Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (2010/2013(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2009 bit-titlu “Kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel” (COM(2009)0640),
– wara li kkunsidra t-tmien ħiliet ewlenin spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 intitolata “Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja - Qafas ta' Referenza Ewropew”(1),
– wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma ta' 10 snin “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” u r-rapporti interim konġunti sussegwenti dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda bit-titlu “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Nieħdu Azzjoni Minnufih”,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti: qatt ma huwa tard wisq biex titgħallem(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-għoti ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-“Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(5),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Koperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ adottat f'Novembru 2009,
– wara li kkunsidra “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Edukazzjoni”, qafas strateġiku mfassal minn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati f'Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni ddettaljata tal-prestazzjoni u r-rapporti nazzjonali fi sfond ta' sensiela ta' indikaturi u standards referenzjarji (SEC(2009)1598 u SEC(2009)1616),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0141/2010),
A. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja huma assolutament neċessarji f'termini ta' sodisfazzjon personali tal-individwu, l-ugwaljanza, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, ċittadinanza attiva u koeżjoni soċjali,
B. billi t-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti kollha sabiex jiksbu riżultati u kompetenzi aħjar, inizjalment permezz ta' politiki ġodda u aktar inċiżivi biex ikabbru l-provvista edukattiva, hija prijorità,
C. billi minkejja ċertu titjib fil-prestazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea, il-biċċa l-kbira tal-krieterji tal-UE stabbiliti għall-2010 mhux se jintlaħqu, billi f'livelli partikolari tal-ħiliet jibqgħu inadegwati u billi terz tal-popolazzjoni tal-Ewropa għandha kwalifiki edukattivi ta' livell baxx,
D. billi, għaxar snin wara t-tnedija tal-Proċess ta' Bologna, il-konverġenza mixtieqa bejn l-Istati Membri rigward edukazzjoni ogħla ma nkisbitx,
E. billi l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jagħtu l-possibilità liċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-età, is-sess, il-kundizzjonijiet tas-saħħa fiżika, mentali, u psikiċi u l-isfond lingwistiku, etniku, nazzjonali, reliġjuż u soċjoekonomiku tagħhom, li jiksbu, jaġġornaw u jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom tul ħajjithom kollha,
F. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ huma elementi ewlenin fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda Soċjali Mġedda għal opportunitajiet, aċċess u solidarjetà; billi l-implimentazzjoni tal-aġenda tgħin biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar u jagħtu liċ-ċittadini Ewropej aktar opportunità biex jilħqu l-potenzjal tagħhom,
G. billi jinħtieġ sforz kontinwu biex jiżgura li n-nisa jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni fil-livelli kollha u li l-għażliet edukattivi ma jkunux determinati minn qabel skont l-isterjotipi bbażati fuq is-sessi,
H. billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-kompetenzi ewlenin titlob aktar azzjoni politika kemm fil-livell Ewropew u kemm f'dak nazzjonali,
I. billi l-isfida kruċjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa hija r-riforma tal-edukazzjoni lejn sistema ta' edukazzjoni olistika mibnija madwar it-tagħlim li tipprepara liż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini globali kuntenti u attivi, lesti biex jidħlu fis-suq tax-xogħol,
