Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2241(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0144/2010

Testi mressqa :

A7-0144/2010

Dibattiti :

PV 18/05/2010 - 13
CRE 18/05/2010 - 13

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2010 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0184

Testi adottati
PDF 303kWORD 87k
L-Erbgħa, 19 ta' Mejju 2010 - Strasburgu
Aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali
P7_TA(2010)0184A7-0144/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (2009/2241(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 216(2), 218(6), 218(8) u 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-protokoll relattiv għall-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn “il quddiem il-KEDB),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Jannar 2010 li awtorizzat l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 (proċedura b'kumitati assoċjati)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0144/2010),

A.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'ġurisprudenza kostanti sa mis-sentenza fil-Każ Internationale Handelsgesellschaft tas-17 ta' Diċembru 1970(2) u fil-Każ Nold tal-14 ta' Mejju 1974(3), innutat li d-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi li tagħhom il-Qorti tiżgura r-rispett,

B.  billi f'dan l-għemil tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ispirat ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-istrumenti internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri aderew għalihom, bħall-KEDB,

C.  billi din il-ġurisprudenza kienet inkorporata fl-essenza tagħha fil-liġi primarja permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ta' Maastricht tal-1993,

D.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħti importanza partikulari lill-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif jixhed l-għadd dejjem jikber ta' sentenzi li jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-KEDB,

E.  billi fil-prinċipju l-punt tat-tluq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa l-“preżunzjoni tal-kompatibilità” tal-imġiba ta' Stat Membru tal-Unjoni mal-KEDB meta dan l-Istat ikun qiegħed biss jimplimenta l-liġi tal-Unjoni,

F.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, f'opinjoni tat-28 ta' Marzu 1996, sabet li l-Komunità Ewropea ma setgħatx taderixxi għall-KEDB mingħajr ma temenda qabel it-Trattat, minħabba li l-Komunità ma kellhiex il-kompetenza espliċita jew impliċita biex tagħmel dan,

G.  billi, fil-waqt tal-adeżjoni, il-limiti imposti mit-Trattat ta' Lisbona u l-protokolli u l-annessi tiegħu għandhom jiġu rispettati, u partikolarment l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta' Lisbona; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux biss għażla li tippermetti lill-Unjoni li taderixxi iżda obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaġixxu f'dan is-sens, billi l-ftehim tal-adeżjoni tal-UE għall-KEDB għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u l-liġi tal-Unjoni,

H.  billi wara l-konklużjoni tal-Protokoll Nru 14 li jemenda l-KEDB, issa hija possibbli l-adeżjoni tal-Unjoni f'isem l-Istati kontraenti tal-KEDB u billi t-termini u l-modalitajiet tal-adeżjoni jridu jiġu miftiehma fl-okkażjoni tal-adeżjoni bejn l-Unjoni, fuq naħa, u l-Istati kontraenti tal-KEDB, fuq in-naħa l-oħra,

I.  billi ftehim bħal dan irid ukoll jittratta kwistjonijiet amministrattivi u tekniċi, bħall-prinċipju ta' kontribut tal-Unjoni għall-ispejjeż operattivi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi f'dak il-kuntest għandhom isiru pjanijiet biex jiġi stabbilit baġit awtonomu għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiffaċilita l-istima tad-diversi kontributi,

J.  billi bl-adeżjoni għall-KEDB, l-Unjoni se tiġi inkorporata fis-sistema tagħha ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u, minbarra l-protezzjoni interna ta' dawn id-drittijiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, se jkollha entità oħra ta' protezzjoni esterna b'natura internazzjonali,

K.  billi l-KEDB ma ġietx żviluppata biss permezz tal-Protokolli addizzjonali, iżda wkoll permezz ta' Konvenzjonijiet, Karti u Ftehimiet oħra, li rriżultaw f'sistema ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li tevolvi kontinwament,

