Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2177(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0135/2010

Testi mressqa :

A7-0135/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2010 - 8.9
CRE 18/05/2010 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0165

Testi adottati
PDF 237kWORD 73k
It-Tlieta, 18 ta' Mejju 2010 - Strasburgu
Kwistjonijiet deontoloġiċi marbuta mal-ġestjoni tal-kumpaniji
P7_TA(2010)0165A7-0135/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-kwistjonijiet ta' etika professjonali marbuta mal-ġestjoni tal-intrapriżi (2009/2177(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' April 2009 li tikkumplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tar-reġim għar-rimunerazzjoni tad-diretturi ta' kumpaniji kkwotati(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009, dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li takkumpanja ż-żewġ rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, li ġiet ippubblikata fit-30 ta' April 2009 ukoll (COM(2009)0211),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpaniji kkwotati(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0135/2010),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja għaddejjin mill-iktar kriżi serja ta' dawn l-aħħar 60 sena, u l-ekonomija reali qed tiffaċċja l-agħar riċessjoni ta' dak l-istess perjodu, u billi huma mistennija kundizzjonijiet tal-impjieg diffiċli, minkejja l-irkupru relattiv tal-ekonomija,

B.  billi, irrispettivament mit-tip ta' kumpanija jew is-settur li fih topera, għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-kumpaniji huma importanti fil-kuntest ġenerali tal-etika professjonali ta' kif jitmexxa n-negozju, bħal pereżempju l-obbligu ta' attenzjoni, it-trasparenza, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, l-immaniġġjar tar-riskju, is-sostenibbiltà ekonomika tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti finanzjarji, il-prattiki tal-bord jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti; billi l-kriżi finanzjarja riċenti wriet li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu analizzati kontinwament biex jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jaffaċċjaw l-isfidi attwali u bħala għajnuna biex jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tal-impjiegi fl-UE,

C.  billi l-kriżi wriet ukoll rabtiet mill-qrib bejn l-immaniġġjar tar-riskju u l-politika dwar ir-rimunerazzjoni u l-importanza ta' din tal-aħħar fil-mekkaniżmi li jirregolaw il-funzjonament adegwat tal-kumpaniji; għal din ir-raġuni, l-immaniġġjar tar-riskji għandu jitqies dovutement fit-tfassil ta' politika ta' rimunerazzjonib'tali mod li sistemi effikaċi tal-immaniġġjar tar-riskji jkunu jistgħu jiddaħħlu f'approċċ usa' u bbilanċjat dwar il-governanza, u biex ikun żgurat li, jekk jiġu stabbiliti sistemi ta' inċentiva, tingħata attenzjoni għall-provvediment ta' istemi adegwati tal-immaniġġjar tar-riskji bħala kontrobilanċ,

D.  billi l-kumpaniji fis-setturi kollha għandhom komuni għadd ta' klassijiet tar-riskju, għalkemm ċerti tipi ta' riskji huma speċifiċi għal ċerti setturi (bħal pereżempju r-riskji li jiffaċċjaw kumpaniji li huma attivi fis-settur finanzjarju); billi n-nuqqas ta' mmaniġġjar effettiv tar-riskju ikkawżat minn monitoraġġ inadegwat tal-konformità mar-regoli dwar is-superviżjoni u minn inċentivi mhux allinjati sewwa fil-politiki ta' rimunerazzjoni kellhom rwol ċentrali fil-kriżi finanzjarja riċenti,

E.  billi wieħed għandu jifhem x'jinvolvi l-immaniġġjar tar-riskju u japplikah fil-livell tal-organizzazzjoni kollha u mhux biss fl-unitajiet operazzjonali individwali tagħha; barra minn hekk għandu jkun żvelat, trasparenti u suġġett għar-rekwiżiti ta' rappurtar,

F.  billi kull soluzzjoni għandha tiżgura li, meta jittieħed riskju, ikun f'konformità mal-għan tan-negozju u l-istrateġija tal-kumpanija u bl-attenzjoni dovuta fir-rigward tal-immaniġġjar effettiv tar-riskju; l-immaniġġjar effettiv tar-riskju għandu jitqies bħala wieħed mill-iktar elementi importanti ta' tmexxija korporattiva tajba fil-kumpaniji kollha,

