Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (05386/3/2010 – C7-0095/2010 – 2008/0223(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05386/3/2010 – C7-0095/2010),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0780),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0413/2008),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu “Il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwl qari(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-14 ta' Mejju 2009 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-21 ta' April 2009 tal-Kumitat tar-Reġjuni(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0124/2010),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill;
2. Japprova l-istqarrija konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessa ma din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tal-istqarrijiet tal-Kummissjoni annessi ma din ir-riżoluzzjoni;
4. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
dwar id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 290 tat-TFUE
“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/31/UE għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE jew atti leġiżlattivi individwali li fihom dawn id-dispożizzjonijiet.”
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar perijodi ta' vaganzi
“Il-Kummissjoni Ewropea tinnota li minbarra f'każijiet fejn l-atti leġiżlattivi jipprovdu għal proċedura ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw li n-notifika tal-atti delegati għandha tikkunsidra l-perjodi tal-vaganzi tal-istituzzjonijiet (fix-xitwa, fis-sajf u waqt l-elezzjonijiet Ewropej), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu kapaċi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fi ħdan il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-atti leġiżlattivi rilevanti, u hija lesta li taġixxi skont dan.”
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament għall-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija fil-Bini
“Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-istrumenti ta' finanzjament sabiex tirnexxi t-trasformazzjoni tas-settur tal-bini Ewropew f'wieħed effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'użu baxx tal-karbonju. Il-Kummissjoni se tkompli tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jużaw b'mod estensiv il-fondi disponibbli skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (bħalissa sa 4 % tal-ammonti nazzjonali totali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, li jirrappreżentaw ammont ta' EUR 8 biljuni, jistgħu jintużaw biex jiżdiedu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tad-djar, flimkien mal-appoġġ finanzjarju mhux limitat li diġà huma disponibbli għall-enerġija sostenibbli f'bini pubbliku u kummerċjali/industrijali) u se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jużaw aħjar il-fondi disponibbli kollha u l-finanzjament li jista” jaġixxi bħala azzjoni biex tistimula l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tiżviluppa iktar l-inizjattivi eżistenti kollha, bħall-inizjattiva tal-Bliet Għaqlin (Smart Cities) (SET-Plan COM (2009)0519) jew l-użu tal-baġit tal-Ewropa II – Enerġija Intelliġenti, pereżempju, għall-fini tal-qsim tal-għarfien u l-assistenza teknika sabiex jiġu stabbiliti fondi nazzjonali li jistgħu jerġgħu jintużaw.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tipprepara sinteżi u analiżi tal-mekkaniżmi ta' finanzjament li huma attwalment applikabbli fl-Istati Membri u tikkunsidra s-sejbiet biex tipprova xxerred l-aqwa prattiki madwar l-UE.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, wara l-analiżi msemmija fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2010/31/UE, se tikkunsidra l-iżvilupp possibbli ta' inċentivi finanzjarji fil-ġejjieni (inter alia fir-rigward tal-istrumenti tal-Unjoni msemmija għal din il-fini fl-Artikolu 10(5)(a)) u l-aqwa użu tagħhom għall-investimenti fl-effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija tal-bini.