Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (2010/2038(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' Awwissu 2009 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM 2009 (SEC(2009)1120),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2009 bit-titolu “Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (COM(2009)0545),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-aġġornament tal-2009 tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2009)0034),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-UEM@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM 2007–2008(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2007(4),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-Samit ta' Pittsburgh li jistiednu biex jinżamm l-isforz ta' sostenn tat-tkabbir sakemm l-irkupru jikkonsolida ruħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0147/2010),
A. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tesprimi tħassib dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest ta' livelli ta' defiċit u ta' dejn għoljin, speċjalment fid-dawl ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, u billi l-effett tat-tixjiħ fuq id-distakk tas-sostenibilità, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, jiġi kkalkolat li hu bejn ħames darbiet u 20 darba ogħla mill-effetti tal-kriżi ekonomika attwali,
B. billi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, minkejja r-reviżjoni tiegħu fl-2005, ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni l-kriżi attwali,
C. billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi eżaminat b'aktar reqqa l-fenomenu tar-rata ta' twelid li qed tonqos fl-Unjoni Ewropea u l-kawżi u l-implikazzjonijiet ta' din, bl-għan li tittreġġa' lura din ix-xejra inkwetanti,
D. billi l-politika fiskali mhijiex waħda sostenibbli jekk timplika akkumulu eċċessiv ta' dejn pubbliku tul iż-żmien,
E. billi, fid-dawl tal-projezzjonijiet tal-komunikazzjoni u l-fatt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jkollu impatti gravi fuq is-sostenibilità fuq il-medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej, orizzont politiku sal-2060 huwa wieħed xieraq,
F. billi ż-żidiet fid-dejn u d-defiċit li qegħdin iġarrbu l-Istati Membri waqt il-kriżi u l-iżviluppi demografiċi proġettati se jagħmlu s-sostenibilità fiskali sfida kbira,
G. billi bidliet demografiċi fuq medda twila ta' żmien, partikolarment it-tixjiħ tal-popolazzjoni, fl-Istati Membri tal-UE għandhom implikazzjonijiet għall-finanzjament tal-iskemi nazzjonali tal-pensjonijiet,
H. billi xi wħud mill-Istati Membri ma ħadux biżżejjed miżuri biex inaqqsu n-nefqa amministrattiva tagħhom, iżommu taħt kontroll l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u jirriformaw is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet tagħhom, u billi l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw l-aħħar prattika f'dan il-qasam,
I. billi matul is-sena 2009, id-defiċits u l-proporzjon ta' dejn tal-Istati Membri kollha żdiedu minħabba t-tnaqqis tad-dħul mit-taxxi kkawżata mill-kriżi u l-implimentazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali ta' rkupru,
J. billi, bħala rispons għall-ewwel sinjali ta' rkupru, il-Kunsill Ewropew irrakkomanda f'Settembru 2009 li l-politiki fiskali għandhom ikunu “orjentat[i] mill-ġdid lejn is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien”, u enfasizza li “l-istrateġiji ta' ħruġ jeħtieġ li jkunu mfassla issa u mħaddma b'mod koordinat malli l-irkupru jibda jaqbad sew, filwaqt li jittieħed kont tal-qagħda speċifika ta' pajjiżi individwali”,
K. billi dan l-aħħar kien possibbli li tiġi osservata korrelazzjoni pożittiva bejn finanzi pubbliċi sodi u r-reżiljenza tal-ekonomija ta' pajjiż,
L. billi ż-żieda fid-dejn pubbliku tpoġġi piż gravi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri,
M. billi id-dejn pubbliku f'ċerti Stati Membri żdied b'tali mod li jdgħajjef l-istabbiltà u li jirriżulta fi nfiq pubbliku kbir marbut mal-pagamenti ta' mgħax għad-detriment tan-nefqa li qed issir dejjem aktar importanti fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet,
