Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2166(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0062/2010

Testi mressqa :

A7-0062/2010

Dibattiti :

PV 06/05/2010 - 3
CRE 06/05/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 06/05/2010 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0156

Testi adottati
PDF 344kWORD 102k
Il-Ħamis, 6 ta' Mejju 2010 - Brussell
Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2008
P7_TA(2010)0156A7-0062/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008 (2009/2166(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2008 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208-209, 271, 308-309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Seba“, it-Tmien u d-Disa” Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2007(1),

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn is-Sur Pöttering, President tal-Parlament Ewropew, u s-Sur Maystadt wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rapport annwali tal-2006 tal-Bank Ewropew tal-Investiment(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta' Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità(4),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku tal-BEI(6) tat-28 ta' Marzu 2006,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, kif approvat mill-Bord tad-Diretturi fis-16 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2003 dwar is-setgħa tal-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) li jinvestiga lill-BEI(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku li ġie konkluż bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni rigward il-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti tal-Awdituri, previsti fl-Artikolu 248(3) tat-Trattat KE(8) u mġedda f'Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fis-27 ta' Mejju 2008 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ta' self estern tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fid-9 ta' Lulju 2008 bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment rigward l-informazzjoni dwar il-politiki, l-istandards u l-proċeduri tal-bank u l-mod kif il-bank jittratta l-ilmenti, inklużi l-ilmenti minn dawk li mhumiex ċittadini jew residenti tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra il-Politika interim riveduta tal-BEI dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività Annwali għall-2008 tal-Uffiċċju għall-Ilmenti tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-BEI lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2008 tal-Kumitat ta' Verifika tal-BEI lill-Bord tal-Gvernaturi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2008)0706),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titolu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar UE 2020(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0062/2010),

A.  billi l-BEI ġie stabbilit mit-Trattat ta' Ruma u l-għan prinċipali tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq komuni u għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp ta' diversi reġjuni, permezz tas-swieq kapitali u r-riżorsi proprji tiegħu,

B.  billi l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq sitt prijoritajiet ta' politika: l-iżgurar tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; it-tħejjija għall-ekonomija tal-għarfien; l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej ta' trasport u aċċess; l-appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent; u l-iżgurar ta' enerġija sostenibbli, kompetittiva u żgura,

C.  billi t-transazzjonijiet tal-BEI barra l-Unjoni Ewropea jitwettqu primarjament biex jappoġġaw il-politiki ta' azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

D.  billi, bi qbil mal-Istrateġija ta' Lisbona, il-BEI iddeċieda li jżid il-kapital sottoskritt tiegħu b'EUR 67 biljun minn EUR 165 biljun għal EUR 232 biljun, li minnhom l-Istati Membri ħallsu EUR 8.2 biljuni,

E.  billi, skont l-Istatut tiegħu, wara r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona, il-BEI hu awtorizzat li jkollu self u garanziji massimi ekwivalenti għal 250% mhux biss tal-kapital sottoskritt tiegħu imma wkoll tar-riservi, tal-ammonti mhux allokati u tal-eċċess fil-kont tal-qligħ u t-telf,

F.  billi żdiedu l-ħtiġijiet finanzjarji minħabba l-għafsa tal-kreditu kkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja,

G.  billi l-BEI qiegħed enfasi partikolari fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, fuq l-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-investimenti fir-reġjuni ta' konverġenza tal-UE li, b'mod partikolari, intlaqtu sew mit-tnaqqis fl-attività ekonomika reċenti,

H.  billi l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-fondi xierqa u fil-paragrafu 35 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar UE 2020, il-Parlament Ewropew hu tal-opinjoni li “l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandu jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-investiment infrastrutturali, tat-teknoloġiji l-ħodor, tal-innovazzjoni u tal-SMEs”,

I.  billi l-volum tas-self tal-BEI żdied b'mod sinifikanti fl-2008, biex l-ammont ta' self iffirmat fil-kuntratti laħaq EUR 57,6 biljuni, u l-ammont maħruġ kien ta' EUR 48,6 biljuni, 10 biljuni aktar milli kien mistenni,

J.  billi l-valur tal-proġetti sottoskritti żdied b“20.5 % meta mqabbel mal-2007, u b”25.9 % meta mqabbel mal-2006. Id-89,34% tal-operazzjonijiet tal-BEI kienu kkonċentrati fuq proġetti fl-Istati Membri tal-UE fl-2008, li juri espansjoni ta' 2.7 % meta mqabbel mal-2007, u ta' 2.25 % meta mqabbel mal-2006,

