Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar żviluppi ġodda fl-akkwisti pubbliċi (2009/2175(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'referenza partikolari għall-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra d-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE dwar il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi u d-Direttiva 2007/66/KE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta' proċeduri ta' reviżjoni dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2009 bit-titolu “Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” (COM(2009)0615),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-5 ta' Mejju 2009 bl-isem “Minn kriżi finanzjarja għall-irkupru: Ir-rwol tal-Kummerċ Ġust u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ” (COM(2009)0215),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-16 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar” (COM(2008)0400),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet lil Sħubijiet Pubbliċi-Privati Istituzzjonalizzati (IPPP) (C(2007)6661),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titolu “Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prassi għat-Tħaffif tal-Aċċess mill-SMEs għall-Kuntratti Pubbliċi” (SEC(2008)2193),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni tal-1 ta “Awwissu 2006 dwar il-ligi Komunitarja applikabbli għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi li ma jkunux suġġetti, jew mhux kompletament suġġetti, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku(1),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja:
–
tad-19 ta' April 2007 fil-każ C-295/05 (Tragsa),
–
tat-18 ta' Diċembru 2007 fil-każ C-532/03, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Is-Servizzi tas-Salvatagg Irlandizi),
–
tat-13 ta' Novembru 2008 fil-każ C-324/07 (Coditel Brabant),
–
tad-9 ta' Ġunju 2009 fil-każ C-480/06, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (Stadtwerke Hamburg),
–tal-10 ta' Settembru 2009 fil-każ C-206/08 (Eurawasser),
–tad-9 ta' Ottubru 2009 fil-każ C-573/07 (Sea S.r.l.),
–tal-15 ta' Ottubru 2009 fil-każ C-196/08, (Acoset),
–
tal-15 ta' Ottubru 2009 fil-każ C-275/08, Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (Datenzentrale Baden-Württemberg),
–tal-25 ta' Marzu 2010 fil-każ C-451/08 (Helmut Müller),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Frar 2010 dwar “Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-Kummerċ Ġust u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ” (RELEX-IV-026),
– wara li kkunsidra dawn l-istudji:
–
“Evaluation of Public Procurement Directives: Markt/2004/10/D Final Report”, Europe Economics tal-15 ta' Settembru 2006,
–
“The Institutional Impacts of EU Legislation on Local and Regional Governments: A Case Study of the 1999/31/EC Landfill Waste and 2004/18/EC Public Procurement Directives”, tal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA) ta' Settembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar problemi speċifiċi fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi u r-relazzjoni tagħha mal-aġenda ta' Lisbona(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar sħubijiet pubbliċi-privati u l-liġi Komunitarja dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-Kummerċ Ġust u l-Iżvilupp(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, kif ukoll il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0151/2010),
A. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja enfasizzat l-importanza ekonomika vitali tal-akkwist pubbliku, billi l-effetti tal-kriżi fuq l-awtoritajiet lokali diġà huma evidenti , u billi l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod xieraq fl-interess pubbliku biss jekk ikunu jistgħu jistrieħu fuq iċ-ċertezza legali meħtieġa f'dan il-qasam u l-proċeduri ta' akkwist ma jkunux kumplessi wisq,
B. billi suq tal-akkwisti li jaħdem sew huwa essenzjali għas-suq intern, biex jinkoraġġixxi kompetizzjoni transkonfinali, jistimula l-innovazzjoni, jippromwovi l-ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u kif ukoll jilħaq l-aħjar valur għall-awtoritajiet pubbliċi,
C. billi l-liġi tal-akkwist pubbliku sservi biex tiżgura li l-fondi pubbliċi huma mmaniġġati b'mod effettiv u effiċjenti u biex tagħti lill-kumpaniji interessati l-opportunità li jingħataw kuntratti pubbliċi f'kuntest ta' kompetizzjoni ġusta,
D. billi r-reviżjoni tal-2004 tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku kienet maħsuba biex tissimplifika u timmodernizza l-proċeduri relevanti, tagħmilhom aktar flessibbli u tistabbilixxi ċertezza legali akbar,
E. billi t-Trattat ta' Lisbona inkorpora fil-liġi primarja tal-Unjoni Ewropea l-ewwel rikonoxximent tad-dritt tal-awtonomija ta' entitajiet lokali u reġjonali, saħħaħ is-sussidjarjetà u ta kemm lill-parlamenti nazzjonali u kemm lill-Kumitat tar-Reġjuni d-dritt li jġibu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja,