1.  Jenfasizza l-argumenti prinċipali favur l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, li fil-qosor huma kif ġej:

   l-adeżjoni tikkostitwixxi progress fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u tinvolvi pass ieħor lejn Unjoni politika,
   filwaqt li s-sistema ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE se tkun kompluta u msaħħa permezz tal-integrazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-liġi primarja tagħha, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB se tkun sinjal b'saħħtu tal-koerenza bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa u r-reġim pan-Ewropew tiegħu fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; din l-adeżjoni se ssaħħaħ ukoll il-kredibilità tal-Unjoni vis à vis pajjiżi terzi li minnhom, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali, l-Unjoni titlob regolarment ir-rispett tal-KEDB,
   l-adeżjoni għall-KEDB se tiżgura liċ-ċittadini, vis à vis l-azzjoni tal-Unjoni, protezzjoni analoga għal dik li minnha jibbenefikaw diġà vis à vis l-Istati Membri kollha. Dan huwa speċjalment rilevanti għaliex l-Istati Membri kkonferew setgħat sostanzjali fuq l-Unjoni,
   l-armonizzazzjoni leġiżlattiva u ġurisprudenzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Unjoni u tal-KEDB se tikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza taż-żewġ qrati Ewropej fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment minħabba l-bżonn ikbar ta' djalogu u ta' koperazzjoni, u se toħloq sistema integrali li fi ħdanha ż-żewġ qrati jistgħu jaħdmu b'sinkronija,
   l-adeżjoni se tikkumpensa wkoll sa ċertu punt għall-fatt li l-ambitu tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa kemxejn limitat fi kwistjonijiet ta' politika esterna u ta' sigurtà, u ta' politika tal-pulizija u ta' sigurtà billi tipprovdi superviżjoni ġudizzjarja esterna utli tal-attivitajiet kollha tal-UE,
   l-adeżjoni bl-ebda mod mhi se titfa' dubju fuq il-prinċipju tal-awtonomija tal-liġi tal-Unjoni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se tibqa' l-unika qorti suprema għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liġi tal-Unjoni u l-validità tal-azzjonijiet tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista' titqies biss bħala awtorità li teżerċita kontroll estern fuq ir-rispett, mill-Unjoni, tal-obbligi fil-liġi internazzjonali li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha għall-KEDB; ir-relazzjoni bejn iż-żewġ ġurisdizzjonijiet Ewropej mhix se tkun relazzjoni ta' ġerarkija iżda ta' speċjalizzazzjoni; il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għalhekk se jkollha status analogu għal dak li għandhom attwalment il-qrati superjuri tal-Istati Membri b'relazzjoni mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

2.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 8, l-adeżjoni ma tinvolvix estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u, b'mod partikulari, ma toħloqx kompetenza ġenerali tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, u b'konformità mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-tradizzjonijiet u l-identitajiet kostituzzjonali tal-Istati Membri jridu jkunu rrispettati;

3.  Jafferma li, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta' Lisbona, il-ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB għandu jiggarantixxi li l-adeżjoni ma taffettwax is-sitwazzjoni partikulari tal-Istati Membri rigward il-KEDB u l-protokolli tagħha in ġenerali, u lanqas rigward derogi u riservi possibbli magħmula mill-Istati Membri b'mod partikulari, u li ċirkustanzi bħal dawn m'għandhomx jinfluwenzaw il-pożizzjoni tal-Unjoni vis à vis l-KEDB;

4.  Josserva li s-sistema tal-KEDB kienet ikkompletata minn serje ta' protokolli addizzjonali li jikkonċernaw il-ħarsien ta' drittijiet li ma kinux koperti mill-KEDB u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tingħata mandat li tinnegozja wkoll adeżjoni għall-protokolli kollha li jikkonċernaw drittijiet li jikkorrispondu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, irrispettivament mir-ratifika tagħhom mill-Istati Membri tal-Unjoni;