N. billi s-self pubbliku li qed jiżdied jikkawża tagħwiġ fis-swieq finanzjarji minħabba li jgħolli r-rati ta' mgħax, b'konsegwenzi negattivi fuq il-familji kif ukoll fuq investimenti f'impjiegi ġodda,
O. billi nuqqas ta' governanza statistika effikaċi jew ta' istituzzjonijiet statistiċi indipendenti fl-Istati Membri qiegħda ddgħajjef l-integrità u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi,
P. billi partijiet oħra tad-dinja li sa reċentement kienu qed jikkompetu billi jipproduċu oġġetti ta' kwalità baxxa issa qed jidħlu f'livelli ta' kwalità għolja; billi dawn il-kompetituri jużaw teknoloġija avvanzata, filwaqt li xorta jħallsu pagi moderati bis-siegħa, mingħajr ma jkollhom jaffaċċjaw evoluzzjonijiet demografiċi negattivi, u f'kuntest li fih l-individwu qed itella' għadd kbir ta' sigħat tax-xogħol tul ħajtu; billi fl-Ewropa l-aħħar darba li ntlaħaq livell massimu ta' impjiegi kienet qabel il-kriżi taż-żejt tal-1973, billi l-livell massimu ta' impjiegi jibqa' madankollu objettiv li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq, b'rispett tal-ispirtu tat-Trattati, u mhux askapitu tal-livell għoli tagħha ta' protezzjoni soċjali u ta' żvilupp uman,
Q. billi jeżistu diversi mezzi li jnaqqsu d-distakk tas-sostenibilità, bħaż-żieda fil-produttività ġenerali, u, l-aktar importanti ż-żieda fil-produttività fis-servizzi soċjali, età tal-irtirar ogħla, iż-żieda fir-rata ta' twelid jew iż-żieda fin-numru ta' immigranti,
R. billi l-evoluzzjonijiet demografiċi jiddependu mill-evoluzzjoni tar-rata ta' fertilità, li hija fil-parti l-kbira tagħha dipendenti fuq stimoli u benefiċċji tal-maternità, u tal-flussi migratorji,
S. billi l-livelli attwali ta' dejn u defiċit jheddu l-istess eżistenza tal-istat soċjali,
T. billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' riformi strutturali u ta' konsolidament ta' finanzi pubbliċi se jkollu effett mhux mixtieq fuq in-nefqa fir-rigward tal-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet u l-impjiegi,
U. billi bosta Stati Membri qed jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u billi konformità korretta ma' dan kieku kienet ittaffi l-effetti negattivi tal-kriżi,
V. billi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi mhux biss hija kruċjali għall-Ewropa inġenerali, imma wkoll speċifikament għall-baġit tal-Unjoni Ewropea,
W. billi, minkejja li l-baġit tal-Unjoni Ewropea fil-preżent huwa limitat għal madwar 1% tad-Dħul Nazzjonali Gross totali tal-Ewropa, il-prinċipji ġenerali u l-presupposti sottostanti tas-“sostenibilità” għandhom japplikaw ukoll għalih,
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-fondi pubbliċi fir-rigward tal-konsegwenzi tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi; ifakkar li l-isforzi magħmula fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir qabel il-kriżi kienu fil-parti l-kbira tagħhom immirati biex jilqgħu l-isfida demografika li qed tikber; jirrikonoxxi li ħafna minn dan l-isforz ġie fix-xejn minħabba l-ħtieġa li jiżdied drammatikament l-infiq pubbliku sabiex jiġi evitat kollass mad-dinja kollha tas-sistema finanzjarja u biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali ta' dan il-kollass;
2. Jiddeplora l-fatt li anke qabel ma faqqgħat il-kriżi, il-prestazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri fil-konsolidament tal-fondi pubbliċi tagħhom ma kinitx impressjonanti minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu favorevoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kien ksur tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, partikolarment wara li ġie mfassal mill-ġdid fl-2005, u li serjament naqqas il-kapaċità tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod kontraċikliku hekk kif żvolġiet l-kriżi, u li wassal għal aktar inċertezza, livelli ogħla ta' qgħad u żieda fil-problemi soċjali;
3. Huwa konxju li l-livelli attwali tan-nefqa pubblika ma jistgħux jinżammu b'mod indefinit; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li joqogħd lura milli jiddeċiedi rigward pakkett ta' segwitu ta' miżuri ta' għajnuna sakemm ir-riżultati ta' dan preżenti jkunu ġew analizzati bir-reqqa u l-ħtieġa għal aktar azzjoni tkun intweriet b'mod ċar;