K.  billi, meta mqabbel mal-2007, il-valur tal-kuntratti sottoskritti, li huma ffukati fuq proġetti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kiber bi 17 % għal EUR 6905 miljuni fl-2008, li jfisser li tela' għal kważi d-doppju tal-valur fl-2004,

L.  billi l-attività ta' self tal-BEI fl-2008 barra l-UE, skont ir-reġjun ġeografiku, twettqet kif ġej: l-Ażja u l-Amerika Latina EUR 469 miljun, l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja EUR 170 miljun, il-pajjiżi tal-Mediterran EUR 1 290 miljun, il-pajjiżi fl-istadju ta' qabel l-adeżjoni EUR 3 453 miljun; il-pajjiżi tal-AKP EUR 561 miljun; u l-Afrika t'Isfel EUR 203 miljuni,

Kummenti dwar ir-Rapport Annwali 2008 tal-BEI

1.  Jilqa' r-Rapport Annwali 2008 tal-BEI u jħeġġu biex ikompli bl-attivitajiet tiegħu biex jiġu promossi l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u biex jitrawmu t-tkabbir, biex jitqanqlu l-impjiegi u biex tiġi promossa l-koeżjoni interreġjonali u soċjali;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-reazzjoni ta' malajr tal-BEI għall-kriżi ekonomika globali billi awtofinanzja żieda fil-kapital tiegħu u b'hekk għolla l-volum tiegħu ta' self bħala appoġġ għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; u jistieden lill-Bank biex ikompli bil-programmi tiegħu għall-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja, b'mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li ntlaqtu b'mod gravi mill-kriżi, u biex iżid ulterjurment l-attività ta' self tiegħu f'dawk il-pajjiżi; jistenna li l-finanzjamenti tal-BEI fl-2009, li jammontaw għal EUR 75 000 miljun, se jkollhom effett ta' lieva fuq l-investimenti fl-ekonomija reali biex jilħqu ammont totali ta' madwar EUR 225 000 miljun;

3.  Jinnota li l-linji ta' kreditu l-ġodda mal-intermedjarji finanzjarji għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju żdiedu bi 42.4 % għal EUR 8.1 biljun fl-2008, li minnhom ġew realizzati EUR 4.7 biljun fl-aħħar tliet xhur; EUR 30 biljun ġew allokati għal “Self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju” fl-Ewropa matul il-perjodu 2008-2011;

Il-konsegwenzi tat-Trattat ta' Lisbona

4.  Jilqa' l-fatt li l-Kumitat ta' Verifika ssaħħaħ billi żdied in-numru tal-membri tiegħu minn tlieta għal sitta u billi ngħata l-missjoni li jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja u li jivverifika l-kontijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-membri tal-Kumitat ta' Verifika jkollhom esperjenza ta' sorveljanza bankarja b'saħħitha; jenfasizza, madankollu, li, flimkien ma' dan it-tisħiħ tal-Kumitat ta' Verifika, għandhom jittieħdu passi konkreti biex jiġi żgurat li l-BEI jitqiegħed malajr taħt sorveljanza bankarja kif suppost;

5.  Jitlob lill-BEI u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità (peress li l-UE għandha personalità legali bi qbil mat-Trattat ta' Lisbona) li l-Unjoni Ewropea ssir detentur tal-ishma fil-Bank flimkien mal-Istati Membri, li, fil-fehma tiegħu, tkun tirriżulta f'koperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u l-Kummissjoni;

Is-sorveljanza bankarja

6.  Jinnota li, f'Lulju 2009, il-BEI sar parteċipant fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u dan l-istatus jinvolvi ċerti rekwiżiti li jirrapporta lill-BĊE, permezz tal-Banque Centrale du Luxembourg (BCL), b'mod partikulari dwar il-qafas tal-BEI għall-immaniġġjar tar-riskji ta' likwidità;

7.  Jinsab konvint madankollu dwar il-bżonn ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza prudenzjali li taħtha l-BEI jkun suġġett għall-istess regoli prudenzjali bħall-istabbilimenti ta' kreditu u għal kontroll prudenzjali ta' veru, li tissorvelja l-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI u li tiżgura li r-riżultati tiegħu jitkejlu b'mod preċiż u li r-regoli ta' mġieba tajba tal-professjoni jitħarsu;