5.  Jenfasizza li, billi l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB hija adeżjoni ta' Parti li mhix Stat fi strument legali mwaqqaf għall-Istati, din għandha ssir mingħajr ma jinbidlu l-karatteristiċi tal-KEDB u l-modifiki tas-sistema ġudizzjarja tagħha għandhom ikunu mill-inqas; iqis importanti, fl-interessi tal-persuni li qed jitolbu li ssir ġustizzja kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi, li jiġu ppreferuti l-arranġamenti tal-adeżjoni li jkollhom l-inqas impatt fuq l-ammont ta' xogħol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.  Jenfasizza li, flimkien mal-impenn politiku, huwa ta' importanza enormi li jinstabu r-risposti u s-soluzzjonijiet adegwati għall-mistoqsijiet tekniċi ewlenin sabiex l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB tintuża għall-benefiċċju taċ-ċittadini; josserva li dettalji mhux definiti u ftit li xejn ċari jistgħu joħolqu konfużjoni u jippreġudikaw l-għan propju ta' din l-adeżjoni; jenfasizza, madankollu, li l-ostakoli tekniċi m'għandhomx idewmu l-proċess;

7.  Jenfasizza li l-adeżjoni għall-KEDB ma tagħmilx mill-Unjoni membru tal-Kunsill tal-Ewropa, imma li ċerta parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-entitajiet assoċjati mal-KEDB hija meħtieġa biex tiżgura l-integrazzjoni xierqa tal-Unjoni fis-sistema tal-KEDB u li, għalhekk, l-Unjoni għandha tiddisponi minn ċerti drittijiet hemmhekk, b'mod partikulari:

   id-dritt li tippreżenta lista ta' tliet kandidati għall-kariga ta' imħallef, li minnhom wieħed ikun elett mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f'isem l-Unjoni Ewropea u jipparteċipa fix-xogħol tal-Qorti fuq bażi ta' ugwaljanza mal-imħallfin l-oħra konformement mal-Artikolu 27(2) tal-KEDB; il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-kumpilazzjoni tal-lista ta' kandidati konformi ma' proċedura simili għal dik prevista fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kandidati għall-pożizzjoni ta' mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
   id-dritt li tipparteċipa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, bid-dritt tal-vot f'isem l-UE, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Ministri meta dan jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' monitoraġġ tal-eżekuzzjoni ta' sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew meta jiddeċiedi dwar jekk ikunx il-każ li jitlob opinjoni mill-Qorti, kif ukoll li tkun irrappreżentata fuq il-Kumitat tat-Tmexxija għad-Drittijiet tal-Bniedem (suborganu tal-Kumitat tal-Ministri),
   id-dritt għall-Parlament Ewropew li jaħtar/jibgħat numru ta' rappreżentanti fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa meta din teleġġi l-imħallfin għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom, fil-waqt tal-adeżjoni għall-KEDB, bejniethom u fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom mal-Unjoni biex ma jressqux applikazzjonijiet interstatali għal nuqqas fis-sens tal-Artikolu 33 tal-KEDB meta l-att jew l-ommissjoni li huwa s-suġġett tat-tilwima huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, minħabba li dan ikun kontra l-Artikolu 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

9.  Iqis li il-valur miżjud ewlieni tal-adeżjoni tal-UE għall-KEDB jinsab fil-possibilità għall-individwi ta' rikors kontra atti għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-Istati Membri u għalhekk kull applikazzjoni ta' persuna fiżika jew legali dwar kwalunkwe att jew nuqqas ta' istituzzjoni jew ta' entità tal-Unjoni għandha tkun indirizzata biss kontra din tal-aħħar; bl-istess mod, kull applikazzjoni li tinvolvi miżura ta' implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru għandha tkun indirizzata biss kontra dan tal-aħħar, bla ħsara għall-prinċipju li fejn jista' jkun hemm xi dubju dwar il-qsim ta' responsabbiltà, l-applikazzjoni tista' tkun indirizzata b'mod simultanju kontra l-Unjoni u l-Istat Membru;

10.  Iqis li sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 35 tal-KEDB li r-rimedji domestiċi jridu jkunu ġew eżawriti, l-applikant għandu jkun eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji tal-Istat konċernat inkluża referenza għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Lussemburgu; din il-proċedura tal-aħħar titqies issodisfata meta, minkejja t-talba tal-applikant, il-qorti nazzjonali ma tqisx bħala xieraq li għandha ssir tali referenza;

