Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni:Pjan ta' azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri (2009/2104(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards tal-kwalità u s-sikurezza ta' organi umani maħsuba għat-trapjant (COM(2008)0818),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Pjan ta' azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri” (COM(2008)0819),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-iffissar ta' standards ta' kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta' tessuti u ċelloli tal-bniedem(1),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar it-Trapjant ta' Organi Umani,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Protokoll Addizzjonali tagħha dwar it-Trapjant ta' Organi u Tessuti ta' Oriġini Umana,
– wara li kkunsidra l-Konferenza dwar is-Sikurezza u l-Kwalità fid-Donazzjoni u t-Trapjant tal-Organi fl-Unjoni Ewropea li ġiet organizzata f'Venezja fis-17-18 ta' Settembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tal-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7–0103/2010),
A. billi attwalment, fl-UE, hemm 56 000 pazjent li qegħdin jistennew donatur kompatibbli ta' organi u huwa stmat li 12-il persuna jmutu kuljum huma u jistennew trapjant ta' organu solidu,
B. billi l-bżonnijiet tal-pazjenti li qed jistennew trapjant fl-Ewropa mhumiex qegħdin jiġu ssodisfatti minħabba n-numru limitat ta' organi disponibbli kemm minn donaturi mejtin, kif ukoll minn donaturi altruwisti ħajjin,
C. billi jeżistu differenzi wiesgħa bejn l-Istati Membri fir-rati tad-donazzjoni ta' organi minn persuni mejta li jvarjaw minn 34.2 donaturi għal kull miljun tal-popolazzjoni (pmp) fi Spanja sa 1.1 pmp fil-Bulgarija, u l-iskarsezza tal-organi tirrappreżenta fattur ewlieni li jolqot il-programmi tat-trapjanti,
D. billi l-politiki nazzjonali u l-qafas regolatorju għad-donazzjonijiet u għat-trapjant ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri minħabba l-preżenza ta' fatturi ġuridiċi, kulturali, amministrattivi u organizzattivi differenti,
E. billi d-donazzjoni u t-trapjant ta' organi huma kwistjonijiet sensittivi u kumplessi, b'dimensjoni etika importanti, li jeħtieġu l-parteċipazzjoni totali tas-soċjetà għall-iżvilupp tagħhom, kif ukoll l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha,
F. billi t-trapjant ta' organi jagħti l-possibbiltà li jiġu salvati n-nies, joffri kwalità tal-ħajja aħjar, u (fil-każ tat-trapjant tal-kliewi) għandu l-aħjar proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji meta mqabbel ma' terapiji oħra ta' sostituzzjoni, kif ukoll iżid il-possibbiltajiet għall-pazjenti biex jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u tax-xogħol,
G. billi l-iskambju ta' organi bejn l-Istati Membri diġà huwa prassi komuni, minkejja li jeżistu differenzi kbar fl-għadd ta' skambji transkonfinali ta' organi bejn l-Istati Membri; u billi l-iskambju ta' organi bejn l-Istati Membri ġie ffaċilitat bis-saħħa tal-organizzazzjonijiet ta' skambju internazzjonali bħal Eurotransplant u Scandiatransplant,
H. billi attwalment ma teżisti la database li tkopri t-totalità tal-Unjoni Ewropea li tinkludi informazzjoni dwar l-organi maħsuba għad-donazzjoni u għat-trapjant u dwar id-donaturi ħajjin jew mejtin, u lanqas, barra minn hekk, sistema pan-Ewropea ta' ċertifikazzjoni li tagħti prova tal-legalità tal-organi u tat-tessuti umani,
I. billi Spanja u ftit Stati Membri oħra biss irnexxielhom iżidu b'mod sinifikanti n-numru ta' donazzjonijiet minn persuni mejta, u ntwera li dawn iż-żidiet huma marbuta mal-introduzzjoni ta' ċerti prattiki organizzattivi li jippermettu li s-sistemi jidentifikaw id-donaturi potenzjali u jimmassimizzaw l-għadd ta' persuni mejta li jsiru donaturi effettivi,
J. billi d-Direttiva 2004/23/KE se tipprovdi qafas ġuridiku ċar għad-donazzjoni u t-trapjant ta' organi fl-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li f'kull Stat Membru se tinħoloq jew tintgħażel awtorità nazzjonali kompetenti biex tiggarantixxi l-konformità mal-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza tal-UE,