4. Jirrikonoxxi li l-operazzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu kollass tas-settur finanzjarju kienu ta' suċċess, għalkemm għad hemm ħtieġa kbira ta' viġilanza; jistenna li jitnaqqas il-piż finanzjarju fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja lis-settur bankarju; ifaħħar l-approċċ ikkoordinat tal-banek ċentrali sabiex jiksbu dan l-objettiv; jappoġġa bis-sħiħ ir-riforma tas-sistema ta' superviżjoni prudenzjali u t-tfassil mill-ġdid tal-qafas tal-arkitettura finanzjarja;
5. Jenfasizza li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandu jimmira għall-bilanċ jew bilanċ pożittiv matul iż-żmien, li jirrikjedi bilanċ pożittiv fiż-żminijiet ekonomikament favorevoli u skemi tal-pensjonijiet li huma finanzjati b'mod trasparenti fil-qafas tal-baġits pubbliċi jew minn skemi privati finanzjati;
6. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien hija essenzjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, u biex jinżammu livelli xierqa tan-nefqa pubblika; jenfasizza li livelli għoljin ta' dejn u ta' defiċit huma theddida għas-sostenibilità u se jkollhom effetti negattivi fuq il-kura tas-saħħa pubblika, il-pensjonijiet u l-impjiegi;
7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-livelli għoljin ta' defiċit u ta' dejn fl-Istati Membri; iwissi kontra l-użu tal-kriżi bħala pretest biex ma jiġux ikkonsolidati l-finanzi pubbliċi, biex ma titnaqqasx in-nefqa pubblika u biex ma jiġux implimentati riformi strutturali, liema fatturi huma essenzjali għal ritorn għat-tkabbir u għall-impjiegi;
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli ta' defiċit u ta' dejn huma essenzjali biex jinżamm stat soċjali modern u sistema ta' ridistribuzzjoni li tipprovdi għas-soċjetà kollha kemm hi iżda li tappoġġa b'mod partikolari l-partijiet l-anqas privileġġati tagħha;
9. Jenfasizza li, jekk id-dejn pubbliku u r-rati ta' mgħax ikomplu jiżdiedu, il-ġenerazzjonijiet ta' għada u tal-lum mhumiex se jkunu jistgħu jifilħu jġarrbu spejjeż f'forma ta' pagamenti tar-rata ta' mgħax mingħajr ma jiġu pperikolati l-mudelli tal-istat soċjali;
10. Jinsab imħasseb sew li ħafna Stati Membri qegħdin jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom fi żminijiet ekonomikament favorevoli qabel ma faqqgħet il-kriżi; jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li s-sostenibilità tad-dejn għandha tingħata rwol prominenti u espliċitu ħafna fil-proċeduri ta' sorveljanza; iħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi l-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
11. Iwissi kontra t-twaqqif ħesrem tal-appoġġ għall-ekonomija reali sabiex jiġi evitat li jkun hemm reċessjoni tat-tip “double dip”; jiġbed l-attenzjoni fuq l-effetti mhux mixtieqa jew ta' rtirar prematur tal-miżuri ta' sostenn jew ta' dewmien żejjed biex jittieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn il-miżuri kienu intenzjonati espliċitament li jkunu f'waqthom, immirati u temporanji; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-istrateġija ta' ħruġ mill-miżuri kontinġenti attwali; jappoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni msejjes fuq strateġiji ta' ħruġ li huma differenzjati bejn pajjiżi f'termini ta' żmien u ta' ambitu; jifhem li l-irtirar mill-miżuri, għall-ewwel grupp ta' pajjiżi, se jibda fl-2011; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw l-istrateġiji ta' ħruġ bl-aktar mod sod u mill-aktar fis possibbli;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal Green Paper dwar ir-rata ta' twelid fl-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika l-kawżi u l-implikazzjonijiet tar-rata ta' twelid li qed tonqos, kif ukoll soluzzjonijiet u alternattivi li jirrigwardaw din il-problema;