F. billi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja eżaminat numru sproporzjonat ta' każijiet ta' ksur f'dan il-qasam, li jindika li ħafna Stati Membri ppruvaw jgħelbu d-diffikultà biex ikunu konformi mad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi,
G. billi, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-politiki Ewropej jiżviluppaw b'tali mod li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jinkorpora l-kunċett ta' ekonomija tas-suq soċjali, klawżola soċjali u protokoll dwar is-servizzi ta' interess ġenerali li jiddefinixxu l-valuri komuni tal-Unjoni,
H. billi l-Konvenzjoni 94 tal-ILO tistipula li l-kuntratti pubbliċi ġenerali għandhom jinkludu klawżoli li jiżguraw rimunerazzjoni ġusta, u kundizzjonijiet tax-xogħol li mhumiex inqas favorevoli minn dawk stipulati fi ftehimiet kollettivi, pereżempju,
Osservazzjonijiet ġenerali u rakkomandazzjonijiet
1. Jiddeplora l-fatt li l-għanijiet tar-reviżjoni tal-2004 tad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi għadhom ma ntlaħqux b'mod partikolari fir-rigward tas-simplifikazzjoni tar-regoli tal-akkwist u tal-ħolqien ta' ċertezza legali akbar; jesprimi t-tama, madankollu, li s-sentenzi reċenti mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġusitzzja se jgħinu biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet legali pendenti u li n-numru tal-proċeduri ta' appell se jonqos; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra u tipprova tilħaq il-miri ta' simplifikazzjoni u organizzazzjoni tal-proċedura tal-akkwist pubbliku fi kwalunkwe reviżjoni tar-regoli Ewropej;
2. Jiddeplora, barra minn hekk, il-fatt li r-regolamenti eżistenti, flimkien mal-miżuri ta' implimentazzjoni mhux kompluti fil-livell nazzjonali u reġjonali, l-għadd kbir ta' proposti ta' liġijiet mhux vinkolanti mressqa mill-Kummissjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali relevanti mill-qrati Ewropej u nazzjonali, wasslu għal sett ikkumplikat u konfuż ta' regoli li qed joħloq, b'mod partikolari għall-entitajiet pubbliċi, l-intrapriżi privati u l-fornituri ta' servizzi ta' interess ġenerali, problemi legali serji li m'għadhomx jistgħu jingħelbu mingħajr spejjeż amministrattivi sostanzjali jew mingħajr ma wieħed ifittex parir legali estern; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrimedja din is-sitwazzjoni u, bħala parti mill-inizjattiva għat-“tfassil aħjar tal-liġijiet”, biex teżamina l-impatt ta' dispożizzjonijiet ta' liġijiet mhux vinkolanti, biex tillimita proposti ta' dan it-tip għal aspetti ewlenin u biex tevalwahom fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, filwaqt li tikkunsidra l-ħames prinċipji stabbilitu fil-White Paper tal-2001 dwar il-Governanza Ewropea (trasparenza, parteċipazzjoni, kontabilità, effikaċja u koerenza);
3. Jenfasizza li b'riżultat ta' dan l-iżvilupp, ix-xerreja pubbliċi spiss ikollhom jipprijoritizzaw iċ-ċertezza legali qabel il-ħtiġijiet tal-politika, u meta wieħed jikkunsidra l-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi, spiss ikollhom jagħtu l-kuntratt jew is-servizz ikkonċernat lill-aktar offerta baxxa, aktar milli lill-offerta li hija l-aktar vantaġġuża ekonomikament; huwa beżgħan li dan se jdgħajjef il-bażi innovattiva tal-UE u l-kompetittività globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirranġa din is-sitwazzjoni u biex tiżviluppa miżuri strateġiċi biex tħeġġeġ u tawtorizzaw lix-xerrejja pubbliċi biex jagħtu kuntratti lill-offerti li jkunu l-aktar ekonomiċi u tal-aqwa kwalità;
4. Jenfasizza li l-inizjattivi Ewropej fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandhom jiġu kkoordinati b'mod aktar effettiv sabiex ma jipperikolawx il-konsistenza mad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi u joħolqu problemi legali għal dawk li japplikaw ir-regoli; jitlob, għalhekk, li jittieħdu miżuri ta' koordinazzjoni obbligatorji fi ħdan il-Kummissjoni, taħt it-tmexxija tad-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u tas-Servizzi, li huwa responsabbli mill-akkwist pubbliku, u bil-parteċipazzjoni ta' Direttorati Ġenerali oħra relevanti; jitlob għal preżenza uniformi fl-internet u informazzjoni regolari għall-awtoritajiet kontraenti, bil-ħsieb li d-dispożizzjonijiet legali rilevanti jsiru aktar trasparenti u faċli għall-utent;
