Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2240(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0131/2010

Testi mressqa :

A7-0131/2010

Dibattiti :

PV 18/05/2010 - 6
CRE 18/05/2010 - 6

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2010 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0163

Testi adottati
PDF 332kWORD 88k
It-Tlieta, 18 ta' Mejju 2010 - Strasburgu
It-twaqqif ta' programm konġunt dwar ir-risistemazzjoni
P7_TA(2010)0163A7-0131/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar it-twaqqif ta' programm konġunt dwar ir-risistemazzjoni (2009/2240(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 78 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali u Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u d-drittijiet u l-garanziji li dawn jagħtu lir-refuġjati u lill-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-interess prijoritarju tal-Istati Membri biex jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (COM (2007)0301) tas-6 ta' Ġunju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Programm tal-Kummissjoni ta' Politika dwar l-Ażil: Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE (COM(2008)0360) tas-17 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2908 laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern fit-28 ta' Novembru 2008 ((16325/1/08 REV 1 (Presse 344)) b'kunsiderazzjoni speċjali għall-akkoljenza tar-refuġjati Iraqini,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Programm Konġunt dwar ir-Risistemazzjoni (COM(2009)0447),

–  wara li kkunsidra l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 (COM(2009)0456),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma(1),

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar twaqqif ta' Programm Konġunt dwar ir-Risistemazzjoni u l-Proposta għall-emenda tad-Deċiżjoni 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew tar-Refuġjati għall-perjodu mill-2008 sal-2013,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0131/2010),

A.  billi politika tal-migrazzjoni ġusta u realistika fl-Unjoni Ewropea, li tinvolvi t-twaqqif tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS), trid tinkludi programm effettiv, b'saħħtu u sostenibbli dwar ir-risistemazzjoni, li jipprovdi soluzzjoni fit-tul għar-refuġjati li ma jistgħux jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li l-protezzjoni jew l-għajxien tagħhom ma jistgħux jiġu żgurati fl-ewwel pajjiżi tal-asil,

B.  billi r-risistemazzjoni sservi mhux biss għan umanitarju għall-persuni li jiġu allokati pajjiż ġdid fejn jgħixu, iżda wkoll biex tħaffef lill-pajjiżi terzi mill-piż assoċjat mal-ospitalità ta' numru kbir ta' refuġjati u hija strument utli ħafna għat-tqassim tar-responsabilità,

C.  billi attwalment 10 Stati Membri biss jirrisistemaw refuġjati fuq bażi annwali, bi ftit li xejn koordinazzjoni bejniethom dwar il-prijoritajiet tar-risistemazzjoni, sitwazzjoni li twassal għal nuqqas tal-użu strateġiku tar-risistemazzjoni bħala strument ta' politika esterna tal-UE,

D.  billi l-użu strateġiku tal-programm ta' risistemazzjoni jista' jkollu benefiċċji diretti u indiretti mhux biss għar-refuġjati li qed jiġu risistemati iżda wkoll għal refuġjati oħra li jibqgħu fl-ewwel pajjiż ta' asil, għall-pajjiż ospitanti u għal pajjiżi oħra u anke fir-rigward tal-arranġamenti internazzjonali kollha għall-protezzjoni tagħhom,

E.  billi l-programm ta' risistemazzjoni jista' jgħin biex l-immigrazzjoni illegali ssir anqas attraenti għar-refuġjati li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea,

F.  billi l-ħtieġa li tintwera solidarjetà mal-pajjiżi terzi li jkunu qed jagħtu kenn lil għadd kbir ta' refuġjati li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali hija fattur ewlieni u tirrifletti l-ħtieġa li tintwera solidarjetà fl-UE wkoll,

G.  billi s-sehem tal-UE fir-risistemazzjoni globali tar-refuġjati għadu pjuttost modest; billi dan għandu impatt negattiv fuq l-ambizzjoni tal-UE li jkollha rwol prominenti fil-kwistjonijiet umanitarji globali u fix-xena internazzjonali,

H.  billi s-solidarjetà effettiva għandha tkun fil-qalba tal-politiki komuni tal-immigrazzjoni u tal-asil fost l-Istati Membri, li għandhom jippermettu sehem ġust tar-responsabilità għall-konformità mal-obbligi internazzjonali rigward il-protezzjoni tar-refuġjati, kif ukoll għall-pajjiżi terzi li għandhom il-piż ta' numru kbir ta' refuġjati ospitati,