13. Iqis li l-istrateġija fiskali ta' ħruġ għandha titnieda qabel l-istrateġija monetarja ta' ħruġ sabiex tippermetti li din tal-aħħar tiġi implimentata b'mod korrett, u b'hekk jiġi żgurat li l-BĊE, li b'suċċess irnexxilu jevita milli jaqa' f'deflazzjoni, ikun jista' jiżgura b'mod daqstant ieħor tajjeb li l-inflazzjoni ma tirrovinax l-irkupru; jifhem li l-BĊE tefa' ħjiel li fin-nuqqas ta' riedni fiskali f'waqtu, sfortunatament, il-miżuri monetarji ristrettivi ser ikollhom ikunu iktar stretti milli mistenni;
14. Jenfasizza li t-tnaqqis fl-istimolu finanzjarju għandu jkun ikkumbinat ma' sforzi biex is-suq intern isir aktar dinamiku, kompetittiv u attraenti għall-investiment;
15. Jenfasizza li ħruġ gradwali u kontrollat mid-defiċits huwa ta' importanza kruċjali sabiex ir-rati ta' mgħax jinżammu baxxi u l-piż tad-dejn jinżamm limitat, u b'hekk tiġi salvagwardata l-kapaċità li jinżammu n-nefqa soċjali u l-istandards ta' ħajja għall-familji;
16. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati baxxi ta' mgħax iwasslu għal investiment u rkupru; huwa konxju tal-effetti li attivitajiet intensi ta' self ta' gvern għandhom fuq il-livelli ta' mgħax; jiddeplora bil-qawwi l-fatt li dan wassal għal tixrid taż-żieda tar-rati ta' mgħax fl-UE; iwissi lill-Istati Membri biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tad-deċiżjonijiet baġitarji tagħhom fuq ir-rati ta' mgħax tas-suq; huwa tal-fehma li finanzi pubbliċi sodi huma prerekwiżit għal impjiegi sikuri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-gvernijiet, huma u jgħollu l-prezz tas-self, iżidu wkoll il-piż fuq il-baġits tagħhom stess;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effetti antiċikliċi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistgħu jaħdmu biss jekk l-Istati Membri jiksbu b'mod effikaċi bilanċ pożittiv tal-baġit fiż-żminijiet favorevoli; jappella, fid-dawl ta' dan, għal implimentazzjoni aħjar tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ukoll; jappella biex jitwarrab il-prinċipju ta' “onfoq l-ewwel u rrimborsa wara” u jieħu postu l-prinċipju ta' “iffranka għal emerġenza futura possibbli”, ifakkar li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu, f'terminu medju ta' żmien, baġit li jkun f'bilanċ jew pożittiv, fis-sens li defiċit ta' 3% mhuwiex objettiv, iżda l-limitu assolut permess, anki fl-ambitu tal-Patt rivedut;
18. Jappella għal riformi strutturali mwettqa b'mod parallel għall-korrezzjoni tal-pakketti tal-għajnuna sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri kif ukoll biex tiżdied il-kompetittività tal-impriżi Ewropej, jinkiseb aktar tkabbir u tingħata spinta lill-impjiegi;
19. Jenfasizza li, fil-kuntest li fih ikun hemm ħtieġa li jinkisbu finanzi pubbliċi sodi, sa mhux aktar tard mill-2011 l-Istati Membri kollha għandhom ikunu bdew inaqqsu d-distakk ta' sostenibilità tagħhom;
20. Jirrikonoxxi li l-istimolu fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi mingħajr irbit urew li kienu ta' suċċess u jipproponi li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jimmiraw għal bilanċ fil-baġit billi l-eċċess tal-baġit primarju jiġi allokat għall-ħlas lura tad-dejn meta l-ekonomija tkun miexja lejn irkupru fit-tul;
21. Jenfasizza l-importanza speċjali tal-miżuri li jippromwovu l-impjiegi u l-investimenti fuq medda twila ta' żmien immirati lejn iż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku u lejn spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;
22. Jenfasizza li, fir-rigward tal-isfidi demografiċi attwali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, il-miżuri għal kontra l-kriżi m'għandux ikollhom effetti għal medda twila ta' żmien fuq il-finanzi pubbliċi, li l-ispiża tagħhom kieku jkollha titħallas mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada;
23. Jappoġġa l-idea li koordinament akbar tal-politiki ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa ħtieġa imperattiva u jġib miegħu sinerġiji addizzjonali;
24. Jirrikonoxxi li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex strument suffiċjenti għall-armonizzazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi tal-Istati Membri;
25. Jappoġġa, għaldaqstant, reviżjoni tal-mekkaniżmi meħtieġa biex l-ekonomiji nazzjonali fi ħdan l-UE jitreġġgħu lura għat-triq tal-konverġenza;
26. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tfassal mekkaniżmu adegwat ta' kooperazzjoni flimkien mal-FMI f'każijiet speċjali fejn l-Istati Membri jingħataw appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mill-FMI;
27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inflazzjoni għolja ma tistax tkun risposta għall-ħtieġa ta' aġġustament fiskali, minħabba li timponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali u tirrappreżenta theddida għal tkabbir sostenibbli u inklussiv;
28. Jaqbel mal-Kummissjoni li “l-espansjoni fiskali b'suċċess biex tpatti għar-reċessjoni u s-sostenibilità fiskali fuq medda twila ta' żmien mhumiex inkompatibbli”, iżda jwissi kontra r-riskji ta' estensjoni żejda u artifiċjali bbażata fuq nefqa pubblika ogħla, li hemm ċans li jdgħajfu l-politika;
29. Huwa tal-fehma li l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fuq il-bażi ta' sensiela ta' deċiżjonijiet speċifiċi għal medda qasira ta' żmien se tistabbilixxi s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi, u li huwa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din is-sensiela ta' deċiżjonijiet għal medda qasira ta' żmien, permezz tal-għoti ta' struttura għal medda qasira ta' żmien, li l-kwistjoni tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku għandha tiġi indirizzata;
30. Iqis li l-politika baġitarja għandha, b'mod predominanti permezz ta' allokazzjoni mill-ġdid, tbiddel it-tfaddil disponibbli f'investimenti li jagħtu spinta lit-tkabbir, pereżempju investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali, l-iżvilupp ta' ekonomija tal-UE iktar ekoloġika, iktar intelliġenti, iktar innovattiva u iktar kompetittiva u kapaċi tegħleb l-isfida tal-edukazzjoni;
31. Jenfasizza li proporzjon sostanzjali tan-nefqa pubblika u soċjali tista' tkun spiża produttiva, jekk tkun immirata lejn proġetti li għandhom impatt ta' benefiċċju fuq l-akkumulu ta' kapital fiżiku u uman, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkontrollata ż-żieda fil-piż ikkawżat mid-dejn biex jiġi żgurat li l-ispiża li qed tiżdied għar-rati ta' mgħax ma ċċekkinx in-nefqa soċjali essenzjali; jisħaq fuq il-fatt li riżorsi saħansitra aktar skarsi jagħmlu essenzjali t-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika;
32. Jenfasizza li l-miżuri li jtaffu l-effett tal-qgħad li huma s-sistemi ta' protezzjoni soċjali rriżultaw partikolarment effikaċi fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza li finanzi pubbliċi stabbli jikkostitwixxu prekundizzjoni biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ fil-futur ukoll;
33. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet tiddependi mhux biss mill-evoluzzjoni demografika, iżda wkoll mill-produttività tal-popolazzjoni attiva (li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali), l-età ta' rtirar effettiva kif ukoll il-parti tal-PDG allokata għall-finanzjament tal-iskemi msemmija; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli tad-dejn u tad-defiċit huma fatturi importanti għas-sostenibilità;
34. Jinnota li demografija li qed tinbidel, partikolarment popolazzjoni li qed tixjieħ, tfisser li l-iskemi tal-pensjonijiet tal-Istat f'ħafna Stati Membri, speċjalment fir-rigward tal-bażi kontributtiva, għandhom jiġu riformati minn żmien għal żmien biex jibqgħu finanzjarjament sostenibbli;
35. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-piż tad-dejn jiżdied meta r-rati ta' mgħax reali huma ogħla mir-rata ta' tkabbir tal-PDG, u li s-swieq jivvalutaw ir-riskji bħal aktar gravi meta jiżdied il-piż tad-dejn;
36. Huwa tal-fehma li r-rati ta' mgħax assoċjati mas-self min-naħa tal-Istat jirriflettu kif is-swieq jivvalutaw is-sostenibilità tad-dejn ta' Stat Membru;
37. Josserva li defiċit li qed jiżdied jgħolli l-prezz tas-self, parzjalment minħabba l-fatt li s-swieq jivvalutaw li r-riskji jkunu aktar gravi meta l-piż tad-dejn ikun qed jiżdied b'ritmu iktar mgħaġġel mit-tkabbir ekonomiku u l-kapaċità li jitħallas lura s-self;
38. Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi finanzjarja attwali enfasizzat bl-iktar mod ċar possibbli r-rabta diretta bejn l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jenfasizza, f'dak il-kuntest, il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni superviżorja msaħħa u integrata dwar is-swieq finanzjarji li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;
39. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studji li jivvalutaw il-kwalità tad-dejn tal-Istati Membri;
40. Josserva li jekk il-finanzi pubbliċi ta' Stat Membru jridu jkunu kredibbli, effettivi u ġenwinament indipendenti, jinħtieġu governanza statistika u viġilanza xierqa mill-Kummissjoni;
41. Jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tan-nefqa fiskali mġarrba mill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom, f'termini ta' impatt fuq il-produzzjoni, fuq il-kontijiet pubbliċi u biex jistimulaw u jħarsu l-impjiegi, kemm f'terminu qasir ta' żmien kif ukoll fit-tul;
42. Jinnota li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għadu jifforma s-sinsla tad-dixxiplina meħtieġa biex tintlaħaq sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi u li l-Istati Membri għandhom jiġġeneraw bilanċi pożittivi mill-finanzi pubbliċi tagħhom fi “żminijiet favorevoli” u defiċits fi “żminijiet sfavorevoli” biss;
43. Jenfasizza li l-attakki spekulattivi reċenti fuq bosta ekonomiji Ewropej kellhom bħala mira primarja l-munita euro nnifisha u l-konverġenza ekonomika Ewropea; huwa konvint, f'dan is-sens, li l-problemi Ewropej jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej, li għandhom joffru strumenti interni biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' nuqqasijiet bil-kumbinazzjoni ta' dixxiplina fiskali nazzjonali ma' mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju meta jkun falla kull tentattiv ieħor;
44. Jappella biex id-defiċit strutturali jinżamm bħala wieħed mill-indikaturi użati biex jiddetermina s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi;
45. Iqis strateġija mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi bħala kontributur prinċipali għal finanzi pubbliċi sostenibbli fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li timmodernizza l-ekonomija tagħha, partikolarment il-bażi industrijali tagħha; jappella għal allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi fil-baġit tal-UE u tal-Istati Membri lejn investiment ikbar fir-riċerka u l-innovazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija l-ġdida “Ewropa 2020” teħtieġ strumenti vinkolanti biex tirnexxi;
46. Jenfasizza l-ħtieġa biex is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE tkun immonitorjata kostantement sabiex jiġi valutat il-kobor tal-isfidi fit-tul; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal pubblikazzjoni regolari ta' informazzjoni dwar il-passivi miftuħa tas-settur pubbliku u l-passivi tas-sistemi soċjali, eż. l-iskemi tal-pensjonijiet;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tnaqqis fid-distakk tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi bħala parti essenzjali mill-istrateġija UE 2020;
48. Jistieden lill-Istati Membri biex wara li jimlew id-distakk tas-sostenibilità tagħhom, inaqqsu l-proporzjon pubbliku tagħhom bejn id-dejn u l-PDG għal massimu ta' 60%;
49. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-firxa tar-rati ta' mgħax fis-swieq kapitali hija l-indikatur prinċipali tas-solvenza tal-Istati Membri individwali;
50. Huwa estremament imħasseb dwar id-diskrepanzi fil-kwalità tal-istatistika, li tista' tiġi osservata fl-UE b'mod ġenerali u fiż-żona euro b'mod partikolari;
51. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija wkoll fundamentalment marbuta mal-baġit tal-UE u mal-finanzjament tiegħu;
52. Jenfasizza r-rwol pożittiv ħafna tal-baġit tal-UE, minkejja li limitat ħafna mill-MFF, fit-taffija tal-effetti tal-kriżi permezz tal-finanzjament tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew u r-riallokazzjoni tal-fondi favur oqsma prijoritarji f'dak ir-rigward; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta' koordinament adegwat bejn il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif ukoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;