K. billi t-traffikar tal-organi u tal-bnedmin bil-għan li jitneħħulhom l-organi jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem,
L. billi teżisti rabta qawwija bejn it-traffikar ta' organi illegali u t-traffikar ta' persuni bil-għan li jitneħħulhom l-organi minn naħa waħda u s-sistema legali tad-donazzjoni ta' organi min-naħa l-oħra minħabba li, l-ewwel nett, in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' organi fis-sistema legali jaġixxi bħala inċentiv għall-attivitajiet illegali, u, it-tieni nett, l-attivitajiet illegali jikkompromettu bil-kbir il-kredibbiltà tas-sistema legali tad-donazzjoni ta' organi,
M. billi r-rati ta' rifjut għad-donazzjoni tal-organi jvarjaw ħafna fl-Ewropa, u li din il-varjabbiltà tista' tiġi spjegata permezz tal-livell ta' taħriġ u għarfien espert tal-professjonisti f'termini ta' komunikazzjoni u assistenza lill-familji, tal-approċċi leġiżlattivi differenti għall-kunsens għad-donazzjoni ta' organi u l-implimentazzjoni prattika tagħhom, kif ukoll fatturi importanti oħra ta' natura kulturali, ekonomika jew soċjali li jinfluwenzaw il-perċezzjoni tas-soċjetà fir-rigward tal-vantaġġi tad-donazzjoni u tat-trapjant,
N. billi d-donazzjoni minn persuni ħajjin tista' tkun miżura addizzjonali utli għall-pazjenti li ma jistgħux jiksbu l-organu li għandhom bżonn permezz tat-trapjant postmortem, iżda billi jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-donazzjoni minn persuni ħajjin tista' titqies biss jekk tiġi eskluża kwalunkwe attività u ħlas illegali għad-donazzjoni,
O. billi l-intervent fil-qasam tas-saħħa jista' jitwettaq biss wara li l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens liberu u infurmat għalih; billi dik il-persuna għandha tingħata minn qabel informazzjoni adegwata f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskop u n-natura tal-intervent, kif ukoll dwar il-konsegwenzi u r-riskji li jinvolvi; u billi l-persuna kkonċernata tista“, fi kwalunkwe ħin, tirtira liberament il-kunsens,
P. billi l-Istati Membri jridu jiggarantixxu li l-organi maħsuba għat-trapjant ma jineħħewx mill-persuna mejta sakemm din il-persuna tkun ġiet iċċertifikata bħala mejta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali,
Q. billi d-donazzjoni minn persuni ħajjin għandha tkun kumplimentari għal dik minn persuni mejta,
R. billi l-użu ta' organi għal finijiet terapewtiċi jinvolvi riskju ta' trasmissjoni ta' mard infettiv jew ta' xorta oħra,
S. billi l-fatt li l-persuni qegħdin jgħixu għal iktar żmien qed iservi biex tonqos il-kwalità tal-organi disponibbli, li f'ħafna każijiet qed iwassal għal tnaqqis fin-numru ta' trapjanti, inkluż f'dawk l-Istati Membri li fihom in-numru ta' donaturi qed jiżdied,
T. billi s-sensibilizzazzjoni u l-opinjoni pubblika jiżvolġu rwol importanti ferm biex jiżdiedu r-rati ta' donazzjoni tal-organi,
U. billi l-ħidma li ssir minn organizzazzjonijiet tal-karità u organizzazzjonijiet volontarji oħra fl-Istati Membri żżid is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-donazzjoni ta' organi, u billi l-isforzi tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontribwixxu għal żieda fin-numru ta' persuni mniżżla f'reġistri ta' donaturi ta' organi,
1. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015) adottat mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2008, li jistabbilixxi approċċ ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-forma ta' ġabra ta' azzjonijiet ta' prijorità, abbażi tal-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' għanijiet komuni u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' donazzjoni u ta' trapjant permezz ta' indikaturi maqbula li aktarx jgħinu fl-identifikazzjoni ta' punti ta' referenza u l-aħjar prassi;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-insuffiċjenza ta' organi umani disponibbli għat-trapjant biex iwieġbu għall-bżonnijiet tal-pazjenti; jirrikonoxxi li l-iskarsezza gravi ta' donaturi ta' organi tibqa' ostaklu ewlieni li jimpedixxi l-iżvilupp sħiħ tas-servizzi tat-trapjanti u l-isfida prinċipali li l-Istati Membri jridu jħabbtu wiċċhom magħha fir-rigward tat-trapjant ta' organi;