11.  Jinnota li wara l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB, jista' jagħti l-każ li kemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun kompetenti f'ċerti kwistjonijiet, u jindika li mhux se jkun permess ir-rikors għaż-żewġ Qrati fl-istess ħin;

12.  Iqis li jkun xieraq li, fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u bla ħsara għall-Artikolu 36(2) tal-KEDB, fil-każijiet kollha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jistgħu jqajmu kwistjoni dwar il-liġi tal-Unjoni, diretti kontra xi Stat Membru, l-Unjoni tkun tista' tintervjeni bħala kokonvenuta fil-każ, u li fi kwalunkwe każ kontra l-Unjoni, kull Stat Membru jista' jintervjeni bħala kokonvenut fil-każ; din il-possibbiltà għandha tkun iddefinita permezz ta' dispożizzjonijiet inklużi fit-trattat ta' adeżjoni b'mod ċar iżda wkoll wiesa' biżżejjed;

13.  Iqis li l-adozzjoni ta' status ta' kokonvenut ma jipprekludix possibilitajiet indiretti oħra offruti mill-KEDB (Artikolu 36, Ι), bħad-dritt tal-Unjoni li tintervjeni bħala parti terza fi kwalunkwe applikazzjoni mressqa minn ċittadin tal-Unjoni;

14.  Iqis li, safejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għarfet l-applikabilità ekstraterritorjali tal-KEDB, l-Unjoni għandha tfittex li tirrispetta dan l-obbligu bis-sħiħ fir-relazzjonijiet u l-attivitajiet esterni tagħha;

15.  Iqis li ma jkunx għaqli li jkunu fformalizzati r-relazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-introduzzjoni ta' proċedura għal deċiżjoni preliminari minn din tal-aħħar, jew bil-ħolqien ta' organiżmu jew panel inkarigat li jieħu deċiżjoni meta waħda miż-żewġ qrati jkollha l-intenzjoni li tadotta interpretazzjoni tal-KEBD li tkun differenti mill-interpretazzjoni adottata mill-oħra; ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-Dikjarazzjoni Nru 2 dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tinnota l-eżistenza ta' djalogu regolari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, djalogu li għandu jissaħħaħ bl-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEBD;

16.  Huwa ferm konxju tal-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista' tidentifika ksur f'każ li jkun diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza li dan bl-ebda mod ma joħloq dubju dwar il-kredibilità tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala arbitru aħħari fis-sistema ġuridika tal-UE;

17.  Jenfasizza li, wara din l-adeżjoni, il-KEDB se tikkostitwixxi l-istandard minimu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ewropa u li se tkun kruċjali b'mod partikolari f'każijiet fejn il-protezzjoni mogħtija mill-UE tkun inferjuri minn dik prevista fil-KEDB; ifakkar li l-KEDB ssaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u li l-Karta tirrikonoxxi wkoll drittijiet u prinċipji oħra li mhumiex imħaddna fil-KEDB, iżda fi protokolli addizzjonali u fi strumenti marbuta mal-KEDB;

18.  Ifakkar li l-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, prinċipju fundamentali tal-UE mħaddan fit-trattat ta' fondazzjoni tagħha, hija bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; hu tal-fehma, madankollu, li l-adeżjoni ssaħħaħ iktar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u l-kredibilità tal-UE fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-applikazzjoni uniformi u sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-livell tal-UE hija tant ieħor essenzjali sabiex tkun żgurata l-kredibilità tal-Unjoni f'dan id-djalogu;