8.  Għal din ir-raġuni jappoġġja l-idea li l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE) jinbidel f'Awtorità Bankarja Ewropea aktar kompetenti fi ħdan il-qafas tal-Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza Finanzjarja; jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet u l-gruppi finanzjarji kollha, li juru li huma attivi f'aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE, inkluż il-BEI, jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jippermettu li din is-Sistema ta' Superviżuri Finanzjarji l-ġdida tkun tista' tibda l-operat tagħha malajr kemm jista' jkun;

Il-kontroll u l-ġestjoni baġitarji

9.  Jilqa' l-fatt li, minkejja l-volatilità u l-inċertezza tas-suq, il-Bank seta' jżomm l-affidabilità ta' kreditu tal-ogħla kwalità li għandu; jilqa' wkoll il-fatt li l-Bank żied il-limitu massimu tiegħu għal finanzjamenti minn EUR 55 biljun għal EUR 60 biljun u seta' jiġbor ammont ta' EUR 59.5 biljun, li hu żieda sinifikanti (8.8 %) meta mqabbel mal-2007 (EUR 54.7 biljun);

10.  Jistieden lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha biex iżomm il-klassifikazzjoni ta' AAA, li hi kruċjali sabiex jiġu ggarantiti l-aħjar kundizzjonijiet għas-self tiegħu;

Il-mandat estern u l-faċilità ta' investiment

11.  Jistenna r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI sat-30 ta' April 2010 u l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE; hu tal-fehma li kemm ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu, kif ukoll il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, għandhom iqisu mhux biss ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta' tmexxija ppresedut minn Michel Camdessus, imma anke r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament; jitlob b'mod partikolari għal aktar konsistenza fil-mandat estern tal-BEI, kemm fir-rigward tas-suffiċjenza tal-fondi għall-perjodu kollu tal-mandat il-ġdid, kif ukoll fir-rigward tad-distribuzzjoni tagħhom skont żoni ġeografiċi;

12.  Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni esterna tal-BEI għandha tkun konformi mal-objettivi politiċi tal-UE kif stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; huwa tal-fehma li l-BEI, bħala bank orjentat mill-politiki tal-UE, għandu jżomm bilanċ f'termini ta' self bejn ir-reġjuni differenti tal-viċinat tal-UE. jikkunsidra li, fir-rigward tar-reġjuni fejn l-attività tal-BEI tista' tikkoinċidi ma' dik ta' istituzzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħrajn li jkunu ffinanzjati pubblikament, tista' tkun meħtieġa diviżjoni ċara tax-xogħol; jilqa' l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent f'dan ir-rigward; itenni, madankollu, li jeħtieġ li jiġi rivedut il-ftehim ta' kooperazzjoni attwali bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament fil-Viċinat tal-Lvant, ir-Russja u l-Ażja Ċentrali; jilqa“, għalhekk, il-fatt li l-Kumitat ta' Tmexxija ta' ”persuni għorrief' jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet adottati f'Marzu 2009 mill-Parlament Ewropew dwar fehim reċiproku aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ;

13.  Ifakkar li, fil-paragrafu 24 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 April 2008(10) dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-Sitt, is-Seba“, it-Tmien u d-Disa” Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006, hu ssuġġerixxa li, waqt il-proċedura ta' kwittanza, il-BEI jippreżenta r-rapport annwali tiegħu u jispjega l-implimentazzjoni tal-faċilità ta' investiment direttament lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; ifakkar ukoll li r-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huma flus pubbliċi kkontribwiti mill-Ewropej li jħallsu t-taxxi u mhux mis-swieq finanzjarji;

14.  Itenni s-sogħba tiegħu li r-rapport annwali tal-BEI dwar il-faċilità ta' investiment prinċipalment fih informazzjoni finanzjarja u ftit li xejn - jekk hemm - informazzjoni dwar ir-riżultati tal-programmi varji li ġew iffinanzjati;

15.  Josserva li r-reviżjoni li se ssir tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11) hi opportunità biex il-proġetti u r-riżultati tal-faċilità ta' investiment jiġu inklużi fil-proċedura ta' kwittanza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjoni possibbli biex jinkiseb dan l-objettiv meta tkun qed tagħmel il-proposta tagħha;

It-trasparenza u l-ġlieda kontra l-frodi

16.  Jinnota b'sodisfazzjon is-segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li sar mill-BEI f'dawn l-aħħar snin;