I.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009, il-Parlament Ewropew talab ukoll għal solidarjetà obbligatorja fir-risistemazzjoni tar-refuġjati fl-UE f'każijiet fejn, fost affarijiet oħra, il-kapaċitajiet tal-akkoljenza fi Stat Membru wieħed mhumiex biżżejjed, biex tiffaċilita r-risistemazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fi Stati Membri oħra, sakemm dawk ikkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u sakemm jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tagħhom,

J.  billi l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li diġà għamlu diversi programmi ta' risistemazzjoni għandha titrawwem, sabiex nibbenefikaw, permezz tal-iskambju tal-aqwa prattiki, mill-esperjenza tagħhom ta' miżuri ta' akkoljenza u integrazzjoni u l-kwalità ġenerali tal-inizjattivi ta' risistemazzjoni,

K.  billi kemm l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, governattivi u nongovernattivi, b'mod partikulari l-UNHCR, għandhom ikunu involuti fl-istadji kollha tal-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE, filwaqt li jikkontribwixxu permezz tal-informazzjoni speċifika, il-kompetenza teknika, il-previżjoni loġistika u l-esperjenza li jkollhom,

L.  billi l-Programm Ewropew ta' Risistemazzjoni m'għandux jagħmel il-proċess ta' risistemazzjoni aktar ikkumplikat,

M.  billi l-Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Asil (EASO) hu mistenni li jsir operazzjonali fl-2010; billi dan se jkun jista' joffri appoġġ lill-Istati Membri biex iwettqu inizjattivi ta' risistemazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni tal-politiki fi ħdan l-UE; billi l-Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Asil għandu jipparteċipa b'mod attiv fid-deliberazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-UNHCR,

N.  billi għandha tinġibed l-attenzjoni mhux biss għall-bżonn li jiġu involuti aktar Stati Membri fir-risistemazzjoni tar-refuġjati iżda anke dwar il-kwalità, is-sostenibilità u l-effettività tar-risistemazzjoni, b'enfasi fuq il-miżuri ta' integrazzjoni,

O.  billi r-refuġjati għandhom jingħataw b'mod immedjat aċċess għall-korsijiet tal-lingwa u tal-kultura u, fejn meħtieġ, għall-kura medika u psikoloġika,

P.  billi l-aċċess għall-opportunitajiet tax-xogħol għall-adulti u l-integrazzjoni immedjata tal-minuri fl-iskejjel jikkostitwixxu pass importanti lejn is-suċċess ta' inizjattiva tar-risistemazzjoni effettiva u għalhekk dawn għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta' gwida edukattiva u professjonali,

Q.  billi hemm diversi entitajiet, fl-amministrazzjoni pubblika (bħalma huma l-muniċipalitajiet) kif ukoll fis-soċjetà ċivili, li jvarjaw minn NGOs għal dawk ta' karità u mill-iskejjel għas-servizzi soċjali, li għandhom l-esperjenza u l-kompetenza neċessarji biex iwettqu miżuri ta' segwitu,

R.  billi l-kooperazzjoni mal-entitajiet imsemmija hawn fuq – b'mod speċjali l-muniċipalitajiet – kienet ta' valur kbir fl-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi bi prattika kkonsolidata tar-risistemazzjoni,

S.  billi l-iffissar tal-prijoritajiet għandu jsir flessibbli kemm jista' jkun, mingħajr ma' tiġi injorata l-prijorità effettiva li għandha tingħata lill-kategoriji tal-iktar persuni vulnerabbli kif indikata mill-UNHCR,

T.  billi r-risistemazzjoni għandha tiġi implimentata biex tikkumplementa u mhux biex tinjora s-soluzzjonijiet dewwiema l-oħra pprovduti għall-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE, u billi l-isforzi fir-rigward tar-risistemazzjoni tar-refuġjati m'għandhomx inaqqsu l-isforz biex ikun żgurat aċċess ġust u effettiv għall-asil fl-UE,

U.  billi l-programmi ta' rilokazzjoni interna għandhom rwol importanti wkoll u għandhom ikunu appoġġati flimkien mal-attivitajiet ta' risistemazzjoni li huma indirizzati f'dan ir-rapport,

V.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009, il-Parlament Ewropew talab ukoll għal skema li talloka mill-ġdid il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati għal oħrajn, b'konsultazzjoni mal-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli Uniti għar-Refuġjati, filwaqt li tiżgura li l-allokazzjoni mill-ġdid issegwi regoli mhux diskrezzjonali, trasparenti u mhux ekwivoċi, li jridu jiġu implimentati wkoll wara talba tal-Parlament,