5. Jikkritika n-nuqqas ta' trasparenza rigward il-kompożizzjoni u r-riżultati tal-ħidma tal-kumitat konsultattiv intern tal-Kummissjoni dwar l-akkwisti pubbliċi (ACPP) jew ir-rwol u l-kompetenzi tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ftuħ tal-Akkwisti Pubbliċi (CCO), u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex tiżgura li kemm dan il-kumitat kif ukoll il-kumitat konsultattiv il-ġdid ippjanat dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati jkunu bbilanċjati, jinkludu trejdjunjonisti u rappreżentanti tal-komunità kummerċjali, b'mod partikulari l-SMEs, u jaħdmu b'mod trasparenti; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun infurmat b'mod xieraq u jiġi pprovdut bl-informazzjoni kollha disponibbli f'kull fażi u fit-tmiem tal-proċess;
6. Huwa tal-fehma li minħabba li l-kuntratti pubbliċi jikkonċernaw il-fondi pubbliċi, għandhom ikunu trasparenti u miftuħa għall-iskrutinju tal-pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni għal kjarifika biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi lokali u oħrajn ikollhom ċertezza legali u jistgħu jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-obbligi kuntrattwali tagħhom;
7. Jenfasizza li l-għoti ta' kuntratti pubbliċi għandu jsir taħt il-kundizzjonijiet ta' trasparenza u t-trattament ugwali tal-partijiet kollha interessati bir-relazzjoni tal-prezz mal-prestazzjoni tal-proġett bħala l-kriterju aħħari, sabiex titqies l-aħjar sejħa u mhux biss u esklussivament l-aktar offerta bi prezz baxx;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni ex-post tad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi, bil-konsiderazzjoni tal-fehmiet espressi f'dan ir-rapport; jistenna li l-istħarriġ jitwettaq bl-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha u f'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew; jitkellem favur li reviżjoni ta' dan it-tip għandha tikkunsidra l-qafas kollu u li għandha tinkludi wkoll id-direttiva dwar il-proċeduri ta' reviżjoni li jikkonċernaw l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, kif ukoll l-analiżi tal-liġijiet nazzjonali li permezz tagħhom issir it-traspożizzjoni tad-direttiva dwar il-proċeduri ta' reviżjoni, sabiex tkun evitata kwalunkwe frammentazzjoni ulterjuri tal-liġi tal-akkwisti pubbliċi; huwa tal-fehma li l-impatt prattiku ta' din id-direttiva għadu ma jistax jiġi stmat, billi għadha ma ġietx trasposta fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kollha,
Kooperazzjoni pubblika-pubblika
9. Ifakkar li t-Trattat ta' Riforma ta' Liżbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, jinkorpora fil-liġi primarja tal-Unjoni, għall-ewwel darba, l-għarfien tad-dritt tat-tmexxija awtonoma fil-livell lokali u reġjonali (Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea); jenfasizza li f'diversi sentenzi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja invokat id-dritt tal-awtogovernanza lokali u semmiet li l-possibilità għall-awtoritajiet pubbliċi li jużaw ir-riżorsi tagħhom stess għat-twettiq tal-ħidmiet ta' interess pubbliku mogħtija lilhom tista' tiġi eżerċitata f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi oħrajn (C-324/07); jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għas-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ġunju 2009 fil-Kawża C-480/06 li stipulat li, barra minn hekk, il-liġi Komunitarja ma timponix fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw xi forma legali partikolari sabiex iwettqu l-ħidmiet tagħhom ta' servizz pubbliku b'mod konġunt; għaldaqstant iqis li s-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi, bħalma huma ftehimiet ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u forom ta' koperazzjoni nazzjonali, jaqgħu barra mill-ambitu tal-liġi dwar l-akkwisti pubbliċi, fuq il-bażi tal-kriterji kumulattivi li ġejjin:
–
dak li huwa involut hawnhekk huwa l-forniment ta' kompitu ta' servizz pubbliku mogħtija lill-awtoritajiet lokali kollha kkonċernati,
–
isir biss mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati, jiġifieri mingħajr l-involviment ta' individwi jew impriżi privati, u
–
l-attività involuta titwettaq essenzjalment f'isem l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati;
10. Jirrimarka li l-Kummissjoni kkjarifikat li mhux kull azzjoni meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi hija suġġetta għal-liġi tal-akkwsit, u li sakemm id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ewropea ma jeħtiġux ħolqien ta' suq f'qasam partikolari, jibqa' f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess;
11. Jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fis-sentenza msemmija hawn fuq ma japplikawx biss għal koperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali iżda ġeneralment huma validi, bir-riżultat li huma jistgħu jiġu applikati għal koperazzjoni bejn awtoritajiet kuntrattwali pubbliċi oħra;
