Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politiki tal-UE għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' “Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u iktar” (2009/2218(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew”(1),
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u speċjalment l-Artikolu 21(2), li jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta' Lisbona) li jtenni li l-UE se tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li hija timplimenta u li x'aktarx li jolqtu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta' Lisbona) li jafferma mill-ġdid li l-UE għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet tagħha, meta jitqiesu l-għanijiet kollha tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (il-Ftehim ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE, adottata f'Lisbona f'Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp: It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju” (COM(2005)0134 - SEC(2005)0455),
– wara li kkunsidra l-ewwel Rapport biennali tal-UE dwar Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp (COM(2007)0545) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2007)1202),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “il-Kodiċi ta' Mġiba tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp” (COM(2007)0072),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE tal-2009 dwar Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (COM(2009)0461 finali) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2009)1137),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta' qafas ta' politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni” (COM(2009)0458),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Koerenza tal-Politiki għall-Programm ta' Ħidma għall-Iżvilupp” (SEC(2010)0421 finali) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Pjan ta' Azzjoni tal-UE bi tnax-il punt biex jiġu appoġġati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju” COM(2010)0159),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi” (COM(2009)0160),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2009)0163),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax, u b'mod partikolari l-Anness I(3) tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 u tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar l-agrikultura u s-sajd,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Mejju 2005 dwar it-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2006 dwar l-Integrazzjoni ta' Kunsiderazzjonijiet dwar l-Iżvilupp fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-paragrafu 49 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Novembru 2007 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-paragrafu 61 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni' tat-18 ta' Mejju 2009 dwar l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-kriżi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2009 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u dwar il-Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija tal-1996 tal-OKŻE bl-isem Shaping the 21st Century: the Contributions of Development Cooperation ' u d-dikjarazzjoni ministerjali tal-OKŻE tal-2002 “Action for a Shared Development Agenda” u r-rapport tagħha tal-2008 bl-isem “Building Blocks for Policy Coherence for Development”,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp adottata mill-OKŻE fl-4 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tal-2000 u t-tmien Għan ta' Żvilupp tal-Millennju,
– wara li kkunsidra l-laqgħa ministerjali tad-WTO ta' Novembru 2001 u l-Konsensus ta' Monterrey tal-2002,
– wara li kkunsidra s-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002 u r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-qafas tas-Samit Dinji tal-2005,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar ir-rwol tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou fl-indirizzar tal-kriżi tal-ikel u dik finanzjarja fil-pajjiżi tal-AKP, adottata waqt is-17-il Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-AKP u l-UE(4) li saret fi Praga mill-4 sad-9 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu bbażati fuq rapporti mill-Kumitat tiegħu għall-Iżvilupp: Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (5); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Frar 2007 dwar l-integrazzjoni tas-sostenibilita? fil-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp(6); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika(7); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-effetti li qiegħda tħalli l-esplojtazzjoni mill-UE ta' ċerti riżorsi bijoloġiċi naturali fuq l-iżvilupp tal-Afrika tal-Punent(8); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika(9); u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-Segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu bbażati fuq rapporti mill-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali: Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ (Aid for Trade)(11) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-Faqar u l-Kummerċ: it-tfassil tal-politiki tal-kummerċ b'mod li jżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar(12),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-CONCORD tal-2009 bit-titolu “Fokus fuq il-Koerenza tal-Politiki”,