W.  billi mingħajr aċċess għall-informazzjoni, għar-riżorsi umani, għal pariri tal-esperti u għal segwitu permanenti dwar l-isforzi tar-risistemazzjoni, l-Istati Membri li qatt ma pparteċipaw fil-programmi ta' risistemazzjoni se jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jissieħbu u se jkun diffiċli li jintlaħaq l-objettiv li jiġu involuti aktar Stati Membri,

Programm ta' risistemazzjoni tal-UE reali u effettiv

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tipproponi bidla fil-Fond Ewropew tar-Refuġjati sabiex tinkorpora l-impatt tal-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE;

2.  Japprezza l-objettivi ġenerali stabbiliti fil-Kommunikazzjoni dwar il-Programm ta' Risistemazzjoni kif imsemmi hawn fuq u l-attenzjoni dejjem tikber li hija ddedikata għar-risistemazzjoni fil-politika globali tal-asil tal-UE;

3.  Jitlob li jkun hemm miżuri biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jiġu infurmati dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mir-risistemazzjoni tar-refuġjati;

4.  Ifakkar, madankollu, li linja tal-baġit u appoġġ finanzjarju mhumiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit programm ta' risistemazzjoni reali madwar l-UE kollha;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' finanzjament privat u inizjattivi pubbliċi u privati iktar mifruxa sabiex jappoġġaw il-Programm Ewropew ta' Risistemazzjoni;

6.  Jitlob għal programm aktar ambizzjuż li jiżgura l-kwalità u l-effettività tar-risistemazzjoni, li jkun fih linji gwida speċifiċi fuq mudell ġdid tal-iffissar tal-prijoritajiet, inċentivi biex aktar Stati Membri jibdew jirrisistemaw ir-refuġjati, konsistenza tar-risistemazzjoni ma' politiki oħra tal-asil tal-UE u standards għall-kondizzjonijiet tal-akkoljenza kif ukoll miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu f'kull inizjattiva ta' risistemazzjoni;

7.  Iqis li skont il-perspettivi finanzjarji l-ġodda (2013-2017) għandu jiġi stabbilit pakkett speċifiku għar-risistemazzjoni. Tali pakkett jista' jkun f'forma ta' fond apposta għar-risistemazzjoni u għandu jipprovdi appoġġ finanzjarju għal programm aktar ambizzjuż ta' risistemazzjoni;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ taċ-Ċentru ta' Tranżitu tal-Evakwazzjoni (ETC) il-ġdid fir-Rumanija li joffri akkomodazzjoni temporanja lir-refuġjati li jkollhom bżonn urġenti ta' risistemazzjoni u/jew lir-refuġjati li ma jkunux jistgħu jibqgħu fil-pajjiż tal-ewwel asil tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minnu u wkoll biex tippromwovi r-risistemazzjoni permezz taċ-Ċentru ta' Tranżitu tal-Evakwazzjoni;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ad hoc li ħadu għadd ta' Stati Membri fir-rigward tal-akkomodazzjoni ta' refuġjati li jkollhom bżonn urġenti ta' risistemazzjoni filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tali inizjattivi jkollhom forma aktar strutturata;

Il-ħtiġijiet għall-effiċjenza u l-kapaċità ta' rispons tal-miżuri ta' risistemazzjoni

10.  Jenfasizza li Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE għandu jipprovdi protezzjoni u soluzzjonijiet dewwiema kemm għal sitwazzjonijiet ta' rifuġjati li qed idumu iktar mis-soltu u għal reazzjonijiet rapidi u adegwati f'każ ta' emerġenza jew urġenza mhux prevista, u li t-twaqqif ta' prijoritajiet annwali ikun tali mod li jippermetti reazzjoni pronta f'każ ta' kriżijiet umanitarji għal għarrieda li jistgħu jinqalgħu matul is-sena;

11.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun permess ix-xogħol fil-kamp bi tħejjija għar-risistemazzjoni tar-refuġjati, li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tagħhom u jkun hemm lok għal ippjanar adegwat għal fażijiet ġejjiena tar-risistemazzjoni, apparti mill-informazzjoni li tista' tiġi pprovduta mill-UNHCR u mill-NGOs u organizzazzjonijiet oħra;

