Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża stipulati fil-Kapitolu IV tagħha - Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. maħsud bl-inċidenti ta' vjolenza f'Jannar u f'Marzu ta' din is-sena, li seħħu fil-belt ta' Jos u fil-madwar tagħha, li jinsab f'salib it-toroq bejn it-Tramuntana Musulmana tan-Niġerja u n-Nofsinhar Nisrani, li matulhom inqatlu mijiet ta' persuni f'kunflitti reliġjużi u etniċi,
B. billi l-armata żvolġiet rwol importanti biex tintervjeni biex tikkontrolla s-sitwazzjoni, iżda billi fl-istess ħin kien hemm rapporti ta' qtil extraġudizzjarju mill-armata u anke mill-pulizija,
C. billi l-kunflitt bejn il-komunitajiet sar problema rikorrenti f'Jos, bi ġlied kbir li seħħ fl-2001, fl-2004 u fl-2008,
D. billi, skont rapporti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, iktar minn 14,000 persuna nqatlu fi ġlied reliġjuż jew etniku mit-tmiem tar-reġim militari fl-1999 “l hawn,
E. billi uffiċjal tas-Salib l-Aħmar ġie kkwotat li qal li tal-anqas żewġ komunitajiet oħrajn fil-qrib sfaw fil-mira wkoll, f'żona qrib ta' fejn ġlied bejn il-fazzjonijiet kien qatel mijiet ta' nies f'Jannar,
F. billi skont rapporti mis-Salib l-Aħmar minħabba din il-vjolenza tal-anqas 5600 ruħ qed jaħarbu mir-reġjun għax jibżgħu għal ħajjithom,
G. billi l-problemi fiż-żona ta' Jos ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku, mill-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u t-tensjoni li għandha l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Kristjani jew animisti, li qed jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u tal-ilsien Hausa,
H. billi mhuwiex possibbli li l-Musulmani jew il-Kristjani jitqiegħdu b'mod sistematiku fir-rwol jew ta' aggressuri jew ta' vittmi peress li storikament kellhom iż-żewġ rwoli,
I. billi l-instabilità attwali tenfasizza l-fraġilità tan-nazzjon bl-akbar popolazzjoni fl-Afrika hekk kif qed joqrob il-perjodu tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-2011 filwaqt li qed jiffaċċja l-inċertezza rigward it-tmexxija politika, minħabba l-marda tal-President Yar'Adua,
J. billi l-istabilità u d-demokrazija tan-Niġerja għandhom sinifikat qawwi lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħha, minħabba r-rwol ewlieni tal-pajjiż fir-reġjun u fl-Afrika sub-Saħarjana (in-Niġerja hija membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, produttur globali taż-żejt, mexxej fl-ECOWAS, kontributur ewlieni għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, u forza ta' stabilità fl-Afrika tal-Punent),
K. billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja u billi fit-12 ta' Novembru 2009 l-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż bejn in-Niġerja u l-KE u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti li jkollhom bħala għanijiet, fost oħrajn, il-garanzija tal-paċi, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem,
L. billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u t-tqassim mill-ġdid tad-dħul f'pajjiż li għandu ħafna żejt bħan-Niġerja,
M. billi, għalkemm in-Niġerja huwa t-tmien l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-148 miljun abitant tagħha jgħixu fil-faqar,
N. billi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, inkluża d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali,
1. Jikkundanna b'mod qawwi l-vjolenza riċenti u l-imwiet traġiċi f'Jos u fil-madwar tagħha, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' min qiegħed f'luttu u mal-midruba;
2. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;
3. Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex iwettaq investigazzjoni dwar il-kawżi tal-vjolenza l-aktar riċenti u jiżgura li l-awturi ta' atti ta' vjolenza jitressqu l-qorti b'mod ġust u trasparenti;
4. Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex jieħu miżuri konkreti u urġenti biex jappoġġja djalogu interetniku u interreliġjuż, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-aġent President Goodluck Jonathan biex ilaqqa' l-mexxejja reliġjużi u tal-komunitajiet;
5. Jitlob li jsir eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq tal-kunflitt, inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, u biex wieħed jieħu ħsieb li jiġu evitati spjegazzjonijiet ġeneralizzati u sempliċistiċi bbażati biss fuq ir-reliġjon li mhux se jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni dejjiema u fit-tul għall-problemi ta' dan ir-reġjun;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex jwaqqfu l-aġir riċenti ta' xi gvernaturi tal-istat Niġerjan, li eżegwew il-piena tal-mewt fuq priġunieri soġġetti għaliha biex inaqqsu r-rassa fil-ħabs, billi dan jikkostitwixxi vjolazjoni ċara tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-gvernaturi tal-istat biex jirrestrinġu ruħhom u jkomplu l-moratorju de facto; ifakkar li l-użu tal-piena tal-mewt jmur kontra l-impenn Niġerjan fil-livell internazzjonali;
7. Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex jipproteġi n-nies tiegħu billi jwettaq rondi regolari madwar ir-reġjun u biex jindirizza l-kwistjonijiet li jinsabu fl-għeruq tal-vjolenza billi jiggarantixxi d-drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u billi jittratta l-problemi relatati mal-kontroll ta' raba' fertili, l-aċċess għar-riżorsi, il-qgħad, il-faqar u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob li dawk il-persuni li kellhom jaħarbu minħabba l-massakru jitħallew imorru lura lejn djarhom b'mod sikur;
8. Iħeġġeġ lill-UE biex tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou, u f'dak il-kuntest biex tindirizza kwistjonijiet relatati mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, kif jinsabu mnaqqxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).