– wara li kkunsidra l-istudju tal-2003 tal-ActionAid bit-titolu “Policy (in)coherence in European Union support to developing countries: a three country case study” (“(In)koerenza fil-politiki ta' appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw: studju ta' tliet pajjiżi”),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-2006 ta' Guido Ashoff (2006) bit-titolu “It-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp: kwistjonijiet kunċettwali, approċċi istituzzjonali u lezzjonijiet minn evidenza komparattiva”,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2007 tal-ECDPM bit-titolu “Il-mekkaniżmi tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri tal-UE għall-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp: rapport finali”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0140/2010),
A. billi l-OKŻE pproponiet li jiġi ddefinit il-kunċett tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), li jfisser “ħidma biex jiġi żgurat li l-objettivi u r-riżultati tal-politiki ta' żvilupp ta' gvern ma jiġux ipperikolati minn politiki oħra ta' dak il-gvern, liema politiki jolqtu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li dawn il-politiki jsostnu l-objettivi ta' żvilupp, fejn ikun fattibbli”(13); billi l-UE żviluppat kunċett ta' PCD li għandu l-għan li jibni sinerġiji bejn il-politiki tal-UE, u billi n-nuqqas ta' azzjoni politika għal dan l-iskop jista' jkollu impatt negattiv fuq ir-riżultat mistenni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp,
B. filwaqt li jfakkar fl-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tieħu miżuri li jħeġġu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, f'konformità mal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fl-2005(14),
C. billi hemm differenza bejn il-konsistenza fil-politiki (li jiġu evitati l-kontradizzjonijiet bejn oqsma ta' politiki esterni differenti) u l-koerenza għall-iżvilupp (l-obbligu li l-politiki kollha tal-UE li jħallu impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw iqisu l-għanijiet tal-iżvilupp),
D. billi l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi t-tnaqqis u, fuq perjodu twil ta' żmien, l-eliminazzjoni tal-faqar bħala l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE għall-iżvilupp; billi l-PCD taħdem favur l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni permezz tal-politiki kollha tagħha,
E. billi hemm inkoerenzi ċari fil-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, il-klima, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, il-migrazzjoni, il-finanzi, l-armi u l-materja prima; u billi l-PCD tista' twassal għat-tnaqqis tal-faqar billi ssib sinerġiji fundamentali fil-politiki tal-UE,
F. billi n-nuqqas ta' appoġġ politiku, mandati mhux ċari, riżorsi insuffiċjenti, in-nuqqas ta' għodod u indikaturi effikaċi ta' monitoraġġ, kif ukoll in-nuqqas ta' prijoritizzazzjoni tal-PCD fuq interessi kunfliġġenti huma kollha fatturi li jirrestrinġu l-PCD,
G. billi l-kontributi finanzjarji mogħtija mill-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-settur tas-Sajd (FPAs), ma kkontribwixxewx għat-tisħiħ tal-politiki tas-sajd tal-pajjiżi msieħba, u fil-biċċa l-kbira dan seħħ minħabba nuqqas ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet, minħabba dewmien biex tingħata l-għajnuna , u xi drabi saħansitra minħabba l-fatt li din l-għajnuna ma ntużatx,
H. billi l-ewwel Għan ta' Żvilupp tal-Millennju għandu l-għan li jnaqqas bin-nofs l-għadd ta' persuni li jbatu l-ġuħ sal-2015, iżda minkejja dan għad hemm kważi biljun persuna li ma jkollhomx x'jieklu ta' kuljum, anke jekk id-dinja tipproduċi biżżejjed ikel biex taqdi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni kollha,
I. billi s-sussidji tal-UE għall-esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli Ewropej għandhom effett diżastruż fuq is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp ta' settur agrikolu vijabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
J. billi l-UE hija impenjata sabiex tilħaq l-objettiv tan-NU li tagħti 0.7% tad-dħul gross nazzjonali (GNI) f'għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sal-2015, u l-objettiv interim ta' għajnuna għall-UE kollha kemm hi huwa ta' 0.56% sal-2010,
K. billi skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ta' Novembru 2008, l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jagħtu prijorità lill-iżvilupp, qabel kull għan ekonomiku jew politiku,
L. billi l-kriżi wriet li l-ODA huwa l-uniku strument li għandu fil-mira l-pajjiżi l-aktar foqra u li jipprovdi finanzi għall-iżvilupp b'mod aktar prevedibbli u affidabbli minn flussi finanzjarja oħra,
M. billi għadd kbir ta' studji wera li hemm madwar EUR 900 biljun kull sena ta' flussi finanzjarji illegali li joħorġu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jfixkel b'mod serju d-dħul fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u konsegwentement il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw,
1. Jilqa' ż-żieda fl-attenzjoni u fl-impenn għall-PCD mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Istati Membri, kif muri mir-rappurtar bijennali;
2. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-PCD fl-UE u fil-ħidma parlamentari tiegħu;
3. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija bil-bosta l-akbar donatur ta' għajnuna fid-dinja (fl-2008 l-għajnuna tal-UE żdiedet għal €49 biljun, li tirrappreżenta 0.40% tal-GNI), u li fl-2010 l-volumi tal-għajnuna mistennija jiżdiedu għal €69 biljun biex titwettaq il-wegħda kollettiva ta' 0.56% tal-GNI tal-UE li kienet saret waqt is-Samit tal-G8 fi Gleneagles fl-2005; jirrimarka li dan ser jirriżulta fi ħruġ ta' €20 biljun addizzjonali għall-objettivi tal-iżvilupp;
4. Ifakkar fl-adozzjoni, li saret f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, b'impenn ħalli l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ titla' għal €2 biljun fis-sena sal-2010 (€1 biljun mill-Komunità u €1 biljun mill-Istati Membri);
5. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali dawk li jibbenefikaw l-aktar mill-għajnuna tal-UE, biex jiżguraw li jkun hemm governanza tajba fil-kwistjonijiet pubbliċi kollha, u b'mod speċjali fil-ġestjoni tal-għajnuna li jirċievu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-għajnuna tkun implimentata b'mod trasparenti u effiċjenti;
6. Jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-PCD 2010-2013 bħala linja gwida għall-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE, u jirrikonoxxi r-rwol tiegħu bħala sistema ta' twissija bikrija għal inizjattivi ta' politika li jkunu se jsiru; jilqa' wkoll l-interkonnessjonijiet bejn l-oqsma differenti tal-politika;
7. Ifakkar fir-responsabilità tal-Unjoni Ewropea li tqis l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u taċ-ċittadini tagħhom;
8. Iqis li l-oqsma kollha tal-politika tal-UE b'impatt estern iridu jitfasslu biex ikunu ta' appoġġ għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u biex ma jikkontradixxuhomx, kif ukoll għall-milja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu aspetti rilevanti tal-Koerenza Politika għall-Iżvilupp fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali u fil-ftehimiet kummerċjali multilaterali ankrati fis-sistema tad-WTO li hija msejsa fuq ir-regoli, u f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ħalli jinvolvu ruħhom b'mod attiv mal-imsieħba l-oħra rilevanti tad-WTO li jistgħu jagħtu kontribut biex jinkiseb riżultat ibbilanċjat, ambizzjuż u orjentat lejn l-iżvilupp fir-Rawnd ta' Doha fil-futur qrib ħafna;
10. Jenfasizza l-fatt li l-hekk imsejħa “kwistjonijiet ta' Singapor”, bħal-liberalizzazzjoni tas-servizzi, l-investiment u l-akkwist pubbliku, l-introduzzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-infurzar aktar b'saħħtu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma jgħinux l-għan tal-ilħuq tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
11. Jinsisti li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-BEI ikollhom rwol ċentrali f'dan u li jirrendu l-investimenti operati mir-rifuġji fiskali inqas atttraenti, billi jadottaw regoli dwar il-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta' fondi pubbliċi li jipprojbixxu lil kwalunkwe intrapriża, bank jew istituzzjoni oħra reġistrata f'rifuġju fiskali milli jibbenefikaw minn fondi pubbliċi; f'dan is-sens, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japprofittaw irwieħhom mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-attivitajiet esterni ta' self tal-BEI, sabiex konkretament itejbu l-kapaċitajiet tiegħu ta' evalwazzjoni tal-benefiċjarji tas-self tiegħu u sabiex jiġi żgurat li l-investimenti tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu effettivament għall-qerda tal-faqar, billi jipprovdu rapporti annwali dwar il-progress tagħhom;
12. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħtu evalwazzjoni ġenerali tal-ftehimiet tas-sajd mal-pajjiżi terzi sabiex il-politika esterna tal-Unjoni fil-qasam tas-sajd tkun koerenti mal-politika għall-iżvilupp, hekk li jsaħħu l-ħila tal-pajjiżi msieħba mal-UE li jiggarantixxu s-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tagħhom stess, li jtejjeb is-sikurezza tal-ikel u l-impjieg lokali fis-settur;
13. Ifakkar li l-aċċess tal-UE għall-istokkijiet tal-ħut fil-pajjiżi terzi ma għandu jkun bl-ebda mod kundizzjoni għall-għajnuna għall-iżvilupp għal dawk il-pajjiżi;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'diversi klawżoli ta' natura soċjali tinkludi klawżoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd (FPA) kollha, sabiex tippermetti lill-Unjoni Ewropea tirrikorri għal miżuri adegwati f'każ li jkun hemm prova ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi firmatarji ta' FPA mal-UE;
15. Ifakkar li 75% tal-popolazzjoni l-fqira tad-dinja tgħix f'żoni rurali, imma li biss 4% tal-ODA hija ddedikata għall-agrikoltura; jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex għaldaqstant iqiegħdu l-kwistjoni tal-agrikoltura fuq nett fl-aġendi tal-iżvilupp tagħhom;
16. Jesprimi tħassib dwar l-impatt negattiv, fuq l-iżvilupp fil-pajjiżi terzi, ta' istituzzjonijiet finanzjarji ddedikati prinċipalment għall-evitar tat-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-kooperazzjoni fil-qasam tal-governanza fiskali, b'mod partikolari mal-pajjiżi msemmija fl-Anness 1 tal-proposta leġiżlattiva tagħha tal-24 ta' April 2009 (A6-0244/2009) li jibbenefikaw mill-fondi Ewropej għall-iżvilupp;
17. Jilqa' r-rakkomandazzjoni inkluża fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 li tiġi inkluża klawżola dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fil-ftehimiet kummerċjali, għax dawn jikkostitwixxu l-ewwel pass fil-ġlieda kontra l-miżuri u l-prattiki tat-taxxa li jħeġġu l-evażjoni u l-frodi fiskali; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi immedjatament klawżola ta' dan it-tip fin-negozjati tagħha ta' ftehimiet kummerċjali futuri;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-AKP biex ikomplu d-djalogu tagħhom dwar il-migrazzjoni biex isaħħu l-prinċipju tal-migrazzjoni ċirkulari u l-faċilitazzjoni tagħha billi jagħtu viżi ċirkulari; jisħaq li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u t-trattament xieraq taċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-AKP huwa kompromess b'mod serju mill-ftehimiet bilaterali dwar l-ammissjoni mill-ġdid ma' pajjiżi ta' tranżitu f'kuntest ta' esternalizzazzjoni mill-Ewropa tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, li ma jiggarantixxux rispett tad-drittijiet tal-migranti u li jistgħu jirriżultaw f'suċċessjoni ta' ammissjonijiet mill-ġdid li jipperikolaw is-sikurezza u l-ħajjiet tagħhom;
19. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex isib malajr ftehim komprensiv dwar il-proposta għal emenda tad-Direttiva dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul, b'mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi msemmija fl-Anness 1 ta' din il-proposta leġiżlattiva li jibbenefikaw mill-fondi Ewropej għall-iżvilupp;
20. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkluż il-FEŻ, li huwa l-istrument ta' finanzjament ewlieni għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, fil-qafas tal-PCD; jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-baġitarizzazzjoni sħiħa tal-FEŻ fil-kuntest ta' kontroll parlamentari demokratiku u tat-trasparenza fl-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari ż-żieda fl-importanza tal-implimentazzjoni ta' politiki tal-iżvilupp tal-UE li jistabbilixxu faċilitajiet speċifiċi (bħal fil-każ tal-Istrateġija UE-Afrika);
21. Jistieden lill-Kummissjoni mhux biss biex timmonitorja l-għanijiet tat-tkabbir ekonomiku, iżda biex tagħti attenzjoni partikolari lit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tad-dħul kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw individwali u kemm fil-livell globali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tkabbir ta' proċessi parteċipattivi ta' awtożvilupp sostenibbli permezz ta' forom ta' assoċjazzjonijiet bħall-koperattivi u metodoloġiji PRA (“Participatory Reflection and Action”) li minħabba li huma bbażati fuq il-kunsens u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali, jiggarantixxu mudelli organizzattivi aktar effettivi u ta' impatt li jibqa“, waqt li jippromwovu l-irwol tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi azzjonijiet ta' għajnuna għall-iżvilupp li, b'kunsiderazzjoni għall-effetti tal-kriżi finanzjarja, jistgħu jimpedixxu ż-żieda fin-nuqqas ta' sigurtà u l-kunflitt, l-instabilità politika u ekonomika dinjija u żieda fil-migrazzjoni furzata (“rifuġjati minħabba l-ġuħ”);
23. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi u jiggarantixxu l-aċċess għall-art, inkluż il-kreditu għall-bdiewa ż-żgħar, biex jippromwovu s-sigurtà tal-ikel u l-ġlieda kontra l-faqar, li jgħinu biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-farms il-kbar u l-isfruttar intensiv tar-riżorsi għall-ispekulazzjoni, bil-qerda tal-ekosistemi, u jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-politiki msemmija hawn fuq;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt tal-qasma diġitali bejn pajjiżi sinjuri u pajjiżi fqar, b'attenzjoni partikolari għar-risku li t-teknoloġiji tal-informatika jkunu strumentali fid-diskriminazzjoni, peress li jemarġinaw lil dawk li għal raġunijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi huma esklużi mill-aċċess għal dawn il-prodotti l-ġodda, li huma l-mezz li permezz tagħhom qed isseħħ ir-rivoluzzjoni tal-informatika l-ġdida;
25. Jappella għal mandati ċari sabiex il-PCD tiġi evalwata, biex ikun hemm objettivi operazzjonali ċari u preċiżi, u sabiex ikun hemm proċeduri dettaljati sabiex jitwettaq dan l-eżerċizzju;
26. Jenfasizza l-ħtieġa kruċjali li l-PCD titqies bħala sforz fuq żmien fit-tul sabiex jinkiseb appoġġ dejjiemi għall-PCD; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni f'waqtha tal-politiki biex jiġu evitati impatti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; għal dan l-għan, jitlob li jiġi vvalutat l-impatt tal-attivitajiet tal-atturi privati Ewropej u dawk li mhumiex Ewropej, b'attenzjoni partikolari għal dawk multinazzjonali;
27. Jitlob li jiġu vvalutati, b'analiżi komparattiva, l-approċċ, il-metodoloġija u r-riżultati ta' politiki ta' kooperazzjoni u ta' għajnuna mhux Ewropej u l-livelli relattivi ta' kollaborazzjoni internazzjonali, b'attenzjoni partikolari għall-interventi taċ-Ċina fl-Afrika;
28. Jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiffoka fuq ħames oqsma wiesgħa għall-eżerċizzju tal-PCD fl-2009 m'għandhiex tissostitwixxi l-monitoraġġ tat-tnax-il qasam tradizzjonali - Kummerċ, Ambjent, Tibdil fil-Klima, Sigurtà, Agrikoltura, Ftehimiet Bilaterali dwar is-Sajd, Politiki Soċjali (impjiegi), Migrazzjoni, Riċerka/Innovazzjoni, Teknoloġiji tal-Informazzjoni, Trasport u Enerġija; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tidentifika każijiet ta' nuqqas ta' koerenza kull fejn il-politiki Ewropej ikollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp u biex tissuġġerixxi li tipprovdi soluzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq mekkaniżmi sabiex oqsma ġodda tal-politika li ma joqogħdux b'mod sodisfaċenti fit-tnax eżistenti, bħall-materja prima, jiġu inklużi;
29. Ifakkar fl-impenji internazzjonali importanti tiegħu ta' ODA/PGN ta' 0.7% sal-2015, li għandhom ikunu ddedikati esklużivament għall-qerda tal-faqar; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-“approċċ ODA u iktar” jista' jdgħajjef il-kontribuzzjoni ta' ODA tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar; huwa mħasseb li l-fondi miġbura bl-“approċċ ODA u iktar” m'għandhom l-ebda impenn legali biex jeqirdu l-faqar jew biex jgħinu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
30. Huwa mħasseb li l-ħruġ ta' kapital lejn l-UE ikkawżat minn politiki inkoerenti fl-“approċċ ODA u iktar” mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jissemmiex u li ma jitqiesux il-ħsara ikkawżata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-kompetizzjoni fiskali żleali u l-ħruġ illegali tal-kapital;
31. Huwa mħasseb li l-“approċċ ODA u iktar” jiffoka biss fuq l-influssi finanzjarji mill-UE lejn in-Nofsinhar u jinjora l-flussi finanzjarji min-Nofsinhar lejn l-UE, u dan jagħti stampa qarrieqa tad-direzzjoni tal-flussi finanzjarji;
32. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiċċara aktar l-approċċ tal-Unjoni kollha kemm hi u l-impatt tiegħu fuq il-politika ta' żvilupp tal-UE; jesprimi tħassib li dan l-approċċ jista' jiġi integrat fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss;
33. Jistieden lill-membri Ewropej tad-DAC tal-OECD biex jirrifjutaw kull tentattiv biex titwessa' d-definizzjoni tal-ODA, inklużi l-approċċi tal-“Unjoni kollha” u tal-“ODA+” li ġew proposti reċentament mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll punti mhux relatati mal-għajnuna bħall-flussi finanzjarji, in-nefqa militari, il-kanċellazzjoni tad-djun, b'mod partikolari l-kanċellazzjoni tad-djun tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, flus minfuqa fl-Ewropa fuq l-Istudenti u r-refuġjati;
34. Jirrikonoxxi li t-twettiq tal-impenji ta' ODA huwa importanti ħafna iżda xorta mhux biżżejjed biex tiġi indirizzata l-emerġenza tal-iżvilupp, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tidentifika b'urġenza sorsi innovattivi addizzjonali ta' finanzjament għall-iżvilupp, u biex tippreżenta proposti għall-introduzzjoni ta' taxxa internazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji biex tiġġenera riżorsi addizzjonali biex jingħelbu l-agħar konsegwenzi tal-kriżi u biex nibqgħu fit-triq sabiex nilħqu l-MDGs;
35. Ifakkar b'determinazzjoni lill-Kummissjoni u l-Istati Membri li l-ODA għandha tibqa' s-sinsla tal-politika Ewropea tal-koperazzjoni għall-iżvilupp li timmira li teqred il-faqar; għalhekk, jenfasizza li jekk is-sorsi innovattivi tal-finanzjament tal-iżvilupp għandhom jiġu promossi b'mod mifrux, għandhom ikunu addizzjonali, użati f'approċċ favur il-fqar u bl-ebda mod ma jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu l-ODA;
36. Jibża' li, f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, bosta mill-miri MDG mhux se jintlaħqu sal-2015; iħeġġeġ lill-Istati Membri għalhekk biex jilħqu l-mira kollettiva tagħhom u biex jipproċedu biex jgħaddu leġiżlazzjoni vinkolanti u jippreżentaw skedi ta' żmien annwali biex iżommu l-wegħdiet li għamlu; jilqa“, f'dan ir-rigward, l-”Abbozz ta' Liġi dwar l-Iżvilupp Internazzjonali' ippreżentat mill-Gvern tar-Renju Unit f'Jannar 2010;
37. Ifakkar li, f'konformità mal-qafas istituzzjonali tal-UE, jipproponi li jaħtar rapporteur permanenti għall-“koerenza fil-politiki għall-iżvilupp”, li jkollu l-mandat li jsegwi każijiet ta' nuqqas ta' koerenza fil-politika tal-UE u li jinforma lill-Kumitat DEVE bihom;
38. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża benchmarks ċari u sistematiċi u indikaturi aġġornati b'mod regolari sabiex tkejjel il-PCD, pereżempju l-Indikaturi ta' Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll ittejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-Parlament Ewropew, Stati li jirċievu l-għajnuna u s-soċjetà ċivili;
39. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex joħolqu indikaturi speċifiċi għall-pajjiż dwar il-PCD f'konformità mal-indikaturi ġenerali tal-UE, sabiex jivvalutaw il-ħtiġijiet reali u l-kisbiet f'termini ta' żvilupp;
40. Huwa tal-fehma li, jekk l-azzjonijiet u l-miżuri fil-politika ta' żvilupp tal-UE ma jirrispettawx il-prinċipji u l-objettivi stipulati fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona u tal-azzjoni esterna tal-UE mniżżla fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ikun ksur tal-obbligu li dwaru jista' jsir rikors il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewoprea skont l-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
41. Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u dawk tal-iżvilupp għal żvilupp aħjar u implimentazzjoni tanġibbli, u jilqa' f'dan ir-rigward ir-Rapport tal-2009 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (COM(2009)0461);
42. Itenni l-ħtieġa tal-koerenza bejn il-politika tal-kummerċ u l-politiki l-oħrajn (ambjentali u soċjali), b'mod partikulari fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali li jkun fihom inċentivi għall-produzzjoni ta' bijofjuwils fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
43. Itenni l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp u jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' Kapitoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi ftehimiet kummerċjali għandha sservi ta' opportunità għall-Kummissjoni Ewropea biex tippromwovi l-governanza tajba u l-applikazzjoni tal-valuri fundamentali Ewropej;
44. Iqis li d-deċiżjoni riċenti tal-UE li tistabbilixxi mill-ġdid sussidji għall-esportazzjoni tat-trab tal-ħalib u ta' prodotti oħra tal-ħalib, li b'mod ewlieni jissussidjaw in-negozju agrikolu fl-Ewropa aspejjeż tal-bdiewa foqra f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, hija vjolazzjoni sfaċċata tal-prinċipji ewlenin tal-koerenza politika għall-iżvilupp, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrevokaw din id-deċiżjoni minnufih;
45. Jappella sabiex jintemmu s-sussidji fuq l-esportazzjoni; għal dan il-għan, ifakkar fl-impenn li ttieħed f'Doha fl-2001 mill-membri kollha tad-WTO biex jikkonkludu Rawnd ta' negozjati dwar l-Iżvilupp li jimmira biex jirrettifika l-iżbilanċi eżistenti fis-sistema tal-kummerċ , ipoġġi l-kummerċ għas-servizz tal-iżvilupp u jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
46. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi żgurat li d-DĠ Kummerċ ikollu mandat koerenti għan-negozjati kummerċjali, biex tqis kif jixraq il-prekondizzjonijiet tal-Parlament għall-għoti tal-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehimiet kummerċjali;
47. Jistieden lill-Kummisjoni biex tieħu kull miżura disponibbli biex tiżgura li, meta jiskadi l-Protokoll taz-Zokkor u sseħħ ir-riforma tal-UE tas-sistema taz-zokkor, tissalvagwardja s-sħab rilevanti tagħha minn kwalunkwe taqlib temporanju fis-suq;
48. Jipproponi li jkomplu jiġu żviluppati l-istrumenti eżistenti tal-UE biex jitnaqqsu t-tariffi doganali bħas-Sistema GSP/GSP+ u kapitoli fl-FTAs u fl-EPA, u li jkomplu jiġu integrati f'dawk l-istrumenti standards tax-xogħol u ambjentali maqbula internazzjonalment;
49. Jerġa' jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tal-GSP u l-GSP + għall-bini ta' kapaċità isitituzzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex itejbu l-koerenza interna tagħhom fit-tfassil ta' strateġiji għall-iżvilupp;
50. Jenfasizza li l-konsultazzjoni sistematika mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u mat-trejdjunjins dwar l-implimentazzjoni ta' standards soċjali u ambjentali fil-pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-UE, b'mod partikulari qabel il-konklużjoni tal-EPA jew l-għoti tal-GSP +, għandha tiżgura koerenza aħjar fil-politiki kummerċjali u tkun ta' fejda għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
51. Jirrikonoxxi li skont ir-rapport ta' monitoraġġ tal-Istrateġija ta' Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) tal-Kummissjoni (COM(2009)0160 finali, p. 30), l-impenji tal-AfT tal-UE għall-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) niżlu minn €2975 miljun fl-2005 għal €2097 miljun fl-2007, li s-sehem tal-AKP fl-impenji ġenerali tal-AfT tal-UE niżlu minn 50% għal 36% tul l-istess perjodu, u li dan mhux konsistenti mal-wegħdiet preċedenti ta' prijoritizzazzjoni għall-qerda tal-faqar u għall-iżvilupp;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi eżistenti kollha fil-qasam tal-kummerċ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-livell tal-UE u tad-WTO, b'mod partikolari l-inizjattiva Kollox Ħlief Armi (EBA), il-GSP u l-GSP+, l-assimmetrija u l-perjodi tranżitorji fil-Ftehimiet ta' Sħubija Ewropej eżistenti kollha (EPAs) u l-Programm ta' Ħidma għall-Għajnuna għall-Kummerċ tal-2010-2011, u jitlob li ssir reviżjoni ta' dan tal-aħħar, bil-ħsieb li jingħata aktar qawwa ħalli jrawwem it-tkabbir sostenibbli;
53. Jirrikonoxxi s-sehem importanti li s-sistema GSP+ tal-UE jista' jkollha fl-inkuraġġiment tal-governanza tajba u tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li din l-għodda tkun effettiva u li l-konvenzjonijiet tal-ILO u tan-NU jkunu implimentati kif xieraq fil-post;
54. Itenni li l-UE għandha tappoġġa lil dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jużaw il-“flessibilitajiet” tal-Ftehima TRIPS biex ikunu jistgħu jipprovdu mediċini bi prezzijiet li wieħed ikun jiflaħ għalihom skont il-programmi domestiċi tagħhom għas-saħħa pubblika;
55. Jilqa' l-klawsola ta' salvagwardja dwar is-sigurtà tal-ikel li tfasslet fil-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li din tiġi implimentata b'mod effikaċi;
56. Jiddeplora d-dispożizzjonijiet tat-TRIPS+ inklużi fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika CARIFORUM-KE, u fil-ftehimiet li qed jiġu nnegozjati mal-pajjiżi tal-Komunità Andina u tal-Amerika Ċentrali, dispożizzjonijiet li joħolqu ostakoli għall-aċċess għal mediċini essenzjali;
57. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iġġib fit-tmiem l-approċċ TRIPS + attwali tagħha fin-negozjati EPA dwar il-prodotti farmaċewtiċi u l-mediċini, sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipprovdu mediċini bi prezzijiet li wieħed ikun jiflaħ għalihom fi programmi nazzjonali tas-saħħa pubblika;
58. Jenfasizza li kwalunkwe miżuri fin-negozjati dwar l-ACTA biex jissaħħu s-setgħat ta' ispezzjoni transkonfinali u l-qbid tal-merkanziji ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-aċċess globali għal mediċini legali, li jintlaħqu mill-bwiet ta' kulħadd u sikuri;
59. Huwa mħasseb dwar każijiet reċenti ta' awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE li qabdu mediċini ġeneriċi fi tranżitu fil-portijiet u l-ajruporti Ewropej u jenfasizza li tali mġiba tfixkel id-Dikjarazzjoni tad-WTO dwar l-Aċċess għall-Mediċini; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati biex iwaqqfu din il-prattika minnufih; jitlob lill-Kummissjoni biex tassigura lill-Parlament li l-ACTA li attwalment qed isiru negozjati dwaru ma jostakolax l-aċċess għall-mediċina għal pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;
60. Jemmen li l-isfida tat-tibdil fil-klima għandha tiġi indirizzata permezz ta' riformi strutturali, u jappella għal valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima tal-aspetti kollha tal-ippjanar tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż fil-kummerċ, fl-agrikoltura u fis-sigurtà tal-ikel; jitlob li r-riżultat ta' din il-valutazzjoni jiġi użat biex jifformula dokumenti ta' strateġija reġjonali u tal-pajjiż li jkunu ċari u koerenti, kif ukoll fil-programmi u l-proġetti kollha tal-iżvilupp;
61. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kummenti riċenti tal-Kummissjoni dwar il-ħsieb tagħha li tikkunsidra mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, li kellu konsegwenzi mhux maħsuba fuq it-tranżitu fl-UE ta' mediċini ġeneriċi li kienu finalment destinati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
62. Jemmen li inizjattivi bħall-ġabra ta' privattivi tal-Unitaid għall-mediċini tal-HIV/Aids jistgħu jgħinu ħalli jkun hemm koerenza fil-politiki tal-UE dwar is-saħħa u l-proprjetà intellettwali;
63. Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-Kummissjoni għal proposti li jgħinu lill-komunitajiet indiġeni jisfruttaw u jibbenefikaw mill-għarfien tradizzjonali u mir-riżorsi ġenetiċi tagħhom;
64. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kummenti tal-Kummissjoni li l-UE tista' traħħas it-tariffi fuq prodotti li jirrispettaw l-ambjent ma' pajjżi tal-istess fehma f'każ li ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim fid-WTO;
65. Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-iffaċilitar tat-trasferiment tat-teknoloġija lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċifikament teknoloġiji li jkollhom livell baxx ta' karbonju u li jifilħu għat-tibdil fil-klima, li hi xi ħaġa essenzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima;
66. Jirrikonoxxi l-importanza ekonomika tar-rimessi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-ħarba tal-imħuħ fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali, b'mod partikulari fis-settur tas-saħħa;
67. Jenfasizza l-ħidma li saret minn bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq l-evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji multinazzjonali tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fin-negozjati tal-ġejjieni;
68. Jilqa' l-mekkaniżmi sabiex tissaħħaħ il-PCD fi ħdan il-Kummissjoni, l-aktar is-sistema ta' konsultazzjoni bejn is-servizzi, il-proċess ta' Valutazzjoni tal-Impatt, il-Valutazzjoni tal-Impatt fuq is-Sostenibilità u l-Grupp bejn is-Servizzi għall-Appoġġ għall-Kwalità u, fejn ikun xieraq, l-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali;jistaqsi, madankollu, liema kriterji uża d-DĠ Żvilupp meta ddeċieda li jreġġa' lura inizjattivi inkoerenti ta' politika, u jappella għal aktar trasparenza fir-rigward tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi;jitlob li l-informazzjoni miġbura fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt issir disponibbli għall-Parlament Ewropew b'mod li jinftiehem aħjar, u li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-parlamenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu involuti aktar mill-qrib f'dawn il-mekkaniżmi;
69. Jitlob li l-istrateġija “għajnuna għall-kummerċ” tibbenefika lill-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u mhux biss lil dawk li jaqblu li jilliberalizzaw aktar is-swieq tagħhom; matul in-negozjati kummerċjali, l-iktar fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija Eknomika, jistieden lill-Kummissjoni biex ma timponix, kontra x-xewqa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ftuħ ta' kapitoli ta' negozjati dwar il-“kwistjonijiet ta' Singapor” u s-servizzi finanzjarji, u biex ma tidħolx fi ftehimiet ta' dan it-tip sakemm dawn il-pajjiżi ma jkunux l-ewwel stabbilixxew qafas regolatorju u ta' sorveljanza nazzjonali xieraq;
70. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex sistematikament tinkludi standards soċjali u ambjentali li jorbtu legalment fil-ftehimiet kummerċjali nnegozjati mill-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi promoss l-għan ta' kummerċ favur l-iżvilupp;
71. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tibda l-valutazzjonijiet dwar l-impatt minn kmieni, jiġifieri qabel mal-proċess ta' abbozzar tal-inizjattivi ta' politika jkun diġà avvanzat wisq u sabiex tibbażahom fuq studji bbażati fuq l-evidenza eżistenti jew li jitwettqu apposta, u biex tinkludi b'mod sistematiku d-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, peress li analiżi prospettiva hija utli u prattika l-aktar minħabba n-nuqqas ta' dejta u l-kumplessitajiet tal-kejl tal-PCD; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-impatt fid-Dokumenti Strateġiċi Reġjonali u tal-Pajjiż tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) flimkien ma' suġġerimenti għas-segwitu;
72. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, mit-82 valutazzjoni tal-impatt li saru fl-2009 mill-Kummissjoni, waħda biss minnhom kienet iddedikata għall-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ sistematiku ta' kejl tal-prestazzjoni tal-PCD; għalhekk jappella lill-Kummissjoni biex tagħti lill-unità tagħha għall-istudji prospettivi u għall-koerenza politika fid-DĠ DEVE rwol ewlieni fit-titjib tal-kunsiderazzjoni tal-PCD;
73. Jistiden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament Ewropew fil-proċess tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-PCD, pereżempju fir-rigward tal-kwestjonarju, tal-kalendarju opportun, u filwaqt li tqis r-rapporti ta' inizjattiva proprja tal-Parlament;
74. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-ħidma tagħha ta' PCD billi taħtar punti fokali responsabbli mill-PCD f'kull delegazzjoni biex jimmoniterjaw l-impatt tal-politiki tal-UE fil-livell ta' pajjiżi sħab; jitlob sabiex il-PCD jiddaħħal fit-taħriġ tal-istaff; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika kull sena r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fil-post li għandhom isiru mid-delegazzjonijiet tal-UE; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jkollhom biżżejjed kapaċità biex jikkonsultaw b'mod estensiv mal-gvernijiet u l-parlamenti lokali u biex jiggarantixxu opportunitajiet għal parteċipazzjoni attiva minn parteċipanti mhux statali u mis-soċjetà ċivili dwar il-kwistjoni tal-PCD;
75. Jissuġġerixxi li l-istaff tal-Kummissjoni u l-membri tad-delegazzjonijiet tal-Kunsill li jaħdmu fil-qasam tal-PCD jitħarrġu bil-ħsieb li tiżdiedilhom il-kuxjenza dwar dak l-għan tal-politika;
76. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Kummissarju għall-Iżvilupp ir-responsabilità unika għall-allokazzjonijiet nazzjonali, id-dokumenti Strateġiċi Nazzjonali, Reġjonali u Tematiċi, il-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Pluriennali, il-programmi ta' Azzjoni Annwali u l-implimentazzjoni tal-għajnuna fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, b'kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja, sabiex jiġu evitati approċċi li ma jkunux koerenti fil-Kulleġġ u fil-Kunsill;
77. Jistieden lill-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali tagħhom biex jippromwovu l-PCD permezz ta' programm ta' ħidma speċifiku bi skedi ta' żmien vinkolanti, sabiex jitjieb il-programm ta' ħidma tal-PCD Ewropew kif ukoll l-isforzi tal-għajnuna, filwaqt li jiġi żgurat li din l-aġenda ma tmurx kontra l-istrateġiji tal-iżvilupp tal-pajjiżi sħab;
78. Jissuġġerixxi li l-PCD tiddaħħal fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-DCI, speċjalment fil-programmi tematiċi relevanti;
79. Jissuġġerixxi li jiddaħħlu impenji speċifiċi tal-PCD fil-programm ta' ħidma ta' kull Presidenza;
80. Jissuġġerixxi li l-Kunsill itejjeb il-ħidma ta' strutturi eżistenti għat-tisħiħ tal-PCD, pereżempju billi jkun hemm aktar laqgħat konġunti tal-gruppi ta' ħidma u billi l-programm ta' ħidma jkun aċċessibbli għall-pubbliku;
81. Jissuġġerixxi li jabbozza rapport biennali tal-Parlament Ewropew dwar il-PCD; jissuġġerixxi lill-kumitati kollha tiegħu li jabbozzaw rapporti li jindirizzaw il-perspettivi rispettivi tagħhom dwar l-iżvilupp;
82. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-kumitati fil-Parlament Ewropew; għal dan il-għan, jissuġġerixxi li, meta tiġi diskussa kwistjoni sensittiva dwar il-PCD minn kumitat, il-kumitati relevanti l-oħra għandhom ikunu assoċjati mill-qrib, u meta kumitat jorganizza smigħ espert dwar kwistjoni sensittiva li tikkonċerna l-PCD, il-kumitati relevanti l-oħra għandhom ikunu parti mill-organizzazzjoni tas-smigħ;
83. Jitlob kjarifika istituzzjonali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politika (COM(2009)0458) rigward sħubija u djalogu mtejba mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-kwistjoni tal-PCD; jistaqsi jekk din is-sħubija mtejba tinkludix ukoll mekkaniżmu biex jingħataw pariri lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar dak li jistgħu jagħmlu huma stess biex jippromwovu l-PCD u pjan għall-bini tal-kapaċità fil-livell tal-pajjiż biex jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-PCD;
84. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
“Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp: Approċċi Istituzzjonali: Workshop Tekniku”: Laqgħa ta' ħidma tal-OKŻE li saret f'Pariġi fit-13 ta' Ottubru 2003.
L-Artikolu 35 tad-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew” (2006/C 46/01).