3. Jieħu nota tas-suċċess tal-iskemi li permezz tagħhom iċ-ċittadini jingħataw l-għażla li jinkitbu direttament f'reġistru ta' donaturi ta' organi huma u jimlew ċerti proċeduri amministrattivi, bħall-applikazzjoni għal passaport jew għal liċenzja tas-sewqan; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jesploraw l-adozzjoni ta' skemi bħal dawn bil-għan li jiżdied in-numru ta' persuni mniżżla f'reġistri ta' donaturi;
4. Iqis li biex jiġi garantit li l-organi disponibbli għal finijiet terapewtiċi ma jinħlewx, huwa importanti li jkun hemm qafas ġuridiku ddefinit biċ-ċar rigward l-użu tagħhom u li s-soċjetà jkollha fiduċja fis-sistema tad-donazzjonijiet u t-trapjanti;
5. Jinnota l-importanza tal-aspetti organizzattivi tal-ksib ta' organi u jenfasizza li l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prassi fost l-Istati Membri se jgħin lill-pajjiżi b'disponibbiltà ta' organi baxxa biex jgħollu r-rati tagħhom ta' donazzjoni, kif jidher, pereżempju, mill-implimentazzjoni ta' elementi tal-Mudell Spanjol f'pajjiżi differenti, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, li rnexxielhom jgħollu r-rati ta' donazzjoni ta' organi;
6. Jisħaq fuq l-importanza ta' koordinaturi tad-donaturi, u l-importanza li jinħatru koordinaturi tad-donaturi fil-livell tal-isptarijiet. Ir-rwol tal-koordinatur tad-donaturi għandu jiġi rikonoxxut bħala wieħed ewlieni għat-titjib, mhux biss tal-effettività tal-proċess tad-donazzjoni u t-trapjant, imma wkoll tal-kwalità u s-sikurezza tal-organi li jridu jiġu trapjantati;
7. Jenfasizza li l-bidliet fl-organizzazzjoni tad-donazzjoni u l-ksib ta' organi jistgħu sostanzjalment jgħollu u jżommu r-rati ta' donazzjoni ta' organi;
8.Jenfasizza li l-identifikazzjoni tad-donaturi potenzjali tqieset waħda mill-fażijiet fundamentali fil-proċess tad-donazzjoni minn persuni mejta; jisħaq fuq il-ħatra ta' persuna ċentrali għad-donazzjonijiet f'livell ta' sptar (il-koordinatur tad-donaturi tat-trapjanti), li l-għan prinċipali tagħha huwa li tiżviluppa programm proattiv ta' identifikazzjoni tad-donaturi u li tottimizza l-proċess kollu tad-donazzjoni tal-organi, tikkostitwixxi l-aktar pass importanti lejn it-titjib tar-rati tal-identifikazzjoni tad-donaturi u tad-donazzjoni ta' organi;
9. Jieħu nota tal-importanza tal-iskambju transkonfinali ta' organi, minħabba l-ħtieġa li d-donaturi u r-riċevituri jridu jkunu jaqblu u l-importanza konsegwenti ta' ġabra kbira ta' donaturi biex tkopri l-bżonnijiet tal-pazjenti kollha fil-listi ta' stennija; iqis li jekk ma jkun hemm l-ebda skambju ta' organi bejn l-Istati Membri, il-pazjenti li jkollhom bżonn kombinazzjoni rara jkollhom probabbiltajiet ferm baxxi li jsibu organu, filwaqt li fl-istess ħin id-donaturi speċifiċi ma jkunux ikkunsidrati billi ma jkunx hemm riċevitur kompatibbli fuq il-listi ta' stennija;
10. Jilqa' l-attivitajiet ta' Eurotransplant u Scanditransplant, iżda jinnota li l-iskambji ta' organi barra minn dawn is-sistemi u bejniethom jistgħu jitjiebu konsiderevolment, speċjalment għall-benefiċċju tal-pazjenti f'pajjiżi żgħar;
11. Jisħaq fuq il-fatt li t-twaqqif ta' standards komuni vinkolanti tal-kwalità u s-sikurezza se jkunu l-uniku mekkaniżmu li jista' jiggarantixxi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fl-UE kollha;
12. Jenfasizza li d-donazzjoni għandha tkun volontarja u bla ħlas, u ssir f'kuntesti ġuridiċi u etiċi definiti biċ-ċar;
13. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-organi jiġu allokati lil reċipjenti skont kriterji trasparenti, mhux diskriminatorji u xjentifiċi;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li tkun definita biċ-ċar il-bażi ġuridika biex tiżgura kunsens jew oġġezzjoni validi għad-donazzjoni ta' organi minn persuna mejta jew mill-familjari tagħha; u biex tiżgura li l-organi ma jitneħħewx mill-persuna mejta sakemm dik il-persuna ma tkunx ċertifikata bħala mejta bi qbil mal-liġi nazzjonali;