12. Jinnota li fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Settembru 2009 fil-każ C-573/07, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabet li l-ftuħ tal-kapital ta' kumpanija li qabel kienet proprjetà pubblika għall-investituri privati ma jistax jiġi kkunsidrat ħlief jekk in-natura tal-kumpanija tal-kapital pubbliku tinbidel waqt iż-żmien li fih il-kuntratt huwa validu, u b'hekk jinbidlu l-kundizzjonijiet fundamentali tal-kuntratt u tkun meħtieġa għal sejħa kompetittiva ġdida għall-offerti; jinnota li kien hemm żviluppi kbar fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-kooperazzjoni pubblika-pubblika bħala riżultat tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u jilqa' b'sodisfazzjon is-sentenzi riċenti mogħtija mill-Qorti f'dan il-qasam; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli b'mod wiesa' informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet legali ta' dawn is-sentenzi;
Konċessjonijiet ta' servizz
13. Jirrimarka li l-konċessjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/18/KE huma kuntratti li b'konnessjoni magħhom “il-kunsiderazzjoni għall-provvista tas-servizzi tikkonsisti jew unikament fid-dritt li x-xogħol jiġi esplojtat jew f'dan id-dritt kif ukoll fil-ħlas”; jenfasizza li l-konċessjonijiet tas-servizz ġew esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku sabiex joffru lill-awtoritajiet kontraenti u l-kuntratturi flessibilità akbar; jirrimarka li f'bosta sentenzi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat li l-konċessjonijiet tas-servizzi mhumiex koperti minn dawn id-direttivi, iżda pjuttost mill-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-prinċipju ta' trattament ugwali u t-trasparenza), u li l-awtoritajiet kontraenti pubbliċi għandu jkollhom aċċess biex jiżguraw il-provvista ta' servizzi permezz ta' konċessjoni jekk huma jqisu li dan ikun l-aħjar metodu biex jiġi żgurat is-servizz pubbliku kkonċernat, anki jekk ir-riskju marbut ma' operazzjoni ta' dan it-tip huwa limitat, imma dak ir-riskju limitat jiġi ttrasferit kollu lill-konċessjonarju (sentenza fil-każ C-206/08 tal-10 ta' Settembru 2009, punti 7275);
14. Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati u jistenna l-evalwazzjoni tal-impatt rilevanti b'interess kbir; jistenna li l-Kummissjoni tislet lezzjonijiet mill-PPPs li mhux wed jirnexxu; jenfasizza li wieħed għandu jqis kemm il-kumplessità tal-proċeduri kif ukoll f'termini tal-kultura u l-prattika legali fl-Istati Membri fir-rigward tal-konċessjonijiet tas-servizzi; huwa tal-fehma li bid-direttivi tal-2004 dwar l-akkwist pubbliku u l-każistika supplimentari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tlestew il-proċess tad-definizzjoni tat-terminu “konċessjoni ta' servizz ” u t-twaqqif ta' qafas legali li jirregola konċessjonijiet bħal dawn; jinsisti li kwalunkwe proposta għal att legali li jittratta l-konċessjonijiet tas-servizz tkun ġustifikata biss b'viżjoni li tirrimedja t-tagħwiġ fil-funzjonament tas-suq intern; jirrimarka li tali tagħwiġ għadu ma ġiex identifikat, u li għalhekk, att legali dwar il-konċessjonijiet tas-servizz mhux neċessarju sakemm ma jkunx immirat lejn żvilupp identifikabbli fil-funzjonament tas-suq intern;
Sħubija pubblika-privata
15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kjarifika legali tal-kondizzjonijiet li taħthom tapplika l-liġi tal-akkwisti għas-sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati, b'mod partikolari fid-dawl tal-importanza kbira li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Novembru 2009, tagħti lil sħubijiet bħal dawn rigward il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta' forom ta' enerġija li jiġġeddu u t-trasport sostenibbli; jirrimarka li d-direttivi dwar l-akkwist pubbliku dejjem japplikaw jekk kompitu għandu jingħata lil impriża li hija proprjetà privata, anki jekk is-sehem privat ikun żgħir ħafna; jenfasizza, madankollu, li kemm il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Frar 2008, kif ukoll il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-15 t'Ottubru 2009 fil-Każ C-196/08, għamluha ċara li proċedura ta' sejħa kompetittiva għal offerti doppja mhijiex meħtieġa f'konnessjoni mal-għoti ta' kuntratti jew ta' ċerti ħidmiet lil sħubija pubblika-privata li tkun għadha kif ġiet imwaqqfa, iżda li l-kriterji kollha li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti qabel ma tkun tista' tingħata konċessjoni mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti lil impriża pubblika-privata imħallta stabbilita speċifikament għal dak l-iskop:
–
is-sieħeb privat għandu jintgħażel permezz ta' proċedura trasparenti, bil-pubblikazzjoni bil-quddiem tal-kuntratt following a review of the financial, technical, operational and administrative requirements and the characteristics of the tender in the light of the particular service to be provided;
–
l-impriża mħallta pubblika-privata għandha żomm l-istess għan korporattiv matul it-tul tal-konċessjoni. Skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, kull tibdil materjali għal dan il-għan korporattiv jew għall-kompitu li għandu jitwettaq ikun jeħtieġ it-tnedija ta' proċedura ġdida kompetittiva ta' sejħa għall-offerti;