G.  billi wieħed mill-ewwel passi li ħadet il-Kummissjoni wara l-kriżi kien li indirizzat il-kwistjoni tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni billi kkomplementat ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 2004/913/KE u 2005/162/KE, li kellhom l-għan li jiżguraw politika dwar ir-rimunerazzjoni adegwata bl-istabbiliment tal-aħjar prattiki għat-tfassil tagħha permezz ta' rakkomandazzjoni ġdida dwar is-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati u permezz tal-pubblikazzjoni ta' rakkomandazzjoni dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji,

H.  billi l-grad ta' rakkomandazzjoni jvarja, skont it-tip ta' kumpanija filwaqt li jitqiesu kif xieraq id-daqs, l-organizzazzjoni interna u l-kumplessità tal-attivitajiet; billi distinzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru bejn kumpanija finanzjarja (kwotata jew le) u kumpanija kwotata iżda mhux finanzjarja, u bejn setturi differenti tal-industrija finanzjarja bħalma huma s-servizzi bankarji, l-assigurazzjoni u l-immaniġġjar tal-fondi,

I.  billi fil-kuntest tar-rimunerazzjoni għandhom jitqiesu diversi punti, bħal pereżempju (i) skemi ta' rimunerazzjoni, inklużi l-istruttura, it-trasparenza u s-simetrija tagħhom u r-rabta bejn ir-rimunerazzjoni u l-inċentiv, (ii) il-proċess ta' determinazzjoni tal-iskemi ta' rimunerazzjoni, inkluża d-definizzjoni ta' atturi, rwoli u responsabilitajiet, (iii) kontroll tal-iskemi ta' rimunerazzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-azzjonisti, u (iv) ir-rimunerazzjoni totali inklużi s-salarji u l-pensjonijiet,

J.  billi xi aspetti ta' prinċipji ta' l-ogħla importanza li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet għadhom mhumiex ċari u jeħtieġ li jiġu implimentati sewwa fil-prattika, bħall-kunċett ta' kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom jgħinu biex tinħoloq ir-rabta bejn il-pagi u l-prestazzjoni, il-kunċett ta' “prestazzjoni mhux adegwata” fil-każ ta' pagamenti ma' tmiem l-impjieg, il-pagament ma' tmiem l-impjieg u komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji,

K.  billi, minħabba d-diffikultajiet rikorrenti biex tiġi definita r-rabta bejn il-paga u l-prestazzjoni, l-attenzjoni ewlenija għandha taqa' fuq l-effettività tal-proċess li fih il-politika dwar ir-rimunerazzjoni tiġi determinata u fuq it-trasparenza, liema żewġ aspetti għandhom ikunu bbażati fuq tmexxija soda definita u vvalutata b'referenza għal qafas ta' żmien xieraq orjentata lejn iż-żmien medju u fit-tul sabiex jiġu evitati politiki tal-immaniġġjar tar-riskju perikolużi u mhux sostenibbli maħsuba għaż-żmien qasir (jekk mhux saħansitra qasir ħafna) bi rwoli definiti u separati u fuq ir-responsabilitajiet ta' dawk involuti,

L.  billi kwalunkwe soluzzjoni adottata m'għandhiex timxi fuq il-prinċipju ta' kappell wieħed jiġi lil kulħadd u l-kumpaniji għandhom iżommu ċerta flessibiltà fl-aġġustament tas-sistemi għall-ħtiġijiet tagħhom,

M.  billi hemm bżonn ta' valutazzjoni ex-post tal-prestazzjoni u l-politika dwar ir-rimunerazzjoni,

N.  billi ntwera li t-trasparenza hija element important tal-governanza tajba; billi din m'għandhiex tiġi ridotta għas-sempliċi żvelar, iżda għandha tfisser li l-kumpaniji jkunu jistgħu jispjegaw l-għażla ta' politika partikolari dwar ir-rimunerazzjoni,