19.  Jinnota li l-KEDB għandha funzjoni importanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għaliex drittijiet iggarantiti mill-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet rikonoxxuti mill-KEDB għandhom jiġu interpretati skont il-Konvenzjoni u li l-KEDB tikkostitwixxi, b'riżultat tal-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sors ta' ispirazzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-formulazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni; jinnota wkoll li l-KEDB, b'konformità mal-Artikolu 53 tagħha, ma tistax tkun interpretata bħala li tillimita jew li hija ta' ħsara għad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u għalhekk din tal-aħħar iżżomm is-saħħa ġuridika kollha tagħha;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-KEDB u tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) għall-provvediment ta' qafas legali u prinċipji ta' gwida għall-azzjoni attwali u futura tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern, b'mod partikulari fid-dawl tal-modi ġodda ta' integrazzjoni u armonizzazzjoni tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern mibdija mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-adozzjoni tal-Programm ta' Stokkolma;

21.  Jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-adeżjoni se tikkontribwixxi għal sistema interna ta' drittijiet tal-bniedem aktar koerenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea; l-adeżjoni se ssaħħaħ il-kredibilità tal-UE f'għajnejn iċ-ċittadini tagħha stess fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiżgura r-rispett sħiħ u effettiv għad-drittijiet fundamentali kull fejn għandha x'taqsam il-liġi tal-UE;

22.  Jenfasizza li, wara l-adeżjoni, il-kompetenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta tiġġudika kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-KEDB ma tistax tkun ikkontestata fuq il-bażi tal-istruttura interna tal-liġi tal-UE; jenfasizza wkoll li l-kompetenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tistax tkun limitata għaċ-ċittadini Ewropej jew għaż-żona ġeografika tal-Unjoni Ewropea (pereżempju fil-każ ta' missjonijiet jew delegazzjonijiet);

23.  Jinnota li l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB se tipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-possibilità ta' tressiq ta' lment lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni, minn istituzzjoni tal-UE jew Stat Membru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea, li tkun ukoll fl-ambitu tal-kompetenzi tal-KEDB; huwa għaldaqstant jenfasizza li din l-adeżjoni ma tbiddilx is-sistema attwali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rekwiżit li kull rimedju legali intern għandu jiġi eżawrit se jibqa' l-kundizzjoni għall-eliġibilità ta' kwalunkwe applikazzjoni; jitlob li l-applikazzjonijiet u l-ilmenti jiġu trattati f'perjodu ta' żmien raġonevoli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi element ta' gwida, f'konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar x'jikkostitwixxi r-rimedju domestiku xieraq ġewwa l-Unjoni u dwar is-sentenzi preliminari skont il-liġi tal-Unjoni; jenfasizza f'dan il-kuntest li jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-qrati tal-Istati Membri jirreferu l-każijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jiltaqgħu ma' kwistjoni li tista' titqies bħala kwistjoni ta' drittijiet fundamentali;

24.  Jenfasizza li fl-istess ħin, l-adeżjoni se tirrikjedi koperazzjoni msaħħa bejn il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jinnota li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ qrati Ewropej se tkompli tiżviluppa sistema ta' ġurisprudenza koerenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jilqa“, barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 1 tal-KEDB mhux biss jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u ta' individwi oħra fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll barra t-territorju tal-Unjoni lil kwalunkwe individwu li jaqa” taħt il-ġurisdizzjoni tagħha;

26.  Huwa konxju li l-adeżjoni bħala tali ma ssolvix il-problemi serji ħafna li tiffaċja s-sistema tal-KEDB, jiġifieri, min-naħa, l-ammont ta' xogħol eċċessiv minħabba żieda esponenzjali fl-applikazzjonijiet individwali u, min-naħa l-oħra, ir-riforma tal-istruttura u l-funzjonament tal-Qorti biex tiffaċċjahom; jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi l-fatt li hija topera f'ambjent politiku u legali kumpless u jinnota li d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 14, fl-1 ta' Ġunju 2010, waqt li żgur se jnaqqas in-numru ta' proċeduri mhux kompluti, mhux se jisparixxihom; jenfasizza, fil-qafas tar-riforma tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-importanza tad-dikjarazzjoni ta' Interlaken, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, li ġustament ifakkar li l-kriterji dwar l-ammissibilità u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti għandhom jiġu applikati b'mod uniformi u rigoruż;