huwa tal-fehma, għalhekk, li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-akkwist għas-sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati ssolviet, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħorġu dikjarazzjonijiet dwar dan il-fatt;
16. Jenfasizza, madankollu, li l-kriżi finanzjarja riċenti tefgħet dawl ġdid fuq il-modi li bihom is-sħubijiet pubbliċi-privati huma ħafna drabi ffinanzjati u kif ir-riskji finanzjarji jitqassmu; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa kif xieraq ir-riskji finanzjarji marbuta mal-ħolqien tal-PPPs;
L-ippjanar tal-ibliet / l-iżvilupp urban
17. Jilqa' b'sodisfazzjoni is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġusitzzja fil-Każ C-451/08; huwa tal-fehma li l-għanijiet wesgħin u ambizzjużi tad-direttiva għandhom jitqiesu fl-interpretazzjoni tagħha, iżda li wieħed ma għandux jassumi li, billi jappella għall-għan tal-miżura, l-ambitu tagħha jista' jiġi estiż b'mod indefinit, inkella jkun hemm il-periklu li l-attivitajiet kollha marbuta mal-ippjanar tal-ibliet ikunu suġġetti għad-direttiva peress li, skont id-definizzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni possibbli ta' xogħlijiet ta' bini tbiddel sostanzjalment il-valur tal-art in kwistjoni; huwa tal-fehma li fl-aħħar ftit snin il-liġi tal-akkwist nxterdet f'oqsma li mhumiex klassifikati b'mod inerenti taħt ix-xiri pubbliku u jissuġġerixxi, għalhekk, li l-kriterju tax-xiri jiġi enfasizzat aktar bis-saħħa fl-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-akkwist;
Akkwist inqas mil-livell stabbilit
18. Jirrimarka li l-Parlament Ewropew huwa parti fil-każ il-Ġermanja vs il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-14 ta' Settembru 2006 kontra l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni tal-1 ta' Awwissu 2006 dwar il-liġi tal-Komunità applikabbli għall-għoti tal-kuntratti li ma jkunux suġġetti, jew mhux kompletament suġġetti, għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar l-akkwisti pubbliċi, u jistenna deċiżjoni fil-pront;
Intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju
19. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt tad-direttivi tal-akkwisti pubbliċi dwar l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju speċjalment fir-rwol tagħhom bħala sottokuntratturi u biex tagħmel evalwazzjoni, bil-għan ta'reviżjoni futura tad-direttivi, dwar jekk hemmx ħtieġa ta' regoli ulterjuri għall-għotja tas-sottokuntratti, speċifikament biex jiġi evitat li l-SMEs bħala sottokuntratturi jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet agħar mill-kuntrattur prinċipali tal-kuntratt pubbliku;
20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-proċeduri għall-akkwisti pubbliċi biex teħles lill-gvernijiet lokali u lill-kumpaniji milli jaħlu ammont kbir ta' ħin u flus fuq kwistjonijiet purament burokratiċi; jenfasizza li jekk jeħfiefu l-proċeduri, l-SME's ikollhom aċċess aħjar għal dawn il-kuntratti u jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod aktar ekwu u ġust;
21. Huwa tal-fehma li s-sottokuntrattar huwa forma ta' organizzazzjoni ta' xogħol adattat għall-aspetti speċjalizzati tal-ħidmiet ta' esekuzzjoni; jenfasizza li l-kuntratti sottokuntrattwali jridu jikkonformaw mal-obbligi kollha imposti fuq il-kuntratturi ewlenin, speċjalment fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u s-sigurtà. huwa tal-fehma li, għal dan il-għan, tajjeb li tiġi stabbilita rabta bejn il-kuntrattur u s-sottokuntrattur f'termini ta' responsabilità;
22. Jappoġġa l-aċċess sistematika ta' offerti ta' prezz (jew varjanti); jenfasizza li l-kundizzjonijiet tas-sejħa, b'mod partikolari l-aċċess għal offerti ta' prezz alternattivi, huma kruċjali għall-promozzjoni u t-tixrid ta' soluzzjonijiet innovattivi; jenfasizza li speċifikazzjonijiet li jirreferu għar-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-funzjonalità u l-aċċess espress ta' varjanti jagħti lil dawk li jitfgħu s-sejħiet, l-opportunità biex jipproponu soluzzjonijiet innovattivi;
23. Iħeġġeġ il-ħolqien ta' portal uniku għall-aċċess għall-web għall-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-kuntratti pubbliċi, bħala netwerk “l fuq għas-sejħiet kollha għall-offerti; jinnota li l-għan għandu jkun li jiġu pprovduti t-taħriġ u l-informazzjoni, li jiġu ggwidati l-intrapriżi lejn il-kuntratti u li tiġi spjegata l-leġiżlazzjoni applikabbli, b'mod partikolari għall-SMEs (li ġeneralment ma jkollhomx għadd kbir ta' riżorsi umani u amministrattivi b'ħila fit-terminoloġija u proċeduri marbuta mal-akkwist), u li jkun hemm helpdesks speċjalizzati li jistgħu jgħinuhom ukoll fl-evalwazzjoni dwar jekk jissodisfawx ġenwinament il-kundizzjonijiet tas-sejħa, u jekk iva, jgħinuhom biex ilestu l-offerta tagħhom;