J. billi l-implimentazzjoni u t-tkomplija tal-iżvilupp tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja għadhom sfida kritika għal ħafna Stati Membri; billi jinħtieġ fokus aktar qawwi fuq iċ-ċiklu kollu tal-ħajja flok konċentrazzjoni fuq setturi jew gruppi speċifiċi,
K. billi l-benefiċċji tal-investimenti fl-edukazzjoni jidhru biss fuq medda twila ta' żmien u huwa importanti li jiġi żgurat li ma jitwarrbux fl-aġenda politika; billi jeħtieġ li nistiednu lill-UE tipprovdi gwida fir-rigward tal-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u għandhom jiġu evitati restrizzjonijiet baġitarji, jew tal-anqas ir-riżorsi allokati għandhom jiżdiedu u mhux jonqsu; billi l-UE teħtieġ għalhekk li tattrezza lilha nnifisha b'mekkaniżmi baġitarji li mhumiex marbuta ma' programmar annwali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ,
L. billi l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fit-taħriġ mill-ġdid u fl-aġġornament u fl-adattament tal-għarfien u l-ħiliet ta' kulħadd huwa prekundizzjoni essenzjali għall-ħruġ mill-kriżi u l-wasla għall-isfidi fit-tul tal-kompetittività, l-impjiegi, il-mobilizzazzjoni u l-inklużjoni soċjali tal-ekonomija globali,
M. billi fl-Unjoni, aktar minn 80 % tal-għalliema tal-iskejjel primarji u 97 % ta' dawk li jgħallmu lit-tfal preskolari huma nisa filwaqt li l-perċentwal ekwivalenti fl-iskejjel sekondarji huwa biss 60 %, u fl-edukazzjoni ogħla u r-riċerka inqas minn 40%,
N. billi l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-għalliema qed jiżdiedu billi l-ambjenti edukattivi qed isiru aktar kumplessi u eteroġenji, tibdil fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), restrizzjonijiet finanzjarji kkawżati mill-kriżi ekonomika, bidliet fl-istrutturi soċjali u familjari, u l-multikulturaliżmu,
O. billi l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE 2020 għall-Koperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ tkun essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi kruċjali,
P. billi l-kompetenzi diġitali se jkunu ta' importanza li dejjem tikber fl-ekonomija li qed tevolvi bbażata fuq l-għarfien u s-suq tax-xogħol tal-UE; billi dawn il-kompetenzi joffru opportunitajiet għal irkupru ekonomiku, trawwim tal-intraprenditorija, u aċċess akbar għall-impjiegi,
Q. billi l-isport huwa wieħed mill-mezzi l-aktar effikaċi fil-ġlieda kontra l-abbuż mis-sustanzi (it-tipjip, l-alkoħol u t-teħid tad-droga), peress li l-istudenti fl-edukazzjoni ogħla huma wieħed mill-gruppi soċjali l-aktar fir-riskju f'dan ir-rigward; billi l-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-isports tiddependi primarjament mill-eżistenza ta' infrastruttura xierqa ta' sfond,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-Kummissjoni dwar “Kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel”;
2. Jinnota li minkejja l-progress li sar matul dawn l-aħħar snin, ħafna ċittadini Ewropej għadhom mingħajr ħiliet suffiċjenti; jiġbed l-attenzjoni li waħda minn kull 7 persuni żgħażagħ (18-24 sena) titlaq l-iskola kmieni (6 miljun persuna abbandunaw l-iskola fis-27 Stat Membru tal-UE), li waħda minn kull erba' persuni tal-età ta' 15-il sena għandha ħiliet baxxi fil-qari, li madwar 77 miljun persuna (kważi terz tal-popolazzjoni Ewropea bejn il-25 u l-64 sena) huma mingħajr kwalifiki formali jew għandhom kwalifiki formali ta' livell baxx biss, li kwart biss għandhom kwalifiki ta' livell għoli u li ħafna ċittadini tal-UE m'għandhomx ħiliet tal-ICT; jenfasizza li teżisti l-problema persistenti ta' livell baxx ħafna ta' ħiliet fl-UE kollha kemm hi, u jinsab imħasseb dwar iż-żieda fin-numru ta' żgħażagħ li mhumiex kompletament litterati fl-età ta' 15-il sena (21.3% fl-2000, 24.1% fl-2006);
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli d-dibattitu dwar “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”; jiġbed l-attenzjoni li sal-2020, 16-il miljun impjieg aktar se jirrikjedu kwalifiki għoljin u erba' miljun impjieg aktar se jirrikjedu kwalifiki medji waqt li se jkun hemm 12-il miljun impjieg inqas li jirrikjedu kwalifiki baxxi; jenfasizza li sal-2015, il- maġġoranza l-kbira tal-impjiegi, fis-setturi kollha, se jkunu jeħtieġu ħiliet tal-ICT; jitlob li dan id-dibattitu jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-għalliema, l-istudenti, organizzazzjonijiet professjonali konċernati, l-NGOs relevanti u l-għaqdiet tal-ħaddiema, il-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-istudenti, u rappreżentanti tan-negozju;
4. Iqis bħala vitali li jiġu introdotti politiki li jfittxu li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti kollha u jenfasizza li, sabiex is-sistemi edukattivi Ewropej jilqgħu l-isfida tal-kompetittività globali, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-opportunitajiet edukattivi disponibbli, li għandhom ikunu ta' livell ogħla u ta' firxa usa' sabiex ilaħħqqu mad-domandi urġenti tas-setturi professjonali u s-suq tax-xogħol;
5. Iqis t-tagħlim tal-lingwa bħala kruċjali biex jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u għall-promozzjoni tal-mobilità tagħhom u opportunitajiet indaqs;
6. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw aktar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;
7. Iħeġġeġ li tingħata l-attenzjoni mhux biss lejn l-impjiegi l-ġodda l-hekk imsejħa “ħodor”, iżda wkoll lejn l-“impjiegi l-bojod”; jenfasizza li sal-2030 il-proporzjon tal-persuni ta' “l fuq minn 65 sena, meta mqabbel ma' dak tal-persuni bejn il-15 u l-64 sena ,se jiżdied minn 26 % fl-2008 għal 38 % sal-2030; jinnota għalhekk li se jkun hemm żieda dejjem tikber għal politiki komuni dwar anżjanità attiva, b'referenza partikolari għal miżuri li jippromwovu l-litteriżmu u jirrevedu u jaġġornaw il-ħiliet ewlenin fil-qasam tal-ICT sabiex jegħlbu l-qasma diġitali, li hija fattur li qed dejjem iżid l-esklużjoni soċjali tal-anzjani;
8. Jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-UE 2020 tenfasizza li “r-rata ta' impjiegi tan-nisa hija partikolarment baxxa” (63% biss tan-nisa jaħdmu meta mqabbla ma' 76% tal-irġiel) u li “l-politiki biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi se jkunu meħtieġa biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema”; konsegwentement il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkunu mmirati biex jimlew dan il-vojt fis-suq tax-xogħol, b'hekk jikkontribwixxu għall-ksib ta' tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq is-sessi mill-iżgħar età possibbli;
9. Jitlob li tingħata attenzjoni partikulari għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, irrispettivament mill-età tagħhom, b'referenza partikolari għall-integrazzjoni ġenwina ta' tfal b'diżabilità minn età bikrija fl-istabbilimenti edukattivi; jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti xierqa u għal strateġija fuq medda twila ta' żmien biex tneħħi kwalunkwe limitu f'dan il-qasam;
10. Jemmen li l-edukazzjoni kollha għandha trawwem il-ksib ta' kompetenzi demokratiċi billi tappoġġa l-kunsilli tal-istudenti u tippermetti lill-istudenti li jieħdu responsabilità konġunta għall-edukazzjoni tagħhom kif jiġi stabbilit f'Karta dwar id-Drittijiet tal-Istudenti; f'dan ir-rigward, jitlob li jsir dibattitu bir-reqqa fis-soċjetà Ewropea dwar il-funzjonament u r-rwol tal-edukazzjoni u jissuġġerixxi li l-Agora taċ-Ċittadini Ewropej tista' tkun il-post għal tali dibattitu;
11. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri u lill-impjegati, f'koperazzjoni mill-qrib mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, biex iħeġġu t-titjib tal-ħiliet għal persuni minn sfondi żvantaġġati;
12. Jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni bidlet profondament is-soċjetajiet tal-Ewropa u jirrakkomanda li tiġi inkluża l-Edukazzjoni Globali/dwar l-Iżvilupp fl-edukazzjoni kollha biex tippermetti liċ-ċittadini biex jittrattaw it-theddid u l-opportunitajiet ta' dinja li qed tinbidel;
13. Iqisu essenzjali li l-litteriżmu diġitali u tal-midja jiġi stabbilit fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u li tiġi pprovduta introduzzjoni għal teknoloġiji ġodda u li kulħadd jiġi mgħallem japplika ammonti bilanċi ta' għarfien speċjalizzat u ta' ġudizzju kritiku meta wieħed juża l-forom moderni ta' komunikazzjoni u l-kontenut tal-midja; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu mtejba l-ħiliet tal-informatika taċ-ċittadini kollha Ewropej; jenfasizza li t-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ICT, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, huma ħtieġa, meta wieħed iqis l-importanza li kulma jmur dejjem qegħda tikber ta' dawn il-ħiliet f'suq tax-xogħol li qed jevolvi;
14. Jenfasizza l-importanza ta' appoġġ suffiċjenti u ta' kwalità għolja għall-iżvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema u biex jintroduċu mezzi ġodda ta' organizzazzjoni tat-tagħlim f'ambjenti skolastiċi attraenti;
15. Jisħaq fuq l-importanza tal-arti, il-kultura u l-isport fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-ħtieġa li tingħatalhom attenzjoni partikolari fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, kif wkoll fit-tagħlim tul il-ħajja; iqis li, flimkien mal-iżvilupp ta' ħiliet vokazzjonali u tekniċi, l-edukazzjoni kulturali u soċjali hi parti integrali mill-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ għax din tgħin l-iżvilupp ta' kwalitajiet mhux akkademiċi, u b'hekk issawwar il-sens ta' sodisfazzjon individwali u l-akkwist ta' ħiliet bażiċi;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed fondi għall-investiment fl-isport għall- istituzzjonijiet edukattivi u biex iżidu l-koperazzjoni tal-isferi pubbliċi u privati f'dan il-qasam;
17. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed investiment fl-edukazzjoni li jiggarantixxi l-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol għall-kategoriji kollha;
18. Jenfasizza l-importanza tal-użu tal-istorja u tal-lingwa bħala mezzi għall-ksib tal-integrazzjoni soċjali u kulturali Ewropea;
L-edukazzjoni ta' qabel il-primarja
19. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja waqt it-tfulija bikrija għall-ksib bikri ta' kompetenzi ewlenin, inkluża l-ħila tat-tfal li jikkomunikaw kemm bil-lingwa nattiva tagħhom u kemm bil-lingwa tal-pajjiż ospitanti kkonċernat, u b'mod partikulari għall-appoġġ tat-tfal li ġejjin minn sfond żvantaġġat u dawk bi bżonnijiet (ta' tagħlim) speċjali biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-ġejjieni;
20. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-promozzjoni ta' kultura favur il-qari mill-istadju preskolastiku “l quddiem, u l-importanza tal-aċċess għall-materjal ta' qari fl-età preskolastika;
22. Jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu għall-mobilità: għal din ir-raġuni jitstieden lill-Istati Membri biex jintroduċu t-tagħlim tat-tieni lingwa f'fażi bikrija;
23. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu implimentati miżuri edukattivi ta' appoġġ għal tfal ta' immigranti sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġustament tagħhom għall-ambjent edukattiv u soċjali tal-pajjiż ospitanti;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti u appoġġati azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kreattività tat-tfal minn fażi bikrija tal-ħajja, u b'hekk titwitta aħjar it-triq li twassal għal kultura tal-innovazzjoni fl-Ewropa;
