Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2679(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0264/2010

Testi mressqa :

B7-0264/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2010 - 6.9
CRE 19/05/2010 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0182

Testi adottati
PDF 216kWORD 50k
L-Erbgħa, 19 ta' Mejju 2010 - Strasburgu
L-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu ħlewwa (trombina tal-ifrat u/jew tal-ħnieżer)
P7_TA(2010)0182B7-0264/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni dwar li temenda l-Annessi tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/374/KE

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 28(4) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa(3) u d-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi mal-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem(4) li tħassru u ġew sostitwiti bir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 msemmi hawn fuq,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni li temenda l-Annessi tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/374/KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-Kummissjoni tista“, sakemm jiġu stabbiliti l-listi Komunitarji ta' addittivi tal-ikel ipprovduti fl-Artikolu 30 ta' dak ir-Regolament, tadotta miżuri biex temenda l-Annessi, inter alia, tad-Direttiva 95/2/KE,

B.  billi l-Anness IV tad-Direttiva 95/2/KE fih lista ta' addittivi tal-ikel li jistgħu jintużaw fl-Unjoni Ewropea u jippreskrivi l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom,

C.  billi, barra minn hekk, il-kriterji ġenerali għall-użu tal-addittivi tal-ikel ġew stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 89/107/KEE u billi dik id-Direttiva tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-kriterji rilevanti issa jistgħu jinstabu, inter alia, fl-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni u l-użu ta' addittivi tal-ikel fil-listi Komunitarji,

D.  billi l-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament jipprovdi li addittiv tal-ikel jista' jkun permess għall-użu fl-UE biss jekk ikun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet fosthom, skont il-paragrafu 1(c), li ma jqarraqx lill-konsumatur, u skont il-paragrafu 2, li jkollu vantaġġi u benefiċċji għall-konsumaturi,

E.  billi l-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament jipprovdi wkoll, fil-paragrafu (1)(a), li addittiv tal-ikel jista' jiġi permess għall-użu biss jekk ma joħloqx tħassib għas-sikurezza tas-saħħa tal-konsumatur,

F.  billi barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 (magħruf bħala “r-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel”) u b'mod partikulari l-Artikolu 8 tiegħu, jipprovdi, inter alia, li l-liġi dwar l-ikel għandha tkun immirata għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u għandha tipprovdi bażi biex il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati fir-rigward tal-ikel li jikkunsmaw, u li għandha tkun immirata lejn il-prevenzjoni ta' prattiki li jistgħu jqarrqu lill-konsumatur,

G.  billi l-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-premessa 25 u l-punt (3)(h) tal-Anness tagħha, tipprovdi għall-inklużjoni fl-Anness IV tad-Direttiva 95/2/KE ta' preparazzjoni ta' enżima bbażata fuq it-trombina bil-fibrinoġen bħala addittiv tal-ikel għar-rikostituzzjoni tal-ikel,

H.  billi, filwaqt li t-trombina hija derivata mill-partijiet li jittieklu tal-annimali, din taġixxi bħala “kolla tal-laħam” u l-iskop tagħha bħala addittiv tal-ikel huwa li tgħaqqad flimkien il-biċċiet separati tal-laħam sabiex tipproduċi prodott tal-laħam wieħed,

I.  billi l-iskop tal-użu tat-trombina għalhekk huwa li jiġu ppreżentati biċċiet tal-laħam lill-konsumaturi bħala prodott tal-laħam wieħed, u għaldaqstant ir-riskju li l-konsumatur jiġi mqarraq huwa ovvju,

J.  billi l-premessa 25 tal-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li l-użu tat-trombina bil-fibrinoġen bħala addittiv tal-ikel jista' jqarraq lill-konsumatur fir-rigward tal-istat tal-ikel finali,

K.  billi l-punt (3)(h) tal-Anness għall-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni jipprovdi għall-inklużjoni tat-trombina ta' oriġini bovina u/jew tal-majjali fil-lista ta' addittivi tal-ikel permessi skont l-Anness IV tad-Direttiva 95/2/KE fi preparazzjonijiet tal-laħam ippakkjati minn qabel u fi prodotti tal-laħam ippakkjati minn qabel għall-konsumatur aħħari sa massimu ta' 1mg/kg, li għandha tintuża flimkien mal-fibrinoġen u bil-kundizzjoni li l-ikel juri t-tagħrif “biċċiet tal-laħam ikkombinati” fil-prossimità tal-isem tal-bejgħ tiegħu,

L.  billi, filwaqt li l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni ma jippermettix l-użu tat-trombina bħala addittiv tal-ikel fil-prodotti tal-ikel li jiġu serviti fir-ristoranti u fi stabbilimenti pubbliċi oħrajn li jservu l-ikel, hemm riskju ċar li l-laħam li jkun fih it-trombina jispiċċa fi prodotti tal-laħam serviti fir-ristoranti jew fi stabbilimenti pubbliċi oħrajn li jservu l-ikel, minħabba l-prezzijiet ogħla li jistgħu jinkisbu għall-biċċiet tal-laħam li jisservew bħala prodott tal-laħam wieħed,

M.  billi għaldaqstant mhux ċar jekk il-projbizzjoni fuq l-użu tat-trombina fil-prodotti tal-laħam serviti fir-ristoranti jew fi stabbilimenti oħrajn li jservu l-ikel, fil-prattika tirriżultax fil-prevenzjoni li tali prodotti tal-laħam jintużaw fir-ristoranti jew fi stabbilimenti pubbliċi oħrajn li jservu l-ikel, u jinbiegħu lill-konsumaturi bħala prodotti tal-laħam uniċi,

N.  billi l-kundizzjonijiet ta' tikkettar imsemmija hawn fuq li hemm fl-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni ma jissalvagwardjawx kontra l-għoti ta' impressjoni falza jew qarrieqa lill-konsumaturi fir-rigward tal-eżistenza ta' prodott tal-laħam wieħed, u għalhekk hemm riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa u ma jkunux jistgħu jagħmlu għażla infurmata fir-rigward tal-konsum tal-prodotti tal-laħam li jkun fihom it-trombina,

O.  billi l-vantaġġi u l-benefiċċji tat-trombina għall-konsumaturi ma ġewx murija,

P.  billi l-proċess li bih jingħaqdu flimkien ħafna biċċiet separati tal-laħam iżid b'mod sinifikanti l-wiċċ li jista' jiġi infettat minn batterji patoġeniċi (bħalma huma l-closidorium u s-salmonella) li, fi proċess bħal dan, jistgħu jibqgħu ħajjin u jirriproduċu mingħajr ossiġenu,

Q.  billi r-riskju ta' infezzjoni b'batterji patoġeniċi huwa partikularment serju minħabba li l-proċess ta' tgħaqqid jista' jitwettaq permezz ta' tgħaqqid kiesaħ bla ma jiżdied il-melħ u mingħajr l-ebda proċess ta' tisħin sussegwenti, u b'riżultat ta' dan is-sikurezza tal-prodott finali ma tistax tiġi garantita,

R.  billi l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni għalhekk ma jikkonformax, f'dan ir-rigward, mal-kriterji għall-inklużjoni ta' addittivi tal-ikel fl-Anness IV tad-Direttiva 95/2/KE,

1.  Iqis li l-abbozz tad-Direttiva tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008;

2.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni li temenda l-Annessi tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/374/KE;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(3) ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1.
(4) ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza