Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq (2009/2154(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni li janalizza l-penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri' (COM(2009)0225),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0130/2010),
A. billi matul dawn l-aħħar snin l-Unjoni Ewropea ħolqot sistema ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq bl-adozzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 561/2006 kif ukoll tad-Direttiva 2006/22/KE bil-għan li tiżdied is-sikurezza fit-toroq u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta,
B. billi s-sistemi ta' penali li hemm fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma riżultat ta' żvilupp storiku u għal din ir-raġuni jippreżentaw differenzi sinifikanti bejniethom, b'multi f'każijiet estremi li jistgħu jkunu sa għaxar darbiet ogħla minn pajjiż għall-ieħor,
C. billi l-pożizzjoni legali rigward it-trasport internazzjonali tant saret kumplessa li l-intraprendituri u fuq kollox anki s-sewwieqa qed isibuha bi tqila li jsibu rkaptu tagħha, l-implimentazzjoni tar-regoli qed toħloq sfidi kbar għall-Istati Membri u s-sitwazzjoni attwali mhijiex kompatibbli mas-suq intern,
D. imħasseb dwar ir-rapporti tan-nuqqasijiet li jaffettwaw it-takografi diġitali li jagħmluhom vulnerabbli ħafna għall-manipulazzjoni,
Rimarki ġenerali
1. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; jiddispjaċih però li, minħabba n-nuqqas ta' data minn xi Stati Membri individwali, ma jikkostitwixxix analiżi kompleta tas-sitwazzjoni fl-Ewropa kif inhi bħalissa; jitlob lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu d-data nieqsa;
2. Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni jirreferi għall-kategorizzazzjoni tal-ksur skont l-Anness III l-ġdid tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun ikkunsidrata l-iskadenza għall-implimentazzjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/5/KE tal-Kummissjoni;
3. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex, diġà fl-2010, tippreżenta rapport aġġornat u komplet dwar l-implimentazzjoni tal-Anness III l-ġdid tad-Direttiva 2006/22/KE;
4. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-perjodi ta' rappurtar ta' qabel kien hemm dewmien sinifikanti, biex b'hekk, pereżempju, ir-rapport attwali tat-3 ta' Awwissu 2009 (l-24 rapport mill-Kummissjoni li janalizza l-penali għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq) jittratta biss id-data mill-2005 u l-2006, u għaldaqstant bilkemm jista' jwassal għal konklużjonijiet dwar l-istat attwali tal-armonizzazzjoni tar-regoli soċjali għall-utenti tat-trasport bit-triq;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li l-objettivi stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jiġu sodisfati aktar malajr, sabiex ikun hemm aktar statistika reċenti disponibbli għall-miżuri futuri ta' armonizzazzjoni;
6. Jiġbed l-attenzjoni li anki l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jagħti elenku tal-ksur serju kif definit f'dak ir-Regolament; għaldaqstant huwa tal-fehma li kategorizzazzjoni armonizzata tal-ksur serju ta' regoli soċjali tikkostitwixxi neċessità ta' importanza eċċezzjonali;
Differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri
7. Jinnota li d-differenzi fil-penali applikabbli għall-ksur serju ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jirrigwardaw mhux biss il-livell tal-multi, iżda wkoll it-tipi ta' penali u l-kategorizzazzjoni tagħhom;
8. Jiġbed l-attenzjoni li dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati bil-kundizzjonijiet ekonomiċi u ġeografiċi differenti, kif ukoll bis-sistemi legali differenti tal-Istati Membri fejn tidħol il-prosekuzzjoni kriminali u bl-approċċi politiċi differenti fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq;
9. Jinnota li r-regoli soċjali fit-trasport bit-triq, u b'mod partikulari r-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 561/2006 kif ukoll id-Direttiva 2006/22/KE, iħallu ħafna lok għall-interpretazzjoni tagħhom mill-Istati Membri; jiddispjaċih li l-għadd kbir ta' formulazzjonijiet impreċiżi fir-regolamenti Ewropej inevitabbilment iwassal għal implimentazzjoni inkonsistenti min-naħa tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li biex ikun hemm aktar armonizzazzjoni, l-ewwel neħtieġu interpretazzjoni uniformi u vinkolanti ta' dawn ir-Regolamenti u ta' din id-Direttiva;
10. Jiddispjaċih li xi wħud mill-Istati Membri ma jipprovdux għal differenzjazzjoni tal-penali skont il-livell ta' ksur; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw dispożizzjonijiet legali nazzjonali b'effett effikaċi, proporzjonat u deterrenti u bil-kunsiderazzjoni tal-livell ta' ksur;