12.  Jinkoraġġixxi sħubija pubblika u privata mal-NGOs u ma' aktar imsieħba soċjali bħal organizzazzjonijiet reliġjużi u etniċi biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-risistemazzjoni u l-promozzjoni ta' xogħol volontarju f'dan il-qasam;

13.  Huwa tal-fehma li l-muniċipalitajiet li diġà huma involuti, jew li qed jinvolvu ruħhom, fir-risistemazzjoni għandhom joħolqu sħubiji u ġemellaġġi ma' muniċipalitajiet oħra fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u fl-Istati Membri tal-UE sabiex jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom f'dan il-qasam u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-UE;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas ta' kooperazzjoni strutturata permezz ta' miżuri biex jinġabar l-għarfien espert, u biex jiffaċilitaw il-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni; jenfasizza wkoll li l-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE għandu jipprovdi lill-Istati Membri (dawk li diġà qegħdin jipparteċipaw fil-programm u dawk li jixtiequ jipparteċipaw) b'aċċess għar-riżorsi umani, għall-pariri tal-esperti u għall-informazzjoni komuni li jistgħu jkunu utli fi kwalunkwe fażi tal-inizjattiva tar-risistemazzjoni; jirrikonoxxi li dawk kollha involuti fir-risistemazzjoni, u partikolarment ir-refuġjati risistemati, huma sors siewi ta' informazzjoni għall-evalwazzjoni ta' inizjattivi ta' risistemazzjoni;

15.  Jitlob għall-konsiderazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki li jrawmu l-effiċjenza bejn l-Istati Membri, li jistgħu jinkludu l-promozzjoni ta' programmi konġunti, l-evalwazzjoni minn esperti oħra, it-twaqqif ta' missjonijiet konġunti, l-użu ta' infrastrutturi komuni (bħalma huma ċ-ċentri ta' tranżitu) u l-organizzazzjoni ta' missjonijiet fl-Istati Membri għall-evalwazzjoni tar-risistemazzjoni li qed issir;

16.  Jitlob li ma tkunx injorata r-relevanza ta' miżuri ta' segwitu dwar il-kwalità tal-akkoljenza u l-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti; iqis li s-suċċess tar-risistemazzjoni għandu jkun iddefinit mhux biss f'termini ta' ċaqliq fiżiku tar-refuġjati minn pajjiż terz għal Stat Membru iżda wkoll f'termini tal-implimentazzjoni tal-miżuri li jippermettu l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiż ospitanti;

17.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lir-riżorsi umani involuti fi kwalunkwe Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE fil-preżent jew fil-futur sabiex tkun iggrantita proċedura li tippermetti prattiki tajba ta' adattament u integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà ospitanti, għaliex l-esperjenza turi li l-isforzi ta' risistemazzjoni jeħtieġ li jsiru taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali u l-esperti xierqa;

Unità ta' Risistemazzjoni permanenti, il-pedament ta' Programm Konġunt ta' Risistemazzjoni tal-UE effikaċi

18.  Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' kooperazzjoni strutturata fir-rigward ta' attivitajiet ta' risistemazzjoni fi ħdan l-UE, li tirrikjedi tħejjija loġistika kbira, bħall-għażla u l-orjentazzjoni tal-missjonijiet, is-sorveljanza medika u ta' sigurtà, l-arranġamenti għall-ivjaġġar u l-viża, il-programmi ta' akkoljenza u integrazzjoni, hekk kif imsemmija fil-Kommunikazzjoni COM(2009)0447;

19.  Jikkonferma, barra minn hekk, il-fehma li l-assenza ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri żżid l-ispejjeż tal-operazzjonijiet relatati mar-risistemazzjoni, tagħmilhom anqas attraenti u tnaqqas l-impatt strateġiku tagħhom;

20.  Jirrakkomanda, għaldaqstant, il-ħolqien ta' unità speċifika bil-persunal xieraq inkarigat mill-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-attivitajiet ta' risistemazzjoni li għaddejjin fl-Istati Membri;

21.  Jemmen li l-iktar qafas istituzzjonali xieraq għal din l-Unità ta' risistemazzjoni jkun fi ħdan l-EASO, fejn din tkun tista' tikkoopera fl-ambitu tal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-asil u tal-migrazzjoni;

22.  Iqis li din l-unità tista' tistabbilixxi kuntatti mill-qrib mal-UNHCR u l-NGOs lokali, sabiex tikseb informazzjoni importanti biex tibgħatha lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE rigward, pereżempju, il-prijoritajiet urġenti, it-teknika tal-integrazzjoni, eċċ;