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-objettivi ta' Barċellona, li kienu jimmiraw biex sal-2010 tiġi pprovduta kura tat-tfal għal tal-anqas 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola u tal-anqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin u li l-kura tat-tfal tkun offruta bi prezzijiet li jintlaħqu mill-akbar għadd ta' nies possibbli;
L-edukazzjoni primarja u sekondarja
26. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ksib tal-lingwi jkompli jiżviluppa u jiġi kkonfermat fl-iskola primarja u sekondarja, anke fir-rigward ta' tfal immigranti, u l-importanza tat-tagħlim bil-lingwa nattiva tagħhom fil-każ ta' minoranzi tradizzjonali;
27. Jappoġġa l-idea ta' approċċ edukattiv li jippermetti konsultazzjoni aktar regolari minn, u parteċipazzjoni akbar tal-istudenti fil-ġestjoni tal-proċess edukattiv, tal-parteċipazzjoni edukattiv mill-ġenituri tal-istudenti fil-komunità edukattiv u l-iżvilupp ta' relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja bejn l-istudenti u l-għalliema, li jservu biex jistimulaw l-ispirtu ta' inizjattiva u l-ksib ta' ħiliet soċjali u ċiviċi li huma essenzjali għaċ-ċittadinanza attiva;
28. Jenfasizza l-importanza tal-inkorporazzjoni ta' teknoloġiji ġodda fis-sillabu bħala għodda neċessarja tat-tagħlim f'sistema edukattiva moderna; jappoġġa l-idea li, taħt superviżjoni xierqa, it-tfal ikunu jistgħu minn età bikrija jakkwistaw ħiliet li jippermettulhom jittrattaw il-kontenut tal-midja, u b'mod partikolari tal-internet, b'sens ta' responsabilità u ġudizzju kritiku, u jqis li huwa essenzjali li t-tfal jitgħarrfu dwar il-kwistjonijiet ta' protezzjoni tal-privatezza u tad-data professjonali u l-konformità mar-regoli tad-drittijiet tal-awtur;
29. Huwa tal-fehma li l-progress li sar biex jiġu adattati l-kurrikuli tal-iskejjel għall-kompetenzi ewlenin huwa pass pożittiv, iżda huwa ta' importanza deċiżiva li jsiru aktar sforzi, partikolarment permezz tar-rikonoxximent u taċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba f'edukazzjoni formali u mhux formali, u favur il-ksib ta' kompetenzi ewlenin għall-ġid ta' persuni li jinsabu fis-sogru li jkollhom prestazzjoni mhux daqstant tajba fl-edukazzjoni u li jbatu l-esklużjoni soċjali;
30. Jitlob li tittieħed azzjoni li tippromwovi l-attività fiżika u l-isport u għat-twaqqif ta' kampjonati tal-iskejjel u l-parteċipazzjoni fihom, li jtejbu s-saħħa, irawmu l-integrazzjoni u jgħinu l-iżvilupp ta' valuri li se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' mudelli pożittivi ta' mġiba;
31. Huwa favur l-edukazzjoni u t-taħriġ għal tfal li jkunu ġejjin minn familji migranti, filwaqt li jenfasizza l-kontribuzzjoni ewlenija tal-edukazzjoni fl-integrazzjoni ta' suċċess tal-migranti fis-soċjetà Ewropea;
32. Jitlob li jkun hemm strateġija komprensiva għall-ksib tal-kompetenzi ewlenin, li għandha tinkludi l-aspetti kollha, mir-riforma tal-kurrikuli tal-iskejjel sal-appoġġ favur taħriġ kontinwu u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, biex b'hekk ikollna komunità edukattiva mħarrġa sew; iqis li għandhom jiġu offruti inċentivi għall-għalliema sabiex dawn jingħataw lok itejbu t-tagħlim tagħhom u jiffukaw fuq l-iżvilupp professjonali;
33. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu taħlita ta' suġġetti ġodda u materjali ġodda fl-iskejjel li jipprovdu l-edukazzjoni ġenerali sabiex iż-żgħażagħ li jbatu minn waħda mill-aktar kundizzjonijiet frekweni relatati mat-tagħlim – id-dyslexia – itemmu l-istudji tagħhom b'suċċess; minkejja d-diżabilità tagħhom relatata mat-tagħlim;
34. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni integrata sabiex ma jkunx hemm preġudizzji soċjali u diskriminazzjoni u b'hekk tikkontribwixxi għas-solidarjetà soċjali tal-Ewropa;
L-edukazzjoni ogħla