24. Jinnota li l-SMEs stinkaw biex ikollhom aċċess għas-swieq ta' akkwist pubbliku u li għandu jkun hemm aktar sforzi biex tiġi żviluppata “strateġija tal-SMEs”; jappella, għalhekk, bħala parti minn din l-istrateġija, lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-awtoritajiet kuntrattwali biex jinkoraġġixxu opportunitajiet sottokuntrattwali fejn ikun xieraq, biex jiżviluppaw u jxerrdu l-aqwa tekniki ta' prattika, biex jevitaw proċessi ta' qabel il-kwalifikar li jkunu preskrittivi wisq, biex jużaw standards fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti biex jiżguraw li l-fornituri ma jkollhomx jibdew mill-bidu nett u biex jiżviluppaw portal ċentralizzat ta' reklamar għall-kuntratti; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tagħti widen lill-inizjattivi tal-Istati Membri f'dan il-qasam u tinkoraġġixxi tixrid aktar wiesa' tal-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;
25. Jinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jippromwovu “programm tal-iżvilupp għall-fornitur”, kif diġà jinsab żviluppat f'ċerti pajjiżi; jinnota li tali strument jista' jintuża biex jinkoraġġixxi djalogu bejn il-fornituri u l-prokuraturi, u b'hekk jippermetti l-atturi jiltaqgħu flimkien waqt stadju bikri ta' proċess ta' xiri; isostni li tali mekkaniżmu huwa essenzjali biex jistimula l-innovazzjoni u t-titjib tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar biex tiżgura rwol akbar għall-SMEs Ewropej fl-akkwist pubbliku internazzjonali u biex tintensifika l-isforzi ħalli tevita diskriminazzjoni kontra l-SMEs Ewropej billi tqabbel id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikati minn uħud mill-partijiet tal-FAG (bħall-Kanada u l-Istati Uniti); jinnota li miżuri għat-titjib kemm tat-trasparenza u kemm tal-aċċess għas-swieq nazzjonali tal-akkwist jgħinu lill-SMEs biex jidħlu fi swieq bħal dawn;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-inklużjoni, fil-Ftehim tal-Akkwist Pubbliku (FAG) tad-WTO, ta' klawżola li tippermetti lill-Unjoni Ewropea li tagħti preferenza lill-SMEs fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi, simili għal dawk il-klawżoli li diġà huma applikati minn Stati oħra li huma parti għal dan il-ftehim;
L-akkwist ekoloġiku
28. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza kbira tal-akkwist pubbliku għall-ħarsien tal-klima u tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija, l-innovazzjoni u l-istimolu tal-kompetizzjoni, u jtenni li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu mħeġġa u mqiegħda fil-pożizzjoni li jibbażaw l-akkwist pubbliku fuq kriterji ambjentali, soċjali u oħrajn; jilqa' bil-ferħ l-assistenza prattika mogħtija lill-awtoritajiet pubbliċi u entitajiet oħra rigward l-akkwisti sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità li tuża kuntratti pubbliċi favur l-ambjent bħala għodda biex tippromwovi żvilupp sostenibbli;
29. Itenni l-appell preċendenti tiegħu, tar-rapport tiegħu ta' Frar 2009, lill-Kummissjoni biex tipproduċi manwal dwar akkwist prekummerċjali, li għandu jispjega eżempji prattiċi tal-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq; huwa tal-fehma li, flimkien ma' dan, għandhom jingħataw id-drittijiet ta' propjetà lill-kumpaniji li qed jipparteċipaw f'akkwist prekummerċjali, li jistgħu jrawmu ftehim fost l-awtoritajiet pubbliċi u jinkoraġġixxu l-fornuturi biex jinvolvi lilhom infushom fi proċeduri ta' akkwist prekummerċjali;
30. Jilqa' t-twaqqif tal-helpdesk tal-EMAS tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi informazzjoni prattika u appoġġ għall-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra biex jevalwaw, jirrappurtaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom fil-kuntest tal-akkwist pubbliku; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tiżviluppa portal onlajn aktar ġeneriku li jkun jista' joffri parir prattiku u appoġġ għal dawk li qed jużaw il-proċessi ta' akkwist pubbliku, partikolarment l-atturi involuti fil-proċeduri kumplessi u kollaborattivi ta' akkwist;
L-akkwist soċjali responsabbli