23.  Jisħaq ukoll li l-Unità ta' Risistemazzjoni jista' jkollha rwol importanti fis-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-effettività u l-kwalita tal-Programm ta' Risistemazzjoni fil-livell tal-UE, billi toħroġ rapporti annwali dwar l-attivitajiet kollha, ibbażati fuq l-informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet/awtoritajiet involuti fl-inizjattivi ta' risistemazzjoni fl-Istati Membri;

24.  Jixtieq jenfasizza li l-Unità ta' Risistemazzjoni għandha żżomm ruħha infurmata dwar NGOs, karitajiet u entitajiet oħra li jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tar-risistemazzjoni tar-refuġjati; jinnota, barra minn hekk, li l-Unità msemmija hawn fuq għandha tippubblika b'mod regolari dokumenti li jindikaw l-istandards u l-kriterji li magħhom iridu jikkonformaw dawn l-entitajiet sabiex ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-iskemi ta' risistemazzjoni tal-UE;

25.  Jenfasizza li l-EASO jista' jipprovdi kontribut utli ħafna sabiex jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà bejn il-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE u politiki oħra tal-asil tal-UE;

L-iffissar tal-prijoritajiet b'mod flessibbli

26.  Jirrikonoxxi li programm ta' risistemazzjoni adegwat jeħtieġlu aġġornament regolari tan-nazzjonalitajiet u l-kategoriji ta' refuġjati li għandhom jingħataw il-prijorità fil-proċess ta' risistemazzjoni, b'attenzjoni speċjali għall-emerġenzi ġeografiċi u b'mod partikulari għall-persuni vulnerabbli li jeħtieġu l-aktar il-protezzjoni;

27.  Jemmen li l-prijoritajiet annwali tal-UE għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni, kif propost, b'involviment b'saħħtu u effettiv tal-UNHCR u tal-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tal-identifikazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-kandidati għar-risistemazzjoni;

28.  Jissuġġerixxi li delegazzjoni ta' Membri mill-Kumitati tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), għall-Affarijiet Barranin (AFET) u għall-Iżvilupp (DEVE) jipparteċipaw fil-laqgħa annwali tal-grupp tal-esperti tar-risistemazzjoni;

29.  Iqis li l-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE għandu jinkludi proċeduri speċifiċi biex jinvolvu lill-Parlament Ewropew fl-elaborazzjoni tal-prijoritajiet annwali tal-UE;

30.  Iħeġġeġ lill-EASO biex jassumi rwol importanti fid-definizzjoni tal-aġenda ta' risistemazzjoni ġewwa l-UE;

31.  Jiddefendi l-prinċipju li, skont il-bżonn tal-adattabilità fil-prijoritajiet annwali tal-UE, għandu jkun hemm kategoriji li jibqgħu stabbli kull sena, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrisistemaw persuni partikolarment vulnerabbli fi kwalunkwe żmien tas-sena;

32.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri individwali jistgħu jkunu awtorizzati jippreparaw għall-proċeduri ta' emerġenzja f'każ ta' ċirkustanzi umanitarji mhux previsti – pereżempju, meta r-refuġjati jkunu taħt attakk armat jew meta l-aċċidenti naturali jew il-katastrofi jaffettwaw b'mod qawwi l-kampijiet tar-refuġjati; iqis li dawn il-proċeduri jippermettu li r-risistemazzjoni ssir f'perjodu qasir ta' żmien, b'passi amministrattivi li jsiru permezz ta' skeda aċċelerata jew, f'ċerti każijiet, wara l-ispostament tar-refuġjati; jirrakkomanda li dan l-isforz jitqies fost l-għanijiet tal-Programm ta' Ristabbilizzazzjoni tal-UE;

Ħidma biex ikun żgurat li aktar Stati Membri jipparteċipaw fir-risistemazzjoni

33.  Jiddispjaċih li 10 Stati Membri biss attwalment għandhom programmi ta' risistemazzjoni , stabbiliti mingħajr koordinazzjoni bejniethom;

34.  Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tibqa' volontarja, minħabba d-diverġenzi fil-kondizzjonijiet ta' akkoljenza, is-sħab li jikkollaboraw u l-kriterja legali li jintużaw biex jiddeċiedu min għandu jiġi risistemat;

35.  Jirrikonoxxi li ċerti Stati Membri, b'mod partikulari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, jiffaċċaw sfidi partikulari minħabba l-pożizzjoni tagħhom fil-fruntiera esterna tal-Unjoni;

36.  Jitlob, minkejja dan, għal aktar inċentivi biex jinkoraġġixxi aktar Stati Membri biex jipparteċipaw fil-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi li filwaqt li żieda fl-għajnuna finanzjarja hija importanti, ma għandux jiddgħajjef il-kontribut li l-EASO jista' jipprovdi fir-rigward ta' dan l-aspett billi jgħin sabiex jekwalizza s-sitwazzjoni billi jżid il-kwalità tas-servizzi offruti lir-refuġjati fl-Istati Membri u joffri l-għajnuna bl-aktar prattiki effettivi għall-ospitalità u l-integrazzjoni;

37.  Jissuġġerixxi li tingħata għajnuna finanzjarja aktar sostanzjali lill-Istati Membri li jixtiequ jibdew jipparteċipaw fil-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE, sabiex dawn jiġu megħjuna joħolqu programm ta' risistemazzjoni sostenibbli u sabiex jittaffa l-piż tat-twaqqif ta' tali inizjattiva; jissuġġerixxi li sabiex jiġi evitat impatt eċċessiv fuq il-Fond Ewropew tar-Refuġjati, il-valur tal-għajnuna finanzjarja għandu jiġi ekwalizzat għal Stati Membri oħra wara l-ewwel snin ta' parteċipazzjoni fil-programm;

38.  Jemmen li mhux se jkun possibbli li jiżdied in-numru ta' refuġjati risistemati fl-UE mingħajr qafas amministrattiv u kompetenti li jsostni l-programm u l-ħolqien ta' strutturi permanenti għar-risistemazzjoni u s-segwitu tal-proċess ta' integrazzjoni;

Miżuri ta' segwitu

39.  Iqis li Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE effikaċi għandu jinkludi dispożizzjonijiet fuq miżuri ta' segwitu, filwaqt li jinsisti fuq il-kwalità tar-risistemazzjoni f'kull Stat Membru, standards tajbin f'kull stadju mir-rikonoxximent għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati;

40.  Jistieden lill-Istati Membri involuti fil-programm ta' risistemazzjoni biex jevalwaw il-miżuri li ħadu fil-proċedura ta' risistemazzjoni sabiex jiżguraw u jtejbu l-integrazzjoni tar-refuġjati. L-Istati Membri għandhom ukoll isegwu b'mod regolari l-integrazzjoni tar-refuġjati;

41.  Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet governattivi għandhom irawmu kooperazzjoni massima ma' entitajiet mhux governattivi (NGOs internazzjonali u lokali, pereżempju) u jibbenifikaw mill-kompetenzi ta' dawn tal-aħħar, u mill-fatt li jkunu fil-post, fil-provvediment tal-aħjar u l-aktar inizjattivi effiċjenti għar-risistemazzjoni tar-refuġjati; il-parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili fil-Programm Ewropew ta' Risistemazzjoni se ssaħħaħ l-inizjattivi ta' appoġġ u akkoljenza mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali;

42.  Jappoġġa sforzi intensivi min-naħa tal-entitajiet kollha involuti biex jagħtu lir-refuġjati, b'mod speċjali lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, aċċess għal dar adegwata, kura tas-saħħa, edukazzjoni, korsijiet tal-lingwa u għajnuna psikoloġika, kif ukoll aċċess għas-suq tax-xogħol, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni b'suċċess;

43.  Jistieden lill-EASO, partikolarment permezz tal-Unità ta' risistemazzjoni proposta tiegħu, biex jistabbilixxi kriterji ċari għar-risistemazzjoni ta' kwalità f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, l-NGOs u mal-awtoritajiet lokali u jsegwi r-risistemazzjoni tar-refuġjati, sabiex jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-attivitajiet ta' risistemazzjoni fl-Istati Membri;

44.  Jenfasizza għal darb'oħra l-irwol tal-EASO bħala korp li jista' jqajjem aktar kuxjenza dwar ċerti nuqqasijiet fl-inizjattivi tar-risistemazzjoni, filwaqt li jgħin lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet speċifiċi, u jinkoraġġixxi prattiki aħjar jekk ikollu Unità tar-Risistemazzjoni permanenti;

45.  Jitlob li jkun organizzat dibattitu annwali konġunt bejn il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-programm;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2009)0090.
(2) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 348.

Avviż legali - Politika tal-privatezza