Aktar armonizzazzjoni
11. Jenfasizza li sistema ta' penali effikaċi, ibbilanċjat u deterrenti jista' jkun imsejjes biss fuq penali ċari, trasparenti u paragunabbli bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet leġiżlattivi u prattiċi biex jitnaqqsu d-differenzi parzjalment kbar ħafna fit-tipi u l-livell tal-penali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex wara li tikkonsulta mal-entitajiet ta' monitoraġġ u mar-rappreżentanti tas-settur tat-trasport, tħejji interpretazzjoni uniformi u vinkolanti tar-Regolament tas-sewqan u tal-ħinijiet tal-mistrieħ. L-entitajiet ta' monitoraġġ għandu jikkunsidra din l-interpretazzjoni;
13. Huwa tal-fehma li, bil-għan li jitqarrbu aktar lejn xulxin it-tipi tal-penali u l-livell tal-multi, hija meħtieġa kategorizzazzjoni tal-multi marbuta ma' kategorizzazzjoni tal-penali, u għandhom jiġu stabbiliti penali minimi u massimi għal kull tip ta' ksur ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq; jenfasizza li, fis-simplifikazzjoni tal-penalitajiet, il-ħtieġa li l-multi ikunu proporzjonati, fl-Istati Membri differenti, skont kriterji oġġettivi (bħall-PNG jew fatturi ġeografiċi), trid tiġi bbilanċjata permezz ta' detterent effettiv kontra ksur serju;
14. Jiġbed ukoll l-attenzjoni li l-Anness III l-ġdid tad-Direttiva 2006/22/KE, li ġie introdott bid-Direttiva 2009/5/KE tal-Kummissjoni, għandu jitqies bħala bażi għal approċċ uniformi fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tal-ksur ta' regoli soċjali fit-trasport bit-triq kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni rapida tad-Direttiva 2009/5/KE tal-Kummissjoni;
15. Barra minn hekk ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona daħħal Artikolu 83(2) ġdid dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'materji kriminali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga dawn il-mezzi leġiżlattivi l-ġodda fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u biex fi żmien tnax-il xahar tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri possibbli ta' armonizzazzjoni, inklużi l-aspetti relatati mas-sikurezza fit-toroq u l-applikazzjoni transkonfinali tal-multi, jekk għadha m'għamlitx dan;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħejjiet “linji gwida” f'konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 biex tipprovdi appoġġ għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri individwali; jinnota però li dawk mhumiex vinkolanti legalment u b'hekk ma laħqux l-għan tagħhom ta' traspożizzjoni uniformi fl-Istati Membri;
17. Iqis li, sabiex ikun hemm suq intern fit-trasport u tiżdied iċ-ċertezza legali għas-sewwieqa u l-impriżi tat-trasport, l-interpretazzjoni tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali għandha tiġi armonizzata; fil-kunsiderazzjoni ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' CORTE, TISPOL u l-Euro Contrôle Route, biex tressaq proposti bl-għan li jtemmu l-applikazzjoni diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal interpretazzjoni komuni, fuq il-bażi ta' Artikolu b'Artikolu tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85;
18. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn dawn il-linji gwida waqt l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali sabiex tkun tista' ssir traspożizzjoni armonizzata;
Monitoraġġ
19. Jenfasizza li l-kompetizzjoni żleali tista tiġi evitata u s-sikurezza fit-toroq tista' tkun żgurata biss permezz tal-infurzar konsegwenti u bla diskriminazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ; jenfasizza li t-traspożizzjoni tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq tippresupponi kunċett armonizzat u effikaċi ta' monitoraġġ;
20. Jiġbed l-attenzjoni li s-sitwazzjoni fit-toroq tvarja ħafna fir-rigward tal-infrastruttura, il-volum tat-traffiku u l-livell ta' konġestjoni bejn l-Istati Membri individwali, u għaldaqstant iqis li dawn il-fatturi, fost l-oħrajn, għandhom jitqiesu meta wieħed jiġi biex jiddetermina l-frekwenza tal-monitoraġġ, li tajjeb niftakru li wieħed mill-għanijiet ewlieni tiegħu huwa li jiżgura l-konformità mar-regoli tal-benesseri soċjali;
21. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tippromwovi approċċi armonizzati rigward il-monitoraġġ, u tieħu azzjoni regulatorja biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu s-suq intern Ewropew u titjieb is-sikurezza tat-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq strument ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew, ħalli jinkisbu dawn l-għanijiet;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rakkomandazzjonijiet u standards minimi Ewropej għat-taħriġ tal-persunal ta' monitoraġġ u tikkoordina l-koperazzjoni fi ħdanu; jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġbir ta' data statistika, bil-għan li ssir analiżi aktar rappreżentattiva dwar l-effikaċja tal-infurzar, u tippromwovi azzjoni armonizzata tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' infurzar;
23. Jistieden lill-Istati Membri biex dejjem iħarrġu l-persunal ta' infurzar tagħhom fir-rigward tal-aktar żviluppi reċenti fil-ġbir tad-data u fl-implimentazzjoni tal-istandards komuni, biex jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea għall-promozzjoni ta' approċċ armonizzat lejn il-monitoraġġ, biex b'hekk tinħoloq iċ-ċertezza legali;
24. Huwa tal-fehma li għandu jsir monitoraġġ aktar frekwenti u aktar bir-reqqa tat-toroq u tas-siti tal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw in-numru ta' sessjonijiet ta' monitoraġġ li għandu jiġi organizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-passi li jmiss fir-rigward ta' dan il-monitoraġġ;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq, malajr kemm jista' jkun, rapport dwar il-monitoraġġ li sar fuq in-nuqqasijiet li jaffettwaw it-takografi diġitali u l-miżuri li ttieħdu biex wieħed jipprevieni l-vulnerabilità tagħhom;
26. Jenfasizza li t-takografu diġitali, fuq il-bażi tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, għandu jitjieb bħala strument għall-monitoraġġ: il-Kummissjoni għandha tinvestiga kif id-data tista' titniżżel mit-takografu diġitali b'rata aktar mgħaġġla mill-awtoritajiet ta' kontroll;
27. Jiġbed l-attenzjoni għad-Disproportionate Fines Complaint Desk (Uffiċċju tal-Ilmenti dwar Multi Sproporzjonati) imwaqqaf mill-Euro Contrôle Route, u jistieden lis-sewwieqa u l-impriżi tat-trasport biex jrrikorru għand dan l-uffiċċju tal-ilmenti f'każ ta' applikazzjoni sproporzjonata tal-leġiżlazzjoni soċjali tat-trasport bit-triq;
Inizjattivi oħrajn
28. Huwa tal-fehma li fuljett li jinftiehem tajjeb bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea jkun utli għall-impriżi u s-sewwieqa tat-trakkijiet; jenfasizza li dan il-fuljett għandu jipprovdi informazzjoni aħjar lis-sewwieqa u lill-impriżi kkonċernati dwar ir-regoli soċjali fis-seħħ u l-penali relatati fl-Istati Membri individwali; huwa tal-fehma li tagħrif bħal dan għandu jkun disponibbli anki għall-impriżi u s-sewwieqa minn stati terzi; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jintużaw sistemi ta' trasport intelliġenti biex is-sewwieqa jingħataw din l-informazzjoni f'ħin reali;
29. Huwa konvint li fil-kuntest tal-użu tal-informazzjoni moderna u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta' trasport intelliġenti, għandha teżisti l-possibilità għan-negozji u s-sewwieqa biex jiksbu informazzjoni dwar ir-regoli soċjali fis-seħħ u l-penali jekk dawn ir-regoli jinkisru;
30. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni fuq il-bażi tal-istrutturi eżistenti bħall-Euro Contrôle Route u b'hekk itejbu l-koordinazzjoni tal-monitoraġġ komuni, l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-organizzazzjoni konġunta ta' programmi ta' taħriġ għall-korpi ta' kontroll;
31. Iqis li t-teknoloġija disponibbli kollha għandha tintuża biex is-sewwieqa tat-trakkijiet, inklużi dawk minn pajjiżi ġirien, jiġu infurmati f'ħin reali dwar ir-regoli soċjali rilevanti u l-penali applikabbli għall-ksur fid-diversi Stati Membri, pereżempju bl-użu tal-GPS jew għodod oħra disponibbli;
32. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu infrastruttura adegwata, inkluż għadd ta' spazji u servizzi ta' parkeġġ sikuri fin-netwerk tat-toroq Ewropew sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu josservaw effettivament ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ u l-monitoraġġ ikun jista' jsir b'mod effikaċi; jiġbed l-attenzjoni li fir-rigward ta' dawn l-infrastrutturi, l-aspett tas-sigurtà għandu jingħata attenzjoni speċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika perjodikament, bl-aktar format adegwat, il-faċilitajiet disponibbli, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fin-netwerk tat-toroq Ewropew li jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi offruti għall-professjonisti tas-settur tat-toroq;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu u jiffinanzjaw skemi għall-bini ta' żoni siguri ta' parkeġġ, billi dawn huma indispensabbli jekk is-sewwieqa għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006;
o o o
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.