27.  Iqis li huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'termini ta' persunal u ta' politika baġitarja;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-importanza kostituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, jistipula kundizzjonijiet stretti għaliha, bil-Kunsill obbligat jadotta d-deċiżjoni tal-konklużjoni tal-ftehim b'mod unanimu wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu, u bid-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim biss wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

29.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE biex jesprimu b'mod ċar id-determinazzjoni u l-volontà tagħhom li jiffaċilitaw il-proċess tal-adeżjoni billi jinvolvu l-qrati nazzjonali u l-Ministeri tal-Ġustizzja tagħhom;

30.  Jinnota li l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB timplika rikonoxximent mill-UE tas-sistema kollha tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, kif ġiet żviluppata u kodifikata fid-diversi dokumenti u entitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa; f'dan is-sens, l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB hija l-ewwel pass essenzjali li mbagħad irid ikun ikkompletat bl-adeżjoni tal-Unjoni, fost l-oħrajn, għall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u riveduta fi Strasburgu fit-3 ta' Mejju 1996, b'koerenza mal-kisbiet diġà mħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-leġiżlazzjoni soċjali tal-Unjoni;

31.  Jistieden, ukoll, lill-Unjoni biex tingħaqad mal-organi tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT), il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) u l-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ); jisħaq ukoll fuq il-bżonn li l-Unjoni tkun involuta fil-ħidma tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali (ECSR), il-Kumitat Governattiv għall-Karta Soċjali u l-Kumitat Ewropew għall-Migrazzjoni, u jitlob li jkun infurmat kif xieraq dwar il-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet ta' dawn l-organi;

32.  Iqis li, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u fl-UE, u sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom, il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-organi speċjalizzati tal-Kunsill tal-Ewropa trid tkun imsaħħa bl-għan li tikkontribwixxi għal koerenza u komplementarjetà akbar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell pan-Ewropew;

33.  Jissuġġerixxi li, sabiex iċ-ċittadini jkunu konxju mill-valur miżjud tal-adeżjoni, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE ifasslu linji gwida bi spjegazzjonijiet ċari tal-implikazzjonijiet u l-effetti kollha ta' din l-adeżjoni; isostni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni tali li tiżgura li dawn ikunu kompletament konxji mis-sinifikat tal-mekkaniżmi addizzjonali u dwar kif jużawhom b'mod adegwat;

34Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm korp informali sabiex jikkoordina l-qsim tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;

35.  Jenfasizza li, minħabba li l-adeżjoni fil-KEDB ma tirrigwardax biss l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda tirrigwarda wkoll iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat u involut matul il-proċess kollu ta' negożjar, u jrid jiġi assoċjat u infurmat immedjatament u bis-sħiħ f'kull stadju tan-negozjati, kif stipulat fl-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

36.  Jilqa' l-impenn muri mill-Presidenza Spanjola attwali meta ttrattat l-adeżjoni bħala “kwistjoni ta' urġenza” u l-attitudni pożittiva u ta' koperazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan ir-rigward; jistieden lill-Presidenza Belġjana u lil dik Ungeriża sabiex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffinalizzaw l-adeżjoni fl-iqsar żmien possibbli u b'mod kemm jista' jkun sempliċi u aċċessibbli, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw malajr kemm jista' jkun mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB;

37.  Jinsisti, fid-dawl tar-rwol importanti li t-Trattat jagħti lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehima ta' adeżjoni, li l-Parlament ikun infurmat kif xieraq dwar id-definizzjoni tal-mandat ta' negozjar għall-adezjoni mal-KEDB u li jkun involut mill-qrib fid-diskussjonijiet preliminari u wkoll fit-tmexxija tan-negozjati dwar dak it-test, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Minuti tal-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, PE 432.390/CPG, punt 9.1.
(2) Ġabra tal-ġurisprudenza 1970, p. 1125.
(3) Ġabra tal-ġurisprudenza 1974, p. 491.

Avviż legali - Politika tal-privatezza