15. Japprova miżuri li jimmiraw biex iħarsu donaturi ħajjin u li jiżguraw li d-donazzjoni ta' organi ssir b'sens altruwistiku u volontarju, mingħajr l-ebda ħlas għajr kumpens li jkun strettament limitat biex ipatti għall-ispejjeż imġarrba fid-donazzjoni ta' organu, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż għal servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal, telf ta' dħul jew spejjeż għall-irkupru, u li jiġi projbit kwalunkwe inċentiv jew żvantaġġi finanzjarji għal donatur potenzjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li bihom jingħata l-kumpens;
16. Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-donaturi ħajjin jintgħażlu fuq il-bażi tar-rekord mediku u tas-saħħa tagħhom, inkluż evalwazzjoni psikoloġika jekk jitqies li huwa neċessarju, minn professjonali kwalifikati jew imħarrġa u kompetenti;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibbiltà li tiżgura li d-donaturi ħajja jkunu assigurati legalment mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-koperturi differenti tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri kollha ħalli tidentifika l-aħjar prattiki fl-UE kollha kemm hi;
18. Jisħaq fuq il-fatt li t-twaqqif ta' sistemi operattivi strutturati tajjeb u l-promozzjoni ta' mudelli ta' suċċess fuq livell nazzjonali għandhom importanza enormi; jissuġġerixxi li s-sistemi operattivi għandhom jinkludu qafas ġuridiku adegwat, infrastruttura teknika u loġistika u sostenn organizzattiv akkumpanjat b'sistema effikaċi ta' allokazzjoni;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-iżvilupp ta' programmi għat-titjib tal-kwalità għad-donazzjoni ta' organi f'kull sptar fejn jeżisti potenzjal għad-donazzjoni ta' organi, bħala l-ewwel pass, abbażi ta' awtoevalwazzjoni tal-proċess kollu tad-donazzjoni ta' organi minn speċjalisti fil-kura intensiva u l-koordinatur tat-trapjanti f'kull sptar, iżda li jfittxu l-komplementarjetà ma' verifiki esterni għaċ-ċentri, f'każ li dan ikun meħtieġ u fattibbli;
20. Jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni kontinwa għandha tifforma parti essenzjali mill-istrateġiji ta' komunikazzjoni tal-Istati Membri kollha rigward din il-kwistjoni; partikolarment, jissuġġerixxi li n-nies għandhom ikunu inkoraġġuti jitkellmu dwar id-donazzjoni ta' organi u jikkomunikaw ir-rieda tagħhom dwar id-donazzjoni lill-familjari tagħhom; jinnota li 41% biss taċ-ċittadini Ewropej jidhru li ddiskutew id-donazzjoni ta' organi mal-familji tagħhom;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffavorixxu d-dikjarazzjoni ta' rieda espressa minn persuni ħajjin bil-possibbiltà għalihom li jinkitbu mill-internet f'reġistru ta' donaturi nazzjonali u/jew Ewropew, bil-għan li jitħaffu l-proċeduri ta' verifika tal-kunsens għad-donazzjoni ta' organi;
22. Jitlob lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati relevanti, biex teżamina l-possibilità li tiġi żviluppata sistema li biha jitqiesu x-xewqat espressi miċ-ċittadini li jagħtu l-kunsens tagħhom għad-donazzjoni tal-organi f'kemm Stati Membri possibbli wara li jkunu mietu ;
23. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw it-twaqqif ta' sistemi u reġistri relatati li jkunu faċilment disponibbli għar-raġunijiet li jiġu rrekordjati x-xewqat ta' donaturi futuri;
24. Jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jiffavorixxu l-inklużjoni, fuq il-karta tal-identità nazzjonali jew fuq il-liċenzja tas-sewqan, ta' referenzi jew simboli li jippermettu l-identifikazzjoni tad-detentur bħala donatur ta' organi;
25. Jistieden, b'konsegwenza ta' dan, lill-Istati Membri biex itejbu l-għerf u l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-gruppi ta' appoġġ għall-pazjenti fir-rigward tat-trapjant ta' organi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem f'dan l-isforz bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika dwar il-possibbiltà ta' donazzjoni ta' organi u, fl-istess ħin, jitqiesu l-partikolaritajiet kulturali ta' kull Stat Membru;
26. Jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tad-donazzjoni minn persuni mejta billi jistabbilixxu sistemi effiċjenti għall-identifikazzjoni tad-donaturi ta' organi u billi jippromwovu l-ħatra ta' koordinaturi tad-donaturi tat-trapjanti fl-isptarijiet tal-Ewropa kollha; jitlob lill-Istati Membri biex jevalwaw u jagħmlu użu aktar frekwenti tal-organi ta' donaturi “marġinali” (jiġifieri donaturi ta' età akbar jew dawk li jbatu minn ċertu mard), bl-użu tal-ogħla standards ta' kwalità u ta' sikurezza permezz, partikolarment, tal-avvanzi bijoteknoloġiċi reċenti li jillimitaw ir-riskju ta' rifjut tal-organi trapjantati;
27. Iqis li jeħtieġ li jinstab bilanċ armonjuż bejn, minn naħa, il-ħarsien tad-donaturi f'termini ta' anonimat u riservatezza u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li tiġi determinata l-oriġini tad-donazzjonijiet ta' organi għal finijiet mediċi, bil-għan li tiġi evitata r-remunerazzjoni, legali jew illegali, għad-donazzjoni tal-organi;
28. Jisħaq fuq il-fatt li d-donaturi ħajjin għandhom ikunu ttrattati skont l-ogħla standards mediċi u ma għandhom iġorru l-ebda piż finanzjarju meta jinqalgħu problemi mediċi bħall-pressjoni għolja, il-falliment tal-kliewi u l-konsegwenzi tagħhom li potenzjalment huma kkawżati mill-proċess tat-trapjant, Għandu jiġi evitat kull telf ta' dħul bħala konsegwenza tat-trapjant. Għandha tiġi evitata kull problema medika. Id-donaturi għandhom jiġu protetti kontra d-diskriminazzjoni fis-sistema soċjali;
29. Iqis li r-regoli kollha dwar is-sistema tat-trapjanti (allokazzjoni, aċċess għas-sistemi tat-trapjanti, dejta tal-attivitajiet, eċċ.) għandhom ikunu pubbliċi u kkontrollati sew, bil-għan li tkun evitata kwalunkwe diskriminazzjoni mhux ġustifikata f'termini ta' aċċess għal-listi ta' stennija għal trapjanti u/jew għal proċeduri terapewtiċi;
30. Jinnota li, minkejja li bosta Stati Membri introduċew ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-proċeduri tat-trapjanti u xi reġistri fuq bażi volontarja jeżistu wkoll, ma teżisti l-ebda sistema komprensiva biex tiġbor id-dejta dwar it-tipi differenti ta' trapjant u l-eżiti tagħhom;
31. Jappoġġa bil-qawwa għalhekk il-ħolqien ta' reġistri, kemm nazzjonali, kif ukoll fuq livell tal-UE, u l-istabbiliment ta' metodoloġija biex tqabbel ir-riżultati tar-reġistri eżistenti għas-segwitu ta' wara t-trapjanti tar-riċevituri tal-organi f'konformità mal-qafas ġuridiku Ewropew eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali;
32. Jappoġġja l-ħolqien ta' protokolli speċjali mal-UE kollha biex jiġu provduti proċeduri għall-fażi ta' matul l-operazzjoni u ta' wara l-operazzjoni taħt ir-responsabilità tat-timijiet rispettivi li jagħmlu l-operazzjonijiet, il-patoloġisti speċjalisti u speċjalisti f'oqsma meħtieġa oħrajn;
33. Jappoġġa l-ħolqien ta' reġistri, kemm nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-UE, dwar is-segwitu ta' donaturi ħajjin, bl-iskop li jiżguraw aħjar il-ħarsien ta' saħħithom;
34. Jenfasizza li kwalunkwe sfruttament ta' organi għal skopijiet kummerċjali li jċaħħad l-aċċess ekwu għat-trapjanti jmur kontra l-etika, huwa inkonsistenti mal-valuri l-aktar bażiċi tal-bniedem, jikser l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u huwa projbit skont l-Artikolu 3(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
35. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskarsezza ta' organi hija marbuta f'żewġ modi mat-traffikar ta' organi u ta' persuni bil-għan li jitneħħulhom l-organi; l-ewwel nett, iż-żieda fid-disponibbiltà ta' organi fl-Istati Membri tkun tikkontribwixxi għal titjib fis-sorveljanza ta' dawn il-prattiki, billi jiġi evitat kull bżonn taċ-ċittadini Komunitarji li jikkunsidraw li jfittxu organu barra mill-UE, u t-tieni nett, l-attività illegali tikkomprometti bil-kbir il-kredibbiltà tas-sistema legali tad-donazzjoni ta' organi;