17.  Ifakkar li l-BEI impenja ruħu biex isiru reviżjonijiet formali tal-Politika tal-Iżvelar Pubbliku kull tliet snin u jilqa' l-fatt li, f'Mejju 2009, il-BEI nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti, il-Politika tal-Iżvelar Pubbliku u l-Politika ta' Trasparenza tiegħu; jiddispjaċih li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ma ġietx riveduta fl-2009 kif previst u jistenna li l-BEI jirrevedi dawn it-tliet politiki malajr kemm jista' jkun;

18.  Jitlob li l-BEI jispeċifika b'mod ċar il-kundizzjonijiet biex ma tiġix żvelata l-informazzjoni fil-Politika tal-Iżvelar Pubbliku l-ġdida li trid toħroġ sabiex jistabbilixxi standards ta' trasparenza għoljin;

19.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-konsultazzjonijiet pubbliċi saru parti integrali mill-politika ta' trasparenza tal-BEI f'dawn l-aħħar snin; jistieden, madankollu, lill-BEI biex jagħti aktar attenzjoni għall-involviment tal-partijiet interessati, billi jipprovdilhom dokumenti ta' gwida ċari dwar l-involviment possibbli tagħhom f'konsultazzjonijiet jew valutazzjonijiet;

20.  Jilqa' l-fatt li l-BEI, b'mod speċjali l-Uffiċjal Kap għall-Konformità, ta aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' sett ġdid ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' whistleblowers, ippubblikat f'April 2009, li jipprovdi lill-istaff tal-BEI u lil kull persuna oħra li tipprovdi servizz lill-Bank bi protezzjoni sħiħa; jiġbed madankollu l-attenzjoni tal-Bank għall-fatt li l-BEI ma jipprovdi l-ebda protezzjoni kontra ritaljazzjoni għal ilmenti esterni u jitlob lill-BEI biex jeżamina l-possibilitajiet biex jitranġa dan in-nuqqas;

21.  Jappoġġa l-politika ta' “tolleranza żero” tal-BEI fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni, u jitlob lill-Bank biex iħaffef, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, it-twaqqif ta' blacklist ta' dawk li jwettqu frodi u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' interdizzjoni għall-kumpaniji li jinsabu ħatja ta' korruzzjoni mill-BEI u banek ta' żvilupp multilaterali oħra;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE, u jistieden lill-BEI biex jagħmel disponibbli wkoll l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali, il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti u l-Politika ta' Trasparenza bil-lingwi kollha tal-UE;

Il-politika dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore

23.  Jilqa' l-fatt li l-BEI ħa pass ulterjuri billi rriveda l-politika tiegħu dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, b'mod li jmur lil hinn miż-żamma tal-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f'rifuġju fiskali;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon il-politika mġedda tal-Bank lejn iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, li tmur lil hinn milli sempliċement iżżomm il-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f'Ċentri Finanzjarji Offshore fil-blacklist, speċjalment l-obbligu l-ġdid impost mill-BEI fuq il-kontropartijiet kollha li qegħdin f'Ċentri Finanzjarji Offshore li mhumiex fil-blacklist imma li huma regolati b'mod dgħajjef biex imorru f'pajjiż li mhux Ċentru Finanzjarju Offshore qabel l-iffirmar tal-kuntratti rilevanti, biex b'hekk jiġi żgurat li, għas-self ġejjieni tal-Bank wara l-31 ta' Marzu 2010, l-ebda wieħed fost dawk li jissellfu mill-BEI mhu se jkun f'Ċentru Finanzjarju Offshore regolat b'mod dgħajjef;

25.  Jitlob lill-BEI biex jispezzjona jekk din il-politika mġedda fir-rigward taċ-Ċentri Finanzjarji Offshore tkoprix il-fondi li jintużaw mill-BEI biex jipprovdi self għal proġetti; hu tal-fehma barra minn hekk li l-BEI għandu jiżgura li d-dħul prodott minn dawn il-fondi ma jkunx jista' jiċċaqlaq lejn rifuġji fiskali wara li jintemmu l-proġetti;

26.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif jiġi allokat u kkontrollat is-“self globali” f'termini ta' governanza fiskali; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura li dawk li jirċievu s-self tiegħu ma għandhomx jinqdew b'rifuġji fiskali jew jużaw prattiki oħra, bħalma huma l-prezzijiet ta' trasferiment abużivi, li jistgħu jwasslu għall-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa; f'dan ir-rigward, jitlob li l-BEI jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jagħmlu pubbliku kull użu mis-self globali u ta' qafas li jirċievu, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tagħhom f'kull pajjiż individwali li joperaw fih;

27.  Jilqa' r-Rapport dwar l-Attività u r-Responsabbiltà Korporattiva tal-Grupp tal-BEI li jirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-Bank li jikkomplementaw u jsaħħu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea;

Strateġija u għanijiet

28.  Jilqa' l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, li fih il-Bank irreveda l-miri ta' attività operattiva billi għollihom b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-orjentamenti mogħtija fil-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni għall-2008-2010;

29.  Jisħaq fuq il-fatt li l-BEI hu mistieden biex jieħu rwol importanti biex jinkisbu l-objettivi UE 2020; għalhekk jitlob lill-Bank biex jiżgura lis-self tiegħu se jikkontribwixxi għall-isforz biex jinkisbu l-objettivi ta' strateġija;

30.  Jinnota li l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, kif ukoll il-pilastru tal-konverġenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE b'mod partikulari, huma fost l-għanijiet ewlenin tal-BEI;

31.  Japprezza l-kontribut li l-Bank Ewropew tal-Investiment għamel għall-objettiv ta' konverġenza permezz tas-self ta' EUR 21 biljun, 41% tas-self totali tal-BEI fl-UE, għall-proġetti ta' konverġenza;

32.  Jenfasizza l-valur miżjud tat-teħid ta' azzjonijiet f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u tal-approċċ tal-Bank fl-għoti ta' appoġġ addizzjonali u fl-azzjoni ta' lieva fl-interventi tal-Fondi Strutturali;

33.  Jitlob li jitjieb l-użu kkombinat tal-għotjiet mill-UE mal-istrumenti finanzjarji tal-BEI, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' koeżjoni fejn hemm diffikultajiet partikolari biex jinġabru fondi proprji, ħalli b'hekk il-koeżjoni tingħata appoġġ u jixxekkel id-deklin ulterjuri fil-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi;

34.  Jitlob li, fil-ġejjieni, ir-rapport tal-BEI jagħti informazzjoni ddettaljata dwar is-self ewlieni li jissupplimenta l-għotjiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għar-reġjuni li jimplimentaw programmi ta' teknoloġija avvanzata jew programmi relatati mal-provvisti ta' enerġija rinnovabbli jew nadifa;

35.  Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-BEI fl-appoġġar tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju waqt il-kriżi finanzjarja wara li kkunsidra li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jikkonsistu f“99 % tan-negozji fl-UE u jimpjegaw aktar minn 100 miljun persuna u huma għalhekk il-mutur tal-ekonomija tal-Ewropa;

36.  Jammetti li jeżisti effett ta' lieva intrinsiku li jfisser li l-intermedjarji finanzjarji jridu jgħaddu bħala self lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għallinqas id-doppju tal-ammont tas-self mill-BEI u li l-inizjattiva l-ġdida “Self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju” ttejjeb il-kundizzjonijiet għal dan it-tip ta' intrapriżi; jitlob ulterjurment lill-BEI biex iżid dettalji dwar l-użu effiċjent ta' dan is-self fir-rapport ta' attività li jmiss biex jiġi żgurat li parti mill-benefiċċji li jidderivaw mill-fondi tal-BEI jgħaddu għand l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju b'mod xieraq, u li jagħtu tagħrif dwar l-oriġini tal-fondi;

37.  Jinnota f'dan il-kuntest li fuq talba tad-detentura tal-ishma tal-BEI, EUR 30 biljun ġew assenjati għal self għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għall-perjodu 2008-2011 u li nofs dan l-ammont se jkun disponibbli bejn l-2008 u l-2009; jenfasizza l-importanza ta' livelli għolja ta' sorveljanza biex jiġi żgurat li s-sieħba finanzjarji ma jaħżnux il-kreditu tal-BEI biex jistabbilizzaw il-karti tal-bilanċ tagħhom;

38.  Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi ekonomika għadha ma spiċċatx, bir-rati tal-qgħad għadhom telgħin, jistieden lill-BEI biex japplika prinċipju aktar kuraġġuż ta' teħid ta' riskji fil-politika tas-self tiegħu fil-konfront tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju mingħajr ma jikkomprometti l-istatus AAA tiegħu; jissuġġerixxi li l-BEI jadatta l-Mandat għall-Kapital ta' Riskju għall-Fond Ewropew tal-Investiment tal-2006 biex ikun jista' jqis b'mod aħjar it-taqlib ekonomiku ta' bħalissa u l-ħtieġa tat-titjib tal-aċċess tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għall-kapital għal proġetti ta' riskju; jitlob li l-parteċipazzjoni tal-BEI fil-programm Jasmine, li attwalment tammonta għal EUR 20 miljun, tal-anqas tirdoppja;

