipprovdi bażi ta' għarfien utli biex jiġu definiti aħjar l-istrateġija tal-OLAF il-prijoritajiet li għandhom jiġu segwiti għall-investigazzjonijiet speċjali u biex jitniedu inizjattivi ”apposta“, u biex titjieb il-kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-effiċjenza tal-OLAF u tal-awtoritajiet ta' kontroll lokali;
43. Jenfasizza li r-regoli Ewropej jeħtieġu li l-Istati Membri jirrappurtaw l-irregolaritajiet kollha fi żmien xahrejn mit-tmien tat-trimestru li fih l-irregolarità kienet suġġetta għal investigazzjoni preliminari amministrattiva jew ġudizzjarja u/jew li ssir magħrufa l-informazzjoni l-ġdida dwar irregolarità diġà rappurtata; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom biex iqarrbu d-distakk eżistenti bejn meta tinstab l-irregolarità u meta din tiġi rrappurtata, fosthom billi jirrazzjonalizzaw il-proċeduri amministrattivi nazzjonali;
44. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tibda l-proċedura għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-liġi kriminali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità (2001/0115 (COD)), imblukkata mill-Kunsill sa mill-2002, u tar-Regolament dwar l-assistenza reċiproka amministrattiva għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità (2004/0172 (COD)), imblukkata mill-Kunsill sa mill-2005;
o o o
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 74).