36. Itenni r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-kummerċ ta' organi fir-rapport Adamou dwar id-donazzjoni u t-trapjant ta' organi(2) u hu tal-fehma li dawn għandhom jitqiesu bis-sħiħ mill-Kummissjoni hija u tfassal il-pjan ta' azzjoni; jinsisti li għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni u l-Europol fir-rigward ta' din il-problema;
37. Jenfasizza l-importanza tal-Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa li se ssir f'Mejju 2010 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, fuq livell tad-WHO, jiġġieldu bil-qawwa favur il-prinċipju ta' donazzjoni volontarja u bla ħlas;
38. Jilqa' l-istudju konġunt bejn il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti dwar it-traffikar ta' organi, tessuti u ċelloli u t-traffikar tal-bnedmin bil-għan li jitneħħulhom l-organi;
39. Josserva r-rapport ta' David Matas u David Kilgour dwar il-qtil tal-membri tal-Falun Gong għall-organi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar dawn l-allegazzjonijiet, flimkien ma' każijiet oħra simili, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunisll;
40. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmu biex jevitaw sitwazzjoni li fiha l-professjonisti, l-istituzzjonijiet jew il-kumpaniji tal-assigurazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa jħeġġu liċ-ċittadini tal-Unjoni jixtru organu f'pajjiż terz permezz ta' prattiki li jinvolvu t-traffikar ta' organi jew ta' persuni bil-għan li jitneħħulhom l-organi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissorveljaw każijiet ta' din ix-xeħta li jseħħu fit-territorji tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jevalwaw l-introduzzjoni ta' miżuri leġiżlattivi, fosthom sanzjonijiet li japplikaw għal persuni li jippromwovu u/jew jipparteċipaw f'attivitajiet bħal dawn;
41. Jirrifjuta bil-qawwa l-imġiba ta' ċerti organizzazzjonijiet tal-assigurazzjoni fil-qasam tas-saħħa li ħeġġew lill-pazjenti biex jipparteċipaw fit-turiżmu tat-trapjanti u jitlob lill-Istati Membri biex jissorveljaw bir-reqqa u jikkastigaw din l-imġiba;
42. Jenfasizza li l-pazjenti li rċevew organu f'ċirkostanzi illegali ma jistgħux jiġu esklużi mill-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, bħal f'kull każ ieħor, għandha ssir distinzjoni bejn il-piena għal attività illegali u l-bżonn ta' trattament;
43. Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom taħt l-awspiċji tal-Interpol u tal-Europol sabiex jindirizzaw il-problema tat-traffikar tal-organi b'mod iktar effikaċi;
44. Jagħraf li t-titjib tal-kwalità u s-sikurezza tad-donazzjoni u t-trapjant ta' organi huwa assolutament importanti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan se jkollu riperkussjonijiet fuq it-tnaqqis tar-riskji tat-trapjanti u konsegwentement jitnaqqsu l-effetti negattivi; jirrikonoxxi li l-azzjonijiet fil-qasam tal-kwalità u s-sikurezza jistgħu jkollhom riperkussjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' organi u viċiversa; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom fil-ħolqien u l-iżvilupp ta' oqfsa regolatorji biex tiżdied il-kwalità u s-sikurezza;
45. Jenfasizza li kooperazzjoni tajba bejn il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet leġittimati oħra hija meħtieġa u tipprovdi valur miżjud;
46. Jagħraf ir-rwol importanti li għandha l-kura ta' wara t-trapjant, inkluż l-użu xieraq ta' terapiji kontra r-rifjut tal-organu, sabiex jirnexxi t-trapjant; jirrikonoxxi li l-aqwa użu ta' terapiji kontra r-rifjut tal-organu jista' jissarraf f'titjib fit-tul tas-saħħa tal-pazjenti, f'sopravivenza tal-organu trapjantat u, b'hekk, f'disponibbiltà usa' ta' organi minħabba t-tnaqqis fil-bżonn għal trapjant mill-ġdid, u jsostni li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-pazjenti jkollhom aċċess għall-aħjar terapiji disponibbli;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 dwar id-Donazzjoni u t-Trapjant ta' Organi: Azzjonijiet politiċi fil-livell tal-UE (Testi adottati, P6_TA(2008)0130).