O.  billi l-iżvelar tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi b'mod ċar u li jinftiehem għandu, fil-prinċipju, ikun ta' benefiċċju għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni, partikolarment mill-azzjonisti; tali żvelar jista' jinkludi żvelar dettaljat fil-kontijiet annwali jew fir-rapport dwar ir-rimunerazzjoni fir-rigward tar-rimunerazzjoni totali u benefiċċji oħra li jingħataw lil diretturi individwali,

P.  billi l-objettiv tal-kumpanija għandu jkun l-involviment kostruttiv tal-azzjonisti u l-impjegati; billi dan jirrikjedi esplorazzjoni ta' miżuri oħrajn għall-involviment effettiv tal-azzjonisti fit-tfassil tal-politika tal-kumpanija dwar ir-rimunerazzjoni (bħall-possibbiltà introdotta fil-Ġermanja li l-kumpaniji jfittxu l-approvazzjoni tal-azzjonisti fir-rigward tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni bi skali differenti permezz ta' votazzjoni ta' parir), partikolarment peress li l-azzjonisti mhux dejjem ikunu lesti jew preparati li jassumu rwol iktar attiv; billi dan għandu jfisser ukoll li għandhom jiġu esplorati modi ta' kif tiġi żgurata mġiba proattiva iktar milli reattiva mill-azzjonisti vis-à-vis il-bords,

Q.  billi, b'mod speċjali fil-kumpaniji kwotati, hemm nuqqas sostanzjali ta' parteċipazzjoni mill-azzjonisti, u billi għaldaqstant il-votazzjoni elettronika għandha tkun inkoraġġita fil-laqgħat tal-azzjonisti,

R.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema rigward il-ġestjoni tal-intrapriżi tagħhom għandha tiġi implimentata b'mod korrett sabiex ikun possibbli djalogu reali mal-maniġment u biex jiġu definiti b'mod ċar l-objettivi u l-prattiki salarjali tal-intrapriżi,

S.  billi jaqa' fil-kompetenza legali tal-bordijiet tal-kumpaniji li jistabbilixxu kriterji għar-rimunerazzjoni tal-maniġment u li jiffissaw il-livelli ta' tali rimunerazzjoni,

T.  billi standards volontarji huma essenzjali biex titjieb il-prestazzjoni tal-bords u jista' jkun neċessarju li ssir reviżjoni tal-prattiki tajba,

U.  billi l-għan għandu jkun li jiġu stabbiliti bords ta' diretturi u bords superviżorji li jkunu kapaċi jgħaddu ġudizzju objettiv u indipendenti; billi l-effikaċja u l-effiċjenza tal-bords għandhom jiġu evalwati,

V.  billi, fid-dawl tad-dgħufijiet rikonoxxuti tas-sistema attwali ta' governanza korporattiva, perċentwal (pereżempju 1/3) tad-diretturi (membri tal-bord) għandu jkun magħmul minn professjonisti rimunerati, responsabbli u subordinati biss lill-azzjonisti; billi r-reponsabbiltà u s-subordinazzjoni tagħhom għandhom ikunu ffiltrati minn għarfien espert professjonali,

W.  billi, filwaqt li t-tfassil ta' liġijiet f'dan il-qasam jista' jkun għażla iktar diffiċli u li tieħu iktar ħin mill-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet, l-approċċ ta' liġi li mhix vinkolanti mhux wieħed sodisfaċenti,

X.  billi l-Kummissjoni beħsiebha ssegwi r-rakkomandazzjonijiet bi proposti leġiżlattivi biex l-iskemi ta' rimunerazzjoni jinġiebu fil-qasam ta' applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali, u pproponiet notevolment li tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital; billi l-Kummissjoni beħsiebha teżamina miżuri addizzjonali fir-rigward ta' servizzi finanzjarji mhux bankarji,

Y.  billi rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward ta' kumpaniji kkwotati mhux neċessarjament jirrappreżentaw linji gwida ġenerali xierqa għall-iżvilupp tal-aħjar prattiki f'kumpaniji li mhumiex ikkwotati,