35. Jitlob li titjieb il-mobilità bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, id-dinja tal-kummerċ u t-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali (pereżempju studenti, għalliema, impjegati, ħarrieġa) biex jinġiebu “l quddiem it-tagħlim iċċentrat fuq l-istudenti u l-ksib ta' kompetenzi bħall-intraprenditorjat, il-fehim interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-kreattività, li huma aktar u aktar meħtieġa fis-suq tax-xogħol; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti l-ostakoli eżistenti fl-UE, b'attenzjoni speċjali mogħtija lill-ostakoli li jirrigwardaw il-barrieri finanzjarji u ta' rinkonoxximent, sabiex titjieb il-kwalità tal-esperjenzi ta' mobilità għall-istudenti kollha; jappoġġja l-iżgurar ta' kwalità ogħla tal-edukazzjoni bħala mezz li jsaħħaħ il-mobilità għal raġunijiet akademiċi u ta' riċerka u bħala prekundizzjoni għal opportunitajiet ugwali ta' xogħol għaċ-ċittadini tal-UE;
36. Jenfasizza kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ kollha jiġu provduti b'bażi sostanzjali fil-ħiliet bażiċi essenzjali għall-promozzjoni tal-mobilità tul il-ħajja sabiex ikunu jistgħu jaffaċċjaw l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u fl-emerġenza tal-ħtiġijiet ġodda ekonomiċi u soċjali;
37. Jappella biex jiġu promossi programmi ta' riċerka sabiex isaħħu t-“trijangolu tal-għarfien” li huwa kruċjali biex tingħata spinta “l quddiem lit-tkabbir u lill-impjieg fl-Unjoni Ewropea;
38. Jistieden lill-Istati Membri biex jimmoderizzaw l-aġenda tal-edukazzjoni ogħla, u b'mod partikolari, biex jikkoordinaw il-kurrikuli mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
39. Jappella lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla biex jimmoderizzaw il-korsijiet tagħhom u, b'mod ġenerali, biex jaċċelleraw il-Proċess ta' Bologna;
40. Iqis li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla għandhom jinfetħu aktar u jkun aktar mħejjija aktar għall-istudenti kollha, b'mod partikolari l-istudenti mhux tradizzjonali, l-istudenti bi bżonnijiet speċjali u l-gruppi żvantaġġati, u li wieħed mill-aktar mezzi utli sabiex jinkiseb dan l-għan huwa li jkun hemm sistemi tal-għoti li jkunu finanzjati sew fejn iż-żgħażagħ minn familji foqra jkunu jistgħu jiġu inkoraġġiti jibdew kors ta' studju; jikkunsidra wkoll li l-politiki speċifiċi għandhom ikunu implimentati mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat id-dritt fundamentali tal-edukazzjoni għal kulħadd, inklużi żgħażagħ b'opportunitajiet finanzjarji inqas, u li fil-ġejjiena għandu jiġi kkunsidrat krieterju għall-ekwità fl-edukazzjoni ogħla, bħala parti mill-qafas strateġiku għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ;
41. Jerġa' jfakkar, f'dan il-kuntest, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill(6) ta' Mejju 2007 dwar l-indikazzjonijiet imfassla għas-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa, partikolarment l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka; jiddispjaċih, għaldaqstant, li dawn l-indikaturi mhumiex meqjusa bis-sħiħ fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-2010 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward l-użu tagħhom bħala strument għas-sorveljanza tal-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ;
42. Jinnota li filwaqt li l-progress sar fir-rigward tal-aċċess tan-nisa għal edukazzjoni ogħla, in-nisa għad għandhom rappreżentazzjoni baxxa fid-dixxipplini tal-matematika, x-xjenzi u t-teknoloġija (32% biss tal-gradwati huma nisa, filwaqt li 68% minnhom huma rġiel); jenfasizza li t-tnaqqis ta' żbilanċji fir-rigward tas-sessi f'dawn l-oqsma se twassal għal anqas nuqqasijiet ta' ħiliet iffaċċjati fl-UE f'dawn is-setturi;
43. Iqis li l-edukazzjoni mhux formali hi qasam edukattiv kumplimentarju għall-edukazzjoni formali u jirrakkomanda li għandu jiġi ttrattat b'dan il-mod fit-tfassil tal-politika dwar l-edukazzjoni skont ET 2020;
44. Jitlob li jkun hemm investiment aktar effikaċi u wiesa' fl-edukazzjoni ogħla;
45. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu s-sħubijiet (f'livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali) bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u d-dinja tal-kummerċ u tal-investiment finanzjarju mid-dinja tal-kummerċ fl-edukazzjoni ogħla;
46. Jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw ir-riżorsi neċessarji lis-settur tal-edukazzjoni ogħla, sabiex jippermettuh jirrispondi għall-isfidi globali, bħala strument ewlieni għall-irkupru ekonomiku u soċjali wara l-kriżi ekonomika reċenti;
47. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' mezzi leġiżlattivi, amministrattivi u finanzjarji, l-edukazzjoni f'ilsien art twelidhom għall-minoranzi tradizzjonali;
It-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali
48. Jisħaq li t-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali ta' kwalità għolja huma fundamentali għall-provvista ta' professjonisti ġodda u essenzjali għall-azzjoni dwar “ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” billi tingħata attenzjoni partikulari lill-espansjoni tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-apprentistati, inkluż għall-gradwati żgħażagħ abbażi ta' ftehimiet bejn l-universitajiet u n-negozji; ikompli jqis li huwa importanti li jiġu promossi perjodi ta' studju u perjodi ta' prattika għall-istudenti tat-taħriġ vokazzjonali f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, b'mod simili bħall-programm tal-Erasmus għall-istudenti universitarji; jitlob sabiex jingħata aktar appoġġ u prestiġju lit-taħriġ vokazzjonali;
49. Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu moderizzati l-programmi ta' taħriġ vokazzjonali billi jitqiesu l-kompetenzi ewlenin, sabiex, min-naħa l-waħda, tiżdied il-kwalità tagħhom u tagħmilhom aktar attraenti għaż-żgħażagħ filwaqt li, min-naħa l-oħra, isiru aktar adegwati għall-ħtiġijiet li qed jiżviluppaw fis-suq tax-xogħol; iqis li l-programmi tat-taħriġ vokazzjonali għandhom itejbu l-kompetenzi ewlenin trasversali;
50. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat, abbażi tal-prattiki tajba eżistenti, mudell għar-rikonoxximent ta' krediti edukattivi li jirrigwardaw ħiliet taċ-ċittadinanza għal żgħażagħ li jkunu qed jieħdu sehem f'xogħol volontarju u servizzi komunitarji mwettqa minn assoċjazzjonijiet mhux għall-qligħ jew fil-kuntest tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;
51. Jitlob li jkun hemm titjib fit-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f'livell sekondarju u l-edukazzjoni ogħla, li jiggarantixxi kwalifiki ogħla;
52. Jenfasizza d-dimensjoni relatata mat-tagħlim tul il-ħajja tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin u jisħaq li sabiex tintlaħaq implimentazzjoni sħiħa tagħha, hemm bżonn ta' aktar progress fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, inkluż permezz tar-rikonoxximent legali tad-dritt universali għall-edukazzjoni tul il-ħajja;
53. Jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba u ta' suċċess bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
It-tagħlim Tul il-Ħajja
54. Jitlob li tittieħed azzjoni malajr biex tiġi indirizzata ż-żieda fl-għadd ta' persuni b'livell baxx ta' ħiliet fil-qari, filwaqt li jiġi provdut appoġġ partikolari lill-awtoritajiet lokali, ladarba dawn tal-aħħar huma l-aktar l-awtoritajiet li l-aktar aċċessibbli faċilment għall-pubbliku; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-persuni illitterati, li l-għadd tagħhom għadu kbir wisq, u biex jieħdu azzjoni riżoluta biex jegħlbu din il-problema – anke rigward l-adulti;
55. Jinsab ferm imħasseb dwar l-għadd dejjem ikbar ta' żgħażagħ qiegħda, speċjalment fil-kriżi ekonomika attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-swieq tax-xogħol ikunu kemm jista' jkun flessibbli sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsibu xogħol faċilment u jiċċaqilqu faċilment minn impjieġ għall-ieħor;
56. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-inklużjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni fl-iżvilupp ta' oqfsa nazzjonali ġenerali tal-kwalifiki, u li jkun hemm aktar rikonoxximent tal-edukazzjoni preċedenti, inkluż dik miksuba fuq bażi informali jew ad hoc;
57. Jinnota li fir-rigward ta' erbgħa mill-ħames kriterji adottati fl-2003, il-miri stabbiliti mhux se jintlaħqu; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u atturi oħrajn biex jeżaminaw ir-raġunijiet ta' dan u biex jieħdu azzjoni adegwata biex jaqilbu s-sitwazzjoni;
58. Jenfasizza l-importanza ta' djalogu u konsultazzjoni strutturati kontinwi bejn dawk li jinsabu fl-aħħar stadji tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u n-negozji;
59. Jappoġġja l-objettiv li l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja tiżdied minn 12.5 % għal 15 % sal-2020 u jħeġġeġ biex tittieħed azzjoni adegwata; għal dan l-għan, jappella lill-universitajiet biex jiffaċilitaw aċċess aktar wiesa' għall-istudju, jiddiversifikaw u jwessgħu l-bażi ta' studenti u biex jemendaw programmi ta' studju sabiex jagħmluhom attraenti għall-adulti li jkunu se jerġgħu jibdew jistudjaw; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni aktar deċiżiva biex jappoġġaw u jxerdu l-istituzzjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja bħal pereżempju l-“Skejjel li jagħtu t-Tieni Ċans”; jappella biex il-perspettiva fir-rigward tas-sessi tittieħed inkunsiderazzjoni u tiġi promossa, fl-implimetazzjoni tal-istrateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-universitajiet tat-tielet età jkollhom rwol essenzjali fit-tagħlim tul il-ħajja;
60. Jinnota li wieħed mill-ostakli ewlenin li jħabbtu wiċċhom miegħu l-adulti li jridu jipparteċipaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa n-nuqqas ta' faċilitajiet ta' appoġġ għall-familji tagħhom; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joħolqu miżuri ta' appoġġ bħala mezz li jiżgura li l-istudenti u l-ħaddiema kollha b'responsabilitajiet familjari (bħal pereżempju l-kura tat-tfal jew ta' dipendenti oħrajn) ikollhom l-opportunità biex jaġġornaw u/jew ikabbru l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, abbażi l-prattiki tajba żviluppati f'dan il-qasam taħt il-programmar tal-Fond Soċjali Ewropew, filwaqt li jiġu involuti kupuni għas-servizz u għar-rikonċiljazzjoni; iqis li l-opportunitajiet tat-tagħlim-e, b'mod partikolari, għandhom jiġu studjati minħabba li dawn jagħtu lok għal aktar flessibilità biex wieħed jgħaqqad flimkien l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kura ta' persuni dipendenti;
61. Jinkoraġġixxi lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jieħu passi bl-għan li jtejjeb il-ġabra u l-analiżi tad-dejta komparabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u biex jiżgura li l-istatistika dwar l-indikaturi relevanti li jirrigwardaw il-Pjattaforma għall-Azzjoni issir disponibbli u tiġi aġġornata regolament;
62. Jirrakkomanda lill-istabbilimenti edukattiv u ta' taħriġ biex jippubliċizzaw b'mod aktar wiesa' lill-programmi tagħhom li huma miftuħa għall-adulti u biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-ksib tal-aċċess għal dawn il-programmi;
63. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra b'mod sħiħ l-għarfien speċjalizzat tal-partijiet konċernati u r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ET2020;
64. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi l-edukazzjoni mhux formali, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u l-istudenti tal-iskola fil-Kriterju tal-Mobilità għall-ET 2020 li għadu jrid isir u biex tieħu r-responsabilità tal-kriterju tal-Proċess ta' Bologna dwar il-mobilità tal-istudenti;
o o o
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.