39.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp(12), li fil-paragrafu 8 tagħha tħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment “biex jimmoniterja aħjar is-self globali tiegħu għall-appoġġ tal-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju u jiżgura li n-natura u d-destinazzjoni finali ta' dan is-self ikunu trasparenti”; jistieden lill-BEI sabiex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji u sabiex jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari ta' finanzjament għall-intermedjarji finanzjarji u l-kriterji tal-effikaċja tas-self;

40.  Jistieden lill-BEI biex jarmonizza s-self tiegħu lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju permezz ta' allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali fir-reġjuni ta' konverġenza u biex jiżgura li jkun hemm appoġġ ibbilanċjat bejn it-tipi differenti ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

41.  Iħeġġeġ lill-BEI jimmonitorja aħjar u jagħmel aktar trasparenti n-natura u d-destinazzjoni finali tas-self globali tiegħu b'appoġġ għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jissuġġerixxi t-twaqqif ta' scoreboard dwar l-effetti ta' multiplikazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self tal-BEI;

42.  Jistieden lill-BEI biex jiżviluppa analiżi aktar iddettaljata u metodoloġikament armonizzata fir-rapporti annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jikkomplementaw l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali; f'dan il-kuntest il-Bank jista' jispjega lill-Parlament il-funzjonament tal-Faċilità għall-Finanzjament tal-Kondiviżjoni tar-Riskju li stabbilixxa mal-Kummissjoni; hu tal-fehma li hi ta' relevanza partikulari l-azzjoni reċiproka bejn din il-faċilità u l-finanzjamenti taħt is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Fondi Strutturali;

43.  Jinnota li skont ir-Rapport Annwali tal-BEI, il-fażi ta' valutazzjoni tal-inizjattiva JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi minn Mikro sa Medji) tlestiet fl-2008; jiddispjaċih li r-rapport ma jinkludix din il-valutazzjoni;

44.  Jitlob lill-BEI biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss iżid dettalji dwar l-ewwel riżultati taż-żewġ politiki mill-2009: l-inizjattiva JASMINE (Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikronfinanza fl-Ewropa) u l-implimentazzjoni tal-“Faċilità Mezzanina għat-Tkabbir”;

45.  Jitlob lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex jissimplifika r-regolamenti kkumplikati u burokratiċi li jinsabu f'ċerti proġetti, kull fejn iseħħu, sabiex il-finanzjament tal-proġetti jsir aktar rapidu u effiċjenti, b'rigward speċjali għall-kriżi globali;

46.  Jenfasizza li s-suċċess tal-programmi l-ġodda għall-makroreġjuni Ewropej jiddependi fuq il-koordinament tal-attivitajiet li jitwettqu skont il-politiki kollha li jkollhom impatt territorjali u fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal żmien fit-tul għall-finanzjament tar-reġjuni makro; jistieden, għaldaqstant, lill-Bank biex iqis il-possibilità tal-għoti tal-fondi tal-BEI u tal-Fond Ewropew tal-Investiment, apparti l-fondi tal-UE, għal dan il-għan fil-perjodu li jmiss tal-ipprogrammar finanazjarju li jibda fl-2014;

47.  Jistieden lill-BEI jiex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) barra mill-UE; itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tal-25 ta' Marzu 2009 hawn fuq imsemmija sabiex tinkiseb koperazzjoni strutturata b'mod aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ fil-pajjiżi fejn joperaw b'mod komuni;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)ĠU L 255, 26.9.2009, p. 98.
(2)Testi adottati, P6_TA(2009)0185.
(3)ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 14.
(4)ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95
(5)Kawża C-155/07, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra.
(6) ĠU C 332, 30.12.2006, p. 45.
(7)Kawża C-15/00, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment [2003] Ġabra I-7281.
(8)L-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(9)Testi adottati, P7_TA(2010)0053.
(10) ĠU L 88, 31.3.2009, p. 253.
(11) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(12) Testi adottati, P6_TA(2009)0185.

Avviż legali - Politika tal-privatezza