Z.  billi implimentazzjoni uniformi u koerenti ta' kull strument adottat f'dan il-qasam madwar l-UE u mill-partijiet rilevanti kollha hija essenzjali,

1.  Jilqa' l-passi li għandhom l-għan li jindirizzaw l-aspetti deontoloġiċi tal-amministrazzjoni tal-kumpaniji, li l-kriżi finanzjarja riċenti żvelat li għadhom “il bogħod milli jiġu riżolti; jilqa” f'dan il-kuntest iż-żewġ rakkomandazzjonijiet maħruġin mill-Kummissjoni;

2.  Jenfasizza li l-approċċ ta' liġi mhix vinkolanti, madankollu, mhuwiex sodisfaċenti;

3.  Jilqa“, għalhekk, l-ewwel proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li tippermetti lil-leġiżlatur tal-UE jindirizza adegwatement il-kwistjonijiet rilevanti, jiġifieri l-emenda tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital;

4.  Jaqbel mal-prinċipji li l-Kummissjoni ressqet fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta' April 2009 dwar, l-ewwel nett, is-sistemi ta' rimunerazzjoni u l-arranġamenti ta' tmexxija fir-rigward tar-rimmunerazzjoni tad-diretturi u l-maniġers ta' kumpaniji kkwotati, u t-tieni, dwar is-sistemi ta' rimunerazzjoni u l-proċess ta' abbozzar u implimentazzjoni tal-politika ta' rimunerazzjoni (governanza), it-trasparenza tal-politika ta' rimunerazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali (sorveljanza) fis-settur finanzjarju, iżda jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx ikkonkretizzati fil-prattika b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri;

5.  Jisħaq li l-UE teħtieġ mudell industrijali, soċjali u ambjentali mmirat għal perjodu ta' żmien fit-tul, konsistenti mal-interessi ġenerali – tal-kumpaniji, tal-azzjonisti u tal-ħaddiema – u bi struttura finanzjarja ġdida bbażata fuq sistema ta' regoli prudenzjali u deontoloġiċi u fuq awtoritajiet superviżorji Ewropej b'setgħat vinkolanti; jemmen ukoll li s-settur finanzjarju għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-ekonomija reali, jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, u juri l-ogħla livell possibbli ta' responsabbiltà soċjali;

6.  Ifakkar li, matul il-proċess ta' ristrutturazzjoni tal-ekonomija, minbarra l-miżuri ta' għajnuna għall-ekonomija reali, il-miżuri ta' protezzjoni tal-impjiegi, tat-taħriġ u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ta' importanza fundamentali u għandhom jiġu kkunsidrati mill-partijiet kollha interessati;

7.  Jisħaq li l-politiki ta' rimunerazzjoni mmirati lejn governanza soda u sostenibbli huma neċessarji mhux biss minħabba raġunijiet deontoloġiċi, iżda wkoll minħabba raġunijiet partikularment ekonomiċi, minħabba li l-politiki ta' dan it-tip għandhom impatt dirett fir-rigward tal-assi u l-perspettivi ta' żvilupp għall-kumpaniji nnifishom kif ukoll fir-rigward tal-ekonomija b'mod ġenerali u ż-żamma u l-ħolqien ta' livelli ogħla ta' impjieg;

8.  Iqis li d-dispożizzjonijiet dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni għad-diretturi tal-banek u l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom ikunu aktar minn sempliċi rakkomandazzjonijiet u għaldaqstant għandhom jieħdu l-forma ta' miżuri vinkolanti marbuta ma' sistema ta' superviżjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni – il-bonusijiet, l-opzjonijiet fuq l-ishma, u l-inċentivi – ma jwassalx lill-kumpaniji biex jadottaw investiment riskjuż iżżejjed u politiki ta' mmaniġġjar li ma jagħtux kas tar-riperkussjonijiet għall-ekonomija reali;

9.  Jenfasizza li l-immaniġġjar korporattiv u l-politiki ta' rimunerazzjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' ugwaljanza fil-pagi u ugwaljanza fit-trattament tan-nisa u l-irġiel stabbiliti bit-Trattati u bid-direttivi tal-UE;