Id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-istrateġija ta' ħruġ mill-kriżi
53. Jinnota li ż-żieda fil-qgħad u d-dejn pubbliku kif ukoll it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku kkawżati mill-kriżi ekonomika ma jaqblux mal-objettiv tal-finanzi pubbliċi sostenibbli; jinnota l-bżonn li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-kontijiet tagħhom u jtejbu l-likwidità tal-finanzi pubbliċi biex inaqqsu l-prezz tad-dejn iżda anki l-bżonn li dan isir b'mod bilanċjat f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari eżistenti fl-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li qtugħ indiskriminat fl-investimenti pubbliċi, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżvilupp għandhom konsegwenzi negattivi fuq il-prospettivi għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali u għalhekk iqis li investimenti fuq medda twila ta' żmien f'dawn l-oqsma jridu jkomplu jiġu promossi, u fejn meħtieġ imwessgħin;
54. Jenfasizza li l-irkupru attwali għadu fraġli u li l-qgħad għadu qed jiżdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u speċjalment iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar milquta; jemmen bil-qawwi li l-kriżi finanzjarja ma tistax titħabbar bħala mitmuma sakemm il-qgħad jonqos sostanzjalment u b'mod sostenibbli u jenfasizza l-fatt li s-sigurtà soċjali tal-Ewropa wriet il-valur tagħha billi pprovdiet stabbiltà u kkontribwixxiet għall-irkupru;
55. Iqis li huwa essenzjali li jiġu valutati sew l-effetti soċjali u dawk relatati mal-impjiegi tal-kriżi u li tiġi definita fuq livell tal-UE strateġija ta' rkupru bbażata fuq l-appoġġ għall-impjiegi, it-taħriġ u l-investiment li jwassal għal attività ekonomika għolja, it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-produttività tal-impriżi, speċjalment għall-SMEs, u r-rivitalizzazzjoni tal-industrija filwaqt li tiżgura t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija sostenibbli kompetittiva; jemmen li dawn il-miri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;
56. Hu tal-fehma li l-istrateġija tal-irkupru ekonomiku fl-ebda ċirkostanza ma għandha tagħti lok għal żbilanċi strutturali ġodda u għal disparitajiet tad-dħul prinċipali, li qed iżommu lura l-produttività u l-kompetittività fl-ekonomija, iżda anzi għandha tintroduċi r-riformi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi; iqis li l-miżuri finanzjarji u fiksali meħuda mill-Istati Membri għandhom iħarsu s-salarji, il-pensjonijiet, il-benefiċċji għall-qgħad u l-kapaċità tal-akkwist tal-familji mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi jew il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fil-futur;
57. Jinnota li t-tixjiħ tal-popolazzjoni mbassar fis-snin li ġejjin se jippreżenta sfida liema bħalha għall-pajjiżi tal-UE; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-miżuri kontra l-kriżi ma għandhomx, fil-prinċipju, joħolqu konsegwenzi fit-tul għall-finanzi pubbliċi jew jitfgħu piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri bi ħlasijiet lura tad-dejn attwali;
58. Jisħaq fuq l-importanza li l-irkupru ekonomiku jkun marbut ma' politiki mmirati biex ikun indirizzat il-qgħad strutturali, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u n-nisa, bil-għan li jiżdiedu l-impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tissaħħaħ il-produttività tax-xogħol u tal-investiment; f'dan ir-rigward, iqis bħala importanti l-politiki li jtejbu l-kwalità tal-kapital uman, bħall-edukazzjoni jew il-politiki fil-qasam tal-kura tas-saħħa mmirati li jiżviluppaw forza tax-xogħol aktar produttiva u li topera aktar fit-tul u l-politiki mmirati biex itawlu l-perjodu tal-attività professjonali; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu l-politiki u l-miżuri tagħhom fil-qasam tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, billi jqegħduhom fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;
L-impatt tal-bidla demografika u l-istrateġija għall-impjiegi
59. Iqis li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq l-abilità li jogħla l-livell ta' persuni impjegati biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u dawk marbuta mal-baġit, b'referenza partikolari għas-sostenibilità tal-iskemi tal-pensjonijiet; huwa tal-fehma li l-kapital uman Ewropew eżistenti jista' jiġi appoġġat fit-terminu medju b'politiki xierqa dwar il-migrazzjoni li jissarrfu fl-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u fl-għoti taċ-ċittadinanza;
60. Jisħaq fuq il-fatt li żieda fil-livelli ta' impjiegi hija essenzjali biex l-UE tlaħħaq mal-popolazzjoni li qed tixjieħ u jenfasizza li l-parteċipazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni soċjali u l-ekonomija tas-suq soċjali li tkun sostenibbli u kompetittiva;
61. Hu tal-fehma li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tieħu l-forma ta' “patt dwar il-politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali” li jkollha l-għan li ssostni l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffoka fuq l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għal kulħadd, jiġifieri waħda li tħares bl-aħjar mod iċ-ċittadini mill-esklużjoni soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-politiki kollha għandhom isaħħu lil xulxin biex jinkisbu sinerġiji pożittivi; hu tal-fehma li l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq linji gwida, u fejn possibbli indikaturi u parametri ta' referenza li jistgħu jitkejlu u jitqabblu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak tal-UE;
Is-sostenibilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali
62. Iqis li l-politika tal-finanzi pubbliċi kkoordinata fuq livell tal-UE u orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità u l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali hija waħda mir-reazzjonijiet meħtieġa għall-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali u l-isfidi tal-bidliet demografiċi u dawk marbuta mal-globalizzazzjoni;
63. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekwilibriju fit-tul tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet jiddependi mhux biss mill-evoluzzjonijiet tal-popolazzjoni, iżda wkoll mill-produttività ta' dawk attivi f'xogħol, li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali, kif ukoll mill-proporzjon tal-PDG riservat għall-finanzjament tal-iskemi msemmija;
64. Jisħaq fuq l-importanza tal-Green Paper imminenti dwar ir-riforma tal-pensjonijiet u jqis li l-iżvilupp ta' sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli, siguri u diversifikati sew b'sorsi differenti ta' finanzjament marbuta mal-andament tas-suq tax-xogħol jew mas-swieq finanzjarji u li jistgħu jieħdu l-forma ta' skemi tal-kumpaniji, u li jinvolvu skemi pubbliċi, oħrajn supplimentari bbażati fuq minn iħaddem u oħrajn individwali, huma vitali u għandhom ikun mħeġġa kuntrattwalment u fiskalment; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-litteriżmu tal-pensjoni fost iċ-ċittadini tal-UE;
65. Jenfasizza li, fuq medda twila ta' żmien, l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti jirrappreżentaw waħda mill-akbar partijiet tad-dejn pubbliku totali, u li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment tagħrif dwar l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti tagħhom, billi jsegwu l-metodoloġija komuni li hemm qbil dwarha;
66. Huwa tal-fehma li l-bżonn li jkun hemm finanzi pubbliċi sostenibbli kif ukoll sigurtà soċjali adegwata u skemi ta' inklużjoni jirrikjedi li tiżdied il-kwalità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni u tan-nefqa pubblika, u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġew iqisu miżuri biex jiżguraw li l-piż fiskali jinqasam b'mod ekwu bi tnaqqis progressiv u inċiżiv tal-piż fiskali fuq l-impjiegi u fuq l-SMEs; hu tal-fehma li dan għandu jgħin biex jonqos il-faqar, jiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-produttività, li huma fatturi fundamentali fil-kompetittività u fis-sostenibilità tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew;
o o o
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u l-gvernijiet tal-Istati Membri.