31. Jenfasizza n-nuqqas ta' ċarezza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi soċjalment responsabbli, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna f'forma ta' manwali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-bidliet fil-qafas legali miġjuba mit-Trattat ta' Liżbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jistenna lill-Kummissjoni sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti b'mod xieraq; jenfasizza l-problema bażika li l-kriterji soċjali jiffokaw fuq il-proċess tal-manifattura b'tali mod li l-impatt tagħhom ġeneralment ma jkunx jingħaraf fil-prodott finali, u li s-sistemi ta' produzzjoni globalizzati u l-ktajjen tal-provvista kumplessi jwasslu biex ikun diffiċli li wieħed jikkontrolla l-konformità mal-kriterji; jistenna, għalhekk, kriterji dettaljati verifikabbli u bażi ta' data bi kriterji speċifiċi għall-prodotti li għandhom jiġu żviluppati fil-qasam tal-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi soċjalment responsabbli wkoll; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultà li jiffaċċjaw l-awtoritajiet kontraenti u l-ispejjeż li jġarrbu fil-verifika tal-konformità mal-kriterji u jistieden lill-Kummissjoni biex toffri għajnuna adegwata u biex tippromwovi l-istrumenti li jistgħu jintużaw biex jiċċertifikaw l-affidabilità tal-katini tal-provvista;
32. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmilha ċara li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jibbażaw l-akkwist pubbliku fuq kriterji soċjali bħall-ħlas tal-pagi standard relevanti u rekwiżiti oħra; jitlob lill-Kummissjoni biex toħloq linji ta' gwida jew assistenza prattika oħra għall-awtoritajiet pubbliċi u entitajiet pubbliċi oħra rigward l-akkwisti sostenibbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw ta' spiss korsijiet ta' taħriġ u kampanji biex iqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni jappoġġja l-idea ta' proċess trasparenti, li jinvolvi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, bil-għan li jkomplu jiġi żviluppati l-kriterji rilevanti; jirrimarka li, fil-qasam tal-kriterji soċjali b'mod partikolari, proċess bħal dan joffri opportunitajiet tajbin ta' suċċess;
33. Jappella lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-awtoritajiet pubbliċi biex jużaw il-kriterji tal- kummerċ ġust fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi u politika dwar ix-xiri tagħhom fi ħdan it-tifsira tal-kummerċ ġust kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kummerċ ġust u l-iżvilupp tas-6 ta' Lulju 2006 u l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2009; itenni bħal qabel biex il-Kummissjoni tippromwovi dan billi, pereżempju, tipproduċi linji gwida kostruttivi għall-akkwist tal-kummerċ ġust; jilqa' l-adozzjoni unanima tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Frar 2010 għal strateġija komuni Ewropea dwar il-Kummerċ Ġust għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;
Għajnuna prattika: bazi ta' dejta u korsijiet ta' taħriġ
34. Jappella sabiex l-iżvilupp ta' bażi ta' data aġġornata ta' spiss rigward l-istandards, b'mod speċjali dawk li jirrigwardaw kriterji ambjentali u soċjali, ikun disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi, biex jiżgura li l-prokuraturi għandhom aċċess għal gwida adegwata u sett ċar ta' regoli meta jkunu qed ifasslu sejħiet għall-offerti, biex jivverifikaw b'mod faċli l-konformità tagħhom mal-istandard relevanti; jistenna li l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha jkunu involuti b'mod sħiħ f'dan il-proċess; jinnota li dan il-proċess minn fuq għal isfel għandu jirrikonoxxi l-esperjenza u l-għarfien prezzjużi li ta' spiss jeżistu f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-impatt negattiv li għandu suq frammentat fuq l-innovazzjoni u r-riċerka minħabba l-eżistenza ta' dawn it-tikketti differenti reġjonali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali;
35. Jinnota l-importanza tal-istandards għall-akkwisti pubbliċi sabiex ikunu ta' għajnuna għax-xerrejja pubbliċi biex jilħqu l-miri tagħhom, billi jitħallew jużaw proċessi ppruvati u ttestjati biex jipproduċu prodotti u servizzi, billi jwasslu proċedura ta' sejħa tal-offerti aktar effikaċi u billi jiġi żgurat li l-akkwisti jilħqu objettivi ta' politika oħra, bħas-sostenibilità jew xiri min-negozji żgħar;
36. Jirrikonoxxi li t-taħriġ u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-Kummissjoni huma essenzjali sabiex jintgħelbu ftit mill-kumplessitajiet tas-suq pubbliku tal-akkwist; jinsab imħasseb, madankollu, li malli jonqsu l-baġits pubbliċi, tali inizjattivi jistgħu jiġu mdgħajfa; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw ir-riżorsi u l-mekkaniżmi eżistenti li għandhom, bħal pereżempju reviżjonijiet mill-pari, stipulati fid-Direttiva dwar is-Servizzi, biex jinkoraġġixxu lil gruppi żgħar ta' esperti tal-akkwist minn reġjun wieħed biex jirrevedu l-attivitajiet f'reġjun ieħor tal-UE, u dan jista' jgħin fil-bini ta' fiduċja u fit-twaqqif tal-aħjar prattiki fost Stati Membri differenti;
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw korsijiet ta' taħriġ u kampanji li jqajmu l-kuxjenza fost l-awtoritajiet lokali u għal min ifassal il-politiki u biex jinkludu partijiet interessati oħra, partikolarment fornituri ta' servizzi soċjali;
Żvilupp reġjonali
38. Jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri tagħti indikazzjoni regolari fir-rapporti annwali tagħha tal-implimentazzjoni tal-Baġit tal-UE kif ukoll fl-aħħar rapport annwali għas-sena finanzjarja 2008 li n-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist tal-UE huwa wieħed miż-żewġ raġunijiet l-aktar komuni ta' żbalji u irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-proġetti Ewropej kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-irregolaritajiet ta' spiss huma kkawżati minn traspożizzjoni mhux korretta ta' regoli tal-UE u minn differenzi fir-regoli applikati mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu, f'koperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, id-diversi settijiet ta' regoli applikabbli għall-akkwisti pubbliċi sabiex jiġu unifikati u biex il-qafas legali għall-akkwisti pubbliċi kollu kemm hu jiġi ssimplifikat, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji u jiġi żgurat l-użu aktar effiċjenti tal-Fondi Strutturali;
39. Huwa tal-fehma li mhumiex biss l-ispejjeż u l-kumplessità li jistgħu jkunu projbittivi, iżda wkoll iż-żmien meħtieġ biex jitlesta l-proċess tal-akkwisti pubbliċi, flimkien mat-theddida ta' azzjoni legali fis-sura ta' proċeduri ta' appell, li jieħdu ħafna żmien, u li spiss isibu xkiel minn diversi bnadi, u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan ta' rkupru jippermetti l-applikazzjoni ta' verżjonijiet aċċellerati tal-proċeduri mfissra fid-direttivi tal-akkwisti pubbliċi għal proġetti pubbliċi kbar b'mod speċifiku fl-2009 u l-2010; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-proċedura u jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw u jużaw dawn il-proċeduri, b'konformità, f'kull każ, mar-regoli u r-regolamenti standard tal-akkwisti pubbliċi;
40. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-possibilità li tkompli tuża proċeduri mgħaġġla fir-rigward tal-Fondi Strutturali, anke lil hinn mill-2010, u li testendi ż-żieda temporanja fil-limiti, bl-għan speċifiku li jitħaffef l-investiment;
Il-kummerċ internazzjonali
41. Jirrimarka li s-suq intern u s-swieq internazzjonali huma kulma jmur aktar interkonnessi; huwa tal-fehma, f'dan il-kuntest, li l-leġiżlaturi tas-suq intern tal-UE u n-negozjaturi tal-UE fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali għandhom iżommu quddiem għajnejhom il-konsegwenzi reċiproċi possibbli meta jkunu qed iwettqu l-attivitajiet tagħhom u li huma għandhom jadottaw politika koerenti li għandha tkun dejjem orjentata lejn il-promozzjoni tal-valuri tal-UE fil-politiki tal-akkwist pubbliku, inklużi t-trasparenza, pożizzjoni bi prinċipju kontra l-korruzzjoni, u l-avvanz tad-drittijiet soċjali u dawk tal-bniedem; jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali biex jagħmlu sessjonijiet konġunti ta' informazzjoni, bil-għan li jiġu inkuraġġiti s-sinerġiji;
42. Jenfasizza li qafas sod ta' akkwist tal-gvern huwa prekondizzjoni għal suq orjentat lejn kompetizzjoni ġusta u ħielsa u jgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
43. Jenfasizza wkoll, fil-kuntest tal-impenji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-akkwist pubbliku internazzjonali, l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni f'dan il-qasam, u jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa tal-iffukar tal-isforzi fuq l-iżgurar tat-trasparenza u l-ekwità fl-użu tal-fondi pubbliċi;
44. Iħeġġeġ lit-22 stat osservatur fil-kumitat tal-FAG sabiex iħaffu l-proċess ta' adeżjoni mal-FAG;
45. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibiltà li tinkorpora fil-ftehimiet ta' akkwist pubbliku ma' sħab internazzjonali dispożizzjonijiet li jirrikjedu konformità mal-obbligi fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem stipulati f'konvenzjonijiet u fi ftehimiet internazzjonali;
46. Filwaqt li jargumenta bil-qawwa kontra l-miżuri protezzjonisti fil-qasam tal-akkwist pubbliku fuq livell globali, jemmen bis-sħiħ fil-prinċipju tar-reċiproċità u l-proporzjonalità f'dak il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-possibilità li timponi restrizzjonijiet proporzjonati b'miri preċiżi fuq l-aċċess għal partijiet mis-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE għal dawk is-sħab kummerċjali li jibbenefikaw mill-ftuħ tas-suq tal-UE, imma li ma wrew l-ebda ħsieb li jiftħu s-swieq tagħhom stess għall-kumpaniji tal-UE, bil-għan li tħeġġeġ lil sħabna sabiex joffru arranġamenti reċiproċi u proporzjonali ta' aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej;
47. Jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilità li jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-problemi dwar l-aċċess mill-intrapriżi tagħhom għas-swieq ta' pajjiżi terzi, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri effettivi ħalli tiżgura li l-intrapriżi tal-UE jgawdu aċċess ġenwin għas-swieq ta' pajjiżi terzi;
o o o
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.