10.  Jara l-bżonn għal azzjoni leġiżlattiva Ewropea ulterjuri biex tiġi riżolta l-problema ta' regoli nazzjonali differenti dwar ir-rimunerazzjoni għal kumpaniji f'każijiet fejn il-maniġers jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor fi ħdan kumpanija (possedenti) jew minn kumpanija għal kumpanija oħra fi Stat Membru differenti, jew meta l-kumpaniji jużaw il-moviment ħieles fi ħdan is-suq intern, pereżempju, permezz ta' mergers transkonfinali;

11.  Iqis importanti li tiġi enfasizzata r-responsabbiltà soċjali ġenerali tal-bords tal-kumpaniji fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli u fit-tul tal-kumpaniji bbażati fi Stat Membri tal-UE, u li jkun mistenni bħala d-dover ta' tali bords li jistrutturaw ir-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji b'tali mod li jirrifletti dak l-objettiv u jkun trasparenti għall-pubbliku Ewropew;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi speċifiċi għas-setturi għal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn l-istituzzjonijiet bankarji u dawk mhux bankarji fil-politika ta' rimunerazzjoni. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji ħalli jgħinu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' tmexxija tal-kumpaniji u biex tiġi żgurata konsistenza fil-politika ta' rimunerazzjoni għal kull tip ta' kumpanija;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi u tappoġġja l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri adottati fil-livell tal-UE, fejn l-attenzjoni ewlenija tkun fuq il-kumpaniji transkonfinali, u biex taqdi l-obbligu tagħha li tissottometti rapport ta' evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni taż-żewġ rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni skeda ta' attivitajiet adegwati, kemm leġiżlattivi u kemm mhumiex, li jistgħu jkunu segwitu neċessarju;

14.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effikaċi r-regoli li jikkonċernaw il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati magħżula fil-kuntest tad-Direttiva 2001/86/KE(5) li tikkomplementa l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea;

15.  Iħares lejn il-kumpanija Ewropea bħala pjattaforma adattata għall-aħjar prattiki bil-għan li jinżergħu prinċipji etiċi fil-mod kif jitmexxew il-kumpaniji transnazzjonali u sabiex dawn il-prinċipji jiġu kkonkretizzati fil-prattika;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod effettiv miżuri bħad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti biex ineħħu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fil-votazzjoni u jtejbuha, b'mod partikolari fir-rigward ta' votazzjoni transkonfinali;

17.  Jistieden lill-azzjonisti kollha biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv f'reviżjoni ta' prattiki tan-negozju u bidliet fil-kultura tan-negozju;

18.  Jitlob inkuraġġiment sabiex iktar nisa jingħataw karigi maniġerjali permezz ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta sistema biex jimtlew karigi fil-korpi responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, karigi f'korpi oħrajn u karigi b'mod ġenerali;

19.  Jipproponi li filwaqt li jiddefinixxu bl-aktar mod strett l-indipendenza tal-membri tal-korpi fil-livell ta' diriġenti ta' kumpanija, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom ifittxu l-aktar mekkaniżmi effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom tista' twassal mhux biss għat-tisħiħ fil-ġestjoni etika tal-kumpaniji, iżda wkoll għal żieda fis-suċċess ekonomiku tal-intrapriżi;

20.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' gwida uniformi u komprensiva rigward l-immaniġġjar tar-riskju, li attwalment jidher li hu indirizzat minn diversi kodiċi u standards applikabbli fl-Istati Membri b'mod frammentarju biss;

21.  Jisħaq li, fil-każ ta' reati ekonomiċi, huwa possibbli li jinġiebu proċedimenti kriminali kontra membri individwali tal-bord tad-diretturi responsabbli għal dawn ir-reati;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-użu ta' linji gwida dwar l-aħjar prattika fir-rigward ta' kumpaniji mhux ikkwotati adattati sabiex iqisu l-partikolaritajiet u d-differenzi ta' tali kumpaniji;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 120, 15.5.2009, p. 28.
(2) ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22.
(3) ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.
(4) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
(5) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza